EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R1062

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1062/2008 tat- 28 ta' Ottubru 2008 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 453/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika ta’ kull tliet xhur dwar impjiegi battala fil-Komunità, fir-rigward ta’ proċeduri ta’ aġġustament staġjonali u rapporti dwar il-kwalità Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 285, 29.10.2008, p. 3–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1062/oj

29.10.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 285/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1062/2008

tat-28 ta' Ottubru 2008

li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 453/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika ta’ kull tliet xhur dwar impjiegi battala fil-Komunità, fir-rigward ta’ proċeduri ta’ aġġustament staġjonali u rapporti dwar il-kwalità

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 453/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar l-istatistika ta’ kull tliet xhur dwar impjiegi battala fil-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) u 6(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 453/2008 stabbilixxa qafas komuni għall-produzzjoni sistematika ta’ statistika ta’ kull tliet xhur dwar impjiegi battala fil-Komunità.

(2)

L-aġġustament staġjonali huwa parti essenzjali mill-ġbir ta’ statistika għal terminu qasir. Sensiliet aġġustati jiffaċilitaw it-tqabbil u l-interpretazzjoni tar-riżultati matul iż-żmien. It-trażmissjoni ta’ sensiliet aġġustati żżid il-koerenza bejn id-dejta mqassma fuq livell nazzjonali u dak internazzjonali.

(3)

Għall-għanijiet ta’ l-applikazzjoni tad-dimensjonijiet ta’ kwalità stipulati fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 453/2008, il-modalitajiet, l-istruttura u l-perjodiċità tar-rapporti dwar il-kwalità li għandhom jingħataw mill-Istati Membri għandhom jiġu definiti.

(4)

Il-Bank Ċentrali Ewropew ġie kkonsultat.

(5)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Programm Statistiku,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Proċeduri ta’ aġġustament staġjonali

Għall-għan ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 453/2008, it-trażmissjoni tad-dejta aġġustata b’mod staġjonali għandha tibda mhux aktar tard minn meta jkunu disponibbli sensiliet ta’ żmien b’16-il perjodu osservat fil-livell ta’ aggregazzjoni ta’ NACE Rev. 2 speċifikat fl-Anness 1. L-għadd ta’ perjodi għandhom jingħaddu mill-ewwel dejta mhux aġġustata b’mod staġjonali meħtieġa skond ir-Regolament (KE) Nru 453/2008.

Artikolu 2

Rapporti dwar il-kwalità

1.   Il-modalitajiet u l-istruttura tar-rapporti dwar il-kwalità stipulati mill-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 453/2008 għandhom jiġu stipulati fl-Anness 2.

2.   Ir-rapporti dwar il-kwalità għandhom jiġu trażmessi lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu kull sena u għandhom jirrelataw għas-sena kalendarja ta’ qabel. L-ewwel rapport dwar il-kwalità għandu jiġi trażmess sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2011.

Artikolu 3

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 28 ta’ Ottubru 2008.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 145, 4.6.2008, p. 234.


ANNESS 1

NACE Rev. 2 livell ta’ aggregazzjoni

NACE Rev. 2 taqsimiet

Deskrizzjoni

A

Agrikoltura, forestrija u sajd

B, C, D u E

Minjieri u barrieri; manifattura; provvista ta’ elettriku, gass, fwar u arja kkundizzjonata; provvista ta’ l-ilma, drenaġġ, immaniġġjar ta’ l-iskart u attivitajiet ta’ rimedjazzjoni

F

Bini

G, H u I

Negozju bl-ingrossa u bl-imnut; tiswija ta’ vetturi bil-mutur u muturi; trasportazzjoni u ħażna; attivitajiet ta’ akkomodazzjoni u ta’ servizz ta’ ikel

J

Tagħrif u komunikazzjoni

K

Attivitajiet finanzjarji u ta’ assigurazzjoni

L

Attivitajiet marbuta ma proprjetà immobbli

M u N

Attivitajiet prrofessjonali, xjentifiċi u tekniċi; attivitajiet ta’ servizz amministrattiv u ta’ appoġġ

