EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0329

Is-sigurtà tal-avjazzjoni b'enfasi partikolari fuq l-iskanners tas-sigurtà Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 6 ta' Lulju 2011 dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni b'enfasi partikolari fuq l-iskanners tas-sigurtà (2010/2154(INI))

ĠU C 33E, 5.2.2013, p. 125–134 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 33/125


L-Erbgħa 6 ta’ Lulju 2011
Is-sigurtà tal-avjazzjoni b'enfasi partikolari fuq l-iskanners tas-sigurtà

P7_TA(2011)0329

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2011 dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni b'enfasi partikolari fuq l-iskanners tas-sigurtà (2010/2154(INI))

2013/C 33 E/13

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-użu tal-iskanners ta’ sigurtà fl-ajruporti tal-UE (COM(2010)0311),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2008 dwar l-impatt tal-miżuri ta' sigurtà tal-avjazzjoni u body scanners fuq id-drittijiet tal-bniedem, il-privatezza, id-dinjità umana u l-protezzjoni tad-dejta (1),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar ir-regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili (2),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 272/2009 tat-2 ta' April 2009 li jissupplimenta l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili stabbiliti fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 (3),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 185/2010 tal-4 ta’ Marzu 2010 li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni (4),

wara li kkunsidra l-ħames rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2320/2002 li jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili (COM(2010)0725),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-5 ta' Mejju 2010 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-imposti tas-sigurtà tal-avjazzjoni (5),

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 1999/519/KE tat-12 ta’ Lulju 1999 dwar il-limitu tal-espożizzjoni tal-pubbliku ġenerali għall-kampijiet elettromanjetiċi (0 Hz sa 300 GHz) (6),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/40/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-ħtiġijiet minimi tas-saħħa u s-sikurezza li jirrigwardaw l-espożizzjoni tal-ħaddiema għar-riskji li jirriżultaw minn aġenti fiżiċi (kampijiet elettromanjetiċi) (it-tmintax-il direttiva individwali skont it-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (7),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-5 ta’ April 2006 dwar il-ħtiġijiet minimi ta' saħħa u sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni tal-ħaddiema għar-riskji li jirriżultaw mill-aġenti fiżiċi (radjazzjoni ottika artifiċjali) (id-19-il Direttiva individwali skont it-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (8)

wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (9),

wara li kkunsidra d-Direttiva 96/29/Euratom tat-13 ta’ Mejju 1996 li tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sikurezza għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jiġu minn radjazzjoni jonizzanti (10),

wara li kkunsidra l-opinjoni tat-Taqsima għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni tal-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-użu tal-iskanners tas-sigurtà fl-ajruporti tal-UE,

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l- Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0216/2011),

Skanners tas-sigurtà

A.

billi skanners tas-sigurtà huwa terminu ġeneriku użat għal teknoloġija li hija kapaċi ssib oġġetti metalliċi u oġġetti mhux metalliċi li jkunu moħbija fl-ilbies; billi l-prestazzjoni tal-identifikar tinsab fil-kapaċità li għandu l-iskanner li jsib kwalunkwe oġġett projbit li l-persuna skrinjata tista' tkun qed iġġorr moħbi f'ilbiesha,

B.

billi l-qafas legali tal-UE għas-sigurtà tal-avjazzjoni jaħseb għal diversi metodi u teknoloġiji ta'skrinjar li huma meqjusa kapaċi jsibu oġġetti projbiti moħbija fl-ilbies, li minn fosthom l-Istati Membri jagħżlu wieħed jew aktar; billi l-iskanners tas-sigurtà bħalissa ma jidhrux f'dik il-lista,

C.

billi għadd ta’ Stati Membri bħalissa qed jużaw skanners tas-sigurtà fuq bażi temporanja - għal żmien massimu ta’ 30 xahar - fl-ajruporti tagħhom, u b'hekk qed jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jmexxu provi b'teknoloġiji ġodda (il-Kapitolu 12.8 tal-anness mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 185/2010).

