EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AE1506

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE dwar ċerti rekwiżiti ta' żvelar għal kumpaniji ta' daqs medju u l-obbligu tal-preparazzjoni tal-kontijiet konsolidati COM(2008) 195 finali — 2008/0084 (COD)

ĠU C 77, 31.3.2009, p. 37–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 77/37


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE dwar ċerti rekwiżiti ta' żvelar għal kumpaniji ta' daqs medju u l-obbligu tal-preparazzjoni tal-kontijiet konsolidati

COM(2008) 195 finali — 2008/0084 (COD)

(2009/C 77/07)

Nhar it-23 ta' Mejju 2008, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 44(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE dwar ċerti rekwiżiti ta' żvelar għal kumpaniji ta' daqs medju u l-obbligu tal-preparazzjoni tal-kontijiet konsolidati.

Fil-21 ta' April 2008, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b'konformità mar-Regoli 20 u 57(1) tar-Regoli ta' Proċedura, iddeċieda matul l-447 Sessjoni Plenarja tiegħu tat-18 ta' Settembru 2008 li jaħtar lis-Sur Cappellini bħala rapporteur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b'59 vot favur, u vot wieħed kontra.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' l-proposta tal-estensjoni tal-eżenzjonijiet maħsuba għall-kumpaniji ż-żgħar fir-Raba' Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji biex jinkludu l-kumpaniji ta' daqs medju peress li jwasslu għal tnaqqis fil-piż tar-rappurtar għal dawn il-kumpaniji.

1.2

Il-KESE jilqa' wkoll l-emendi proposti għas-Seba' Direttiva peress li dawn sempliċement jiċċaraw l-interazzjoni bejn ir-regoli konsolidati stipulati f'din id-Direttiva u fl-Istandards Internazzjonali ta' Rappurtar Finanzjarju.

1.3

Il-KESE japprezza b'mod partikolari li l-objettiv tas-semplifikazzjoni tar-rappurtar finanzjarju huwa rrispettat: ma hemm l-ebda telf sinifikanti ta' informazzjoni għall-utenti tal-kontijiet u l-partijiet interessati l-oħra mhumiex affettwati. Is-semplifikazzjoni proposta hija bbażata fuq il-bżonnijiet tal-kumpaniji ż-żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u l-utenti tal-infomazzjoni finanzjarja.

1.4

Sal-lum il-ġurnata hemm nuqqas ta' riċerka u ta' ġustifikazzjoni li jiddeterminaw il-bżonnijiet tal-utenti, li jistgħu jvarjaw bejn l-Istati Membri tal-UE. Qabel ma jiġu introdotti aktar emendi għar-rekwiżiti finanzjarji għall-SMEs, hemm bżonn li tiġi kkunsidrata l-pożizzjoni attwali dwar l-adozzjoni ta' għażliet fir-Raba' u s-Seba' Direttiva. Dan l-istudju għandu jinkludi (a) l-użu tal-għażliet eżistenti, (b) ir-raġunijiet mogħtija mill-Istati Membri għall-għażliet tagħhom u (c) l-analiżi tas-suċċess tal-Istati Membri fil-ksib tal-objettivi tagħhom.

1.5

Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li ssir riċerka f'dan il-qasam sabiex fil-futur ikun hemm bażi għal proposti ta' politika raġonevoli.

1.6

Ir-rekwiżiti ta' kontabilità kienu fost l-ewwel oqsma ta' leġiżlazzjoni li ġew armonizzati fil-livell Ewropew. Il-KESE jfakkar li l-iskop prinċipali huwa l-ksib ta' suq komuni u jenfasizza l-importanza tal-armonizzazzjoni għall-ħolqien ta' sitwazzjoni bl-istess kondizzjonijiet għal kulħadd fl-UE.

1.7

Il-kummerċ transkonfinali mill-SMEs qiegħed jiżdied fl-UE. Għalhekk, hemm bżonn kbir li tiġi żviluppata l-armonizzazzjoni tal-oqfsa tar-rappurtar finanzjarju u li jiġu stabbiliti regoli biex (a) jappoġġjaw din iż-żieda fil-kummerċ u (b) joħolqu sitwazzjoni bl-istess kondizzjonijiet għal kulħadd.

