EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0763

Regolament (KE) 763/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 9 ta' Lulju 2008 dwar iċ-ċensimenti tal-popolazzjoni u tad-djar (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 218, 13.8.2008, p. 14–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 13/08/2008

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/763/oj

13.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 218/14


REGOLAMENT (KE) 763/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-9 ta' Lulju 2008

dwar iċ-ċensimenti tal-popolazzjoni u tad-djar

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 285(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (1),

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni (Eurostat) teħtieġ li tkun fil-pussess ta' data dwar il-popolazzjoni u d-djar li tkun suffiċjentement affidabbli, dettaljata u komparabbli, sabiex il-Komunità tkun tista' twettaq il-kompiti mogħtija lilha, b'mod partikolari mill-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat. Għandha tiġi żgurata komparabbiltà suffiċjenti fil-livell Komunitarju fir-rigward ta' metodoloġija, definizzjonijiet u l-programm ta' data statistika u ta' metadata.

(2)

Hija meħtieġa data perjodika statistika dwar il-popolazzjoni u dwar il-karatteristiċi prinċipali, jiġifieri familjari, soċjali, ekonomiċi u abitazzjonali, ta' persuni għall-finijiet ta' l-istudju u d-definizzjoni ta' linji politiċi reġjonali, soċjali u ambjentali li jinċidu fuq setturi partikolari fil-Komunità. B'mod partikulari, hemm il-ħtieġa sabiex tinġabar informazzjoni dettaljata dwar id-djar bħala appoġġ ta' attivitajiet Komunitarji varji bħall-promozzjoni ta' l-inklużjoni soċjali u l-monitoraġġ tal-koeżjoni soċjali fil-livell reġjonali, jew il-protezzjoni ta' l-ambjent u l-promozzjoni ta' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija.

(3)

In vista ta' żviluppi metodoloġiċi u teknoloġiċi, għandha tiġi indentifikata prattika tajba u għandu jiġi promoss it-tisħiħ ta' sorsi ta' data u metodoloġiji użati għal ċensimenti fl-Istati Membri.

(4)

Sabiex tkun żgurata l-komparabbiltà tad-data provduta mill-Istati Membri u sabiex isiru resokonti affidabbli li jkollhom jiġu kumpilati fil-livell Komunitarju, id-data użata għandha tirriferi għall-istess sena ta' referenza.

(5)

Skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta' Frar 1997 dwar l-Istatistika tal-Komunità (2) li jikkostitwixxi l-qafas ta' referenza għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, jeħtieġ li l-ġbir ta' l-istatistika jikkonforma mal-prinċipji kemm ta' imparzjalità, li tfisser partikolarment l-oġġettività u l-indipendenza xjentifika, kif ukoll ta' trasparenza, affidabbiltà, valur għall-infiq u kunfidenzjalità statistika.

(6)

It-trażmissjoni tad-data suġġetta għall-kunfidenzjalita' statistika hija regolata permezz tar-Regolament (KE) Nru 322/97 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KEE) Nru 1588/90 tal-11 ta' Ġunju 1990 dwar it-trażmissjoni ta' data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju ta' l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (3). Il-miżuri meħuda skond dawk ir-Regolamenti jiżguraw il-protezzjoni fiżika u loġika ta' data kunfidenzjali u li ma jsir l-ebda żvelar illegali jew użu mhux statistiku meta tiġi prodotta u disseminata statistika Komunitarja.

(7)

Fil-produzzjoni u d-disseminazzjoni ta' l-istatistika Komunitarja taħt dan ir-Regolament, l-awtoritajiet statistiċi nazzjonali u Komunitarji għandhom jieħdu kont tal-prinċipji stabbiliti fil-Kodiċi ta' Prassi dwar l-Istatistika Ewropea adottat fl-24 ta' Frar 2005 mill-Kumitat għall-Programmi Statistiċi, stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom (4) u mehmuż mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-indipendenza, l-integrità u r-responsabbiltà ta' l-awtoritajiet statistiċi nazzjonali u Komunitarji.