O, P, u Q

Amministrazzjoni pubblika u difiża; sigurtà soċjali obbligatorja; edukazzjoni; attivitajiet ta’ xogħol għas-saħħa tal-bniedem u soċjali

R u S

Arti, divertiment, rikreazzjoni u attivitajiet ta’ servizz oħrajn


ANNESS 2

Modalitajiet u struttura tar-rapporti dwar il-kwalità li għandhom jingħataw mill-Istati Membri

PREAMBOLU

Is-Sistema Statistika Ewropea (SSE), fl-isforzi tagħha biex tkompli ttejjeb il-kwalità tal-prodotti u s-servizzi tagħha, adottat definizzjoni ġenerali tal-kwalità bħala “it-totalità tal-fatturi u l-karatteristiċi ta’ prodott jew servizz li tiddependi fuq il-kapaċità tiegħu li jissodisfa bżonnijiet iddikjarati jew implikati”. Sabiex din id-definizzjoni ssir operazzjonali, ġew identifikati sitt dimensjonijiet li jiffurmaw il-kwalità tal-prodotti u s-servizzi ta’ l-istatistika:

1.

rilevanza;

2.

eżattezza;

3.

iż-żamma tal-ħin u puntwalità;

4.

aċċessibbiltà u ċarezza;

5.

komparabbiltà;

6.

koerenza.

Ir-rapporti dwar il-kwalità huma għodda xierqa għall-ġbir ta’ tagħrif dwar il-kwalità ta’ prodotti u servizzi differenti, b’mod armonizzat. Dawn għandhom jinkludu tagħrif dwar is-sitt dimensjonijiet kollha tad-definizzjoni tal-kwalita tas-SSE, kif ukoll ħarsa ġenerali lejn il-ġbir tad-dejta nazzjonali dwar impjiegi battala. It-tagħrif għandu jiġi ppreżentat skond l-istruttura li ġejja:

DESKRIZZJONI ĠENERALI

Id-deskrizzjoni ġenerali għandha tinkludi l-elementi li ġejjin, fejn xieraq:

A.   Għejun, kopertura u perjodiċità

Identifikazzjoni ta’ l-għajn tad-dejta,

Kopertura (ġeografika, NACE, daqs ta’ l-intrapriża),

Dati ta’ referenza,

Perjodiċità tal-pubblikazzjoni nazzjonali,

Definizzjoni ta’ l-unità statistika.

B.   Stħarriġ b’kampjun

B.1.   Tfassil tat-teħid tal-kampjuni

Bażi użata għall-kampjun,

Tfassil tat-teħid tal-kampjuni,

Żamma/tiġdid ta’ unitajiet ta’ teħid ta’ kampjuni,

Daqs tal-kampjun,

Stratifikazzjoni.

B.2.   Differenzazzjoni

Deskrizzjoni qasira tal-metodu ta’ differenzazzjoni,

Dimensjonijiet ta’ differenzazzjoni.

B.3.   Ġbir ta’ dejta

Deskrizzjoni qasira tal-metodu/i ta’ ġbir ta’ dejta.

C.   Għejun oħrajn

Deskrizzjoni fil-qosor ta’ l-għajn/għejun inkluż:

Aġenzija ta’ manutenzjoni,

Frekwenza ta’ aġġornar,

Regoli għar-rimi (ta’ tagħrif mhux aġġornat),

Rappurtaġġ u sanzjonijiet volontarji/obbligatorji.

D.   Regoli ta’ żvelar

Deskrizzjoni fil-qosor ta’ meta d-dejta trid titħassar għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità.

E.   Aġġustament staġjonali

Deskrizzjoni fil-qosor ta’ proċeduri ta’ aġġustament staġjonali, b’mod partikolari rigward il-linji ta’ gwida tas-Sistema Statistika Ewropea dwar l-aġġustament staġjonali li ġie approvat u appoġġjat mill-KPS.

1.   RILEVANZA

“Rilevanza” tirreferi għal jekk l-istatistiċi kollha meħtieġa humiex prodotti u sa liema punt il-kunċetti użati (definizzjonijiet, klassifikazzjonijiet eċċ.) jirriflettu l-ħtiġijiet ta’ l-utent.