2.   Sfond

2.1

Fil-Konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill Ewropew tat-8 u tad-9 ta' Marzu 2007 enfasizza li t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi huwa importanti sabiex l-ekonomija Ewropea tingħata spinta, speċjalment meta wieħed iqis il-benefiċċji li dan jista' jġib lill-kumpaniji ż-żgħar u ta' daqs medju.

2.2

Il-Kunsill enfasizza li hemm bżonn ta' sforz kbir konġunt min-naħa tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi billi jiġu ssemplifikati r-regoli tal- kontabilità għall-kumpaniji ż-żgħar u ta' daqs medju. Il-bażi legali ta' dawn il-miżuri huwa l-Artikolu 44(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (1).

2.3

Il-kontabilità u l-verifika ġew identifikati bħala oqsma għat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi għall-kumpaniji fi ħdan il-Komunità (2).

2.4

Ingħatat attenzjoni partikolari biex jinkiseb aktar serħan mir-rekwiżiti ta' rappurtar għall-kumpaniji ż-żgħar u ta' daqs medju.

2.5

Fil-passat, saru għadd ta' tibdiliet sabiex il-kumpaniji li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttivi 78/660/KEE u 83/349/KEE jkunu jistgħu jużaw metodi ta' kontabilità skont l-Istandards Internazzjonali ta' Rappurtar Finanzjarju (IFRS).

2.6

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (3), il-kumpaniji li t-titoli tagħhom ikunu aċċettati għall-kummerċ f'suq regolat ta' xi Stat Membru għandhom jippreparaw il-kontijiet konsolidati tagħhom b'konformità mal-IFRS, u b'konsegwenza jinħelsu mill-maġġoranza tar-rekwiżiti tad-Direttivi 78/660/KEE u 83/349/KEE. Madankollu, dawn id-Direttivi għadhom jiffurmaw il-bażi għall-kontabilità tal-kumpaniji ż-żgħar u ta' daqs medju fil-Komunità.

2.7

Il-kumpaniji ż-żgħar u ta' daqs medju ħafna drabi huma soġġetti għall-istess regoli bħall-kumpaniji l-kbar iżda l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom tal-kontabilità ftit li xejn ġew indirizzati. B'mod partikolari, l-għadd dejjem jiżdied tar-rekwiżiti ta' żvelar iqajjem tħassib għal kumpaniji bħal dawn. Ir-regoli estensivi tar-rappurtar joħolqu piż finanzjarju u jistgħu jostakolaw l-użu effiċjenti tal-kapital għal skopijiet produttivi.

2.8

L-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 enfasizzat ukoll il-ħtieġa li tiġi ċċarata r-relazzjoni bejn l-istandards tal-kontabilità meħtieġa mid-Direttiva 83/349/KEE u l-IFRS.

2.9

Fejn l-ispejjeż tal-formazzjoni jistgħu jiġu ttrattati bħala ass fil-karta tal-bilanċ, l-Artikolu 34(2) tad-Direttiva 78/660/KEE jirrikjedi li dawk l-ispejjeż jiġu spjegati fin-noti mal-kontijiet.

2.10

Il-kumpaniji ż-żgħar jistgħu jiġu eżentati minn dan ir-rekwiżit ta' żvelar b'konformità mal-Artikolu 44(2) tal-istess Direttiva. Sabiex jonqsu l-piżijiet amministrattivi bla bżonn, għandu jkun possibbli wkoll li l-kumpaniji ta' daqs medju jiġu eżentati minn dan l-iżvelar.

2.11

Id-Direttiva 78/660/KEE tistipula l-iżvelar ta' analiżi tad-dħul f'attivitajiet u swieq ġeografiċi. Dan jintalab mill-kumpaniji kollha, iżda l-kumpaniji ż-żgħar jistgħu jiġu eżentati b'konformità mal-Artikolu 44(2) tal-istess Direttiva. Sabiex jonqsu l-piżijiet amministrattivi bla bżonn, għandu jkun possibbli wkoll li l-kumpaniji ta' daqs medju jiġu eżentati minn dan ir-rekwiżit ta' żvelar.

