EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-Immaniġġjar tar-Riskju ta’ Għargħar fl-UE

L-Immaniġġjar tar-Riskju ta’ Għargħar fl-UE

L-għargħar huma theddida għas-saħħa tal-bniedem, għall-wirt kulturali, għall-ekonomija u għall-ambjent. Hawnhekk, l-UE tistabbilixxi qafas għall-valutazzjoni, l-immappjar u l-ippjanar għat-tnaqqis tar-riskju tal-għargħar fl-Ewropa.

ATT

Id-Direttiva 2007/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskji tal-għargħar.

SOMMARJU

L-għargħar huma theddida għas-saħħa tal-bniedem, għall-wirt kulturali, għall-ekonomija u għall-ambjent. Hawnhekk, l-UE tistabbilixxi qafas għall-valutazzjoni, l-immappjar u l-ippjanar għat-tnaqqis tar-riskju tal-għargħar fl-Ewropa.

X'TAGĦMEL DIN ID-DIRETTIVA?

Din id-Direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi qafas għall-miżuri maħsuba biex inaqqsu r-riskju ta’ għargħar fl-UE permezz tal-valutazzjoni tar-riskju ta’ għargħar fil-baċini tax-xmajjar u fir-reġjuni kostali, kif ukoll permezz tat-tfassil ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni tar-riskju ta’ għargħar abbażi ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn il-pajjiżi tal-UE.

PUNTI EWLENIN

  • Din id-Direttiva titlob lill-pajjiżi tal-UE sabiex jivvalutaw ir-riskju ta’ għargħar fir-reġjuni kostali u fil-baċini tax-xmajjar billi jiġbru tagħrif dwar dawk iż-żoni, bħall-istorja tal-għargħar fl-imgħoddi u mapep li juru l-fruntieri, l-użu tal-art u t-topografija, kif ukoll billi jiddeterminaw il-probabbiltà ta’ għargħar sinjifikanti fil-ġejjieni u l-konsegwenzi tagħhom. Dawn il-valutazzjonijiet, li ġew ippubblikati għall-ewwel darba sat-22 ta’ Diċembru 2011, għandhom jiġu riveduti sat-22 ta’ Diċembru 2018 u għandhom ikomplu jiġu riveduti kull 6 snin minn hemm ’il quddiem.
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jipproduċu wkoll mapep li jidentifikaw iż-żoni li huma suxxettibbli għal riskji sinjifikanti ta’ għargħar u jindikaw ix-xenarji (abbażi ta’ probabbiltà għolja, medja jew baxxa) ta’ għargħar li jseħħ hemmhekk. Dawn il-mapep, li ġew ippubblikati għall-ewwel darba sat-22 ta’ Diċembru 2013, għandhom jiġu riveduti kull 6 snin.
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jistabbilixxu wkoll pjanijiet ta’ ġestjoni tal-għargħar li jiġu kkoordinati fil-livell tal-baċini tax-xmajjar jew tad-distretti kostali. Dawn il-pjanijiet jistabbilixxu għanijiet għall-immaniġġjar tar-riskji tal-għargħar, billi jiffokaw primarjament fuq il-prevenzjoni (eż. l-evitar tal-kostruzzjoni f’żoni li jistgħu jintlaqtu minn għargħar), il-protezzjoni (miżuri maħsuba biex inaqqsu l-probabbiltà tal-għargħar f’post speċifiku) u t-tħejjija (l-għoti ta’ tagħrif lill-pubbliku dwar ir-riskji tal-għargħar u x’għandu jsir f’każ ta’ għargħar). Dawn il-pjanijiet għandhom jitlestew sat-22 ta’ Diċembru 2015 u jiġu riveduti wkoll kull 6 snin.
  • Kemm il-mapep tar-riskju ta’ għargħar kif ukoll il-pjanijiet ta’ ġestjoni jiġu kkoordinati mad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (WFD). L-implimentazzjoni tad-WFD, ta’ din id-Direttiva u ta’ direttivi oħrajn relatati mal-ilma hija ggwidata mill-Istrateġija dwar l-Implimentazzjoni Komuni, li għandha l-għan ukoll li tintegra l-politiki dwar l-ilma ma’ politiki oħrajn fl-UE, bħal dawk li jikkonċernaw l-agrikultura, it-trasport jew ir-riċerka u l-iżvilupp reġjonali.

SFOND

Għalkemm l-għargħar huma fenomeni naturali li ma jistgħux jiġu evitati kompletament, l-attività umana qiegħda żżid il-probabbiltà u l-impatt tagħhom. Ir-riskju ta’ għargħar u l-iskala tad-dannu ser jiżdiedu fil-ġejjieni, bħala riżultat tat-tibdil fil-klima, l-immaniġġjar inadegwat tax-xmajjar, il-kostruzzjoni f’żoni b’riskju ta’ għargħar u ż-żieda fil-popolazzjoni u l-proprjetà f’dawn iż-żoni.

Meta wieħed iqis li ħafna mill-baċini tax-xmajjar fl-Ewropa huma kondiviżi bejn il-pajjiżi, l-azzjoni hija aktar effettiva fil-livell tal-UE, minħabba li din tippermetti valutazzjoni tar-riskji aħjar u l-koordinazzjoni tal-miżuri meħuda mill-pajjiżi tal-UE.

Għal aktar tagħrif, ara s-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea rigward id-Direttiva dwar l-Għargħar fl-UE.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Direttiva 2007/60/KE

26.11.2007

25.11.2009

ĠU L 288 tas-6.11.2007, p. 27-34

l-aħħar aġġornament 22.04.2015

Top