EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014L0056

Direttiva 2014/56/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta' April 2014 li temenda d-Direttiva 2006/43/KE dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 158, 27.5.2014, p. 196–226 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/56/oj

27.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 158/196


DIRETTIVA 2014/56/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta' April 2014

li temenda d-Direttiva 2006/43/KE dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 50 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-approvazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-persuni li jwettqu awditi statutorji, ir-regoli dwar l-indipendenza, l-oġġettività u l-etika professjonali li japplikaw għal dawk il-persuni, u l-qafas għas-superviżjoni pubblika tagħhom. Madankollu, jeħtieġ li dawk ir-regoli jiġu armonizzati ulterjorment fil-livell tal-Unjoni sabiex ikun jista' jkun hemm aktar iktar trasparenza u previdibilità tar-rekwiżiti li japplikaw għal tali persuni u sabiex titjieb l-indipendenza u l-oġġettività fit-twettiq tal-kompiti tagħhom. Huwa importanti wkoll li jiżdied il-livell minimu ta' konverġenza fir-rigward tal-istandards tal-awditjar li abbażi tagħhom isiru l-awditi statutorji. Barra minn hekk, sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-investituri huwa importanti li tissaħħaħ is-sorveljanza pubblika tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar billi titjieb l-indipendenza tal-awtoritajiet ta' sorveljanza pubblika tal-Unjoni u billi jiġu konferiti lilhom setgħat adegwati inklużi setgħat investigattivi u s-setgħa li jimponu sanzjonijiet bil-ħsieb li jaqbdu, jiskoraġġixxu u jipprevjenu ksur tar-regoli applikabbli fil-kuntest tal-proviżjoni minn awdituri statutorji u ditti tal-awditjar ta' servizzi ta' awditjar.

(2)

Minħabba r-rilevanza pubblika sinifikanti tal-entitajiet ta' interess pubbliku, li tirriżulta mill-iskala u l-kumplessità tan-negozju tagħhom jew min-natura tan-negozju tagħhom, trid tissaħħaħ il-kredibilità tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji awditjati tal-entitajiet ta' interess pubbliku. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet speċjali għall-awditi statutorji ta' entitajiet ta' interess pubbliku stabbiliti fid-Direttiva 2006/43/KE ġew żviluppati ulterjorment fir-Regolament (UE) Nru 537/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Id-dispożizzjonijiet dwar l-awditi statutorju ta' entitajiet ta' interess pubbliku stipulati f'din id-Direttiva għandhom ikunu applikabbli għall-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar biss sakemm iwettqu awditi statutorji ta' entitajiet bħal dawn.

(3)

Skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), is-suq intern jinvolvi żona mingħajr fruntieri interni li fih huma żgurati il-moviment liberu tal-oġġetti u s-servizzi u l-libertà tal-istabbiliment. Huwa neċessarju li l-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar jitħallew jiżviluppaw l-attivitajiet ta' servizzi ta' awditu statutorju fi ħdan l-Unjoni billi jssir possibbli għalihom li jipprovdu tali servizzi fi Stat Membru li mhuwiex dak li fih ġew approvati. Il-fatt li l-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar jitħallew jipprovdu awditi statutorji bit-titli professjonali tal-pajjiż domiċiljari tagħhom fi Stat Membru ospitanti, dan jindirizza, b'mod partikolari, il-ħtiġijiet tal-gruppi ta' impriżi li, minħabba l-flussi ta' negozju li qed jiżdiedu mis-suq intern, ifasslu dikjarazzjonijiet finanzjarji f'diversi Stati Membri u jeħtieġu jiġu awditjati skont id-dritt tal-Unjoni. L-eliminazzjoni ta' ostakoli għall-iżvilupp tas-servizzi ta' awditu statutorju bejn l-Istati Membri tikkontribwixxi għall-integrazzjoni tas-suq tal-awditjar tal-Unjoni.

(4)

Il-awditi statutorji jeħtieġu għarfien adegwat tas-suġġetti bħal-liġi tal-kumpanniji, il-liġi fiskali u l-liġi soċjali li jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor. Konsegwentement, sabiex tiġi żgurata l-kwalità tas-servizzi ta' awditu statutorju pprovdut fit-territorju tiegħu, għandu jkun possibbli għal Stat Membru li jimponi miżura ta' kumpens fejn awditur statutorju approvat fi Stat Membru ieħor jixtieq ikun approvat ukoll fit-territorju ta' dak l-Istat Membru sabiex jitnieda stabbiliment peramanenti hemm. Miżura bħal din għandha tqis l-esperjenza professjonali tal-awditur statutorju konċernat. Ma għandhiex twassal li jiġi impost piż sproporzjonat fuq l-awditur statutorju konċernat u lanqas ma għandha xxekkel jew trendi inqas attraenti l-għoti ta' servizzi tal-awditu statutorju fl-Istat Membru li jimponi l-miżura ta' kumpens. L-Istati Membri għandhom ikunu permessi japprovaw awdituri statutorji applikanti abbażi jew ta' test tal-kapaċità jew ta' perijodu ta' adattament bħal dak definit fid-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Fi tmiem il-perijodu ta' adattament, l-awditur statutorju għandu jkun jista' jintegra fil-professjoni fl-Istat Membru ospitanti wara l-valutazzjoni li huwa jipposjedi esperjenza professjonali f'dak l-Istat Membru.

(5)

Filwaqt li r-responsabilità primarja għall-għoti ta' informazzjoni finanzjarja għandha tibqa' f'idejn l-amministrazzjoni tal-entitajiet awditjati, l-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar jaqdu rwol billi jikkontestaw attivament lill-amministrazzjoni mill-perspettiva tal-utent. Għaldaqstant, biex itejbu l-kwalità tal-awditjar, huwa importanti li x-xettiċiżmu professjonali eżerċitat minn awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar vis à vis l-entità awditjata jiġi rinforzat. L-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar għandhom jirrikonoxxu l-possibilità li tista' teżisti dikjarazzjoni skorretta materjali minħabba frodi jew żball, minkejja l-esperjenza passata tal-awditur tal-onestà u l-integrità tal-amministrazzjoni tal-entità awditjata.

(6)

Huwa partikolarment rilevanti li tissaħħaħ l-indipendenza bħala element essenzjali meta jsiru l-awditi statutorji. Sabiex tiżdied l-indipendenza tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar mill-entità awditjata meta jkunu qed iwettqu awditi statutorji, awditur statutorju jew ditta tal-awditjar, u kwalunkwe persuna fiżika f'pożizzjoni li tista' tinfluwenza b'mod dirett jew indirett l-eżitu tal-awditu statutorju għandha tkun indipendenti mill-entità awditjata u ma għandhiex tkun involuta fil-proċess ta' teħid tad-deċiżjonijiet tal-entità awditjata. Sabiex tinżamm dik l-indipendenza, huwa importanti wkoll li huma jżommu dokumentazzjoni tat-theddid kollu għall-indipendenza tagħhom, u tas-salvagwardji li applikaw biex inaqqsu dak it-theddid. Barra minn hekk, fejn it-theddid għall-indipendenza tagħhom, anki wara l-applikazzjoni ta' salvagwardji biex itaffu dak it-theddid, ikun sinifikattiv wisq, għandhom jirriżenjaw jew jastjenu mill-inkarigu tagħhom ta' awditjar.

(7)

Għaldaqstant, l-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar għandhom ikunu indipendenti għal kollox meta jwettqu awditu statutorju minn entitajiet awditjati, u l-konflitti ta' interess jiġu evitati. Sabiex tiġi ddeterminata l-indipendenza tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar, irid jitqies il-kunċett ta' netwerk li fih jaħdmu l-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar. Ir-rekwiżit ta' indipendenza għandu għall-inqas jiġi sodisfatt matul il-perijodu kopert mir-rapport ta' awditjar, inkluż kemm il-perijodu kopert mid-dikjarazzjonijiet finanzjarji li jkunu ser jiġu awditjati kif ukoll il-perijodu li matulu jsir l-awditu statutorju.

(8)

L-awdituri statutorji, ditti tal-awditjar u l-impjegati tagħhom għandhom b'mod partikolari jibqgħu lura milli jwettqu l-awditu statutorju ta' entità jekk għandhom interess kummerċjali jew interess finanzjarju fiha u milli jinnegozjaw l-istrumenti finanzjarji maħruġin, iggarantiti jew appoġġati b'xi mod ieħor minn entità awditjata, għajr holdings fi skemi ta' investiment kollettiv diversifikat. L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar għandha tibqa' lura milli tipparteċipa fil-proċessi interni ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-entità awditjata. L-awdituri statutorji, ditti tal-awditjar u l-impjegati tagħhom li jkunu involuti direttament fl-inkarigu ta' awditu statutorju m'għandhomx jitħallew jassumu dmirijiet fl-entità awditjata fuq livell maniġerjali jew ta' bord, qabel ma jkun għadda perijodu ta' żmien xieraq minn tmiem l-inkarigu ta' awditjar.

(9)

Huwa importanti li l-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar jirrispettaw id-drittijiet għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data tal-klijenti tagħhom. Għaldaqstant, għandhom ikunu marbutin b'regoli stretti dwar il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali filwaqt li, madankollu, ma għandhomx jimpedixxu l-infurzar xieraq ta' din id-Direttiva u tar-Regolament (UE) Nru 537/2014 jew il-kooperazzjoni mal-awditur tal-grupp matul it-twettiq tal-awditjar ta' dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati meta l-impriża prinċipali tkun f'pajjiż terz, dment li jkun hemm konformità mad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Madankollu, tali regoli ma għandhomx jippermettu awditur statutorju jew ditta tal-awditjar tikkoopera ma' awtoritajiet ta' pajjiżi terzi barra mill-kanali ta' kooperazzjoni provduti fil-Kapitolu XI tad-Direttiva 2006/43/KE. Dawk ir-regoli ta' kunfidenzjalità għandhom japplikaw ukoll għal kwalunkwe awditur statutorju jew ditta tal-awditjar li tkun waqfet milli tkun involuta f'kompitu ta' awditjar speċifiku.

(10)

Organizzazzjoni interna adegwata tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar għandha tgħin biex tipprevjeni kwalunkwe theddid għall-indipendenza tagħhom. B'hekk, is-sidien jew l-azzjonisti ta' ditta tal-awditjar, kif ukoll dawk li jamministrawha, m'għandhomx jintervjenu fit-twettiq ta' awditu statutorju b'xi mod li jista' jhedded l-indipendenza u l-oġġettività tal-awditur li jwettaq l-awditu statutorju f'isem id-ditta tal-awditjar. Barra minn hekk, awdituri statutorji u ditta tal-awditjar għandhom jistabbilixxu politiki u proċeduri interni xierqa fir-rigward tal-impjegati u persuni oħrajn involuti fl-attività ta' awditu statutorju fi ħdan l-organizzazzjonijiet tagħhom sabiex tkun żgurata l-konformità mal-obbligi statutorji tagħhom. B'mod partikolari, dawk il-politiki u proċeduri għandhom ifittxu li jipprevjenu u jindirizzaw kwalunkwe theddid għall-indipendenza u jgħinu jiżguraw il-kwalità, l-integrità u r-reqqa tal-awditu statutorju. Dawk il-politiki u proċeduri għandhom ikunu proporzjonati fid-dawl tal-iskala u l-kumplessità tan-negozju tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar.

(11)

L-awditu statutorju jirriżulta fl-espressjoni ta' opinjoni li d-dikjarazzjonijiet finanzjarji jagħtu stampa vera u ġusta tal-entitajiet awditjati skont il-qafas tar-rappurtar finanzjarju rilevanti. Madankollu, l-azzjonisti jistgħu ma jkunux konxji tal-limitazzjonijiet ta' awditjar, fir-rigward, pereżempju, ta' materjalità, tekniki ta' kampjunar, ir-rwol tal-awditur fil-qbid tal-frodi u r-responsabilità tal-managers, li jista' jwassal għal diskrepanza fl-istenniji. Sabiex titnaqqas dik id-diskrepanza, huwa importanti li tkun ipprovduta aktar ċarezza fir-rigward tal-ambitu tal-awditu statutorju.

(12)

Huwa importanti li tiġi żgurata kwalità għolja tal-awditi statutorji fi ħdan l-Unjoni. Il-awditi statutorji kollha għandhom għaldaqstant isiru fuq il-bażi ta' standards internazzjonali tal-awditjar adottati mill-Kummissjoni. Peress li l-istandards internazzjoni tal-awditjar jitfasslu biex ikunu jistgħu jintużaw għal entitajiet ta' kull daqs, ta' kull tip, u fil-ġurisdizzjonijiet kollha, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għandhom iqisu l-iskala u l-kumplessità tan-negozju ta' impriżi żgħar meta jivvalutaw il-kamp ta' applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-awditjar. Kwalunkwe dispożizzjoni jew miżura adottata minn Stat Membru f'dan ir-rigward ma għandhiex twassal biex l-awdituri statutorji u ditti tal-awditjar ma jkunux jista' jagħmlu awditi statutorji f'konformità mal-istandards internazzjonali tal-awditjar. L-Istati Membri għandhom jitħallew jimponu proċeduri jew rekwiżiti nazzjonali addizzjonali tal-awditjar biss jekk dawn jirriżultaw minn rekwiżiti ġuridiċi nazzjonali speċifiċi relatati mal-ambitu tal-awditi statutorji tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali jew konsolidati, jiġifieri dawk ir-rekwiżiti ma ġewx koperti mill-istandards internazzjonali tal-awditjar adottati, jew jekk dawn iżidu l-kredibilità u l-kwalità tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali u d-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati. Il-Kummissjoni għandha tkompli tkun involuta fil-monitoraġġ tal-kontenut tal-istandards internazzjonali tal-awditjar u tal-proċess ta' adozzjoni tagħhom mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC).

(13)

Fil-każ tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati, huwa importanti li jkun hemm definizzjoni ċara tar-responsabilitajiet tal-awdituri statutorji li jawditjaw entitajiet differenti fi ħdan grupp konċernat. Għal dan il-għan, l-awditur tal-grupp għandu jġorr responsabilità sħiħa għar-rapport ta' awditjar.

(14)

Sabiex titjieb il-kredibilità u t-trasparenza tar-rieżamijiet tal-kwalità mwettqa fl-Unjoni, is-sistemi ta' assigurazzjoni tal-kwalità tal-Istati Membri għandhom jiġu rregolati mill-awtoritajiet kompetenti maħtura mill-Istati Membri sabiex jiżguraw is-sorveljanza pubblika tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar. Ir-rieżamijiet tal-assigurazzjoni tal-kwalità huma mmirati biex jipprevjenu jew jindirizzaw dgħufijiet potenzjali fil-mod kif jitwettqu l-awditi statutorji. Sabiex ikun żgurat li r-rieżamijiet tal-assigurazzjoni tal-kwalità jkunu komprensivi biżżejjed, l-awtoritajiet kompetenti meta jwettqu tali rieżamijiet, għandhom iqisu l-iskala u l-kumplessità tal-attività tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar.

(15)

Sabiex titjieb il-konformità mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva u tar-Regolament (UE) Nru 537/2014 u fid-dawl tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Diċembru 2010 intitolata “Rinfurzar tar-reġimi tas-sanzjonar fis-settur tas-servizzi finanzjarji”, għandhom jittejbu s-setgħa tal-awtoritajiet kompetenti li jadottaw miżuri ta' sorveljanza u s-setgħat tagħhom ta' sanzjonar. Għandu jkun hemm dispożizzjoni għall-impożizzjoni ta' sanzjonijiet pekunarji amministrattivi fuq awdituri statutorji, ditti tal-awditjar u entitajiet ta' interess pubbliku għal infrazzjonijiet identifikati tar-regoli. L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu trasparenti dwar is-sanzjonijiet u l-miżuri li japplikaw. L-adozzjoni u l-pubblikazzjoni ta' sanzjonijiet għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u d-dritt għal rimedju effikaċi u għal proċess imparzjali.