D.

billi l-Istati Membri huma intitolati li japplikaw miżuri aktar stretti mill-istandards bażiċi komuni meħtieġa mil-leġiżlazzjoni Ewropea u għalhekk jistgħu jdaħħlu skanners tas-sigurtà fit-territorju tagħhom; billi, f'dan il-każ, huma għandhom jaġixxu fuq il-bażi ta’ valutazzjoni tar-riskju u b'konformità mal-liġi tal-UE. illi dawn il-miżuri għandhom ikunu relevanti, oġġettivi, mhux diskriminatorji u proporzjonati għar-riskju li jkun qed jiġi indirizzat (l-Arikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 300/2008),

E.

billi l-introduzzjoni ta’ skanners tas-sigurtà mill-Istati Membri f'xi wieħed mill-każijiet imsemmija hawn fuq tagħmilha impossibbli li sseħħ sigurtà ġenwina f'post wieħed biss; billi, jekk is-sitwazzjoni preżenti tkompli, il-kundizzjonijiet tal-funzjonament li japplikaw għall-Istati Membri mhumiex se jkunu uniformi u għalhekk mhumiex se jkunu ta’ ġid għall-passiġġieri,

F.

billi d-diskussjoni dwar l-iskanners tas-sigurtà m'għandhiex issir separatament mid-dibattitu ġenerali dwar politika tas-sigurtà integrata u komprensiva għall-ajruporti tal-Ewropa;

G.

billi s-saħħa hija assi li jeħtieġ li jiġi preservat u dritt li għandu jkun protett; billi l-esponiment għar-radjazzjoni jonizzanti tirrappreżenta riskju li għandu jiġi evitat; billi, għalhekk, l-iskanners li jużaw ir-radjazzjoni jonizzanti li l-effetti tagħha huma kumulattivi u li jagħmlu ħsara għas-saħħa tal-bniedem m'għandhomx ikunu permessi fl-unjoni Ewropea,

H.

billi kemm il-leġiżlazzjoni tal-UE kif ukoll l-liġijiet tal-Istati Membri diġà jistabbilixxu regoli dwar il-ħarsien kontra riskji għas-saħħa li jistgħu jirriżultaw mill-użu ta’ teknoloġiji li jitfgħu radjazzjoni jonizzanti u dwar il-limiti ta’ esponiment għal tali radjazzjoni; billi, għalhekk, l-iskanners li jużaw ir-radjazzjoni jonizzanti għandhom jiġu projbiti fl-Unjoni Ewropea;

I.

billi l-Kummissjoni kkonsultat mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, mal-grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 u mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, u t-tweġibiet tagħhom fihom elementi sinifikanti rigward il-kundizzjonijiet li taħthom l-użu tal-iskanners tas-sigurtà fl-ajruporti jikkonformaw mal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali,

J.

billi it-tħassib dwar is-saħħa u d-drittijiet għall-privatezza, il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, in-nondiskriminazzjoni u l-protezzjoni tad-data jeħtieġu li jiġu indirizzati fir-rigward kemm tat-teknoloġija involuta kif ukoll tal-użu tagħha qabel ma tkun tista' titqies l-introduzzjoni tal-iskanners tas-sigurtà,

K.

billi l-iskanners tas-sigurtà, minbarra li jiżguraw livell akbar ta’ sigurtà mit-tagħmir attwali, għandhom jgħinu biex iħaffu l-kontrolli fuq il-passiġġieri u jnaqqsu l-ħinijiet ta’ stennija.

L-iffinanzjar tas-sigurtà tal-avjazzjoni

L.

billi l-Kunsill għadu ma ddikjarax il-pożizzjoni tiegħu fir-rigward tal-pożizzjoni tal-Parlament dwar id-Direttiva dwar l-imposti tas-sigurtà tal-avjazzjoni,

Il-miżuri ta’ sigurtà għall-merkanzija

M.

billi l-komplotti terroristiċi l-aktar riċenti li ġew żvelati mis-servizzi tal-intelliġenza kienu qed jimmiraw li jużaw merkanzija biex iwettqu attakki,

N.