(8)

Ladarba l-għanijiet ta'dan ir-Regolament, jiġifieri l-ġbir u l-kumpilazzjoni ta' statistika Komunitarja komparabbli u komprensiva dwar il-popolazzjoni u d-djar, ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri, minħabba n-nuqqas ta' fatturi statistiċi u rekwiżiti ta' kwalità li jkunu komuni kif ukoll minħabba n-nuqqas ta' trasparenza metodoloġika, u jistgħu, għalhekk, permezz ta' qafas statistiku komuni, jinkisbu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet;

(9)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 dwar il-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (5).

(10)

B'mod partikolari, għandha tingħata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-kondizzjonijiet għad-determinazzjoni tas-snin sussegwenti ta' referenza u ta' l-adozzjoni tal-programm tad-data statistika u tal-metadata. Ladarba dawk il-miżuri huma ta' ambitu ġenerali u mfassla sabiex jemendaw elementi ġodda mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, inter alia, billi jissupplimentawh b'elementi ġodda mhux essenzjali, dawn għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE.

(11)

Il-Kumitat għall-Programmi Statistiċi ġie konsultat konformement ma' l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 89/382/KEE, Euratom,

ADDOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli komuni għall-provvista, kull għaxar snin, ta' data komprensiva dwar il-popolazzjoni u d-djar.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“popolazzjoni” tfisser il-popolazzjoni nazzjonali, reġjonali u lokali fir-residenza solita tagħha fid-data ta' referenza;

(b)

“djar” tfisser abitazzjonijiet jew bini kif ukoll arranġamenti ta' djar u r-relazzjoni bejn il-popolazzjoni u l-abitazzjonijiet fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali fid-data ta' referenza;

(ċ)

“bini” tfisser bini permanenti li jkollu fih abitazzjonijiet imfassla għall-abitazzjoni umana, jew residenzi konvenzjonali li jkunu riservati għal użu staġjonali jew sekondarju jew li jkunu vakanti;

(d)

“residenza solita” tfisser il-post fejn persuna normalment tqatta' l-perjodu tal-mistrieħ tagħha ta' kuljum, irrispettivament minn assenzi temporanji għall-finijiet ta' rikreazzjoni, ta' vakanzi, ta' żjarat lill-ħbieb u lill-qraba, ta' negozju, ta' kura medika jew ta' pellegrinaġġ reliġjuż.

Il-persuni li ġejjin biss għandhom jitqiesu bħala residenti normali:

(i)

dawk li għexu fil-post tar-residenza solita tagħhom għal perjodu kontinwu ta' mill-inqas tnax-il xahar qabel id-data ta' referenza; jew

(ii)

dawk li jkunu waslu fil-post tar-residenza solita tagħhom matul it-tnax il-xahar qabel id-data ta' referenza bil-ħsieb li joqogħdu hemm għall-inqas għal sena.

Fejn iċ-ċirkostanzi deskritti fil-punt (i) jew (ii) ma jistgħux jiġu stabbiliti, “ir-residenza solita” tfisser il-post ta' residenza legali jew reġistrata;

(e)

id-“data ta' referenza” tfisser d-data li tirriferi għaliha d-data ta' l-Istati Membri rispettivi, skond l-Artikolu 5 (1) ta' dan ir-Regolament;

(f)

“nazzjonali” tfisser fit-territorju ta' Stat Membru;

(g)

“reġjonali” tfisser fil-livell 1 tan-NUTS, fil-livell 2 tan-NUTS u fil-livell 3 tan-NUTS, kif definit fil-klassifikazzjoni ta' unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS), stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) fil-verżjoni tagħha applikabbli fid-data ta' referenza;

(h)

“lokali” tfisser Unitajiet Lokali Amministrattivi livell 2 (Local Administrative Units, LAU livell 2);

(i)

“fatturi essenzjali taċ-ċensimenti tal-popolazzjoni u tad-djar” tfisser enumerazzjoni individwali, simultanjetà, universalità fi ħdan territorju definit, disponibbiltà ta' data dwar żoni żgħar u perjodiċità definita.