2.12

Id-Direttiva 83/349/KEE tirrikjedi li kumpanija prinċipali tħejji l-kontijiet konsolidati wkoll meta s-sussidjarju waħdani tagħha jew inkella s-sussidjarji kollha globalment ma jkunux materjali għall-finijiet tal-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 83/349/KEE. Bħala konsegwenza, dawn il-kumpaniji jaqgħu taħt ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 u għalhekk ikollhom iħejju d-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati tagħhom b'konformità mal-IFRS. Dan ir-rekwiżit huwa meqjus ta' piż f'każ fejn kumpanija prinċipali jkollha biss sussidjarji mhux materjali.

2.13

Għalhekk, għandu jkun possibbli li kumpanija prinċipali tiġi eżentata mill-obbligu tal-preparazzjoni tal-kontijiet konsolidati u ta' rapport annwali konsolidat jekk dik il-kumpanija prinċipali jkollha biss impriżi sussidjarji meqjusa bħala mhux materjali, kemm individwalment kif ukoll globalment.

2.14

Peress li l-għanijiet ta' din id-Direttiva, jiġifieri t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi marbuta ma' ċerti rekwiżiti ta' żvelar għal kumpaniji ta' daqs medju u mal-obbligu tal-preparazzjoni tal-kontijiet konsolidati li japplika għal ċerti kumpaniji fi ħdan il-Komunità, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell Komunitarju, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, il-Komunità tista' tadotta miżuri b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat.

2.15

B'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, stipulat f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

2.16

Id-Direttivi 78/660/KEE u 83/1268/KEE għandhom għalhekk jiġu emendati f'dan il-mod.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

L-għan tal-emendi għad-Direttiva 78/660/KEE (Ir-Raba' Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji) (4) huwa li jissemplifikaw ir-rappurtar finanzjarju għal kumpaniji ta' daqs medju (5) u li jserrħu lil dawn il-kumpaniji mill-piż tar-rappurtar finanzjarju fil-perijodu qasir. L-emendi għandhom iwasslu għal tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi mingħajr telf ta' informazzjoni rilevanti.

3.2

L-għan tal-emendi għad-Direttiva 83/349/KEE (is-Seba' Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji) (6) huwa li jiċċara l-interazzjoni bejn ir-regoli tal-konsolidazzjoni stipulati f'din id-Direttiva u fl-Istandards Internazzjonali ta' Rappurtar Finanzjarju.

3.3   Konsultazzjoni u valutazzjoni tal-impatt

3.3.1

Id-diskussjoni dwar il-ksib ta' tnaqqis sostanzjali fil-piż regolatorju fuq l-SMEs taħt ir-Raba' u s-Seba' Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji tnediet fil-ħin mill-Kunsill Ewropew, flimkien mal-proċess ta' konsultazzjoni, u tqis l-objettiv li l-SMEs jirnexxu fis-Suq Uniku Ewropew. Il-problema tal-piżijiet regolatorji fuq l-SMEs hija r-riżultat tar-regoli oriġinali li kienu maħsuba għall-intrapriżi l-kbar. Dawn ir-regoli mhumiex bilfors rilevanti għall-SMEs u sikwit jimponu piż sinifikanti f'termini ta' amministrazzjoni u nfiq.

3.4   Semplifikazzjoni bbażata fuq il-bżonnijiet tal-SMEs u l-utenti tal-infomazzjoni finanzjarja

3.4.1

Huwa importanti li d-diskussjonijiet ma jiffokawx biss fuq “is-semplifikazzjoni” tar-rekwiżiti tar-rappurtar finanzjarju iżda wkoll fuq “ir-rilevanza” tagħhom għall-SMEs — u mhux għall-kumpaniji kbar kkwotati. Id-dibattitu dwar is-semplifikazzjoni jiffoka fuq l-ispejjeż filwaqt li d-dibattitu dwar ir-rilevanza jikkonċerna l-benefiċċji tar-rappurtar finanzjarju u l-utenti partikolari u l-bżonnijiet tagħhom.

3.4.2

Is-semplifikazzjoni tad-Direttiva tal-Kontabilità għandha tibda mill-bżonnijiet attwali tal-SMEs u l-utenti tal-kontijiet tagħhom. Sabiex ir-rapporti finanzjarji jkunu rilevanti u ta' siewi, huwa importanti li jiġu analizzati l-utenti u l-bżonnijiet tagħhom bil-għan li jiġi żviluppat qafas ta' rappurtar finanzjarju Ewropew għall-SMEs. L-utenti huma bosta: l-istituzzjonijiet finanzjarji (tal-klassifikazzjoni), l-awtoritajiet pubbliċi (tat-taxxa, tal-money laundering, …).