(16)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jistgħu jimponu sanzjonijiet pekunarji amministrattivi li għandhom effett ta' skoraġġiment reali, pereżempju sa ammont ta' miljun ewro jew aktar fil-każ ta' persuni fiżiċi, jew sa xi perċentwal tal-fatturat annwali totali fis-sena finanzjarja preċedenti fil-każ ta' persuni ġuridiċi jew kwalunkwe entità oħra. Dik il-mira tinkiseb aħjar jekk wieħed jorbot is-sanzjoni pekunarja mal-qagħda finanzjarja tal-parti li twettaq il-ksur. Mingħajr preġudizzju għall-possibilità li tiġi rtirata l-approvazzjoni tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar konċernati, għandhom jiġu previsti għamliet oħra ta' sanzjonijiet xierqa li għandhom effett ta' skoraġġiment. Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri għandhom japplikaw kriterji identiċi meta jiddeterminaw is-sanzjoni li għandha tiġi imposta.

(17)

L-informaturi (whistleblowers) jistgħu jiġbdu l-attenzjoni tal-awtoritajiet kompetenti lejn informazzjoni ġdida li tassistihom fl-identifikazzjoni u l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet ta' irregolaritajiet, inkluż frodi. Madankollu, l-informaturi jistgħu jiġu skuraġġiti milli jagħmlu hekk minħabba li jibżgħu minn ritaljazzjoni, jew jista' ma jkollhomx biżżejjed inċentivi biex jagħmlu hekk. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm arranġamenti adegwati fis-seħħ sabiex jinkoraġġixxu lill-informaturi sabiex javżawhom bi ksur possibbli ta' din id-Direttiva jew tar-Regolament (UE) Nru 537/2014 u sabiex jipproteġuhom minn ritaljazzjoni. L-Istati Membri għandhom jagħtuhom ukoll inċentivi biex jagħmlu dan; madanakollu, l-informaturi għandhom ikunu eliġibbli għal dawn l-inċentivi meta dawn jixħtu dawl fuq informazzjoni ġdida li mhumiex diġà obbligati jinnotifikaw mil-liġi u fejn dik l-informazzjoni tirriżulta f'sanzjoni għal ksur ta' din id-Direttiva jew tar-Regolament (UE) Nru 537/2014. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-iskemi ta' kxif ta' informazzjoni mistura li jimplimentaw jinkludu mekkaniżmi li jipprovdu protezzjoni xierqa għal persuni rrapportati, b'mod partikolari fir-rigward tad-dritt tal-protezzjoni tad-data personali tagħhom u li jiżguraw id-dritt tad-difiża tagħhom u d-dritt li jsemmgħu leħinhom qabel l-adozzjoni ta' deċiżjoni li tikkonċernahom kif ukoll id-dritt li jfittxu rimedju effikaċi quddiem tribunal kontra tali deċiżjoni. Il-mekkaniżmi stabbiliti għandhom jipprovdu wkoll ħarsien xieraq lill-informaturi, mhux biss fir-rigward tad-dritt għall-ħarsien tad-data personali, iżda wkoll billi jiġi żgurat li huma ma jkunux vittmi ta' ritaljazzjoni mhux mistħoqqa.

(18)

Is-sorveljanza pubblika tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar tinvolvi l-approvazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar, l-adozzjoni tal-istandards rigward l-etika professjonali u l-kontroll intern tal-kwalità tad-ditti tal-awditjar, l-edukazzjoni kontinwa, u s-sistemi ta' assigurazzjoni tal-kwalità, l-investigazzjoni, u sanzjonijiet għall-awdituri statutorji u għad-ditti tal-awditjar. Sabiex tiżdied it-trasparenza tas-superviżjoni tal-awdituri u sabiex ikun jista' jkun hemm aktar responsabilità pubblika, kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità waħda inkarigata mis-sorveljanza pubblika tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar. L-indipendenza ta' awtoritajiet ta' sorveljanza pubblika bħal dawn mill-professjoni tal-awditjar hija prerekwiżit ewlieni għall-integrità, l-effiċjenza u l-funzjonament korrett tas-sorveljanza pubblika tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar. Konsegwentement, l-awtoritajiet ta' sorveljanza pubblika għandhom jiġu regolati minn dawk li ma jipprattikawx il-professjoni u l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri indipendenti u trasparenti għall-għażla ta' dawk li ma jipprattikawx il-professjoni.

(19)

L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu joħolqu eżenzjonijiet għar-rekwiżiti imposti fuq is-servizzi ta' awditjar meta dawn jiġu pprovduti lill-kooperattivi u banek tat-tfaddil.

(20)

L-Istati Membri għandhom ikollhom il-possibilità li jiddelegaw kompiti lill-awtoritajiet kompetenti, jew li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jiddelegaw il-kompiti ta' dawk l-awtoritajiet kompetenti lil awtoritajiet oħrajn jew lil korpi awtorizzati jew maħturin bil-liġi. Tali delega għandha tkun soġġetta għal diversi kondizzjonijiet u l-awtorità kompetenti għandha ġġorr ir-responsabilità finali għas-superviżjoni.

(21)

L-awtoritajiet ta' sorveljanza pubblika għandhom ikollhom setgħat biżżejjed biex iwettqu l-kompiti tagħhom b'mod effikaċi. Barra minn hekk, għandu jkollhom biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom.

(22)

Is-superviżjoni adegwata tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar li huma involuti f'attivitajiet transfruntieri jew li jkunu parti min-netwerks teħtieġ l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' sorveljanza pubblika tal-Istati Membri. Sabiex tkun imħarsal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li konsegwentement tista' tiġi skambjata, l-Istati Membri għandhom jissoġġettaw għall-obbligu ta' segretezza professjonali mhux biss lill-impjegati tal-awtoritajiet ta' sorveljanza pubblika, iżda anki lill-persuni kollha li jista' jkun li ġew iddelegati lilhom kompiti mill-awtoritajiet ta' sorveljanza pubblika.

(23)

Fejn ikun hemm raġunijiet xierqa biex tittieħed azzjoni, l-azzjonisti, l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mis-superviżjoni ta' awdituri u ditta tal-awditjar jew, meta provdut mil-liġi nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mis-superviżjoni tal-entità ta' interess pubbliku għandhom jingħataw is-setgħa li jressqu każ quddiem qorti nazzjonali rigward biex tinħareġ ordni ta' tkeċċija tal-awditur statutorju.

(24)

Il-kumitati ta' awditjar, jew korpi li jwettqu funzjoni ekwivalenti fi ħdan entità ta' interess pubbliku awditjata, għandhom rwol deċiżiv x'jaqdu għal awditu statutorju ta' kwalità għolja. Huwa partikolarment importanti li l-indipendenza u l-kompetenza teknika tal-kumitat ta' awditjar jissaħħu billi jkun meħtieġ li maġġoranza tal-membri tiegħu tkun indipendenti u li għallinqas membru wieħed tiegħu jkollu kompetenza fl-awditjar u wieħed fl-awditjar u/jew fil-kontabilità. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Frar 2005 dwar ir-rwol ta' diretturi jew diretturi superviżorji ta' kumpanniji elenkati u fuq il-kumitat tal-bord (superviżorju) (7) tistabbilixxi l-mod ta' kif għandhom jiġu stabbiliti l-kumitati tal-awditjar u ta' kif għandhom jaħdmu. Madankollu, fid-dawl tad-dimensjoni tal-bordijiet fil-kumpanniji b'kapitalizzazzjoni tas-suq imnaqqsa u f'entitajiet ta' interess pubbliku żgħar u medji, hu xieraq li jkun provdut li l-funzjonijiet assenjati lill-kumitat tal-awditjar għal tali entitajiet, jew lil korp li jwettaq funzjonijiet ekwivalenti fi ħdan entità awditjata, ikunu jistgħu jitwettqu mill-korp amministrattiv jew superviżorju b'mod ġenerali. Entitajiet ta' interess pubbliku li huma impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) jew fondi ta' investiment alternattiv għandhom ikunu eżentati wkoll mill-obbligu li jkun hemm kumitat tal-awditjar. Din l-eżenzjoni tqis il-fatt li, fejn dawk il-fondi jiffunzjonaw sempliċiment għall-finijiet ta' ppuljar ta' assi, l-użu ta' kumitat tal-awditjar mhuwiex adegwat. Il-UCITS u fondi ta' investimenti alternattiv, kif ukoll il-kumpanniji maniġerjali tagħhom, jaħdmu f'ambjent regolatorju ddefinit b'mod strett u huma soġġetti għal mekkaniżmi ta' governanza speċifiċi, bħal kontrolli eżerċitati mid-depożitarji tagħhom.

(25)

L-“Att dwar in-Negozji ż-Żgħar”, adottat permezz tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ġunju 2008 intitolata “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir — ‘Att dwar in-Negozji ż-Żgħar’ għall-Ewropa” u rivedut permezz tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Frar 2011 intitolata “Reviżjoni tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa”, jirrikonoxxi r-rwol ċentrali tal-impriżi żgħar u medji fl-ekonomija tal-Unjoni u għandu l-għan li jtejjeb l-approċċ kumplessiv għall-intraprenditorija u li jistabbilixxi l-prinċipju ta' “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” fit-tfassil tal-politiki. L-Istrateġija Ewropa 2020 adottata f'Marzu 2010 titlob ukoll għal titjib fl-ambjent tan-negozju, b'mod partikolari għall-impriżi żgħar u medji, anki permezz ta' tnaqqis fil-kost tat-transazzjonijiet sabiex isir in-negozju fl-Unjoni. L-Artikolu 34 tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) ma jobbligax li jiġu awditjati d-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-impriżi ż-żgħar.

(26)

Sabiex jiġu ppreżervati d-drittijiet tal-partijiet konċernati meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi dwar l-iskambju ta' dokumentazzjoni ta' awditjar jew dokumenti relevanti oħra għall-valutazzjoni tal-kwalità tal-awditjar imwettqa, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-arranġamenti ta' ħidma li daħlu fihom l-awtoritajiet kompetenti tagħhom li fuq il-bażi tagħhom iseħħ kwalunkwe skambju ta' dokumenti bħal dawn jinkludu biżżejjed salvagwardji li jħarsu s-segretezza tan-negozju u l-interessi kummerċjali, inklużi d-drittijiet tal-propjetà intellettwali u industrjali tal-entitajiet awditjati. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk l-arranġamenti jikkonformaw u jkunu kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46/KE.

(27)

Il-livell limitu ta' EUR 50 000 stipulata fl-Artikolu 45(1) tad-Direttiva 2006/43/KE kien allinjat fil-punti (c) u (d) tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). Il-limiti stabbiliti fid-Direttiva 2003/71/KE żdiedu għal EUR 100 000 bl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2010/73/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). Għal dik ir-raġuni, għandhom isiru l-aġġustamenti korrispondenti għal-limitu stabbilit fl-Artikolu 45(1) tad-Direttiva 2006/43/KE.

(28)

Sabiex jingħata effett sħiħ lill-qafas legali l-ġdid stipulat fit-TFUE, huwa neċessarju li jiġu addattati u sostitwiti s-setgħat ta' implimentazzjoni provduta taħt l-Artikolu 202 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea bid-dispożizzjonijiet xierqa skont l-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE.

(29)

L-allinjament tal-proċeduri għall-adozzjoni ta' atti delegati u atti ta' implimentazzjoni mill-Kummissjoni mat-TFUE u, b'mod partikolari, mal-Artikoli 290 u 291 tiegħu, għandu jsir fuq bażi ta' każijiet individwali. Sabiex jitqiesu l-iżviluppi fl-awditjar u l-professjoni tal-awditjar u sabiex tkun iffaċilitata s-superviżjoni tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar, is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni. Fil-qasam tas-superviżjoni tal-awdituri, l-użu tal-atti delegati huwa meħtieġ sabiex jiġu żviluppati l-proċeduri għall-modalitajiet ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u dawk ta' pajjiżi terzi. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta' esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura trasmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(30)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet dwar l-ekwivalenza tar-reġimi ta' sorveljanza tal-awdituri tal-pajjiż terz jew l-adegwatezza tal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz, sa fejn jikkonċernaw lil pajjiżi terzi individwali jew awtoritajiet kompetenti individwali ta' pajjiżi terzi, is-setgħat ta' implimentazzjoni għandhom jingħataw lill-Kummissjoni. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11)

(31)

Minħabba li l-għan ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari t-tisħiħ tal-fiduċja fil-verità u l-korrettezza tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji ppubblikati mill-impriżi billi titjieb ulterjorment il-kwalità tal-awditi statutorji mwettqa fi ħdan l-Unjoni, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membru iżda pjuttost jista', minħabba l-iskala u l-effett tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(32)

Għaldaqstant, id-Direttiva 2006/43/KE għandha tiġi emendata kif ġej.

(33)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) u ta opinjoni fit-23 ta' April 2012 (13).

(34)

Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (14), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li f'każijiet ġustifikati jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument jew għadd ta' dokumenti li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti nazzjonali ta' traspożizzjoni. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-trasmissjoni ta' dawn id-dokumenti hija ġustifikata,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2006/43/KE hija emendata kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 1 jiżdied il-paragrafu li ġej:

“L-Artikolu 29 ta' din id-Direttiva ma għandux japplika għall-awditu statutorju ta' dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali u konsolidati ta' entitajiet ta' interess pubbliku sakemm dan mhuwiex speċifikat fir-Regolament (UE) Nru 537/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*).

(*)  Regolament (UE) Nru 537/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar rekwiżiti speċifiċi rigward l-awditu statutorju tal-entitajiet ta' interess pubbliku (ĠU L 158, 27.5.2014, p. 77).”."

2.

L-Artikolu 2 jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-punt 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

1.

“awditu statutorju” tfisser awditjar ta' dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali jew dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati sa fejn dan ikun:

(a)

meħtieġ mil-liġi tal-Unjoni;

(b)

meħtieġ liġi nazzjonali fir-rigward tal-impriżi żgħar;

(c)

imwettaq volontarjament fuq it-talba ta' impriżi żgħar li jissodisfaw rekwiżiti legali nazzjonali li jkunu ekwivalenti għal dawk għall-awditjar taħt il-punt (b), fejn il-leġislazzjoni nazzjonali tiddefinixxi tali awditi bħala awditi statutorji;

(b)

il-punt 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.

‘entità’ ta' awditjar ta' pajjiż terz' tfisser entità, irrispettivament mill-forma legali tagħha, li twettaq awditi tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali jew konsolidati ta' kumpannija inkorporata f'pajjiż terz, għajr entità li tkun reġistrata bħala ditta tal-awditjar fi kwalunkwe Stat Membru b'konsegwenza tal-approvazzjoni skont l-Artikolu 3;”

(c)

il-punt 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“5.

‘awditur ta' pajjiż terz’ tfisser persuna fiżika li twettaq awditi tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali jew konsolidati ta' kumpannija inkorporata f'pajjiż terz, għajr persuna li tkun reġistrata bħala awditur statutorju fi kwalunkwe Stat Membru b'konsegwenza tal-approvazzjoni skont l-Artikoli 3 u 44;”

(d)

il-punt 10 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“10.