Artikolu 3

Preżentazzjoni tad-data

L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni (Eurostat) data dwar il-popolazzjoni li tkopri karatteristiċi determinati demografiċi, soċjali u ekonomiċi ta' persuni, familji, u unijatjiet domestiċ kif ukoll dwar djar fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali kif stabbilit fl-Anness.

Artikolu 4

Sorsi ta' data

1.   L-Istati Membri jistgħu jibbażaw l-istatistika fuq sorsi differenti ta' data, b'mod partikolari fuq:

(a)

ċensimenti konvenzjonali;

(b)

ċensimenti bbażati fuq reġistri;

(ċ)

kombinazzjoni ta' ċensimenti konvenzjonali u stħarriġ kampjunarju;

(d)

kombinazzjoni ta' ċensimenti bbażati fuq reġistri u stħarriġ kampjunarju;

(e)

kombinazzjoni ta' ċensimenti bbażati fuq reġistri u ċensimenti konvenzjonali;

(f)

kombinazzjoni ta' ċensimenti bbażati fuq reġistri, stħarriġ kampjunarju u ċensimenti konvenzjonali; u

(g)

stħarriġ adatt b'kampjunament rotattiv.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data. Dan ir-Regolament ma għandux jinċidi fuq id-dispożizzjonijiet ta' l-Istati Membri stess dwar il-protezzjoni ta' data.

3.   L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni (Eurostat) bi kwalunkwe reviżjoni jew korrezzjoni ta' l-istatistika pprovduta taħt dan ir-Regolament, kif ukoll dwar kwalunkwe bidla fis-sorsi ta' data u fil-metodoloġija magħżula, mhux aktar tard minn xahar qabel ir-rilaxx tad-data riveduta.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sorsi ta' data u l-metodoloġija użati sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament jissodisfaw, kemm jista' jkun, il-fatturi essenzjali taċ-ċensimenti tal-popolazzjoni u djar kif definiti fl-Artikolu 2(i). Għandhom jagħmlu sforzi kontinwi sabiex itejbu l-konformità ma' dawk il-fatturi essenzjali.

Artikolu 5

It-trażmissjoni tad-data

1.   Kull Stat Membru għandu jiddetermina data ta' referenza. Din id-data ta' referenza għandha taħbat fis-sena speċifikata fuq il-bażi ta' dan ir-Regolament (sena ta' referenza). L-ewwel sena ta' referenza għandha tkun is-sena 2011. Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tistabbilixxi snin sussegwenti ta' referenza skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 8(3). Is-snin ta' referenza għandhom jaħbtu matul il-bidu ta' kull għaxar snin.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) b'data finali, validata u aggregata u b'metadata, kif meħtieġ minn dan ir-Regolament fi żmien 27 xahar mit-tmiem tas-sena ta' referenza.

3.   Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tadotta programm tad-data statistika u tal-metadata li għandhom jiġu trasmessi sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament, skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 8(3).

4.   Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tadotta l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-materji kif meħtieġ minn dan ir-Regolament kif ukoll it-tqassim indikattiv tagħhom, skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 8(2).

5.   L-Istati Membri għandhom jittrażmettu lill-Kummissjoni (Eurostat) id-data u l-metadata validati f'forma elettronika. Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tadotta l-format tekniku addatt li għandu jintuża għat-trasmissjoni tad-data meħtieġa, skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 8(2).

6.   F'każ ta' reviżjoni jew korrezzjoni skond l-Artikolu 4(3), l-Istati Membri għandhom jittrażmettu d-data modifikata lill-Kummissjoni (Eurostat) mhux aktar tard mid-data tar-rilaxx tad-data riveduta.