billi mhux biss il-passiġġieri imma wkoll il-merkanzija u l-posta huma u għandhom jiġu soġġetti għall-miżuri ta'sigurtà xierqa,

O.

billi l-merkanzija u l-posta li jitgħabbew fuq ajruplani tal-passiġġieri jippreżentaw mira għall-attakki terroristiċi; billi, peress li l-livell ta’ sigurtà għall-merkanzija u għall-posta huwa ħafna iktar baxx minn dak għall-passiġġieri, il-miżuri ta’ sigurtà għandhom isiru aktar stretti għall-posta u l-merkanzija li jitgħabbew fuq ajruplani tal-passiġġieri;

P.

billi l-miżuri ta’ sigurtà jikkonċernaw mhux biss l-ajruporti imma l-katina tal-provvista kollha kemm hi,

Q.

billi l-operaturi postali għandhom rwol importanti fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni fil-ġestjoni tal-posta u tal-pakketti, u billi, skont il-leġiżlazzjoni Ewropea, dawn investew somom sinifikanti ta’ flus u daħħlu teknoloġiji ġodda biex jiggarantixxu l-konformità mal-istandards tas-sigurtà internazzjonali u Ewropej,

Ir-relazzjonijiet internazzjonali

R.

billi hija meħtieġa l-koordinazzjoni internazzjonali dwar il-miżuri ta’ sigurtà tal-avjazzjoni sabiex jiġi garantit livell għoli ta’ protezzjoni, filwaqt li tiġi evitata sitwazzjoni fejn il-passiġġieri jkunu suġġetti għal kontrolli suċċessivi, bir-restrizzjonijiet u l-ispejjeż addizzjonali li dawn jinvolvu,

It-taħriġ tal-persunal tas-sigurtà

S.

billi t-taħriġ inizjali u kontinwu tal-persunal tas-sigurtà huwa kruċjali sabiex ikun garantit livell għoli ta’ sigurtà tal-avjazzjoni, li minnha nnifisha għandha tkun kompatibbli ma’ mod ta’ kif jiġu ttrattati l-passiġġieri b'tali mod li tiġi preservata d-dinjità tagħhom bħala individwi u tiġi protetta d-data personali tagħhom,

T.

billi l-istandards soċjali, edukattivi u ta’ taħriġ għall-persunal tas-sigurtà għandhom jiġu integrati fir-rieżami tad-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE tal-15 ta’ Ottubru 1996 dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità (11),

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.

Hu tal-fehma li hu meħtieġ approċċ integrat għas-sigurtà tal-avjazzjoni, b'sigurtà f'post wieħed biss ħalli l-passiġġieri, il-bagalji u l-merkanzija li jaslu f'ajruport tal-UE minn ajruport ieħor tal-UE ma jkollhomx għalfejn jiġu skrinjati għal darba oħra;

2.

Hu tal-fehma li xi metodi tal-iskannjar li huma effettivi u jsiru malajr għall-passiġġieri, minħabba l-ħin meħud fil-waqfiet tal-ispezzjonar, jikkostitwixxu valur miżjud fis-sigurtà tal-avjazzjoni;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel riċerka dwar l-użu ta’ tekniki oħra biex jinstabu splussivi, inkluż materjal solidu, fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni;

4.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw sistema integrata tal-analiżi tar-riskju għal passiġġieri li b'raġuni ġustifikata jistgħu jiġu suspettati li huma theddida għas-sigurtà u għall-kontrolli fuq il-bagalji u l-merkanzija, ibbażata fuq l-informazzjoni kollha disponibbli u affidabbli, b'mod partikolari dik provduta mill-pulizija, mis-servizzi tal-intelliġenza, id-dwana u l-impriżi tat-trasport; hu tal-fehma li s-sistema kollha kemm hi għandha tiġi infurmata bir-riċerka għall-effettività, u b'konformità sħiħa mal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-UE dwar in-Non-diskriminazzjoni u b'konformità mal-leġislazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw kooperazzjoni, ġestjoni tas-sigurtà u skambju ta’ informazzjoni effettivi fost l-awtoritajiet u s-servizzi kollha involuti, u bejn l-awtoritajiet u l-impriżi tas-sigurtà u tat-trasport bl-ajru, kemm fil-livell Ewropew, kif ukoll fil-livell nazzjonali;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi regolarment il-lista tal-metodi awtorizzati tal-iskrinjar u l-kundizzjonijiet u l-istandards minimi għall-implimentazzjoni tagħhom, biex jitqiesu problemi possibbli, l-esperjenza prattika u l-progress teknoloġiku, sabiex ikun provdut livell għoli ta’ prestazzjoni tal-identifikar u ta’ protezzjoni għad-drittijiet u l-interessi tal-passiġġieri u l-ħaddiema skont dak il-progress;