‘awtoritajiet kompetenti’ tfisser l-awtoritajiet maħturin bil-liġi li huma responsabbli għar-regolamentazzjoni u/jew is-sorveljanza ta' awdituri statutorji u ditta tal-awditjar jew ta' aspetti speċifiċi ta' dawn; ir-referenza għal ‘awtorità kompetenti’ fl-Artikolu speċifiku tfisser referenza għall-awtorità responsabbli għall-funzjonijiet imsemmijin f'dak l-Artikolu;”

(e)

il-punt 11 huwa revokat;

(f)

il-punt 13 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“13.

‘entitajiet ta' interess pubbliku’ tfisser:

(a)

entitajiet regolati mid-dritt ta' Stat Membru li t-titoli trasferibbli tagħhom huma ammessi għan-negozjar f'suq regolat ta' kwalunkwe Stat Membru fis-sens tal-punt 14 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE;

(b)

istituzzjonijiet ta' kreditu kif definiti fil-punt 1 tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**), minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 2 ta' dik id-Direttiva;

(c)

impriżi tal-assigurazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 91/674/KEE; jew

(d)

entitajiet maħturin mill-Istati Membri bħala entitajiet ta' interess pubbliku, bħal pereżempju impriżi li jkunu ta' rilevanza pubblika sinifikattiva minħabba n-natura tan-negozju tagħhom, id-daqs tagħhom jew in-numru ta' impjegati tagħhom;

(**)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).”"

(g)

il-punt 15 jiġi sostitwit b'li ġej:

“15.

‘persuna li ma tipprattikax il-professjoni’ tfisser kull persuna fiżika li, waqt l-involviment tagħha fit-tmexxija tas-sistema ta' sorveljanza pubblika u matul il-perijodu tat-tliet snin immedjatament qabel dak l-involviment, ma tkunx wettqet awditi statutorji, ma kellha l-ebda drittijiet għal vot f'ditta tal-awditjar, ma kinitx membru tal-korp amministrattiv, ta' ġestjoni jew superviżorju ta' ditta tal-awditjar u ma kinitx impjegata minn ditta tal-awditjar jew b'xi mod assoċjata ma' ditta tal-awditjar;”

(h)

jiżdiedu l-punti 17 sa 20 li ġejjin:

“17.

‘impriżi ta' daqs medju’ tfisser l-impriżi msemmijin fl-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (***);

18.

‘'impriżi żgħar’ tfisser l-impriżi msemmijin fl-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2013/34/UE;

19.

‘Stat Membru domiċiljari’ tfisser Stat Membru li fih awditur statutorju jew ditta tal-awditjar tkun approvata skont l-Artikolu 3(1);

20.

‘Stat Membru ospitanti’ tfisser Stat Membru li fih awditur statutorju approvat mill-Istat Membru domiċiljari tiegħu jew tagħha j/tipprova j/tikseb approvazzjoni wkoll skont l-Artikolu 14, jew Stat Membru li fih ditta tal-awditjar approvata mill-Istat Membru domiċiljari tagħha tfittex li tiġi reġistrata jew tkun reġistrata skont l-Artikolu 3a.

(***)  Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).”"

3.

L-Artikolu 3 jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 jiġi emendat kif ġej:

(i)

l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

Kull Stat Membru għandu jaħtar lill-awtorità kompetenti biex tkun responsabbli mill-approvazzjoni ta' awdituri statutorji u ditta tal-awditjar.'

(ii)

it-tieni subparagrafu jitħassar;

(b)

il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

il-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot f'entità għandha tkun f'idejn id-ditti tal-awditjar li jkunu approvati fi kwalunkwe Stat Membru jew f'idejn persuni fiżiċi li jissodisfaw tal-anqas il-kondizzjonijiet imposti mill-Artikoli 4 u 6 sa 12. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li persuni fiżiċi bħal dawn iridu jkunu ġew approvati wkoll fi Stat Membru ieħor. Għall-iskop tal-awditu statutorju ta' kooperattivi, banek ta' tfaddil u entitajiet simili kif imsemmijin fl-Artikolu 45 tad-Direttiva 86/635/KEE, sussidjarja jew suċċessur legali ta' kooperattiva, bank ta' tfaddil jew entità simili kif imsemmijin fl-Artikolu 45 tad-Direttiva 86/635/KEE l-Istati Membri jistgħu jistipulaw dispożizzjonijiet speċifiċi oħrajn f'rabta mad-drittijiet tal-vot;”

4.

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 3a

Rikonoxximent tad-ditti tal-awditjar

1.   B' deroga mill-Artikolu 3(1), ditta tal-awditjar li hija approvata fi Stat Membru għandha tkun intitolata li twettaq awditi statutorji fi Stat Membru ieħor dment li s-sieħeb ewlieni ta' awditjar li jwettaq l-awditu statutorju f'isem id-ditta tal-awditjar jikkonforma mal-punt (a) tal-Artikolu 3(4) fl-Istat Membru ospitanti.

2.   Ditta tal-awditjar li tixtieq twettaq awditi statutorji fi Stat Membru li mhuwiex l-Istat Membru domiċiljari tagħha għandha tirreġistra mal-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ospitanti skont l-Artikoli 15 u 17.

3.   L-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ospitanti għandha tirreġistra d-ditta tal-awditjar jekk tkun sodisfatta li d-ditta tal-awditjar tkun reġistrata mal-awtorità kompetenti fl-Istat Membru domiċiljari. Fejn l-Istat Membru ospitanti jkun biħsiebu joqgħod fuq ċertifikat li jafferma r-reġistrazzjoni tad-ditta tal-awditjar fl-Istat Membru domiċiljari, l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ospitanti tista' titlob li ċ-ċertifikat maħruġ mill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru domiċiljari ma għandux ikun ilu aktar minn tliet xhur li nħareġ. L-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ospitanti għandha tgħarraf lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru domiċiljari dwar ir-reġistrazzjoni tad-ditta tal-awditjar.”

5.

Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 3 jiġi sostitwit b'li ġej:

“3.   Fejn l-approvazzjoni ta' awditur statutorju jew ta' ditta tal-awditjar tiġi rtirata għal kwalunkwe raġuni, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari fejn l-approvazzjoni tkun ġiet irtirata għandha tikkomunika dak il-fatt u r-raġunijiet għall-irtirar lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-Istati Membri ospitanti fejn l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar wkoll tkun reġistrata skont l-Artikolu 3a, il-punt (c) tal-Artikolu 16(1), u l-punt (i) tal-Artikolu 17(1).”

6.

Fl-Artikolu 6, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“L-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 32 għandhom jikkooperaw ma' xulxin bil-għan li tinkiseb konverġenza tar-rekwiżiti stabbiliti f'dan l-Artikolu. Meta jimpenjaw ruħhom f'tali kooperazzjoni, dawk l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu żviluppi fl-awditjar u fil-professjoni tal-awditjar, u, b'mod partikolari, il-konverġenza li tkun diġà ntlaħqet mill-professjoni. Huma għandhom jikkooperaw mal-Kumitat tal-Korpi Ewropej ta' Sorveljanza tal-Awditjar (CEAOB) u l-awtoritajiet kompetenti msemmijin fl-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 537/2014 sa fejn tali konverġenza tkun marbuta mal-awditu statutorju ta' entitajiet ta' interess pubbliku.”

7.

L-Artikolu 8 jiġi emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (i) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(i)

standards internazzjonali ta' awditjar kif imsemmi fl-Artikolu 26;”

(b)

il-paragrafu 3 jitħassar.

8.

Fl-Artikolu 10, il -paragrafu 1 jiġi sostitwit b'li ġej:

“1.   Sabiex tkun żgurata l-kapaċità li tapplika l-għarfien teoretiku fil-prattika, li test tiegħu jkun inkluż fl-eżami, il-persuna li titħarreġ għandha tlesti minimu ta' taħriġ prattiku ta' tliet snin fost l-oħrajn fl-awditjar ta' dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati jew dikjarazzjonijiet finanzjarji simili. Tal-inqas żewġ terzi ta' tali taħriġ prattiku għandu jsir ma' awditur statutorju jew ma' ditta tal-awditjar approvata fi kwalunkwe Stat Membru.”

9.

L-Artikolu 13 jiġi sostitwit b'li ġej:

“Artikolu 13

Edukazzjoni kontinwa

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awdituri statutorji jintalbu jieħdu sehem fi programmi xierqa ta' edukazzjoni kontinwa sabiex iżommu fuq livell għoli biżżejjed l-għarfien teoretiku, il-ħiliet u l-valuri professjonali tagħhom, u li n-nuqqas ta' rispett għar-rekwiżiti tal-edukazzjoni kontinwa jkun soġġett għal sanzjonijiet xierqa kif previst fl-Artikolu 30.”

10.

L-Artikolu 14 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 14

Approvazzjoni tal-awdituri statutorji minn Stat Membru ieħor

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu proċeduri għall-approvazzjoni ta' awdituri statutorji li ġew approvati fi Stati Membri oħra. Dawn il-proċeduri m'għandhomx imorru lil hinn mir-rekwiżit li persuna tlesti perijodu ta' adattament kif imsemmi fil-punt (g) tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (****) jew tgħaddi minn test ta' kapaċità kif imsemmi fil-punti (h) ta' dik id-dispożizzjoni.

2.   L-Istat Membru ospitanti għandu jiddeċiedi jekk l-applikant li qed ifittex approvazzjoni għandu jkun soġġett għal perijodu ta' adattament kif iddefinit fil-punt (g) tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/36/KE jew test ta' kapaċità kif iddefinit fil-punt (h) ta' dik id-dispożizzjoni.

Il-perijodu ta' adattament ma għandux jaqbeż it-tliet snin u l-applikant għandu jkun soġġett għal valutazzjoni.

It-test ta' kapaċità għandu jsir b'waħda mil-lingwi permessi mir-regoli dwar il-lingwi applikabbli fl-Istat Membru ospitanti konċernat. Għandu jkopri biss l-għarfien adegwat tal-awditur statutorju tal-liġijiet u r-regolamenti ta' dak l-Istat Membru ospitanti f'dak li jkun rilevanti għall-awditi statutorji.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw fi ħdan il-qafas tas-CEAOB bil-għan li tinkiseb konverġenza tar-rekwiżiti tal-perijodu ta' adattament u t-test ta' kapaċità. Għandhom itejbu t-trasparenza u l-prevedibilità tar-rekwiżiti. Għandhom jikkooperaw mas-CEAOB u mal-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 537/2014 sa fejn it-tali konverġenza tkun relatata ma' awditi statutorji ta' entitajiet ta' interess pubbliku.

(****)  Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22).”"

11.

Fl-Artikolu 15, il-paragrafu 1 jiġi sostitwit kif ġej:

“1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar jiddaħħlu f'reġistru pubbliku skont l-Artikoli 16 u 17. F'każijiet eċċezzjonali l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mir-rekwiżiti stipulati f'dan l-Artikolu u fl-Artikolu 16 dwar l-iżvelar biss sa fejn ikun meħtieġ biex tittaffa theddida imminenti u sinjifikattiva għas-sigurtà personali ta' kwalunkwe persuna.”

12.

Fl-Artikolu 17(1), jiġi miżjud il-punt li ġej:

“(j)

fejn applikabbli, jekk id-ditta tal-awditjar tkunx reġistrata skont l-Artikolu 3a(3).”

13.

L-Artikolu 21 hu emendat kif ġej.

(a)

it-titolu jiġi sostitwit kif ġej

“Etika u xettiċiżmu professjonali”;

(b).

il-paragrafu 2 hu sostitwit b'dan li ġej:

“2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar iwettqu l-awditu statutorju, huma jħaddnu xettiċiżmu professjonali matul l-awditjar kollu, billi jirrikonoxxu l-possibilità ta' dikjarazzjoni skorretta materjali minħabba fatti jew imġiba li jindikaw irregolaritajiet, inklużi frodi jew żbalji, minkejja l-esperjenza fl-imgħoddi tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar tal-onestà u l-integrità tal-amministrazzjoni tal-entità awditjata u tal-persuni inkarigati mill-governanza tagħha.

L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar għandhom iħaddnu xettiċiżmu professjonali b'mod partikolari meta jirrieżaminaw stimi tal-amministrazzjoni marbuta ma' valuri ġusti, il-ħsara tal-assi, il-provvedimenti u l-fluss ta' flus kontanti fil-ġejjieni rilevanti għall-kapaċità tal-entità biex tkompli bħala negozju attiv.

Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, ‘xettiċiżmu professjonali’ tfisser attitudni li tinkludi rieda li persuna tistaqsi, il-ħila li tinnota kondizzjonijiet li jistgħu jindikaw possibilità ta' dikjarazzjoni skorretta minħabba żball jew frodi, u valutazzjoni kritika tal-evidenza tal-awditjar.”

14.

L-Artikolu 22 jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta titwettaq awditu statutorju, awditur statutorju jew ditta tal-awditjar, u kwalunkwe persuna fiżika f'pożizzjoni li tista' tinfluwenza b'mod dirett jew indirett l-eżitu tal-awditu statutorju, tkun indipendenti mill-entità awditjata u ma tkunx involuta fit-teħid ta' deċiżjonijiet tal-entità awditjata.

Għandha tintalab indipendenza tal-inqas kemm matul il-perijodu kopert mid-dikjarazzjonijiet finanzjarji li jkunu ser jiġu awditjati kif ukoll il-perjodu li matulu ssir l-awditu statutorju.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li awditur statutorju jew ditta tal-awditjar tieħu l-passi raġonevoli kollha sabiex tiżgura li, meta twettaq awditu statutorju, l-indipendenza tagħha ma tkun affettwata minn ebda konflitt ta' interess eżistenti jew potenzjali jew relazzjoni ta' negozju jew ta' xorta oħra diretta jew indiretta li tinvolvi lill-awditur statutorju jew ditta tal-awditjar li tkun qed twettaq l-awditu statutorju u, fejn xieraq, in-netwerk, il-managers, l-awdituri, l-impjegati, kwalunkwe persuna fiżika oħra li s-servizzi tagħha jitpoġġew għad-dispożizzjoni jew taħt il-kontroll tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar, jew kwalunkwe persuna b'konnessjoni diretta jew indiretta mal-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar b'kontroll.

L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar m'għandhomx iwettqu awditu statutorju jekk ikun hemm kwalunkwe theddida ta' awto rieżami, awtointeress, appoġġ, familjarità jew intimidazzjoni maħluqa minn relazzjonijiet finanzjarji, personali, kummerċjali, tal-impjieg jew relazzjonijiet oħra bejn:

l-awditur statutorju, id-ditta tal-awditjar, in-netwerk tagħha, u kwalunkwe persuna fiżika f'pożizzjoni li tinfluwenza l-eżitu tal-awditu statutorju, u

l-entità awditjata,

li abbażi tagħhom parti terza oġġettiva, raġonevoli u informata, meta tqis is-salvagwardji applikati, tikkonkludi li l-indipendenza tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar tkun kompromessa.”