3.4.3

Huwa wkoll importanti li wieħed jiftakar li l-SMEs innifishom huma utenti prinċipali tal-informazzjoni finanzjarja, eż. bħala fornituri u partijiet kontraenti għal SMEs oħra, f'sitwazzjonijiet fejn huwa importanti li tevalwa l-affidabiltà finanzjarja.

3.4.4

Fil-kuntest tas-'semplifikazzjoni' tar-regoli tal-kontabilità għall-SMEs, hemm bżonn li jsiru valutazzjonijiet tal-impatt rigorużi, li jinkludu valutazzjoni tal-benefiċċji tar-rappurtar finanzjarju kif ukoll tal-piżijiet tal-infiq/amministrattivi. Dawn il-valutazzjonijiet tal-impatt għandhom iqisu r-raġunijiet inizjali li wasslu sabiex jiġu imposti r-rekwiżiti tar-rappurtar finanzjarju u l-interessi tal-partijiet interessati (trasparenza, …) li kellhom iħarsu.

3.5   Armonizzazzjoni għall-ħolqien ta' sitwazzjoni bl-istess kondizzjonijiet għal kulħadd fl-UE

3.5.1

Il-kummerċ transkonfinali mill-SMEs qiegħed jiżdied fl-UE (7). Għalhekk, hemm bżonn kbir li tiġi żviluppata l-armonizzazzjoni tal-oqfsa tar-rappurtar finanzjarju u li jiġu stabbiliti regoli biex (a) jappoġġjaw dan it-tisħiħ fil-kummerċ u (b) joħolqu sitwazzjoni bl-istess kondizzjonijiet għal kulħadd. Dan jista' jirrekjedi anqas għażliet u pass lejn iktar armonizzazzjoni, eż. fil-qasam tal-pubblikazzjoni tal-informazzjoni finanzjarja u l-aċċess tal-pubbliku għal din l-informazzjoni.

3.6   L-ebda standard internazzjonali tal-kontabilità obbligatorju għall-SMEs

3.6.1

Il-proġett tal-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IASB) għall-SMEs huwa riżultat ta' talbiet għal alternattiva għall-Istandards Internazzjonali ta' Rappurtar Finanzjarju (IFRS) kollha min-naħa ta' dawk li joħolqu l-istandards, l-accountants u partijiet interessati oħra. Għalkemm oriġinarjament sabha bi tqila biex jaħdem fuq il-proġett, l-IASB kien persważ li l-maġġoranza ta' dawn il-partijiet interessati riduh jibqa' għaddej u li f'għajnejn kulħadd l-IASB biss kellu l-kredibilità u l-awtorità sabiex joħloq standards ta' kontabilità li huma ta' kwalità għolja u li jistgħu jiġu infurzati. Madankollu, il-punt ta' tluq ta' dan il-proġett kienu l-IFRS kollha, maħsuba għall-kumpaniji kkwotati.

3.6.2

L-IFRS kollha ġew mfassla bil-ħsieb li jintużaw għar-rappurtar finanzjarju mill-kumpaniji kkwotati u l-partijiet interessati tagħhom. Kif msemmi hawn fuq, ir-rappurtar finanzjarju fil-każ tal-SMEs ħafna drabi huwa għal użu intern jew informali (b'rabta mal-fornituri, il-partijiet kontraenti, l-istituzzjonijiet finanzjarji, eċċ.) milli għal raġunijiet ta' obbligi, legali jew oħrajn, ta' rappurtar għall-firxa wiesgħa ta' utenti.

3.6.3

L-implimentazzjoni obbligatorja tal-IFRS, jew ta' sett differenti ta' regoli ġodda bbażati fuq dawk imfassla għall-kumpaniji kkwotati, toħloq piżijiet amministrattivi sostanzjali u spiża finanzjarja għall-SMEs li probabbli jegħlbu kwalunkwe effett pożittiv. Ir-rabta mill-qrib bejn il-kontijiet annwali u l-prospetti tat-taxxa wkoll ġġiegħel lill-SMEs fi Stati Membri differenti jżommu żewġ rapporti finanzjarji, li b'hekk iżidu wkoll il-piż amministrattiv.

