EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-UE

Protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-UE

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva (UE) 2019/1937 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-UE

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Din tistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri biex jiġu protetti l-“informaturi”, l-individwi li jirrapportaw* informazzjoni li kisbu f’kuntest relatat max-xogħol dwar ksur* tal-liġi tal-UE f’oqsma ewlenin ta’ politika. Il-ksur jinkludi kemm atti kif ukoll ommissjonijiet illegali u prattiki abbużivi.

PUNTI EWLENIN

Id-Direttiva tkopri rapporti dwar:

  • ksur ta’ regoli fl-oqsma li ġejjin (elenkati fid-dettall fil-Parti I tal-anness)
    • l-akkwist pubbliku
    • is-servizzi, il-prodotti u s-swieq finanzjarji; il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu
    • is-sikurezza u l-konformità tal-prodotti
    • is-sikurezza tat-trasport fis-setturi ferrovjarji, tat-toroq, marittimi u tal-ilmijiet interni
    • il-protezzjoni tal-ambjent, li tvarja mill-immaniġġjar tal-iskart għall-kimiki
    • il-protezzjoni mir-radjazzjoni u s-sikurezza nukleari
    • is-sikurezza tal-ikel u tal-għalf, is-saħħa u l-benesseri tal-annimali
    • is-saħħa pubblika, inklużi d-drittijiet tal-pazjenti u l-kontrolli tat-tabakk
    • il-protezzjoni tal-konsumatur
    • il-protezzjoni tal-privatezza u d-data personali, is-sigurtà u s-sistemi ta’ informazzjoni;
  • ksur li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE;
  • ksur marbut mas-suq intern, inkluż il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u tal-għajnuna mill-Istat tal-UE, u l-ksur tar-regoli nazzjonali dwar it-taxxa korporattiva.

Id-Direttiva tikkomplementa leġiżlazzjoni speċifika tal-UE li diġà tinkludi regoli dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta (b’mod partikolari dwar is-servizzi finanzjarji, il-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu, is-sikurezza tat-trasport u l-protezzjoni ambjentali).

Id-Direttiva ma:

  • taffettwax ir-responsabbiltà tal-gvernijiet tal-UE li jipproteġu s-sigurtà nazzjonali tagħhom;
  • taffettwax il-liġi tal-UE jew dik nazzjonali dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata, il-privileġġ professjonali legali u mediku, is-segretezza tal-proċeduri ġudizzjarji jew ir-regoli ta’ proċedura kriminali;
  • tiħux preċedenza fuq ir-regoli nazzjonali dwar id-drittijiet tal-impjegati li jikkonsultaw lir-rappreżentanti tagħhom jew lit-trade unions.

Il-leġiżlazzjoni tkopri firxa wiesgħa ta’ persuni li jaħdmu fis-setturi privati u pubbliċi, inklużi dawk li jirrappurtaw wara li tintemm ir-relazzjoni tagħhom ibbażata fuq ix-xogħol:

  • impjegati, persuni li jaħdmu għal rashom, azzjonisti, persuni li jagħmlu parti mill-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji tan-negozji, voluntiera, apprendisti u applikanti għall-impjieg;
  • persuni li jgħinu lill-informaturi b’mod kunfidenzjali, persuni konnessi ma’ informatur li jistgħu jsofru ritaljazzjoni* fuq il-post tax-xogħol, u entitajiet legali marbuta mal-informatur.

L-individwi jiġu protetti jekk ikunu żvelaw pubblikament it-tħassib tagħhom dment li dawn:

  • l-ewwel irrapportaw (internament u) esternament iżda ma ttieħdet l-ebda azzjoni;
  • jemmnu b’mod raġonevoli li hemm periklu imminenti jew ċar għall-interess pubbliku, riskju ta’ ritaljazzjoni jew ftit li xejn ċans li t-tħassib tagħhom jiġi indirizzat kif suppost.

L-arranġamenti tar-rappurtar jinkludu:

  • kanali interni: il-kumpaniji privati kollha b’50 impjegat jew aktar u, fil-prinċipju, l-entitajiet pubbliċi kollha għandhom jistabbilixxu kanali ta’ rappurtar effettivi, li jiżguraw il-kunfidenzjalità; l-entitajiet pubbliċi b’anqas minn 50 impjegat u l-muniċipalitajiet b’anqas minn 10 000 abitant jistgħu jiġu eżentati;
  • kanali esterni: l-awtoritajiet nazzjonali xierqa għandhom jistabbilixxu kanali ta’ rappurtar li jippermettu rappurtar kunfidenzjali;
  • proċeduri ta’ segwitu u skadenzi għat-trattament ta’ rapporti li jkunu waslu permezz ta’ kanali interni u esterni. Dawn jinkludu
    • dmir li ma tiġix żvelata l-identità tal-informatur, ħlief f’ċirkostanzi strettament limitati
    • konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data
    • rekords ta’ kull rapport bil-fomm jew bil-miktub li jkun wasal.