(b)

Il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li awditur statutorju, ditta tal-awditjar, is-sħab ewlenin tal-awditjar tagħhom, l-impjegati tagħhom, u kwalunkwe persuna fiżika oħra li s-servizzi tagħha jitpoġġew għad-dispożizzjoni jew taħt il-kontroll ta' tali awditur statutorju jew ditta tal-awditjar u li tkun involuta direttament f'attivitajiet ta' awditu statutorju, u persuni assoċjati mill-qrib magħhom fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/72/KE (*****) ma jżommux u ma jkunux sidien ta' interess ta' benefiċċju materjali u dirett u ma jinvolvu ruħhom fl-ebda transazzjoni fi kwalunkwe strument finanzjarju maħruġ, iggarantit jew appoġġat b'xi mod ieħor minn entità li tkun ġiet awditjata fil-qasam tal-attivitajiet tagħhom ta' awditu statutorju, minbarra interessi li indirettament ikunu sidien tagħhom permezz ta' skemi diversifikati ta' investiment kollettiv, inklużi fondi ġestiti bħal fondi ta' pensjoni jew assigurazzjoni tal-ħajja.

(*****)  Direttiva tal-Kummissjoni 2004/72/KE tad-29 ta' April 2004 li timplementa d-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li jirrigwarda l-prattiċi aċċettati tas-suq, id-definizzjoni tal-informazzjoni interna b'relazzjoni mad-derivattivi dwar il-kommoditajiet, it-tħejjija ta' listi ta' persuni nterni, in-notifika tat-transazzjonijiet tal-amministraturi u n-notifika ta' transazzjonijiet suspettużi (ĠU L 162, 30.4.2004, p. 70).”"

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni jew il-kumpanniji msemmijin fil-paragrafu 2 ma jiħdux sehem f'awditu statutorju ta' kwalunkwe entità awditjata partikolari jew b'xi mod ieħor jinfluwenzaw l-eżitu tagħha jekk huma:

(a)

ikunu sidien ta' strumenti finanzjarji tal-entità awditjata, minbarra interessi li indirettament huma jkunu sidien tagħhom permezz ta' skemi diversifikati ta' investiment kollettiv;

(b)

ikunu sidien ta' strumenti finanzjarji ta' kwalunkwe entità relatata ma' entità awditjata, li s-sjieda tagħhom tkun tista' tikkawża, jew hija ġeneralment perċepita bħala li tikkawża, konflitt ta' interess, minbarra interessi li huma jkunu indirettament sidien tagħhom permezz ta' skemi diversifikati ta' investiment kollettiv;

(c)

kellhom impjieg, relazzjoni ta' negozju jew relazzjoni oħra ma' dik l-entità li tkun ġiet awditjata matul il-perijodu msemmi fil-paragrafu 1 li tista' tikkawża, ġew ġeneralment tiġi pperċepita bħala li tikkawża, konflitt ta' interess.”

(d)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“5.   Il-persuni jew il-kumpanniji msemmijin fil-paragrafu 2 m'għandhomx jitolbu jew jaċċettaw rigali jew favuri ta' flus u mhux ta' flus mingħand l-entità awditjata jew kwalunkwe entità marbuta ma' entità awditjata ħlief f'każ li parti terza oġġettiva, raġonevoli u infurmata tqis il-valur tagħhom bħala trivjali jew irrilevanti.

6.   Jekk, matul il-perijodu kopert mid-dikjarazzjonijiet finanzjarji, entità awditjata tiġi akkwistata minn, amalgamata ma', jew takkwista entità oħra, l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar għandha tidentifika u tevalwa kwalunkwe interess jew relazzjoni attwali jew reċenti, inkluż kwalunkwe servizz mhux tal-awditjar ipprovdut lil dik l-entità, li, meta jitqiesu s-salvagwardji disponibbli, jistgħu jikkompromettu l-indipendenza u l-ħila tal-awditur li jissokta bl-awditu statutorju wara d-data effettiva tal-amalgamazzjoni jew akkwist.

Kemm jista' jkun malajr, u fi kwalunkwe każ fi żmien tliet xhur, l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar għandha tieħu dawk il-passi kollha li jistgħu jkunu meħtieġa sabiex jintemm kwalunkwe interess jew relazzjoni attwali li tista' tikkomprometti l-indipendenza tagħha u għandha, fejn possibbli, tadotta salvagwardji sabiex iddgħajjef kemm tista' kwalunkwe theddida għall-indipendenza tagħha li tista' tirriżulta minn interessi u relazzjonijiet preċedenti u attwali.”

15.

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 22a

Impjieg minn entitajiet awditjati ta' persuni li kienu awdituri statutorji jew ta' impjegati ta' awdituri statutorji jew ditta tal-awditjar

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li awditur statutorju jew sieħeb ewlieni fl-awditjar li jwettaq awditu statutorju f'isem ditta tal-awditjar, qabel ma jkun għadda perijodu ta' mill-inqas sena, jew, fil-każ ta' awditu statutorju ta' entitajiet ta' interess pubbliku, perijodu ta' sentejn minn meta huwa jkun waqaf jaqdi rwol ta' awditur statutorju jew sieħeb ewlieni fl-awditjar b'rabta mal-inkarigu tal-awditjar:

(a)

ma jiħux pożizzjoni ewlenija ta' tmexxija fi ħdan l-entità awditjata;

(b)

fejn applikabbli, ma jsirx membru tal-kumitat tal-awditjar tal-entità awditjata jew, fejn dan il-kumitat ma jkunx jeżisti, tal-korp li jwettaq funzjonijiet ekwivalenti għal kumitat tal-awditjar;

(c)

isir membru mhux eżekuttiv tal-korp amministrattiv jew membru tal-korp superviżorju tal-entità awditjata.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impjegati u sħab, għajr sħab ewlenin ta' awditjar ta' awditur statutorju jew ditta tal-awditjar, li jwettqu awditu statutorju, kif ukoll kwalunkwe persuna fiżika oħra li s-servizzi tagħha jitpoġġew għad-dispożizzjoni jew taħt il-kontroll ta' tali awditur statutorju jew ditta tal-awditjar ma jiħdux, meta dawn l-impjegati, sħab jew persuni fiżiċi oħra jiġu approvati bħala awdituri statutorji, kwalunkwe rwol imsemmi fil-punti (a), b) u (c) tal-paragrafu 1 qabel ma jkun għadda perijodu ta' mill-inqas sena minn meta kienu direttament involuti fl-inkarigu tal-awditu statutorju.”

16.

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 22b

Tħejjija għall-awditu statutorju u valutazzjoni tat-theddid għall-indipendenza

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, qabel ma jaċċettaw jew ikomplu inkarigu għal awditu statutorju, awditur statutorju jew ditta tal-awditjar għandha tivvaluta u tiddokumenta dan li ġej:

jekk jikkonformawx mar-rekwiżiti tal-Artikolu 22 ta' din id-Direttiva;

jekk hemmx theddid għall-indipendenza tagħhom u għas-salvagwadji applikati biex dak it-theddid jiddgħajjef;

jekk ikollhomx impjegati kompetenti, il-ħin u r-riżorsi meħtieġa biex iwettqu l-awditjar statutorju b'mod xieraq;

jekk, fil-każ ta' ditta tal-awditjar, is-sieħeb prinċipali fl-awditjar ikunx approvat bħala awditur statutorju fl-Istat Membru li jkun qed jitlob l-awditu statutorju;

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu rekwiżiti simplifikati għall-awditi msemmijin fil-punti (b) u (c) tal-punt 1 tal-Artikolu 2.”

17.

L-Artikolu 23 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 hu sostwit b'li ġej:

“2.   Ir-regoli ta' kunfidenzjalità u ta' segretezza professjonali relatati ma' awdituri statutorji jew ma' ditta tal-awditjar ma għandhomx ixekklu l-infurzar tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva jew tar-Regolament (UE) Nru 537/2014;”

(b)

il-paragrafu 3 hu sostwit b'li ġej:

“3.   Fejn awditur statutorju jew ditta tal-awditjar tiġi sostitwita b'awditur statutorju jew ditta tal-awditjar oħra, l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar ta' qabel għandha tipprovdi aċċess lill-awditur statutorju jew ditta tal-awditjar l-ġdida għall-informazzjoni rilevanti kollha li tikkonċerna l-entità awditjata u l-aħħar awditjar li jkun sar ta' dik l-entità.”;

(c)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Fejn awditur statutorju jew ditta tal-awditjar iwettqu awditu statutorju ta' impriża li hija parti minn grupp ta' impriżi li l-impriża prinċipali tiegħu tinsab f'pajjiż terz, ir-regoli dwar il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali msemmijin fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma jwaqqfux it-trasferiment mill-awditur statutorju jew ditta tal-awditjar tad-dokumentazzjoni rilevanti li tikkonċerna l-ħidma ta' awditjar mwettqa għall-awditur tal-grupp li jinsab f'pajjiż terz jekk tali dokumentazzjoni tkun meħtieġa biex isir awditjar tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati tal-impriża prinċipali.

L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar li jwettqu awditu statutorju ta' impriża li tkun ħarġet titoli f'pajjiż terz jew li tagħmel parti minn grupp li joħroġ dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati statutorji f'pajjiż terz jistgħu jittrasferixxu biss dik id-dokumentazzjoni tal-awditjar jew dokumenti oħra relatati mal-awditjar ta' dik l-entità li huma jkollhom lill-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiżi terzi rilevanti taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 47.

It-trasferiment tal-informazzjoni lill-awditur tal-grupp li jinsab pajjiż terz isir b'konformità mal-Kapitolu IV tad-Direttiva 95/46/KE u mar-regoli nazzjonali applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data personali.”

18.

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 24a

Organizzazzjoni interna ta' awdituri u ditta tal-awditjar

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li awditur statutorju jew ditta tal-awditjar jikkonformaw mar-rekwiżiti organizzattivi li ġejjin:

(a)

id-ditta tal-awditjar tistabbilixxi politiki u proċeduri xierqa sabiex jiżguraw li s-sidien u l-azzjonisti tagħha kif ukoll il-membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji tal-kumpannija, jew ta' kumpannija affiljata, ma jintervjenux fit-twettiq ta' awditu statutorju b'xi mod li jippreġudika l-indipendenza u l-oġġettività tal-awditur statutorju li jwettaq l-awditu statutorju f'isem id-ditta tal-awditjar;

(b)

awditur statutorju jew ditta tal-awditjar ikollhom proċeduri amministrattivi u kontabilistiċi sodi, mekkaniżmi ta' kontroll intern tal-kwalità, proċeduri effikaċi għall-valutazzjoni tar-riskju, u arranġamenti effikaċi ta' kontroll u salvagwardja għal sistemi tal-ipproċessar tal-informazzjoni;

Dawk il-mekkaniżmi ta' kontroll intern tal-kwalità għandhom ikunu ddisinnjati biex jiżguraw konformità ma' deċiżjonijiet u proċeduri f'kull livell tad-ditta tal-awditjar jew tal-istruttura ta' ħidma tal-awditur statutorju;

(c)

awditur statutorju jew ditta tal-awditjar jistabbilixxu politiki u proċeduri xierqa biex jiżguraw li l-impjegati tagħhom u kwalunkwe persuna fiżika oħra li s-servizzi tagħhom jitpoġġew għad-dispożizzjoni tiegħu jew tagħhom jew taħt il-kontroll tagħhom u li huma involuti direttament fl-attivitajiet ta' awditu statutorju jkollhom għarfien u esperjenza xierqa għad-dmirijiet assenjati;

(d)

awditur statutorju jew ditta tal-awditjar jistabbilixxu politiki u proċeduri biex jiżguraw li l-esternalizzazzjoni ta' funzjonijiet importanti tal-awditjar ma ssirx b'tali mod li tiddebolixxi l-kwalità tal-kontroll intern tal-kwalità tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar u l-abilità tal-awtoritajiet kompetenti li jissorveljaw il-konformità tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar mal-obbligi stipulati f'din id-Direttiva u, fejn applikabbli, ir-Regolament (UE) Nru 537/2014;

(e)

awditur statutorju jew ditta tal-awditjar jistabbilixxu arranġamenti organizzattivi u amministrattivi xierqa u effettivi biex tipprevjeni,tidentifika, telimina jew tiġġestixxi u tiddivulga kwalunkwe theddida għall-indipendenza tagħhom kif imsemmija f'22, 22a u 22b;

(f)

awditur statutorju jew ditta tal-awditjar jistabbilixxu proċeduri u standards xierqa għat-twettiq ta' awditi statutorji ta' entitajiet ta' interess pubbliku, ikkowċjar, superviżjoni u rieżami ta' attivitajiet ta' impjegati u l-organizzazzjoni tal-istruttura tal-fajl tal-awditjar kif imsemmi fl-Artikolu 24b(5);

(g)

awditur statutorju jew ditta tal-awditjar jistabbilixxu sistema ta' kontroll intern tal-kwalità sabiex jiżguraw il-kwalità tal-awditu statutorju.

Is-sistema ta' kontroll tal-kwalità mill-inqas tkopri l-politiki u l-proċeduri deskritti fil-punt (f). Fil-każ ta' ditta tal-awditjar, ir-responsabilità tas-sistema interna ta' kontroll tal-kwalità taqa' fuq persuna li tkun kwalifikata bħala awditur statutorju;

(h)

awditur statutorju jew ditta tal-awditjar jużaw sistemi, riżorsi u proċeduri xierqa sabiex tiżgura kontinwità u regolarità fit-twettiq tal-attivitajiet tiegħu jew tagħha ta' awditu statutorju;

(i)

awditur statutorju jew ditta tal-awditjar jistabbilixxu wkoll arranġamenti organizzattivi u amministrattivi xierqa u effettivi għat-trattament u r-reġistrazzjoni ta' inċidenti li jkollhom, jew jista' jkollhom, konsegwenzi serji għall-integrità tal-attivitajiet tagħhom ta' awditu statutorju;

(j)

awditur statutorju jew ditta tal-awditjar jkollhom politiki adegwati ta' rimunerazzjoni, inkluż il-kondiviżjoni tal-qligħ, li jipprovdu inċentivi suffiċjenti ta' prestazzjoni sabiex jiżguraw il-kwalità tal-awditjar. B'mod partikolari, l-ammont ta' dħul li l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar tikseb mill-għoti ta' servizzi mhux ta' awditjar lill-entità li tiġi awditjata ma għandux jifforma parti mill-evalwazzjoni tal-prestazzjoni u l-kumpens ta' kwalunkwe persuna involuta fit-twettiq tal-awditjar jew li kapaċi tinfluwenzah.

(k)

awditur statutorju jew ditta tal-awditjar jissorveljaw u jevalwaw l-adegwatezza u l-effikaċja tas-sistemi, il-mekkaniżmi u arranġamenti interni ta' kontroll tal-kwalità stabbiliti tagħhom b'konformità ma' din id-Direttiva u, fejn applikabbli, ir-Regolament (UE) Nru 537/2014 u jieħdu miżuri xierqa biex jindirizzaw kwalunkwe defiċenza. Awditur statutorju jew ditta tal-awditjar b'mod partikolari għandhom iwettqu evalwazzjoni annwali tas-sistema interna ta' kontroll tal-kwalità, imsemmija fil-punt (g). Awditur statutorju jew ditta tal-awditjar għandhom iżżomm rekords tas-sejbiet ta' dik l-evalwazzjoni u kwalunkwe miżura proposta biex tiġi mmodifikata s-sistema interna ta' kontroll tal-kwalità.

Il-politiki u l-proċeduri msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu ddokumentati u kkomunikati lill-impjegati tal-awditur statutorju jew ditta tal-awditjar.

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu rekwiżiti simplifikati għall-awditi msemmijin fil-punti (b) u (c) tal-punt 1 tal-Artikolu 2.

Kwalunkwe esternalizzazzjoni ta' funzjoni tal-awditjar kif imsemmi fil-punt (d) ta' dan il-paragrafu ma taffettwax ir-responsabilità tal-awditur statutorju jew ditta tal-awditjar lejn l-entità awditjata.