Artikolu 6

Il-valutazzjoni tal-kwalità

1.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-dimensjonijiet tal-valutazzjoni ta' kwalità, li ġejjin, għad-data li għandha tiġi trażmessa:

“relevanza” għandha tirriferi għall-grad li fih l-istatistika tissodisfa l-ħtiġijiet attwali u potenzjali ta' l-utenti;

“akkuratezza”għandha tirriferi għall-viċinanza ta' l-estimi mal-valuri reali mhux magħrufa;

“prontezza” u “puntwalità” għandhom jirriferu għad-dewmien bejn il-perjodu ta' referenza u d-disponibbiltà ta' riżultati;

“aċċessibbiltà” u “ċarezza” għandhom jirriferu għall-kondizzjonijiet u arranġamenti li taħthom l-utenti jistgħu jakkwistaw, jużaw u jinterpretaw data;

“komparabbiltà” għandha tirriferi għall-kejl ta' l-impatt ta' differenzi f'kunċetti statistiċi applikati u strumenti u proċeduri ta' kejl meta titqabbel statistika ma' oħra bejn zoni ġeografiċi, oqsma settorjali jew fuq tul ta' żmien;

“koerenza” għandha tirriferi għall-adegwatezza tad-data li tiġi kombinata b'mod affidabbli permezz ta' metodi differenti u għal użi varji.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) b'rapport dwar il-kwalità tad-data trażmessa. F'dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw dwar kemm is-sorsi ta' data u l-metodoloġija magħżula jikkonformaw mal-fatturi essenzjali taċ-ċensimenti tal-popolazzjoni u tad-djar kif definiti fl-Artikolu 2(i).

3.   Fl-applikazzjoni tad-dimensjonijiet tal-valutazzjoni tal-kwalità stabbiliti fil-paragrafu 1 għad-data koperta minn dan ir-Regolament, il-modalitajiet u l-istruttura tar-rapporti ta' kwalità għandhom ikunu definiti skond l-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 8(2). Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tivvaluta l-kwalità tad-data trażmessa.

4.   Il-Kummissjoni (Eurostat), f'koperazzjoni ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, għandha tipprovdi rakkomandazzjonijiet metodoloġiċi mfassla sabiex jiżguraw il-kwalità tad-data u l-metadata prodotti, li jirrokonoxxu, b'mod partikulari, ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Konferenza ta' l-Istatistiċi Ewropej għaċ-Ċensimenti ta' Popolazzjoni u Djar ta' l-2010.

Artikolu 7

Miżuri implimentattivi

1.   Il-miżuri li ġejjin meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 8(2):

(a)

speċifikazzjonijiet tekniċi tal-materji kif meħtieġ minn dan ir-Regolament kif ukoll tat-tqassim indikattiv tagħhom kif previst fl-Artikolu 5(4);

(b)

l-istabbiliment tal-format tekniku adatt kif previst fl-Artikolu 5(5); u

(ċ)

il-modalitajiet u l-istruttura tar-rapporti ta' kwalità kif previst fl-Artikolu 6(3).

2.   Il-miżuri li ġejjin meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, u mfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament billi jissuplimentawh, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 8(3):

(a)

l-istabbiliment tas-snin ta' referenza, kif previst fl-Artikolu 5 (1); u

(b)

l-adozzjoni tal-programm tad-data statistika u l-metadata, kif previst fl-Artikolu 5 (3).

3.   Għandu jittieħed kont tal-prinċipji li l-benefiċċji tal-miżuri meħuda għandhom ikunu akbar mill-ispejjeż tagħhom u li l-ispejjeż supplimentari u l-piżijiet għandhom jibqgħu suġġetti għal limitu raġonevoli.

Artikolu 8

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat għall-Programmi Statistiċi.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu ta' żmien stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, 9 ta' Lulju 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

J.-P. JOUYET


(1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-20 ta' Frar 2008 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Ġunju 2008.