7.

Jenfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, li jikkostitwixxu theddidiet għas-sigurtà tal-Unjoni Ewropea, kif diġà ġie identifikat fil-Programm ta’ Stokkolma, u għal dan l-iskop jappoġġa, f'dan il-kuntest biss, l-użu ta’ miżuri ta’ sigurtà mfassla biex jevitaw inċidenti terroristiċi li huma preskritti bil-liġi, effettivi, neċessarji f'soċjetà demokratika ħielsa u miftuħa, proporzjonati mal-għan imfittex u konsistenti bis-sħiħ mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB); ifakkar li l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tagħhom hija essenzjali u li, għalhekk, għandu jinstab bilanċ ġust bejn il-ħtieġa li tkun żgurata s-sigurtà u l-salvagwardja tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali;

8.

Jisħaq, f'din ir-rabta, li kwalunkwe miżura kontraterrorista għandha tkun konsistenti bis-sħiħ mad-drittijiet fundamentali u mal-obbligi tal-Unjoni Ewropea, li huma meħtieġa f'soċjetà demokratika, u għandha tkun proporzjonata, strettament neċessarja, preskritta mil-liġi u, b'hekk, ristretta għall-iskop speċifiku tagħha;

L-iskanners tas-sigurtà

9.

Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi li l-iskanners tas-sigurtà jiżdiedu mal-lista tal-metodi awtorizzati ta’ skrinjar, bil-kundizzjoni li din tkun akkumpanjata minn regoli xierqa u standards minimi komuni għall-użu tagħhom, kif stipulat f'din ir-riżoluzzjoni, biss jekk il-valutazjoni tal-impatt li l-Parlament Ewropew talab fl-2008 tkun twettqet biex turi li l-apparat ma jikkostitwix riskju għas-saħħa tal-passiġġieri, għad-data personali, għad-dinjità individwali u għall-privatezza tal-passiġġieri jew għall-effettività tal-iskanners;

10.

Jemmen li l-użu tal-iskanners tas-sigurtà għandu jkun regolat minn regoli, proċeduri u standards komuni tal-UE li, mhux biss jistabbilixxu kriterji għall-prestazzjoni tal-identifikar, imma jimponu wkoll s-salvagwardji meħtieġa biex jiġu mħarsa s-saħħa u d-drittijiet fundamentali u l-interessi tal-passiġġieri, il-ħaddiema, il-membri tal-ekwipaġġ u l-persunal tas-sigurtà;

11.

Jemmen li l-iskanners tas-sigurtà għandhom iservu biex iħaffu l-pass u l-veloċità tal-kontrolli fl-ajruporti u biex titnaqqas l-inkonvenjenza għall-passiġġieri, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tqis dan l-aspett fil-leġiżlazzjoni proposta tagħha;

12.

Jipproponi, b'mod aktar speċifiku, li l-Kummissjoni, wara li tkun stabbiliet regoli komuni dwar l-użu tal-iskanners tas-sigurtà, għandha tirrevedi dawn ir-regoli fuq bażi regolari u meta jkun meħtieġ, tadatta d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tas-saħħa, il-privatezza, id-data personalu u d-drittijiet fundamentali għall-progress teknoloġiku;

Il-ħtieġa u l-proporzjonalità

13.

Jemmen li t-theddida terroristika li qiegħda teskala tfisser li l-awtoritajiet pubbliċi jridu jieħdu l-miżuri protettivi u preventivi mitluba mis-soċjetajiet demokratiċi;

14.