2.   L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar għandhom iqisu l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħha meta tikkonforma ma' dawn ir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar għandhom ikunu jistgħu juru lill-awtorità kompetenti li l-politiki u proċeduri mfassla biex tinkiseb tali konformità huma proporzjonati għad-daqs u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar.”

19.

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 24b

Organizzazzjoni tal-ħidma

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-awditu statutorju ssir minn ditta tal-awditjar, dik id-ditta tal-awditjar taħtar tal-inqas sieħeb ewlieni wieħed tal-awditjar. Id-ditta tal-awditjar għandha tipprovdi lis-sieħeb/sħab ewlieni/ewlenin tal-awditjar b'riżorsi suffiċjenti u b'persunal li jkollu l-kompetenza u l-kapaċitajiet meħtieġa biex iwettaq jew iwettqu d-dmirijiet tiegħu/tagħhom b'mod xieraq.

L-assigurazzjoni tal-kwalità, l-indipendenza u l-kompetenza tal-awditjar għandha tkun il-kriterju ewlieni meta d-ditta tal-awditjar tagħżel is-sieħeb jew sħab ewlenin tal-awditjar li jeħtieġ jinħatru.

Is-sieħeb/is-sħab ewlieni/ewlenin tal-awditjar għandhom ikunu involuti b'mod attiv fit-twettiq tal-awditu statutorju.

2.   Meta jwettaq l-awditu statutorju, l-awditur statutorju għandu jiddedika biżżejjed ħin għall-inkarigu u jassenja biżżejjed riżorsi biex ikun jista' jaqdi jew tista' taqdi dmirijietu b'mod xieraq.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jżommu rekords ta' kwalunkwe ksur tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva u, fejn applikabbli, tar-Regolament (UE) Nru 537/2014. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar minn dan l-obbligu fir-rigward ta' ksur żgħir. Awdituri statutorji u ditti tal-awditjar għandhom iżommu wkoll ir-rekords ta' kwalunkwe konsegwenza ta' kull ksur, inklużi l-miżuri meħuda biex jiġi indirizzat tali ksur u l-miżuri meħuda sabiex tiġi modifikata s-sistema tagħhom ta' kontroll tal-kwalità interna. Huma għandhom iħejju rapport annwali li jkun fih ħarsa ġenerali lejn kull tali miżura li tkun ittieħdet u tikkomunika dak ir-rapport internament.

Meta awditur statutorju jew ditta tal-awditjar jitolbu parir minn esperti esterni, huma għandhom jiddokumentaw it-talba li saret u l-parir riċevut.

4.   Awditur statutorju jew ditta tal-awditjar għandhom iżommu rekord tal-kontijiet tal-klijenti. Rekord bħal dan jinkludi d-data li ġejja għal kull klijent tal-awditjar:

(a)

l-isem, l-indirizz u s-sede tan-negozju;

(b)

fil-każ ta' ditta tal-awditjar, isem is-sieħeb/is-sħab ewlieni/ewlenin tal-awditjar;

(c)

it-tariffi mitluba għall-awditu statutorju u t-tariffi mitluba għal servizzi oħra fi kwalunkwe sena finanzjarja.

5.   Awditur statutorju jew ditta tal-awditjar għandhom joħolqu fajl tal-awditjar għal kull awditu statutorju.

L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar għandhom tal-inqas jiddokumentaw id-data reġistrata skont l-Artikolu 22b(1) ta' din id-Direttiva, u, fejn applikabbli, l-Artikoli 6 sa 8 tar-Regolament (UE) Nru 537/2014.

L-awditur statutorju jew ditta tal-awditjar għandhom iżommu kwalunkwe data u dokumenti oħrajn li jkunu importanti bħala sostenn tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 28 ta' din id-Direttiva u, fejn applikabbli, l-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament (UE) Nru 537/2014 u għall-monitoraġġ tal-konformità ma' din id-Direttiva u rekwiżiti legali oħrajn applikabbli.

Il-fajl tal-awditjar għandu jingħalaq mhux aktar tard minn 60 jum wara d-data tal-firma tar-rapport tal-awditjar msemmi fl-Artikolu 28 ta' din id-Direttiva u, fejn applikabbli, l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 537/2014.

6.   L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar għandhom iżommu rekords ta' kwalunkwe lment li jitressaq bil-miktub dwar it-twettiq tal-awditi statutorji li saru.

7.   L-Istati Membri jistgħu jistipulaw rekwiżiti simplifikati fir-rigward tal-paragrafi 3 u 6 għall-awditi msemmijin fil-punti (b) u (c) tal-punt 1 tal-Artikolu 2.”

20.

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 25a

L-ambitu tal-awditu statutorju

Mingħajr ħsara għar-rekwiżiti ta' rapportar kif imsemmija fl-Artikolu 28 ta' din id-Direttiva u, fejn applikabbli, l-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament (UE) Nru 537/2014, l-ambitu tal-awditu statutorju ma jinkludix assigurazzjoni dwar il-vijabilità fil-ġejjieni tal-entità awditjata jew dwar l-effiċjenza jew l-effikaċja li biha l-korp maniġerjali jew dak amministrattiv jamministra jew ser jamministra l-affarijiet tal-entità.”

21.

L-Artikolu 26 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 26

Standards tal-awditjar

1.   L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar jwettqu l-awditi statutorji tal-kontijiet konformement ma' standards internazzjonali tal-awditjar adottati mill-Kummissjoni f'konformità mal-paragrafu 3.

L-Istati Membri jistgħu japplikaw standards, proċeduri jew rekwiżiti nazzjonali tal-awditjar ta' kontijiet dment li l-Kummissjoni ma tkunx adottat standard internazzjonali tal-awditjar ta' kontijiet li jkopri l-istess suġġett.

2.   Għall-fini tal-paragrafu 1, ‘standards internazzjonali tal-awditjar’ tfisser Standards Internazzjonali tal-Awditjar (ISAs), Standard Internazzjonali dwar il-Kontroll tal-Kwalità (ISQC 1) u Standards oħra relatati maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC) permezz tal-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Aċċertament (IAASB), safejn huma rilevanti għall-awditu statutorju.

3.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta, permezz ta' atti delegati f'konformità mal-Artikolu 48a, l-istandards internazzjonali tal-awditjar msemmija fil-paragrafu 1 fil-qasam tal-prattika tal-awditjar, l-indipendenza u l-kontrolli interni tal-kwalità ta' awdituri statutorji u ta' ditta tal-awditjar għall-finijiet tal-applikazzjoni ta' dawk l-istandards fl-Unjoni.

Il-Kummissjoni tista' tadotta l-istandards internazzjonali tal-awditjar biss jekk:

(a)

ikunu żviluppati skont il-proċess adatt, taħt sorveljanza pubblika u bi trasparenza, u jkunu ġeneralment aċċettati internazzjonalment;

(b)

jikkontribwixxu livell għoli ta' kredibbiltà u kwalità għad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali jew konsolidati f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2013/34/KE;

(c)

jirriżultaw f'ġid komuni tal-Unjoni; u

(d)

ma jemendaw l-ebda rekwiżit ta' din id-Direttiva u ma jissupplimentaw l-ebda rekwiżit tagħha minbarra dawk imsemmija fil-Kapitolu IV u l-Artikoli 27 u 28.

4.   Minkejja t-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jimponu proċeduri jew rekwiżiti tal-awditjar ta' kontijiet flimkien ma' standards internazzjonali tal-awditjar adottati mill-Kummissjoni, biss

(a)

jekk dawk il-proċeduri jew ir-rekwiżiti tal-awditjar ikunu meħtieġa sabiex jagħtu effett lil rekwiżiti ġuridiċi nazzjonali marbuta mal-ambitu tal-awditi statutorji; jew

(b)

safejn dan ikun meħtieġ biex iżidu l-kredibbiltà u l-kwalità tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji.

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw il-proċeduri jew ir-rekwiżiti tal-awditjar lill-Kummissjoni mill-inqas tliet xhur qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom jew, fil-każ ta' rekwiżiti li diġà jeżistu fil-ħin tal-adozzjoni ta' standard internazzjonali tal-awditjar, mhux aktar tard minn tliet xhur mill-adozzjoni tal-istandard internazzjonali rilevanti tal-awditjar.

5.   Fejn Stat Membru jirrikjedi l-awditu statutorju ta' impriżi żgħar, jista' jipprevedi li l-applikazzjoni tal-istandards tal-awditjar imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun proporzjonata mal-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet ta' tali impriżi. L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri sabiex jiżguraw l-applikazzjoni proporzjonata ta' standards tal-awditjar għall-awditi statutorji ta' impriżi żgħar.”

22.

L-Artikolu 27 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 27

Awditi statutorji ta' dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-każ ta' awditu statutorju tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati ta' grupp ta' impriżi:

(a)

fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati, l-awditur tal-grupp għandu jerfa' r-responsabbiltà kollha għar-rapport tal-awditjar msemmi fl-Artikolu 28 ta' din id-Direttiva u, fejn applikabbli, l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 537/2014 u fejn applikabbli, għar-rapport addizzjonali lill-kumitat tal-awditjar kif imsemmi fl-Artikolu 11 ta' dak ir-Regolament;

(b)

l-awditur tal-grupp jevalwa l-ħidma tal-awditjar imwettqa minn kwalunkwe awditur ta' pajjiż terz jew minn awditur(i) statutorju/i u minn entità jew entitajiet tal-awditjar ta' pajjiż terz jew ditta/i tal-awditjar għall-fini tal-awditjar tal-grupp u jiddokumenta n-natura, iż-żmien u l-grad tal-involviment fil-ħidma mwettqa minn dawk l-awdituri, inkluż fejn applikabbli, ir-rieżami tal-awditur tal-grupp ta' partijiet rilevanti tad-dokumentazzjoni tal-awditjar ta' dawk l-awdituri;

(c)

l-awditur tal-grupp jeżamina l-ħidma tal-awditjar mwettqa minn awditur(i) ta' pajjiż terz jew awditur(i) statutorju/i, u ta' entità jew entitajiet tal-awditjar ta' pajjiż terz jew ditta/i tal-awditjar għall-fini tal-awditjar tal-grupp u jiddokumentaha.

Id-dokumentazzjoni miżmuma mill-awditur tal-grupp għandha tkun tali li tippermetti lill-awtorità kompetenti rilevanti teżamina l-ħidma tal-awditur tal-grupp.

Għall-finijiet tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, l-awditur tal-grupp għandu jesiġi l-qbil ta' awdituri ta' pajjiż terz, l-awdituri statutorji, l-entitajiet tal-awditjar ta' pajjiż terz jew tal-ditti tal-awditjar ikkonċernati għat-trasferiment tad-dokumentazzjoni rilevanti matul it-twettiq tal-awditjar tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati, bħala kondizzjoni tal-affidabbiltà mill-awditur tal-grupp dwar il-ħidma ta' dawk l-awdituri ta' pajjiż terz, awdituri statutorji, entitajiet tal-awditjar ta' pajjiż terz jew ditti tal-awditjar.

2.   Fejn l-awditur tal-grupp ma jkunx jista' jikkonforma mal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, huwa jew hija għandu/ha jieħu/tieħu l-miżuri adatti u jinforma/tinforma lill-awtorità kompetenti rilevanti.

Tali miżuri għandhom, kif adatt, jinkludu t-twettiq ta' ħidma addizzjonali ta' awditu statutorju, jew direttament inkella permezz tal-esternalizzazzjoni ta' tali kompiti, fis-sussidjarja rilevanti.

3.   Fejn l-awditur tal-grupp ikun soġġett għal rieżami ta' assigurazzjoni tal-kwalità jew investigazzjoni fir-rigward tal-awditu statutorju tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati ta' grupp ta' impriżi, l-awditur tal-grupp, meta jintalab jagħmel dan, iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtorità kompetenti id-dokumentazzjoni rilevanti li huwa jżomm fir-rigward tal-ħidma tal-awditjar imwettqa rispettivament mill-awdituri ta' pajjiż terz, awdituri statutorji, entitajiet tal-awditjar ta' pajjiż terz jew ditti tal-awditjar rispettivi għall-fini tal-awditjar tal-grupp, inklużi kwalunkwe dokumenti ta' ħidma rilevanti għall-awditjar tal-grupp.

L-awtorità kompetenti tista' titlob dokumentazzjoni addizzjonali dwar il-ħidma tal-awditjar imwettqa minn kwalunkwe awditur statutorju jew ditta tal-awditjar għall-fini tal-awditjar tal-grupp għall-awtoritajiet kompetenti rilevanti skont l-Artikolu 36.

Fejn impriża prinċipali jew impriża sussidjarja ta' grupp ta' impriżi jiġi awditjat minn awditur jew awdituri jew entità jew entitajiet tal-awditjar minn pajjiż terz, l-awtorità kompetenti tista' titlob dokumentazzjoni addizzjonali dwar awditjar imwettqa minn kwalunkwe awditur jew awdituri ta' pajjiż terz jew entità jew entitajiet tal-awditjar ta' pajjiż terz mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti minn pajjiżi terzi permezz tal-arranġamenti ta' ħidma msemmija fl-Artikolu 47.

B'deroga mit-tielet subparagrafu, fejn impriża prinċipali jew impriża sussidjarja ta' grupp ta' impriżi jiġi awditjat minn awditur jew awdituri jew entità jew entitajiet tal-awditjar minn pajjiż terz li ma jkollux arranġament ta' ħidma kif imsemmi fl-Artikolu 47, l-awditur tal-grupp, meta jintalab dan, ikun responsabbli wkoll mill-iżgurar ta' konsenja adegwata tad-dokumentazzjoni addizzjonali tal-ħidma tal-awditjar imwettqa minn awdituri ta' pajjiż terz jew entitajiet tal-awditjar, inklużi d-dokumenti ta' ħidma relevanti għall-awditjar tal-grupp. Sabiex tiġi żgurata tali konsenja, l-awditur tal-grupp għandu jżomm kopja ta' tali dokumentazzjoni, jew jiftiehem mal-awdituri ta' pajjiż terz jew mal-entitajiet tal-awditjar sabiex huwa jkun jista' jkollu aċċess mhux ristrett għal tali dokumentazzjoni kull meta jitlob li jagħmel dan, jew jieħu kwalunkwe azzjoni adatta oħra. Fejn id-dokumenti ta' ħidma tal-awditjar ma jistgħux jgħaddu minn pajjiż terz għall-awditur tal-grupp minħabba raġunijiet legali jew raġunijiet oħra, id-dokumentazzjoni miżmuma mill-awditur tal-grupp għandha tinkludi provi li huwa ħa l-proċeduri adatti sabiex ikollu aċċess għad-dokumentazzjoni tal-awditjar, u fil-każ ta' impediment li mhumiex legali li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż terz konċernat, provi li jsostnu l-eżistenza ta' tali impediment.”

23.

L-Artikolu 28 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 28

Rappurtar tal-awditjar

1.   L-awditur(i) statutorju(i) jew id-ditta/i tal-awditjar għandha tippreżenta r-riżultati tal-awditu statutorju f'rapport tal-awditjar. Ir-rapport għandu jitħejja f'konformità mar-rekwiżiti tal-istandards tal-awditjar adottati mill-Unjoni jew l-Istat Membru konċernat, kif imsemmi fl-Artikolu 26.