3.7   Semplifikazzjoni tad-Direttivi

3.7.1

Fir-rigward tal-għażliet għall-ksib tas-semplifikazzjoni għall-SMEs fid-Direttivi dwar il-Kontabilità, li huma prinċipalment estensjonijiet tal-għażliet eżistenti għall-SMEs taħt id-Direttivi, huwa importanti li wieħed janalizza sew kif dawn l-għażliet qed jaħdmu fl-Istati Membri qabel ma jiġu introdotti Direttivi ġodda. Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda li jiġi applikat b'mod sistematiku l-prinċipju ta' darba biss (only once) fil-livelli kollha (8).

3.7.2

Qabel ma jiġu introdotti emendi addizzjonali għar-rekwiżiti finanzjarji għall-SMEs, hemm bżonn tiġi kkunsidrata l-pożizzjoni attwali dwar l-għażliet fir-Raba' u s-Seba' Direttiva. Dan l-istudju għandu jinkludi (a) l-użu tal-għażliet eżistenti, (b) ir-raġunijiet mogħtija mill-Istati Membri għall-għażliet tagħhom u (c) analiżi tas-suċċess tal-Istati Membri fil-ksib tal-objettivi tagħhom.

3.7.3

Problema ewlenija tas-sitwazzjoni attwali hija l-approċċ “minn fuq għal isfel” li (a) jirriżulta f'piżijiet amministrattivi fuq l-SMEs u (b) inaqqas ir-rilevanza tal-oqfsa finanzjarja tal-kontabilità u l-istandards ta' dawk l-entitajiet. Analiżi futura tar-rappurtar finanzjarju fl-UE għandha tindirizza din il-problema billi tadotta approċċ “minn isfel għal fuq”. Dan it-tip ta' approċċ jikkonċentra fuq il-bżonnijiet tal-SMEs u l-partijiet interessati l-oħra u, permezz tar-riċerka, ikun infurmat dwar l-utenti u l-bżonnijiet tagħhom, kif propost hawn fuq.

Brussell, it-18 ta' Settembru 2008

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  ĠU C 325, 24.12.2002, p. 35.

(2)  Proġett ta' l-UE dwar il-kejl ta' bażi u t-tnaqqis fl-ispejjeż amministrattivi, it-tieni rapport interim, 15 ta' Jannar 2008, p. 37. Sal-lum, ir-Rapport Finali għadu ma ġiex ippubblikat. (Ara nota 6 f'COM(2008) 195 finali)

(3)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 222, 14.8.1978, p. 11. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 224, 16.8.2006, p. 1).

(5)  Definizzjonijiet fl-Artikolu 27 (kumpaniji ta' daqs medju) tar-Raba' Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji.

(6)  ĠU L 193, 18.7.1983, p. 1, Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/99/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 137).

(7)  Ara dawn l-opinjonijiet tal-KESE dwar l-importanza tas-Suq Intern:

CESE 952/2006 dwar Strateġija għas-simplifikazzjoni ta' l-ambjent regolatorju (INT/296), ĠU C 309, 16.12.2006, p. 18;

CESE 89/2007 dwar Ir-reviżjoni tas-suq uniku (INT/332), ĠU C 93, 27.4.2007, p. 25;

CESE 1187/2008 dwar Il-miżuri ta' politika għall-SMEs (INT/390) (għadu ma ġiex ippubblikat fil-ĠU);

CESE 979/2008 dwar L-akkwist pubbliku internazzjonali (INT/394) (għadu ma ġiex ippubblikat fil-ĠU);

(8)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-diversi miżuri ta' politika, minbarra finanzjament xierqa, li jgħinu t-tkabbir u l-iżvilupp tal-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju” (opinjoni esploratorja), INT/390. Dan il-prinċipju jfisser li l-intrapriżi m'għandhomx jiġu obbligati jagħtu informazzjoni mill-ġdid lill-awtoritajiet li diġà jkunu rċevew l-istess informazzjoni permezz ta' mezzi oħra, f'kull livell (Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali).


Top