Protezzjoni legali

Biex jikkwalifika għal protezzjoni legali, individwu għandu:

  • ikollu bażi raġonevoli biex jemmen li l-informazzjoni li jirrapporta tkun koperta mil-leġiżlazzjoni u tkun vera fiż-żmien tar-rappurtar;
  • jirrapporta l-ksur lill-awtoritajiet kompetenti bl-użu tal-kanali interni jew esterni pprovduti. L-informaturi huma mħeġġa jirrappurtaw internament (fi ħdan l-organizzazzjoni) l-ewwel, fejn il-ksur jista’ jiġi indirizzat b’mod effettiv internament u fejn iqisu li m’hemm l-ebda riskju ta’ ritaljazzjoni. Madankollu, dawn jistgħu jagħżlu jekk jirrapportawx l-ewwel internament jew jekk jirrapportawx direttament esternament lill-awtoritajiet kompetenti.

L-informaturi:

  • huma protetti kontra kull forma ta’ ritaljazzjoni, bħat-tkeċċija, id-dimozzjoni, l-intimidazzjoni u t-tniżżil fuq lista sewda;
  • ikollhom aċċess għal miżuri xierqa ta’ appoġġ, b’mod partikolari għal informazzjoni indipendenti u pariri u għajnuna legali skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna legali fi proċeduri kriminali u ċivili transfruntiera;
  • ikollhom aċċess għal miżuri ta’ rimedju xierqa, bħal provvediment provviżorju u immunità mir-responsabbiltà għall-ksur ta’ klawsoli ta’ segretezza fil-kuntratti tagħhom.

Il-pajjiżi tal-UE għandhom:

  • jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ kanali ta’ rappurtar interni u esterni xierqa;
  • jieħdu l-miżuri meħtieġa biex tiġi evitata kwalunkwe ritaljazzjoni kontra informatur;
  • jirrispettaw id-dritt għal rimedju effettiv, għal proċess ġust, għal preżunzjoni ta’ innoċenza u d-drittijiet ta’ difiża tal-persuni kkonċernati mill-allegazzjonijiet fir-rapporti;
  • jipprovdu pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi għall-ksur ta’ ċerti regoli tad-Direttiva, pereżempju għal persuni li jxekklu r-rapportar jew li jirritaljaw kontra l-informaturi;
  • jittrasponu d-Direttiva u jinnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea dwar il-miżuri ta’ traspożizzjoni sas-17 ta’ Diċembru 2021; b’eżenzjoni possibbli għat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-obbligu ta’ kumpaniji privati ta’ bejn 50 u 249 impjegat li jistabbilixxu l-kanali interni ta’ rapportar tagħhom sas-17 ta’ Diċembru 2023;
  • jipprovdu lill-Kummissjoni b’data annwali dwar l-għadd ta’ rapporti li waslu u l-investigazzjonijiet li nfetħu u r-riżultat tagħhom, u l-konsegwenzi finanzjarji.

Il-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill:

  • l-ewwel rapport pubbliku u faċilment aċċessibbli dwar l-inkorporazzjoni tad-Direttiva fil-liġi nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE sas-17 ta’ Diċembru 2023; u
  • it-tieni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva u dwar emendi possibbli meħtieġa, sas-17 ta’ Diċembru 2025.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din ilha tapplika mis-16 ta’ Diċembru 2019 u għandha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sas-17 ta’ Diċembru 2021.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Rapport: komunikazzjoni bil-fomm jew bil-miktub ta’ informazzjoni dwar ksur.
Ksur: att jew ommissjoni li jkunu illegali jew li jmorru kontra l-għan tal-leġiżlazzjoni tal-UE.
Ritaljazzjoni: kwalunkwe mġiba diretta jew indiretta fuq il-post tax-xogħol li tista’ tkun ta’ ħsara għall-informatur.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, pp. 17-56)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2019/1937/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 02.05.2023

Top