2.   Ir-rapport tal-awditjar għandu jsir bil-miktub u għandu:

(a)

jidentifika l-entità li d-dikjarazzjonijiet annwali jew konsolidati tagħha huma soġġetti għall-awditu statutorju; jispeċifika d-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali jew konsolidati u d-data u l-perijodu li huma jkopru; u jidentifika l-qafas ta' rappurtar finanzjarju li ġie applikat fit-tħejjija tagħhom;

(b)

jinkludi deskrizzjoni tal-ambitu tal-awditu statutorju li għandu, bħala minimu, jidentifika l-istandards tal-awditjar li f'konformità magħhom twettqet l-awditu statutorju;

(c)

jinkludi opinjoni tal-awditjar, li għandha tkun mhux kwalifikata, jew kwalifikata jew opinjoni negattiva u li għandha tindika b'mod ċar l-opinjoni tal-awditur(i) statutorju/i jew tal-ditta/i tal-awditjar dwar:

(i)

jekk id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali jagħtux stampa veritiera u ġusta f'konformità mal-qafas rilevanti għar-rapportar finanzjarju, u,

(ii)

fejn ikun il-każ, jekk id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali jkunux konformi mar-rekwiżiti statutorji.

Jekk l-awdituri statutorji jew id-ditti tal-awditjar ma jkunux kapaċi jesprimu opinjoni tal-awditjar, ir-rapport għandu jkollu ċaħda tal-opinjoni;

(d)

jirreferi għal kwalunkwe kwistjoni oħra li fuqha l-awdituri statutorji jew id-ditti tal-awditjar xeħtu xi dawl permezz ta' enfasi mingħajr ma kkwalifikaw l-opinjoni tal-awditjar;

(e)

jinkludi opinjoni u dikjarazzjoni, li t-tnejn li huma għandhom ikunu bbażati fuq il-ħidma li twettqet matul l-awditjar, imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2013/34/UE;

(f)

jipprovdi dikjarazzjoni dwar kwalunkwe inċertezza materjali marbuta ma' avvenimenti jew kondizzjonijiet li jistgħu jitfgħu dubju sinifikanti dwar il-kapaċità tal-entità li tkompli bħala negozju avvjat;

(g)

jidentifika il-post fejn ikunu stabbiliti l-awdituri statutorji jew id-ditti tal-awditjar.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu rekwiżiti addizzjonali marbuta mal-kontenut tar-rapport tal-awditu.

3.   Fejn l-awditu statutorju tkun twettqet minn aktar minn awditur statutorju wieħed jew aktar minn ditta tal-awditjar waħda, l-awdituri statutorji jew id-ditti tal-awditjar għandhom jaqblu dwar ir-riżultati tal-awditu statutorju u jippreżentaw rapport u opinjoni konġunti. Fil-każ ta' nuqqas ta' qbil, kull awditur statutorju jew ditta tal-awditjar għandhom jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom fil-paragrafu separat tar-rapport tal-awditjar u jagħtu r-raġuni tan-nuqqas ta' qbil.

4.   Ir-rapport tal-awditjar għandu jiġi ffirmat u datat mill-awditur statutorju. Fejn ditta tal-awditjar twettaq l-awditu statutorju, ir-rapport tal-awditjar għandu jiġi ffirmat minn tal-inqas l-awdituri statutorji li wettqu l-awditu statutorju f'isem id-ditta tal-awditjar. Fejn ikunu tqabbdu aktar minn awditur statutorju wieħed jew ditta tal-awditjar waħda r-rapport tal-awditjar għandu jiġi ffirmat mill-awdituri statutorji kollha jew għall-inqas mill-awdituri statutorji li jwettqu l-awditu statutorju f'isem kull ditta tal-awditjar. F'ċirkostanzi eċċezzjonali l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li ma jkunx hemm l-obbligu li tali firma/firem tkun/ikunu żvelata/i lill-pubbliku jekk tali żvelar jista' jwassal għal theddida imminenti u sinifikattiva għas-sigurtà personali ta' kwalunkwe persuna.

Fi kwalunkwe każ, l-ismijiet tal-persuni involuti għandhom ikunu mgħarrfa lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti.

5.   Ir-rapport tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati għandu jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4. Fir-rapportar dwar il-konsistenza tar-rapport dwar il-ġestjoni u tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji kif meħtieġ mill-punt (e) tal-paragrafu 2, l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar għandha tikkunsidra d-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati u r-rapport dwar il-ġestjoni konsolidat. Fejn id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali tal-impriża prinċipali jkunu mehmuża mad-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati, ir-rapporti tal-awdituri statutorji jew tad-ditti tal-awditjar meħtieġa minn dan l-Artikolu jistgħu jiġu kkombinati.”

24.

L-Artikolu 29 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

is-sistema tal-assigurazzjoni tal-kwalità għandha tkun organizzata b'tali mod li tkun indipendenti mill-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar analizzati u tkun soġġetta għal sorveljanza pubblika;”;

(ii)

il-punt (h) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(h)

ir-rieżamijiet ta' assigurazzjoni tal-kwalità għandhom isiru fuq il-bażi ta' analiżi tar-riskji u fil-każ ta' awdituri statutorji u ditta tal-awditjar t-twettiq ta' awditi statutorji kif iddefiniti fil-punt (a) tal-punt 1 tal-Artikolu 2 mill-inqas kull sitt snin;”;

(iii)

jiżdied il-punt li ġej:

“(k)

ir-rieżamijiet ta' assigurazzjoni tal-kwalità għandhom ikunu adatti u proporzjonati fir-rigward tal-iskala u l-kumplessità tal-attività tal-awditur statutorju jew tad-ditta tal-awditjar rieżaminati.”;

(b)

il-paragrafu 2 jiġi sostitwit b'li ġej:

“2.   Għall-fini tal-punt (e) tal-paragrafu 1, għall-inqas il-kriterji li ġejjin għandhom japplikaw għall-għażla tal-eżaminaturi:

(a)

l-eżaminaturi għandu jkollhom l-edukazzjoni professjonali adatta u l-esperjenza rilevanti fl-awditu statutorju u r-rapportar finanzjarju flimkien ma' taħriġ speċifiku dwar ir-rieżamijiet tal-assigurazzjoni tal-kwalità;

(b)

persuna ma titħalliex taġixxi bħala reviżur f'rieżami ta' assigurazzjoni tal-kwalità ta' awditur statutorju jew ta' ditta tal-awditjar sakemm ikunu għaddew mill-inqas tliet snin minn meta dik il-persuna waqfet tkun sħab jew impjegata ta', jew assoċjata mod ieħor ma', dak l-awditur statutorju jew dik id-ditta tal-awditjar;

(c)

l-eżaminaturi għandhom jiddikjaraw li ma hemm l-ebda konflitt ta' interess bejniethom u bejn l-awditur statutorju u d-ditta tal-awditjar li jkunu ser jiġu rieżaminati.”

(c)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3.   Għall-fini tal-punt (k) tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jesiġu li l-awtoritajiet kompetenti, meta jwettqu rieżamijiet ta' assigurazzjoni tal-kwalità tal-awditi statutorji tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali jew konsolidati ta' impriżi ta' daqs medju u żgħar, jieħdu kont tal-fatt li l-istandards tal-awditi adottati f'konformità mal-Artikolu 26 jkunu mfassla b'mod proporzjonat mal-iskala u l-kumplessità tan-negozju tal-entità awditjata.”

25.

Il-Kapitolu VII huwa sostitwit minn dan li ġej:

“KAPITOLU VII

INVESTIGAZZJONIJIET U SANZJONIJIET

Artikolu 30

Sistemi ta' investigazzjonijiet u ta' sanzjonijiet

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm sistemi effettivi ta' investigazzjonijiet u ta' sanzjonijiet sabiex jiskopru, jikkorreġu u jipprevjenu l-eżekuzzjoni mhux adegwata ta' awditjar statutorju.

2.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-Istati Membri dwar ir-responsabbiltà ċivili, l-Istati Membri għandhom jipprvodu għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi fir-rigward ta' awdituri statutorji u ditta tal-awditjar, fejn l-awditi statutorji ma jitwettqux konformement mad-dispożizzjonijiet adottati fl-implementazzjoni ta' din id-Direttiva, u, fejn applikabbli, ir-Regolament (UE) Nru 537/2014.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jistabbilixxux regoli għal sanzjonijiet amministrattivi għal ksur li jkun diġà soġġett għad-dritt kriminali nazzjonali. F'dak il-każ huma għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt kriminali.

3.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li miżuri meħuda u sanzjonijiet imposti fir-rigward ta' awdituri statutorji u kumpanniji ta' awditi jkunu mgħarrfa b'mod adatt lill-pubbliku. Is-sanzjonijiet għandhom jinkludu l-possibbiltà tal-irtirar tal-approvazzjoni. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li tali żvelar ma għandux ikollu fih data personali fis-sens tal-punt (a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 95/46/KE.

4.   Sas-17 ta' Ġunju 2016 l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ir-regoli msemmija fil-paragrafu 2 lill-Kummissjoni. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti għalihom.

Artikolu 30a

Setgħat ta' sanzjonar

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu awtoritajiet kompetenti li jkollhom is-setgħa li jieħdu u/jew jimponu għall-inqas il-miżuri u s-sanzjonijiet amministrattivi li ġejjin għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva u, fejn applikabbli, tar-Regolament (UE) Nru 537/2014:

(a)

notifika li teħtieġ lill-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-ksur li tieqaf mill-imġiba u li tastjeni milli tirrepeti dik l-imġiba;

(b)

dikjarazzjoni pubblika li tindika li l-persuna responsabbli u n-natura tal-ksur, ippubblikata fuq is-sit elettroniku tal-awtoritajiet kompetenti;

(c)

projbizzjoni temporanja ta' mhux aktar minn durata ta' tliet snin, li tillimita lill-awditur statutorju, id-ditta tal-awditjar jew is-sħab ewlieni tal-awditjar milli jwettqu awditi statutorji u/jew jiffirmaw rapporti tal-awditjar;

(d)

dikjarazzjoni li r-rapport tal-awditi ma jilħaqx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 28 ta' din id-Direttiva jew, fejn applikabbli, l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 537/2014;

(e)

projbizzjoni temporanja ta' mhux aktar minn durata ta' tliet snin, li tillimita lill-awditur statutorju, id-ditta tal-awditjar jew is-sħab ewlieni tal-awditjar milli jeżerċitaw funzjonijiet f'kumpanniji ta' awditi jew entitajiet ta' interess pubbliku;

(f)

l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet amministrattivi pekunarji fuq persuni fiżiċi u ġuridiċi.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeżerċitaw is-setgħat tagħhom ta' sanzjonar f'konformità ma' din id-Direttiva u d-dritt nazzjonali fi kwalunkwe wieħed mill-modi li ġejjin:

(a)

direttament;

(b)

f'kollaborazzjoni ma' awtoritajiet oħra;

(c)

permezz ta' applikazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.

3.   L-Istati Membri jistgħu jikkonferixxu setgħat oħra lill-awtoritajiet kompetenti flimkien ma' dawk imsemmija fil-paragrafu 1.

4.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jagħtu setgħat lill-awtoritajiet li jissorveljaw entitajiet ta' interess pubbliku, meta ma jkunux maħtura bħala l-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) Nru 537/2014, setgħat li jimponu sanzjonijiet għall-ksur ta' kompiti ta' rapportar provduti f'dak ir-Regolament.

Artikolu 30b

Applikazzjoni effettiva tas-sanzjonijiet

Meta jistabbilixxu regoli skont l-Artikolu 30, l-Istati Membri għandhom jesiġu li meta jiddeterminaw it-tip u l-livell ta' sanzjonijiet u miżuri amministrattivi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu kont taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inklużi, fejn ikun il-każ:

(a)

il-gravità u t-tul ta' żmien tal-ksur;

(b)

il-grad ta' responsabbiltà tal-persuna responsabbli;

(c)

is-saħħa finanzjarja tal-persuna responsabbli, pereżempju kif indikat mill-fatturat totali tal-impriża responsabbli jew il-fatturat totali tal-impriża responsabbli jew id-dħul annwali totali tal-persuna responsabbli, jekk dik il-persuna tkun persuna fiżika;

(d)

l-ammonti tal-qligħ iggwadanjat jew tat-telf evitat mill-persuna responsabbli, sa fejn dawn jistgħu jiġu determinati;

(e)

il-livell ta' kooperazzjoni tal-persuna responsabbli mal-awtorità kompetenti;

(f)

ksur preċedenti mill-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli.

Jista' jittieħed kont ta' fatturi addizzjonali mill-awtoritajiet kompetenti, fejn tali fatturi huma speċifikati fid-dritt nazzjonali.

Artikolu 30c

Pubblikazzjoni ta' sanzjonijiet u miżuri

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw fil-websajt uffiċjali tagħhom għall-inqas kwalunkwe sanzjoni amministrattiva imposta għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva jew tar-Regolament (UE) Nru 537/2014 li fir-rigward tagħhom id-drittijiet kollha ta' appell ikunu ġew eżawriti jew ikunu skadew mingħajr dewmien mhux dovut immedjatament wara li l-persuna ssanzjonata tkun ġiet informata dwar it-tip u n-natura tal-ksur u l-identità ta' persuna fiżika jew ġuridika li fuqha ġiet imposta s-sanzjoni.

Fejn l-Istati Membri jippermettu l-pubblikazzjoni ta' sanzjonijiet li huma soġġetti għal appell, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, mingħajr dewmien mhux dovut, jippubblikaw ukoll fil-websajt uffiċjali tagħhom informazzjoni li tikkonċerna l-istatus u l-eżitu ta' kwalunkwe appell.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw is-sanzjonijiet imposti fuq bażi anonima, u b'mod konformi mad-dritt nazzjonali, fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

fejn, fil-każ li s-sanzjoni tiġi imposta fuq persuna fiżika, jiġi ppruvat li l-pubblikazzjoni tad-data personali tkun sproporzjonata minn valutazzjoni obbligatorja li tkun saret qabel tal-proporzjonalità ta' tali pubblikazzjoni;

(b)

fejn il-pubblikazzjoni tipperikola l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji jew investigazzjoni kriminali li tkun għadha għaddejja;

(c)

fejn pubblikazzjoni toħloq ħsara sproporzjonata lill-istituzzjonijiet jew l-individwi involuti.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li kwalunkwe pubblikazzjoni f'konformità mal-paragrafu 1 tkun għal żmien proporzjonat u għandha tibqa' fuq il-websajt uffiċjali għal minimu ta' perijodu ta' ħames snin wara li d-drittijiet kollha għal appell ikunu ġew eżawriti jew ikunu skadew.

Il-pubblikazzjoni ta' sanzjonijiet u ta' miżuri u ta' kwalunkwe dikjarazzjoni pubblika għandha tirrispetta d-drittijiet fundamentali kif stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li tali pubblikazzjoni jew kwalunkwe dikjarazzjoni pubblika ma għandhiex ikollha fiha data personali fis-sens tal-punt (a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 95/46/KE.

Artikolu 30d

Appell

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtorità kompetenti f'konformità ma' din id-Direttiva u mar-Regolament (UE) Nru 537/2014 ikunu soġġetti għal dritt ta' appell.

Artikolu 30e

Rapportar ta' ksur

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti mekkaniżmi effettivi sabiex jinkoraġġixxu r-rapportar ta' ksur ta' din id-Direttiva jew tar-Regolament (UE) Nru 537/2014 lill-awtoritajiet kompetenti.