Iqis li l-prestazzjoni tal-identifikar tal-iskanners tas-sigurtà hija ogħla minn dik offruta mill-apparati kurrenti li jidentifikaw il-preżenza ta’ metalli, partikolarment fir-rigward tal-oġġetti mhux metalliċi u l-likwidi, filwaqt li t-tiftix fuq il-persuna bl-idejn x'aktarx li jikkawża aktar irritazzjoni, telf ta’ ħin u jaffaċċa iktar oppożizzjoni minn skanner;

15.

Hu tal-fehma li l-użu tal-iskanners tas-sigurtà, sakemm s-salvagwardji xierqa jkunu applikati, huwa preferut minn metodi oħra li jitolbu anqas li ma jkunux jiggarantixxu livell simili ta’ protezzjoni; ifakkar li, fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni, l-użu tal-intelliġenza f'sens wiesa' u persunal tas-sigurtà tal-ajruport edukat sew għandhom jibqgħu l-prijoritajiet ewlenin tagħna;

16.

Hu tal-fehma li t-tħassib u t-talbiet insistenti rigward il-privatezza u s-saħħa jistgħu jiġu riżolti bit-teknoloġija u l-metodi disponibbli; iqis li t-teknoloġija li issa qed tiġi żviluppata hija waħda promettenti u li għandha tintuża l-aħjar teknoloġija disponibbli;

17.

Hu tal-fehma li l-installazzjoni tal-iskanners tas-sigurtà, jew id-deċiżjoni biex ma jiġux installati taqa' fir-responsabilità u l-libertà tad-deċiżjoni tal-Istati Membri tal-UE; iqis, madankollu, li hija meħtieġa aktar armonizzazzjoni tal-użu tal-iskanners sabiex tinħoloq żona Ewropea koerenti tas-sigurtà tal-avjazzjoni;

18.

Hu tal-fehma li meta Stati Membri tal-UE jinstallaw l-iskanners tas-sigurtà, dawn għandhom jikkonformaw mal-istandards u r-rekwiżiti minimi stabbiliti mill-UE għall-Istati Membri kollha tal-UE, mingħajr ħsara għad-dritt tal-Istati Membri li japplikaw miżuri aktar stretti;

19.

Iqis li l-Istati Membri għandhom iżidu l-punti ta’ kontroll u l-persunal tas-sigurtà sabiex jiżguraw li l-passiġġieri ma jiġux affettwati mit-tnedija tal-iskanners tas-sigurtà;

20.

Hu tal-fehma li l-persuni li jkun qed isirilhom kontroll għandhom jingħataw għażla jekk jintużawx l-iskanners tas-sigurtà fejn, jekk jirrifjutaw, ikunu obbligati li jissottomettu ruħhom għal metodi alternattivi ta’ skrinjar li jiggarantixxu l-istess livell ta’ effettività bħall-iskanners tas-sigurtà u rispett sħiħ tad-drittijiet u tad-dinjità tagħhom; jenfasizza li rifjut bħal dan m'għandu jqajjem ebda suspett fuq il-passiġġier;

Is-saħħa

21.

Jirrimarka li l-leġiżlazzjoni Ewropea u nazzjonali trid tiġi applikata bi qbil mal-prinċipju ALARA (As Low As Reasonably Achievable) b'mod partikolari;

22.

Jistieden lill-Istati Membri biex jużaw teknoloġija li hija l-inqas waħda li tagħmel ħsara lis-saħħa tal-bniedem u li toffri soluzzjonijiet aċċettabbli għall-preokkupazzjoni tal-pubbliku dwar il-privatezza;

23.

Hu tal-fehma li l-esponiment għal dożi ta’ radjazzjoni jonizzanti kumulattiva ma tistax tkun aċċettabbli; jemmen, għalhekk, li kwalunkwe forma ta’ teknoloġija li tuża r-radjazzjoni jonizzanti għandha tiġi eskluża b'mod espliċiti mill-użu fl-iskrinjar tas-sigurtà;

24.

Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-possibilità li, skont il-programm qafas dwar ir-riċerka li jmiss, tintuża teknoloġija li hija għal kollox bla periklu għall-membri kollha tal-pubbliku u li fl-istess ħin tiggarantixxi s-sigurtà tal-avjazzjoni;

25.

Jistieden lill-Istati Membri jimmonitorjaw perjodikament l-effetti fit-tul tal-esponiment għall-iskanners tas-sigurtà, filwaqt li jqisu l-iżviluppi xjentifiċi ġodda, u jikkontrollaw li l-apparat ikun ġie installat sew u jkun qiegħed jintuża u jitħaddem kif suppost;

26.

Jinsisti li jitqiesu kif xieraq każijiet speċifiċi u li jingħata trattament ġust u personalizzat lill-passiġġieri vulnerabbli f'dik li hi saħħa u l-abilità li jikkomunikaw, bħalma huma n-nisa tqal, it-tfal, il-persuni mdaħħla fl-età, il-persuni b'diżabilitajiet u nies li għandhom apparat mediku impjantat (eż. prosteżijiet ortopediċi u pacemakers), kif ukoll il-persuni kollha li jkollhom fuqhom il-mediċini u/jew l-apparati mediċi li għandhom bżonn biex jibqgħu f'saħħithom (eż. siringi, insulina);

L-immaġni tal-ġisem

27.

Jemmen li l-figuri bi stikek biss għandhom jintużaw u m'għandha tittieħed ebda immaġni tal-ġisem;

28.

Jenfasizza li d-data ġenerata mill-proċess tal-iskannjar m'għandhiex tintuża għal skopijiet barra dawk li jiġu identifikati oġġetti projbiti, għandha tintuża għall-ammont ta’ ħin neċessarju għall-proċess tal-iskrinjar, għandha tinqered immedjatament wara li kull persuna tkun għaddiet mill-kontroll tas-sigurtà u ma tistax tinħażen;

Il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni

29.

Hu tal-fehma li r-regoli operattivi jridu jiżguraw li proċess każwali ta’ għażla jiġi applikat u li l-passiġġieri m'għandhomx jiġu magħżula biex jgħaddu minn ġol-iskanners tas-sigurtà fuq il-bażi ta’ kriterji diskriminatorji;

30.

Jisħaq li kwalunkwe forma ta’ tħejjija ta’ profil ibbażata fuq, pereżempju, is-sess, ir-razza, il-kulur, l-etniċità, karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin hija inaċċettabbli bħala parti mill-proċedura dwar l-għażla jew ir-rifjut li jsir l-iskannjar tal-ġisem;

Il-protezzjoni tad-data

31.

Iqis li l-iskanners tas-sigurtà kollha għandhom jużaw figura standard biex jiġu protetti l-identitajiet tal-passiġġieri u sabiex ikun żgurat li dawn ma jistgħux jiġu identifikati permezz ta’ immaġnijiet ta’ kwalunkwe parti tal-ġisem tagħhom;

32.

Jisħaq li t-teknoloġija użata m'għandux ikollha l-kapaċitajiet li taħżen jew terfa' d-data;

33.

Ifakkar li l-użu tal-iskanners tal-sigurtà għandu jikkonforma mad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data;

34.

Jenfasizza li dawk l-Istati Membri li jiddeċiedu li jużaw l-iskanners tas-sigurtà għandhom ikunu kapaċi, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, japplikaw standards aktar stretti minn dawk definiti mil-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni taċ-ċittadini u d-data personali tagħhom;

L-informazzjoni għall-persuni skannjati

35.

Hu tal-fehma li n-nies li jkunu qed isirulhom kontrolli għandhom jirċievu informazzjoni komprensiva minn qabel, partikolarment rigward l-funzjonament tal-iskanner ikkonċernat, il-kundizzjonijiet fis-seħħ biex iħarsu d-drittijiet għad-dinjità, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data u l-possibilità li dak li jkun jirrifjuta li jgħaddi minn ġo skanner;

36.