Ir-rapport dwar il-kwalità għandu jinkludi

deskrizzjoni ta’ varjabbli nieqsa u ta’ analiżijiet nieqsa tal-varjabbli,

rapport ta’ progress dwar il-miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward ta’ l-istatistika ta’ kull tliet xhur dwar impjiegi battala tar-Regolament (KE) Nru 453/2008, flimkien ma’ pjan dettaljat u skeda ta’ żmien għat-tkomplija ta’ l-implimentazzjoni, u sommarju tad-devjazzjonijiet li jibqa’ mill-kunċetti ta’ l-UE.

Barra minn hekk, jista’ jinkludi

taqsira li jkun fiha deskrizzjoni ta’ l-utenti nazzjonali, il-ħtiġijiet ewlenin tagħhom u kemm qed jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tagħhom.

2.   EŻATTEZZA

“Eżattezza”, fis-sens statistiku ġenerali, tirreferi għal kemm l-estimi huma qrib il-valuri veri u mhux magħrufa tal-fattur varjabbli meqjus.

2.1.   Żbalji fit-teħid ta’ kampjuni

Bħala indikazzjoni ta’ l-eżattezza, il-koeffiċjent tal-varjazzjoni li qed iqis it-tfassil tat-teħid tal-kampjuni għandu jiġi kkalkulat u trażmess għall-għadd ta’ impjiegi battala għall-aħħar verżjoni tan-NACE fil-livell ta’ taqsima u mqassam skond il-klassi tad-daqs (1-9/10 + impjegati).

Jekk il-koeffiċjent tal-varjazzjoni ma jistax jiġi kkalkulat, għandhu minflok jingħata l-iżball stmat fit-teħid tal-kampjuni f’termini ta’ għadd assolut ta’ impjiegi battala.

2.2.   Żbalji fin-nuqqas ta’ teħid ta’ kampjuni

2.2.1.   Żbalji fil-kopertura

Ir-rapporti dwar il-kwalità għandhom jinkludu t-tagħrif li ġej dwar il-kopertura, fejn xieraq:

Tabella li turi l-għadd ta’ unitajiet ta’ negozju tal-kampjun u l-perċentwali ta’ l-unitajiet ta’ negozju rrappreżentati fil-kampjun/i rreġistrat/i, imqassma skond il-klassi tad-daqs (strata),

Deskrizzjoni ta’ kull differenza bejn il-popolazzjoni ta’ referenza u l-popolazzjoni ta’ studju,

Deskrizzjoni ta’ l-iżbalji ta’ klassifikazzjoni,

Deskrizzjoni ta’ kull differenza bejn id-dati ta’ referenza u t-tliet xhur ta’ referenza,

Kull tagħrif rilevanti ieħor.

Nota: Fejn tintuża dejta amministrattiva individwali, għandha tingħata analiżi simili, imsejsa fuq il-fajl ta’ referenza amministrattiv, inklużi żbalji ta’ rappurtaġġ u tat-tneħħija tar-reġistrazzjoni.

2.2.2.   Żbalji ta’ kejl u pproċessar

Ir-rapporti dwar il-kwalità għandhom jinkludu

Tagħrif dwar varjabbli b’kejl mhux negliġibbli u żbalji ta’ pproċessar,

Tagħrif dwar għejun ewlenin ta’ kejl (mhux negliġibbli) u żbalji ta’ pproċessar u, fejn disponibbli, dwar metodi applikati għall-korrezzjoni.

2.2.3.   Żbalji ta’ nuqqas ta’ tweġiba

Ir-rapporti dwar il-kwalità għandhom jinkludu t-tagħrif li ġej dwar żbalji ta’ nuqqas ta’ tweġiba, fejn xieraq:

Rata ta’ tweġiba ta’ l-unità,

Ir-rata u l-metodi ta’ l-imputazzjoni ta’ punt ta’ tagħrif u, fejn possibbli, l-effett ta’ l-imputazzjoni fuq l-estimi għall-varjabbli trażmessi.