2.   Il-mekkaniżmi msemmija fil-paragrafu 1 għall-inqas għandhom jinkludu:

(a)

proċeduri speċifiċi għar-riċevuta ta' rapporti ta' ksur u s-segwitu tagħhom;

(b)

protezzjoni ta' data personali dwar kemm il-persuna li rrapportat il-ksur issuspettat jew ikkonfermat kif ukoll il-persuna li tkun akkużata li wettqet, jew li allegatament wettqet dak il-ksur, f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE;

(c)

proċeduri adatti sabiex jiżguraw id-dritt tal-persuna akkużata li tiddefendi ruħha u li tinstema' qabel l-adozzjoni ta' deċiżjoni li tikkonċernaha u d-dritt li tfittex rimedju effettiv quddiem tribunal kontra kwalunkwe deċiżjoni jew miżura li tikkonċernaha.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-ditti tal-awditjar jistabbilixxu proċeduri adatti għall-impjegati tagħhom sabiex dawn jirrapportaw ksur potenzjali jew ikkonfermat ta' din id-Direttiva jew tar-Regolament (UE) Nru 537/2014 b'mod intern permezz ta' kanal speċifiku.

Artikolu 30f

Skambju ta' informazzjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu lis-CEAOB annwalment informazzjoni miġbura fir-rigward tal-miżuri, is-sanzjonijiet u l-multi amministrattivi kollha imposti f'konformità ma' dan il-kapitolu. Is-CEAOB għandha tippubblika dik l-informazzjoni f'rapport annwali.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkomunikaw lis-CEAOB il-projbizzjonijiet temporanji kollha msemmija fil-punti (c) u (e) tal-Artikolu 30a(1).”

26.

L-Artikolu 32 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jorganizzaw sistema effettiva ta' sorveljanza pubblika għall-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar bbażata fuq il-prinċipji stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 7, u għandhom jinnominaw awtorità kompetenti responsabbli minn tali sorveljanza.”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   L-awtorità kompetenti għandha titmexxa minn persuni mhux prattikanti li jkollhom għarfien tal-oqsma rilevanti tal-awditu statutorju. Huma għandhom jingħażlu f'konformità ma' proċedura ta' nominazzjoni indipendenti u trasparenti.

L-awtorità kompetenti tista' tqabbad persuni prattikanti jwettqu kompiti speċifiċi u tista' wkoll tingħata l-għajnuna minn esperti meta din tkun essenzjali għat-twettiq tajjeb tal-kompiti tagħha. F'tali każijiet, kemm il-persuni prattikanti kif ukoll l-esperti ma għandhom ikunu involuti fl-ebda teħid ta' deċiżjonijiet tal-awtorità kompetenti.”;

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   L-awtorità kompetenti għandu jkollha r-responsabbiltà finali fuq is-sorveljanza ta':

(a)

l-approvazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar;

(b)

l-adozzjoni ta' standards dwar l-etika professjonali, il-kontroll intern tal-kwalità ta' ditta tal-awditjar u tal-awditi, ħlief fejn dawk l-istandards jiġu adottati jew approvati minn awtoritajiet oħra tal-Istati Membri;

(c)

it-tkomplija tal-edukazzjoni;

(d)

is-sistemi ta' assigurazzjoni tal-kwalità;

(e)

is-sistemi dixxiplinarji investigattivi u amministrattivi.”;

(d)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“4a.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw awtorità kompetenti waħda jew aktar biex twettaq il-kompiti provduti f'din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jinnominaw awtorità kompetenti waħda biss li terfa' r-responsabbiltà finali għall-kompiti msemmija f'dan l-Artikolu minbarra għall-fini tal-awditu statutorju ta' kooperattivi, banek tat-tfaddil jew entitajiet simili kif imsemmi fl-Artikolu 45 tad-Direttiva 86/635/KEE, jew ta' sussidjarja jew suċċessur leġittimu ta' kooperattiva, bank tat-tfaddil jew entità simili kif imsemmi fl-Artikolu 45 tad-Direttiva 86/635/KEE.

L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bin-nomina tagħhom.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu organizzati b'tali mod li jiġu evitati l-konflitti ta' interess.

4b.   L-Istati Membri jistgħu jiddelegaw jew iħallu lill-awtorità kompetenti tiddelega kwalunkwe kompiti tagħha lil awtoritajiet jew korpi maħturin jew awtorizzati mod ieħor mil-liġi biex iwettqu tali kompiti.

Id-delega għandha tispeċifika l-kompiti delegati u l-kondizzjonijiet li skonthom għandhom jitwettqu. L-awtoritajiet jew il-korpi għandhom jiġu organizzati b'tali mod li jiġu evitati konflitti ta' interess.

Fejn l-awtorità kompetenti tiddelega kompiti lil awtoritajiet jew korpi oħra, hija għandha tkun tista' tieħu lura l-kompetenzi delegati skont il-każ.

(e)

il-paragrafi 5 sa 7 huma sostitwiti b'dan li ġej:”

“5.   L-awtorità kompetenti għandu jkollha d-dritt, fejn meħtieġ, li tibda u twettaq investigazzjonijiet marbuta mal-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar u d-dritt li tieħu l-azzjoni adatta.

Fejn awtorità kompetenti tingaġġa esperti biex iwettqu kompiti speċifiċi, hi għandha tiżgura li ma hemm l-ebda konflitt ta' interess bejn dawk l-esperti u l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar inkwistjoni. Tali esperti għandhom jikkonformaw mal-istess rekwiżiti ta' dawk previsti fil-punt (a) tal-Artikolu 29(2).

L-awtorità kompetenti hija mogħtija s-setgħat meħtieġa biex tkun tista' twettaq il-kompiti u r-responsabbiltajiet tagħha taħt din id-Direttiva.;

6.   L-awtorità kompetenti għandha tkun trasparenti. Din għandha tinkludi l-pubblikazzjoni tal-programmi annwali ta' ħidma u r-rapporti tal-attività.

7.   Is-sistema ta' sorveljanza pubblika għandha tkun iffinanzjata b'mod adatt u għandu jkollha riżorsi adatti biex tibda u twettaq investigazzjonijiet, kif imsemmi fil-paragrafu 5. Il-finanzjament tas-sistema ta' sorveljanza pubblika għandu jkun protett u liberu minn kwalunkwe influwenza indebita mill-awdituri statutorji jew id-ditti tal-awditjar.”

27.

L-Artikolu 34 jiġi emendat kif ġej:

(a)

is-subparagrafu li ġej jiżdied fil-paragrafu 1:

“Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, id-ditti tal-awditjar approvati fi Stat Membru wieħed biex iwettqu servizzi ta' awditjar fi Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 3a għandhom ikunu soġġetti għal rieżami ta' assigurazzjoni tal-kwalità fl-Istat Membru domiċiljari u s-sorveljanza fl-Istat Membru ospitanti ta' kwalunkwe awditjar li twettaq hemmhekk.”

(b)

il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b'li ġej:

“2.   Fil-każ ta' awditu statutorju ta' dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati, l-Istat Membru li jeħtieġ dak l-awditu statutorju ma jistax jimponix rekwiżiti addizzjonali marbuta mal-awditu statutorju fir-rigward tar-reġistrazzjoni, ir-rieżami ta' assigurazzjoni tal-kwalità, l-istandards tal-awditjar, l-etika professjonali u l-indipendenza ta' awditur statutorju jew ditta tal-awditjar li twettaq awditu statutorju ta' sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor.

3.   Fil-każ ta' kumpannija li t-titoli tagħha huma nnegozjati f'suq regolat fi Stat Membru li mhuwiex dak li fih l-kumpannija għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha, l-Istat Membru li fih huma nnegozjati t-titoli jista' ma jimponi l-ebda rekwiżit addizzjonali marbut mal-awditu statutorju fir-rigward tar-reġistrazzjoni, ir-rieżami ta' assigurazzjoni tal-kwalità, l-istandards tal-awditjar, l-etika professjonali u l-indipendenza ta' awditur statutorju jew ditta tal-awditjar li jwettaq l-awditu statutorju tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali jew konsolidati ta' dik il-kumpannija.”;

(c)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   Fejn awditur statutorju jew ditta tal-awditjar tkun irreġistrata fi kwalunkwe Stat Membru b'konsegwenza tal-approvazzjoni f'konformità mal-Artikolu 3 jew l-Artikolu 44 u dak l-awditur statutorju jew dik id-ditta tal-awditjar tipprovdi rapporti tal-awditjar dwar dikjarazzjonijiet finanzjarji kif imsemmi fl-Artikolu 45(1), l-Istati Membru li fih l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar tkun irreġistrata għandu jissoġġetta lil dak l-awditur statutorju jew dik id-ditta tal-awditjar għas-sistemi tiegħu ta' sorveljanza, is-sistemi tiegħu ta' assigurazzjoni tal-kwalità u s-sistemi tiegħu ta' investigazzjoni u sanzjonijiet.”;

28.

L-Artikolu 35 jitħassar.

29.

L-Artikolu 36 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri responsabbli mill-approvazzjoni, ir-reġistrazzjoni, l-assigurazzjoni tal-kwalità, l-ispezzjoni u d-dixxiplina, l-awtoritajiet kompetenti maħturin f'konformità mal-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 537/2014 u l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej rilevanti għandhom jikkooperaw ma' xulxin kull meta jinħtieġ għall-fini tat-twettiq tar-responsabbiltajiet u l-kompiti rispettivi tagħhom taħt din id-Direttiva u r-Regolament (UE) Nru 537/2014. L-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru għandhom jagħtu l-għajnuna lil awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri oħra u lill-Awtoritajiet ta' Superviżjoni Ewropej rilevanti. B'mod partikolari, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu skambju ta' informazzjoni u jikkooperaw f'investigazzjonijiet marbuta mat-twettiq ta' awditi statutorji.”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Il-paragrafu 2 ma għandux jipprevjeni lill-awtoritajiet kompetenti milli jiskambjaw informazzjoni kunfidenzjali. Għaldaqstant l-informazzjoni skambjata tkun koperta mill-obbligu ta' segretezza professjonali, li għaliha huma soġġetti l-persuni impjegati jew dawk li kienu impjegati mill-awtoritajiet kompetenti. L-obbligu tas-segretezza professjonali għandu japplika wkoll għal kwalunkwe persuna oħra li lilha jkunu ġew iddelegati kompiti mill-awtoritajiet kompetenti marbuta mal-finijiet stabbiliti f'din id-Direttiva.”;

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

(i)

fit-tielet subparagrafu, il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

“(b)

jkunu diġà nfetħu proċeduri ġudizzjarji fir-rigward tal-istess azzjonijiet u kontra l-istess persuni quddiem l-awtoritajiet tal-Istat Membru mitlub; jew”;

(ii)

fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 4, il-punt (c) huwa sostitwit b'dan liġej:

“(c)

tkun diġà ngħatat sentenza finali fir-rigward tal-istess azzjonijiet u l-istess persuni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru mitlub.”

(iii)

ir-raba' subparagrafu hu sostitwit b'dan li ġej:

“Mingħajr preġudizzju għall-obbligi li għalihom huma soġġetti fil-proċeduri ġudizzjarji, l-awtoritajiet kompetenti jew l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej li jirċievu l-informazzjoni skont il-paragrafu 1 jistgħu jużawha biss għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom fl-ambitu ta' din id-Direttiva jew tar-Regolament (UE) Nru 537/2014 u fil-kuntest ta' proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji marbuta b'mod speċifiku mal-eżerċizzju ta' dawk il-funzjonijiet.”;

(d)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4a.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu lil awtoritajiet kompetenti jittrasmettu lill-awtoritajiet kompetenti responsabbli mis-superviżjoni ta' entitajiet ta' interess pubbliku, banek ċentrali, is-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u l-Bank Ċentrali Ewropew, fil-kapaċità tagħhom bħala awtoritajiet monetarji, u lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, informazzjoni konfidenzjali intenzjonata għat-twettiq tal-kompiti tagħhom. Tali awtoritajiet jew korpi ma għandhomx jinżammu milli jikkomunikaw lill-awtoritajiet kompetenti l-informazzjoni li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jinħtieġu sabiex iwettqu d-doveri tagħhom taħt ir-Regolament (UE) Nru 537/2014”.;

(e)

fir-raba' subparagrafu tal-paragrafu 6 il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

tali investigazzjoni tista' taffettwa b'mod negattiv is-sovranità, is-sigurtà jew l-ordni pubbliku tal-Istat Membru mitlub l-informazzjoni jew tikser ir-regoli ta' sigurtà nazzjonali; jew”;

(f)

jitħassar il-paragrafu 7.

30.

Fl-Artikolu 37, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   Kwalunkwe klawsola kuntrattwali li tillimita l-għażla mil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti jew il-membri ta' dik l-entità awditjata skont il-paragrafu 1 għal ċerti kategoriji jew listi ta' awdituri statutorji jew ditta tal-awditjar fir-rigward tal-ħatra ta' awditur statutorju jew ditta tal-awditjar partikolari sabiex iwettqu l-awditu statutorju ta' dik l-entità għandha tiġi pprojbita. Kwalunkwe tali klawżola eżistenti għandha tkun nulla u bla effett.”;

31.

Fl-Artikolu 38, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   F'każ tal-awditu statutorju ta' entità ta' interess pubbliku, għandu jkun permissibbli għal

(a)

l-azzjonisti, li jirrappreżentaw 5 % jew aktar tad-drittijiet tal-vot jew tal-kapital azzjonarju,

(b)

il-korpi l-oħra tal-entitajiet awditjati meta ddefiniti mil-leġislazzjoni nazzjonali, jew

(c)

l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 32 ta' din id-Direttiva jew maħturin f'konformità mal-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) Nru 537/2014 jew, meta previst mil-liġi nazzjonali, mal-Artikolu 20(2), tar-Regolament (UE) Nru 537/2014.

li jressqu kawża quddiem qorti nazzjonali għat-tkeċċija tal-awdituri statutorji jew tal-ditti tal-awditjar fejn ikun hemm raġunijiet tajba biex jagħmlu dan.”

32.

Il-Kapitolu X jiġi sostitwit b'li ġej:

“KAPITOLU X

KUMITAT TAL-AWDITJAR

Artikolu 39

Kumitat tal-awditjar

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull entità ta' interess pubbliku jkollha kumitat tal-awditjar. Il-kumitat tal-awditjar għandu jkun jew kumitat awtonomu jew kumitat tal-korp amministrattiv jew tal-korp superviżorju tal-entità awditjata. Għandu jkun magħmul minn membri mhux eżekuttivi tal-korp amministrattiv u/jew membri tal-korp superviżorju tal-entità awditjata u/jew membri maħtura mil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti tal-entità awditjata jew, għal entitajiet mingħajr azzjonisti, minn korp ekwivalenti.

Għall-inqas membru wieħed tal-kumitat tal-awditjar għandu jkollu kompetenza fil-kontabbiltà u/jew fl-awditjar.

Il-membri tal-kumitat kolleġjalment għandu jkollhom kompetenza rilevanti għas-settur li fih topera l-entità awditjata.

Il-maġġoranza tal-membri tal-kumitat tal-awditjar għandha tkun indipendenti mill-entità awditjata. Il-President tal-kumitat tal-awditjar għandu jinħatar mill-membri tiegħu jew mill-korp superviżorju tal-entità awditjata u għandu jkun indipendenti mill-entità awditjata. L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-President tal-kumitat tal-awditjar jiġi elett annwalment mil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti tal-entità awditjata.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li fil-każ ta' entitajiet ta' interess pubbliku li jilħqu l-kriterji stabbiliti fil-punti (f) u (t) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (******), il-funzjonijiet assenjati lill-kumitat tal-awditjar jistgħu jitwettqu mill-korp amministrattiv jew superviżorju sħiħ, dment li fejn il-President ta' tali korp ikun membru eżekuttiv, huwa jew hija ma jkunx President filwaqt li tali korp ikun qed iwettaq il-funzjonijiet tal-kumitat tal-awditjar.