Jitlob li l-kampanji ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru jinkludu taqsima li tagħti d-dettalji wkoll dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fir-rigward tal-iskrinjar tas-sigurtà u l-iskanners tas-sigurtà;

It-trattament tal-persuni skannjati

37.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-persunal tas-sigurtà jirċievi taħriġ speċjali dwar l-użu tal-iskanners tas-sigurtà b'tali mod li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali, id-dinjità personali, il-protezzjoni tad-data u s-saħħa tal-passiġġieri; f'dan ir-rigward, iqis li kodiċi ta’ kondotta tista' tkun għodda bżonjuża ħafna għall-persunal tas-sigurtà responsabbli mill-iskanners;

L-iffinanzjar tas-sigurtà tal-avjazzjoni

38.

Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu tal-5 ta’ Mejju 2010 dwar l-imposti tas-sigurtà tal-avjazzjoni;

39.

Hu tal-fehma li l-imposti tas-sigurtà tal-avjazzjoni għandhom ikunu trasparenti, għandhom jintużaw biss biex ikopru l-ispejjeż tas-sigurtà u li l-Istati Membri li jiddeċiedu li japplikaw miżuri aktar stretti għandhom jiffinanzjaw l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw minn dawn iż-żidiet;

40.

Iħeġġeġ lill-Kunsill jadotta immedjatament pożizzjoni dwar l-imposti tas-sigurtà tal-avjazzjoni fl-ewwel qari, peress li l-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni u l-leġiżlazzjoni dwar l-imposti tas-sigurtà tal-avjazzjoni huma marbuta mill-qrib;

41.

Jirrakkomanda li kull biljett tal-passiġġiera għandu juri l-ispiża għall-miżrui ta’ sigurtà;

Il-projbizzjoni tal-likwidi, l-aerosols u l-ġellijiet

42.

Itenni u jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu li l-projbizzjoni fuq il-ġarr ta’ likwidi għandha tintemm fl-2013, kif stipulat fil-leġiżlazzjoni tal-UE; iħeġġeġ, għalhekk, lill-partijiet kollha kkonċernati, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-industrija jaħdmu flimkien mill-qrib biex jiżguraw li r-restrizzjonijiet fuq il-ġarr ta’ likwidi abbord l-ajruplani jitneħħew għall-benefiċċju tal-passiġġieri;

43.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-ajruporti jieħdu l-azzjoni meħtieġa kollha biex jiżguraw li jkun hemm disponibbli teknoloġija adegwata kmieni biżżejjed ħalli tmiem il-projbizzjoni fuq il-ġarr tal-likwidi kif inhu skedat ma jkollux l-effett li jdgħajjef is-sigurtà;

44.

Hu tal-fehma, f'dan il-kuntest, li dawk kollha involuti għandhom jieħdu l-azzjoni meħtieġa biex it-tranżizzjoni minn projbizzjoni fuq il-ġarr tal-likwidi, l-aerosols u l-ġellijiet għal kontrolli fuq dawk l-oġġetti tkun sodisfaċenti u uniformi kemm jista' jkun, filwaqt li jkunu garantiti d-drittijiet tal-passiġġieri f'kull ħin;

Il-miżuri ta’ sigurtà għall-merkanzija

45.

Huwa tal-fehma li, fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskju, il-kontrolli fuq il-merkanzija u l-posta għandhom ikunu proporzjonati mat-theddid li jirriżulata mit-trasport tagħhom u li għandha tiġi garantita sigurtà xierqa, partikolarment meta l-merkanzija u l-posta tinġarr fuq ajruplani tal-passiġġieri;

46.

Ifakkar li l-iskannjar 100 % tal-merkanzija mhux prattikabbli; jitlob lill-Istati Membri jkomplu l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw ir-Regolament (KE) Nru 300/2008, u ir-Regolament korrispondenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 185/2010, sabiex tittejjeb is-sigurtà tul il-katina kollha tal-provvista;

47.