(2)  ĠU L 52, 22.2.1997, p. 1. Ir-Regolament emendat bir-Regolament (KE) Nru1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(3)  ĠU L 151, 15.6.1990, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003.

(4)  ĠU L 181, 28.6.1989, p. 47.

(5)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(6)  ĠU L 154, 21.6.2003 p. 1. Ir-Regolament kif emendat fl-aħħar bir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 76/2008 (ĠU L 61, 5.3.2008, p. 1).


ANNESS

Materji li għandhom jiġu koperti fiċ-Ċensimenti tal-Popolazzjoni u d-Djar

1.

Materji dwar il-popolazzjoni

1.1.

Materji obbligatorji għall-livelli ġeografiċi: NUTS 3, LAU 2

1.1.1.

Materji mhux derivati

Il-post tar-residenza solita

Sess

Età

Status maritali legali

Pajjiż/post tat-twelid

Pajjiż taċ-ċittadinanza

Post ta' qabel tar-residenza solita u data tal-wasla fil-post attwali; jew post tar-residenza solita sena qabel iċ-ċensiment

Relazzjonijiet bejn il-membri tad-dar

1.1.2.

Materji derivati

Popolazzjoni totali

Lokalità

Stat tad-dar

Stat tal-familja

Tip tan-nukleu familjari

Daqs tan-nukleu familjari

Tip tad-dar privata

Daqs tad-dar privata

1.2.

Materji obbligatorji għall-livelli ġeografiċi: livell nazzjonali, NUTS 1, NUTS 2

1.2.1.

Materji mhux derivati

Il-post tar-residenza solita

Lokalità tal-post tax-xogħol

Sess

Età

Status maritali legali

Stat ta' attività attwali

Xogħol

Industrija (fergħa ta' attività ekonomika)

Stat ta' impjieg

Livell milħuq fl-edukazzjoni

Pajjiż/post tat-twelid

Pajjiż taċ-ċittadinanza

Jekk qatt għixt barra u s-sena tal-wasla fil-pajjiż (mill-1980 'il quddiem)

Post ta' qabel tar-residenza solita u data tal-wasla fil-post attwali; jew post tar-residenza solita sena qabel iċ-ċensiment

Relazzjonijiet bejn il-membri tad-dar

Stat tal-pussess tad-djar

1.2.2.

Materji derivati

Popolazzjoni totali

Lokalità

Stat tad-dar

Stat tal-familja

Tip tan-nukleu familjari

Daqs tan-nukleu tal-familja

Tip tad-dar privata

Daqs tad-dar privata

2.

Materji dwar djar

2.1.

Materji obbligatorji għall-livelli ġeografiċi: NUTS 3, LAU 2

2.1.1.

Materji mhux derivati

Tip ta' abitazzjoni

Lokalità ta' l-abitazzjoni

Stat ta' okkupanza ta' residenzi konvenzjonali

Għadd ta' okkupanti

Spazju għall-użu u/jew in-numru ta' kmamar fl-unitajiet ta' djar

Residenzi skond it-tip ta' bini

Residenzi skond il-perjodu ta' kostruzzjoni

2.1.2.

Materji derivati

Standard ta' densità

2.2.

Materji obbligatorji għall-livelli ġeografiċi: livell nazzjonali, NUTS 1, NUTS 2

2.2.1.

Materji mhux derivati

Arranġamenti tad-djar

Tip ta' abitazzjoni

Lokalità ta' l-abitazzjoni

Stat ta' okkupanza ta' residenza konvenzjonali

Tip ta' pussess

Għadd ta' okkupanti

Spazju għall-użu u/jew in-numru ta' kmamar fl-unitajiet ta' djar

Sistema ta' provvista ta' l-ilma

Faċilitajiet ta' toilet

Faċilitajiet ta' banju

Tip ta' tisħin

Residenzi skond it-tip ta' bini

Residenzi skond il-perjodu ta' kostruzzjoni

2.2.2.

Materji derivati

Standard ta' densità


Top