Fejn kumitat tal-awditjar jifforma parti mill-korp amministrattiv jew mill-korp superviżorju ta' entità awditjata f'konformità mal-paragrafu 1 l-Istati Membri jistgħu jippermettu jew jesiġu li l-korp amministrattiv jew il-korp superviżorju kif ikun adatt iwettaq il-funzjonijiet tal-kumitat tal-awditjar għall-fini tal-obbligi stabbiliti f'din id-Direttiva u fir-Regolament (UE) Nru 537/2014.

3.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-entitajiet ta' interess pubbliku li ġejjin ma jkunux meħtieġa jkollhom kumitat tal-awditjar:

(a)

kwalunkwe entità ta' interess pubbliku li hija impriża sussidjarja fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/34/UE jekk dik l-entità tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafi 1, 2 u 5 ta' dan l-Artikolu, l-Artikolu 11(1), l-Artikolu 11(2) u l-Artikolu 16(5) tar-Regolament (UE) Nru 537/2014 fil-livell ta' grupp;

(b)

kwalunkwe entità ta' interess pubbliku li tkun UCITS kif iddefinita fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*******) jew fond ta' investiment alternattiv (AIF) kif iddefinit fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (********);

(c)

kwalunkwe entità ta' interess pubbliku li l-uniku skop kummerċjali tagħha huwa li taġixxi bħala emittent ta' titoli fuq il-bażi ta' assi kif iddefiniti fil-punt 5 tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 809/2004 (*********);

(d)

kwalunkwe istituzzjoni ta' kreditu fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/36/UE li l-ishma tagħha mhumiex ammessi għan-negozjar f'suq regolat ta' ebda Stat Membru fis-sens tal-punt 14 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE u li, b'mod kontinwu jew ripetut, ħarġet biss titoli ta' dejn ammessi għan-negozjar f'suq regolat, dment li l-ammont nominali totali ta' dawn it-titoli ta' dejn jibqa' taħt il-EUR 100 000 000 u li hija ma ppubblikatx prospett taħt id-Direttiva 2003/71/KE.

L-entitajiet ta' interess pubbliku msemmija fil-punt (c) għandhom jispjegaw lill-pubbliku r-raġunijiet għalfejn huma ma jqisux xieraq il-fatt li jkollhom jew kumitat tal-awditjar inkella korp amministrattiv jew superviżorju fdati bit-twettiq tal-funzjonijiet ta' kumitat tal-awditjar.

4.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jesiġu jew jippermettu li entità ta' interess pubbliku ma jkollhiex kumitat tal-awditjar dment li jkollha korp jew korpi li jwettqu funzjonijiet ekwivalenti għal kumitat tal-awditjar, stabbiliti u li qed jiffunzjonaw skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membri li fih tkun irreġistrata l-entità li ser tiġi awditjata. F'tali każ l-entità għandha tiżvela liema korp iwettaq dawk il-funzjonijiet u kif inhuwa magħmul dak il-korp.

5.   Fejn il-membri kollha tal-kumitat tal-awditjar huma membri tal-korp amministrattiv jew superviżorju tal-entità awditjata, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-kumitat tal-awditjar jkun eżentat mir-rekwiżiti ta' indipendenza stipulati fir-raba' subparagrafu tal-paragrafu 1.

6.   Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali jew superviżorji, jew ta' membri oħra li huma maħtura mil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti tal-entità awditjata, il-kumitat tal-awditjar għandha, inter-alia:

(a)

jinforma lill-korp amministrattiv jew superviżorju tal-entità awditjata bl-eżitu tal-awditu statutorju u jispjega kif l-awditu statutorju kkontribwixxiet għall-integrità tar-rappurtar finanzjarju u x'kien ir-rwol tal-kumitat tal-awditjar f'dak il-proċess;

(b)

jimmonitorja l-proċess ta' rapportar finanzjarju u jippreżenta rakkomandazzjonijiet jew proposti sabiex jiżgura l-integrità tiegħu;

(c)

jimmonitorja l-effettività tas-sistemi ta' kontroll intern tal-kwalità u dawk tal-ġestjoni tar-riskji tal-impriża u, fejn applikabbli, l-awditjar intern tiegħu li jirrigwarda r-rapportar finanzjarju tal-entità awditjata, mingħajr ma jikser l-indipendenza tiegħu;

(d)

jimmonitorja l-awditu statutorju tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali u konsolidati, b'mod partikolari, il-prestazzjoni tiegħu, filwaqt li jieħu kont ta' kwalunkwe riżultati u konklużjonijiet mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 26(6) tar-Regolament (UE) Nru 537/2014;

(e)

jeżamina u jimmonitorja l-indipendenza tal-awditi statutorji jew id-ditti tal-awditjar f'konformità mal-Artikoli 22, 22a, 22b, 24a u 24b ta' din id-Direttiva, u l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 537/2014, u b'mod partikolari kemm ikun adatt l-għoti ta' servizzi addizzjonali lill-entità awditjata f'konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament;

(f)

ikun responsabbli għall-proċedura dwar l-għażla tal-awditur(i) statutorju/i jew tal-ditta/i tal-awditjar u jirrakkomanda li l-awditur(i) statutorju/i jew id-ditta/i tal-awditjar li tinħatar/jinħatru f'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 537/2014 minbarra meta tkun applikata d-dispożizzjoni tal-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 537/2014.

(******)  Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64)."

(*******)  Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewroepw u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal- impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32)."

(********)  Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1)."

(*********)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 809/2004 tad-29 ta' April 2004 li jimplimenta d-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-informazzjoni inkluża fil-prospetti u kif ukoll il-format, l-inkorporazzjoni b'referenza u l-pubblikazzjoni ta' prospetti bħal dawn u d-disseminazzjoni tar-reklami (ĠU L 149, 30.4.2004, p. 1).”"

33.

L-Artikolu 45 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru għandhom, f'konformità mal-Artikoli 15, 16 u 17, jirreġistraw kull awditur u entità tal-awditjar minn pajjiż terz, fejn dak l-awditur u dik l-entità tal-awditjar minn pajjiż terz jipprovdu rapport tal-awditjar li jikkonċerna d-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali jew konsolidati ta' impriża [inkorporata] barra l-Unjoni li t-titoli trasferibbli tagħha jkunu ammessi għan-negozjar f'suq regolat ta' dak l-Istat Membru fis-sens tal-punt 14 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE, minbarra meta l-impriża inkwistjoni tkun emittent esklużiv ta' titoli ta' dejn pendenti li għalihom tapplika waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

huma kienu ammessi għan-negozjar f'suq regolat fi Stat Membru fis-sens tal-punt (c) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**********) qabel il-31 ta' Diċembru 2010 u d-denominazzjoni tiegħu għal kull unità, li fid-data tal-ħruġ, hija tal-inqas EUR 50 000 jew, fil-każ ta' titoli ta' dejn denominati f'munita oħra, ekwivalenti, fid-data tal-ħruġ, għal tal-inqas EUR 50 000;

(b)

huma jkunu ammessi għan-negozjar f'suq regolat fi Stat Membru fis-sens tal-punt (c) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2004/109/KE mill-31 ta' Diċembru 2010 li d-denominazzjoni tiegħu għal kull unità, li fid-data tal-ħruġ, hija tal-inqas EUR 100 000 jew, f'każ ta' titoli ta' dejn denominati f'munita oħra, ekwivalenti, fid-data tal-ħruġ, għal tal-inqas EUR 100 000.

(**********)  Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38).”;"

(b)

il-paragrafu 5 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (a) jitħassar;

(ii)

il-punt (d) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(d)

il-awditi tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali jew konsolidati msemmija fil-paragrafu 1 jitwettqu f'konformità ma' standards internazzjonali tal-awditjar kif imsemmi fl-Artikolu 26, kif ukoll mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 22, 22b u 25, jew ma' standards u rekwiżiti ekwivalenti;”;

(iii)

il-punt (e) huwa sostitwit b'dan li ġej:

(e)

jippubblikaw fis-sit elettroniku tagħhom rapport annwali ta' trasparenza li jinkludi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 537/2014 jew jikkonformaw mar-rekwiżiti ekwivalenti tal-iżvelar.

(c)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“5a.   Stat Membru jista' jirreġistra awditur minn pajjiż terz, biss jekk huwa jew hija jissodisfa/tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 5(c), (d) u (e) ta' dan l-Artikolu.”;

(d)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“6.   Sabiex jiġu żgurati l-kondizzjonijiet uniformi tal-applikazzjoni tal-punt (d) tal-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tiddeċiedi fuq l-ekwivalenza msemmija fih permezz ta' atti ta' implimentazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 48(2). L-Istati Membri jistgħu jivvalutaw l-ekwivalenza msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu dment li l-Kummissjoni ma tkunx ħadet tali deċiżjoni.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 48a bil-għan li tistabbilixxi kriterji ta' ekwivalenza ġenerali li għandhom jintużaw meta jiġi vvalutat jekk il-awditi tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jitwettqux f'konformità ma' standards internazzjonali tal-awditjar kif imsemmi fl-Artikolu 26 u r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 22, 24 u 25. Tali kriterji li jkunu applikabbli għall-pajjiżi terzi kollha għandhom jintużaw mill-Istati Membri meta jivvalutaw l-ekwivalenza fil-livell nazzjonali.”

34.

Fl-Artikolu 46, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tiddeċiedi dwar l-ekwivalenza msemmija fih permezz ta' atti ta' implimentazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 48(2). Ladarba l-Kummissjoni tirrikonoxxi l-ekwivalenza msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jiddependu fuq tali ekwivalenza b'mod parzjali jew sħiħ u għaldaqstant ma japplikawx jew jimmodifikaw ir-rekwiżiti fl-Artikolu 45(1) u (3) b'mod parzjali jew sħiħ. L-Istati Membri jistgħu jivvalutaw l-ekwivalenza msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jew jiddependu fuq il-valutazzjonijiet mwettqa minn Stati Membri oħra sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ħadet tali deċiżjoni. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li ma jkunx hemm konformità mar-rekwiżit ta' ekwivalenza msemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, tista' tħalli lill-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar konċernati jkomplu l-attivitajiet tagħhom tal-awditjar f'konformità mar-rekwiżiti tal-Istat Membru relevanti matul il-perijodu adatt ta' transizzjoni.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 48a bil-għan li tistabbilixxi kriterji ta' ekwivalenza ġenerali, fuq il-bażi tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 29, 30 u 32, li għandhom jintużaw meta jiġi vvalutat jekk is-sorveljanza pubblika, l-assigurazzjoni tal-kwalità, l-investigazzjoni u s-sistemi ta' sanzjonijiet ta' pajjiż terz ikunux ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni. Tali kriterji ġenerali għandhom jintużaw mill-Istati Membri meta jivvalutaw l-ekwivalenza fil-livell nazzjonali fin-nuqqas ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-pajjiż terz konċernat.”

35.

L-Artikolu 47 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 hu emendat kif ġej:

(i)

il-kliem ta' introduzzjoni huma sostitwiti b'dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu t-trasferiment lill-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiż terz ta' dokumenti ta' ħidma ta' awditjar jew ta' dokumenti oħra li jkunu f'idejn l-awdituri statutorji jew id-ditti tal-awditjar bl-approvazzjoni tagħhom, u dikjarazzjonijiet ta' spezzjoni jew ta' investigazzjonijiet marbuta mal-awditi inkwistjoni dment li:”;

(ii)

il-punt (a) jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

dawk id-dokumenti ta' ħidma ta' awditjar jew dokumenti oħra marbuta ma' awditi ta' kumpanniji li ħarġu titoli f'dak il-pajjiż terz jew li jifformaw parti minn grupp li joħroġ dikjarazzjonijiet finanzjarji statutorji konsolidati f'dak il-pajjiż terz;”;

(b)

fil-paragrafu 2, jiddaħħal il-punt li ġej:

“(ba)

il-protezzjoni tal-interess kummerċjali tal-entità awditjata, inkluża l-propjetà industrijali u intellettwali tagħha ma tixxekkilx”

(c)

fil-paragrafu 2, it-tieni inċiż tal-punt (d) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“—

fejn ikunu diġà nbdew proċeduri ġudizzjarji fir-rigward tal-istess azzjonijiet u kontra l-istess persuni quddiem l-awtoritajiet tal-Istat Membru mitlub,

fejn tkun diġà nqatgħet sentenza finali fir-rigward tal-istess azzjonijiet u dwar l-istess awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar quddiem l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru mitlub.”;

(d)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni, il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tiddeċiedi dwar l-adegwatezza msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu permezz ta' atti ta' implimentazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 48(2). L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 48a bil-għan li tistabbilixxi kriterji ta' adegwatezza ġenerali li f'konformità magħhom l-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk l-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi jistgħux jiġu rikonoxxuti bħala adatti sabiex jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fl-iskambju ta' dokumenti tal-ħidma tal-awditjar u dokumenti oħra f'idejn awdituri statutorji u ditta tal-awditjar. Il-kriterji ġenerali ta' adegwatezza għandhom ikunu bbażati fuq ir-rekwiżiti tal-Artikolu 36 jew fuq riżultati funzjonali essenzjalment ekwivalenti relatati ma' skambju dirett ta' dokumenti ta' ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħra f'idejn awdituri statutorji jew ditta tal-awditjar.”;

(e)

il-paragrafu 5 jitħassar

36.

Fl-Artikolu 48, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b'dawn li ġejjin:

“1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat (minn hawn 'il quddiem imsemmi ‘il-Kumitat’). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (***********).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(***********)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”."

37.

Jiddaħħal l-Artikolu 48a li ġej:

“Artikolu 48a

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikoli 26(3), 45(6), 46(2) u 47(3) għandha tiġi kkonferita lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mis-16 ta' Ġunju 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel tmiem il-perijodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b'mod taċitu għal perijodi ta' żmien identiċi, dment li l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 26(3), 45(6), 46(2) u 47(3)tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din tieħu effett fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata hemmhekk. Din ma taffettwax il-validità ta' kwalunkwe att delegat li huwa diġà fis-seħħ.

4.   Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni tinnotifikaha fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 26(3), 45(6), 46(2) u 47(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill matul perijodu ta' erba' xhur min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'[xahrejn] fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”

38.

L-Artikolu 49 jitħassar.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   Sas-17 ta' Ġunju 2016 l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jinformaw lill-Kummissjoni dwar dan. Istati Membri għandhom japplikaw dawk il-miżuri mis-17 ta' Ġunju 2016.

2.   Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkompanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif jiġu ddeterminati tali referenzi għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta' April 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 191, 29.6.2012, p. 61.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' April 2014 [(għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)] u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' April 2014.

(3)  Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-awditi statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87).

(4)  Regolament (UE) Nru 537/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar rekwiżiti speċifiċi dwar l-awditjar statutorju ta' entitajiet ta' interess pubbliku (Ara paġna 77 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(5)  Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22).

(6)  Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru, 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(7)  ĠU L 52, 25.2.2005, p. 51.

(8)  Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

(9)  Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64).

(10)  Direttiva 2010/73/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta' Novembru 2010 li temenda d-Direttivi 2003/71/KE dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u 2004/109/KE dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat (ĠU L 327, 11.12.2010, p. 1).

(11)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(12)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi rigward l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u korpi Komunitarji u dwar il-moviment liberu ta' tali data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(13)  ĠU C 336, 6.11.2012, p. 4.

(14)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


Top