Nota: Meta tintuża dejta individwali amministrattiva, in-nuqqas ta’ disponibbiltà tar-reġistru amministrattiv jew ta’ punt ta’ tagħrif jieħu post in-nuqqas ta’ tweġiba.

2.2.4.   Żbalji fl-għażla ta’ mudell

Jekk jintuża l-immudellar, ir-rapporti dwar il-kwalità għandhom jinkludu deskrizzjoni tal-mudell użat. Għandha tingħata enfasi partikolari lill-mudelli għall-korrezzjoni ta’ żbalji ta’ nuqqas ta’ teħid ta’ kampjuni, bħal unitajiet ta’ kopertura tal-klassijiet tad-daqs kollha mitluba jew tat-tqassim NACE, l-imputazzjoni jew l-ingrossar għall-korrezzjoni tan-nuqqas ta’ tweġiba ta’ l-unità.

Nota: Meta tintuża dejta individwali amministrattiva, għandu jkun hemm kummenti dwar il-korrispondenza bejn il-kunċetti amministrattivi u l-kunċetti teoretiċi ta’ l-istatistika. Kull tibdil fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li jwassal għal tibdil fid-definizzjonijiet applikati u, fejn possibbli, l-impatt fuq ir-riżultati, għandhom jiġu rrapurtati.

2.2.5.   Reviżjonijiet

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu storja tar-reviżjoni, inklużi r-reviżjonijiet fl-għadd ippubblikat ta’ impjiegi battala u taqsira tar-raġunijiet għar-reviżjonijiet.

2.2.6.   Stima tal-preġudizzju

Stima ta’ l-iżbalji ta’ nuqqas ta’ teħid ta’ kampjuni, f’termini ta’ għadd assolut ta’ postijiet battala, għandha tiġi trażmessa għall-għadd totali ta’ impjiegi battala u, fejn possibbli, għal-livell ta’ aggregazzjoni ta’ NACE Rev. 2 speċifikat fl-Anness 1 ta’ dan ir-Regolament u l-klassijiet tad-daqs (1-9, 10 + impjegati).

3.   IŻ-ŻAMMA TAL-ĦIN U PUNTWALITÀ

3.1.   Iż-żamma tal-ħin

“Iż-żamma tal-ħin” għat-tagħrif jirrifletti t-tul ta’ żmien bejn id-disponibbiltà tiegħu u l-avveniment jew il-fenomenu deskritt.

Ir-rapporti dwar il-kwalità għandu jkun fihom tagħrif dwar il-medda ta’ żmien bejn ir-rilaxx ta’ dejta fil-livell nazzjonali u l-perjodu ta’ referenza tad-dejta.

3.2.   Puntwalità

“Puntwalità” tirreferi għall-intervall ta’ żmien bejn id-data tar-rilaxx ta’ dejta u d-data ta’ meta kellha titwassal, per eżempju b’referenza għad-dati mħabbra fil-kalendarji uffiċjali tal-pubblikazzjoni, stabbiliti mir-Regolament jew li qabel kien hemm qbil dwarhom bejn l-imsieħba.

Sabiex wieħed jifhem u jelimina problemi relatati mal-puntwalità, għandu jingħata tagħrif dwar il-proċess ta’ implimentazzjoni ta’ l-istħarriġ fuq livell nazzjonali għall-aħħar erba’ kwarti tas-sena, b’enfasi speċjali fuq il-korrispondenza bejn id-dati skedati u dawk attwali:

Limiti ta’żmien għal dawk li jwieġbu biex iwieġbu, li jkopru wkoll sejħiet mill-ġdid u insegwimenti,

Perjodu tax-xogħol,

Perjodu ta’ l-ipproċessar tad-dejta,

Dati tal-pubblikazzjoni ta’ l-ewwel riżultati.

4.   AĊĊESSIBBILTÀ U ĊAREZZA

4.1.   Aċċessibbiltà

“Aċċessibbiltà” tirreferi għall-kundizzjonijiet fiżiċi li fihom l-utenti jistgħu jiksbu dejta dwar li ġej: fejn tmur, kif tikseb aċċess, żmien biex jitwasslu, kundizzjonijiet konvenjenti tat-tqegħid fis-suq (dritt ta’ l-awtur, eċċ.), disponibbiltà tad-dejta mikro jew makro, formati varji u mezzi kif tinġarr id-dejta (karta, fajls, CD-ROM/DVD, Internet …), eċċ.

Ir-rapporti dwar il-kwalità għandu jkun fihom it-tagħrif li ġej dwar il-metodi ta’ tqassim tar-riżultati:

Skema ta’ tqassim, inkluż lil min intbagħtu r-riżultati,

Referenzi għall-pubblikazzjonijiet tar-riżultati ewlenin, inklużi dawk b’kummentarju fil-forma ta’ test, grafiċi, mapep, eċċ,

Tagħrif dwar liema riżultati, jekk hemm, intbagħtu lill-unitajiet ta’ rappurtaġġ fil-kampjun.

4.2.   Ċarezza

“Ċarezza” tirreferi għall-grad ta’ kemm tinftiehem, inkluż tagħrif dwar l-ambjent tat-tagħrif tad-dejta, jiġifieri jekk id-dejta kinitx akkumpanjata minn metadejta adatta, illustrazzjonijiet bħal grafiċi u mapep, jekk it-tagħrif dwar il-kwalità tagħhom hix disponibbli (inkluża l-limitazzjoni fl-użu) u kemm tista’ tingħata għajnuna addizzjonali.

Ir-rapporti dwar il-kwalità għandu jkun fihom it-tagħrif li ġej dwar kemm jinftiehmu r-riżultati u d-disponibbiltà tal-metadata:

Deskrizzjoni ta’ u referenzi għall-metadejta pprovduta,

Referenzi għad-dokumenti metodoloġiċi ewlenin li għandhom x’jaqsmu ma’ l-istatistika pprovduta,

Deskrizzjoni ta’ l-azzjonijiet ewlenin imwettqa mis-servizzi nazzjonali ta’ l-istatistika biex jinfurmaw lill-utenti dwar id-dejta.

5.   KOMPARABBILTÀ

5.1.   Komparabbiltà ġeografika

Ir-rapporti dwar il-kwalità għandu jkun fihom tagħrif dwar id-differenzi bejn il-kunċetti nazzjonali u Ewropej, u - sakemm ikun possibbli - l-effetti tagħhom fuq l-istima.

5.2.   Komparabbiltà tul iż-żmien

Ir-rapporti ta’ kwalità għandu jkun fihom tagħrif dwar it-tibdil fid-definizzjonijiet, kopertura u metodi fi kwalunkwe żewġ kwarti tas-sena konsekuttivi, u l-effett tagħhom fuq l-istima.

6.   KOERENZA

“Il-Koerenza” ta’ l-istatistika tirreferi għall-adegwatezza tagħha li, b’mod ta’ min joqgħod fuqu, tingħaqad b’modi differenti u għal utenti varji. Madankollu, ġeneralment huwa aktar faċli li turi każi ta’ inkoerenza milli tagħti prova ta’ koerenza.

Ir-rapporti dwar il-kwalità għandu jkun fihom tqabbil ta’ dejta dwar l-għadd ta’ impjiegi battala minn għejun rilevanti oħrajn fejn disponibbli, f’total u mqassma min-NACE f’livell ta’ taqsima fejn rilevanti, u għandhom jindikaw ir-raġunijiet jekk il-valuri jvarjaw b’mod konsiderevoli.

L-ewwel rapport dwar il-kwalità għandu jinkludi wkoll il-punti li ġejjin għad-dejta b’lura:

Deskrizzjoni ta’ l-għejun użati għad-dejta b’lura u l-metodoloġija użata,

Deskrizzjoni ta’ kull differenza bejn il-kopertura (attivitajiet ekonomiċi, impjegati, varjabbli) tad-dejta b’lura u dik tad-dejta attwali,

Deskrizzjoni tal-komparabbiltà tad-dejta b’lura u tad-dejta attwali.


Top