Hu tal-fehma li l-livell ta’ sigurtà għall-merkanzija għadu jvarja minn Stat Membru għal ieħor u li, bil-għan li tinkiseb sigurtà f'post wieħed biss, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri eżistenti relatati mal-merkanzija u l-posta Ewropej jiġu applikati korrettament u li l-aġenti regolati approvati minn Stat Membru ieħor jiġu rikonoxxuti;

48.

Jemmen li l-miżuri ta’ sigurtà tal-Istati Membri għall-merkanzija u l-posta tal-ajru u l-ispezzjoni tal-Kummissjoni ta’ dawn il-miżuri żdiedu, u għalhekk iqisha bħala ħaġa assolutament essenzjali li jitfassal rapport tekniku bil-għan li jiġu identifikati d-dgħufijiet tas-sistema tal-merkanzija li hemm bħalissa u l-modi possibbli kif dawn jiġu rimedjati;

49.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-iskrinjar u l-ispezzjonijiet marbuta mal-merkanzija tal-ajru, inklużi dawk marbuta mal-validazzjoni ta’ aġenti rregolati ta’ konsenjaturi magħrufa; jenfasizza l-ħtieġa, għal dan il-għan, li jkun hemm aktar spetturi disponibbli fil-livell nazzjonali;

50.

Jenfasizza l-potenzjal tal-informazzjoni tad-dwana għall-kalkolu tar-riskju assoċjat ma’ kunsinni speċifiċi u jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli xogħolha dwar l-użu possibbli tas-sistemi elettroniċi relatati mad-dwana għall-għanijiet tas-sigurtà tal-avjazzjoni b'mod partikolari billi jsir użu mis-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni tal-UE għat-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tad-dwana;

51.

Jitlob lill-Kummissjoni tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tiżgura t-trasport sikur tal-merkanzija li toriġina f'pajjiżi terzi, mill-ajruport tal-oriġini stess, u biex tistabbilixxi kriterji għall-istabbiliment ta’ merkanzija b'riskju għoli, filwaqt li tidentifika r-responsabilità ta’ kull wieħed mid-diversi aġenti;

52.

Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-programm tas-sigurtà jqis il-karatteristiċi speċifiċi tal-parteċipanti kollha affettwati u jirrikonċilja l-miżuri ta’ sigurtà relatati mal-iskambju tal-posta u tal-merkanzija mal-ħtieġa li tiġi żgurata ekonomija dinamika li tkompli tinkoraġġixxi l-kummerċ, il-kwalità tas-servizzi u l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku;

53.

Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi sistema armonizzata għat-taħriġ inizjali u ulterjuri tal-persunal tas-sigurtà fir-rigward tal-merkanzija, sabiex dan jibqa' aġġornat dwar l-aħħar żviluppi tekniċi fil-qasam tas-sigurtà;

Ir-relazzjonijiet internazzjonali

54.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu mal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u ma’ pajjiżi terzi fuq sistemi ta’ valutazzjoni tar-riskju u fuq sistemi ta’ intelliġenza fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni;

55.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu standards regolatorji globali fi ħdan il-qafas tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali bil-għan li jiġu appoġġati l-isforzi magħmula minn pajjiżi terzi biex jimplimentaw dawk l-istandards, jimxu lejn ir-rikonoxximent reċiproku tal-miżuri tas-sigurtà u jsegwu l-objettiv tas-sigurtà effikaċi f'post wieħed biss;

*

* *

56.

Jemmen li l-proċedura ta’ komitoloġija mhix xierqa fis-settur tas-sigurtà tal-avjazzjoni, għall-inqas għall-miżuri li għandhom impatt fuq id-drittijiet taċ-ċittadini, u jistieden lill-Parlament biex jinvolvi ruħu bis-sħiħ permezz tal-kodeċiżjoni;

57.

Jistenna lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva matul il-leġiżlatura parlamentari kurrenti dwar l-adattament tar-Regolament (KE) Nru 300/2008, filwaqt li tqis id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2010 fil-kuntest tal-adozzjoni tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali li jikkonċernaw il-mekkaniżmi għall-kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju min-naħa tal-Kummissjoni tas-setgħat implimentattivi;

58.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU C 15 E, 21.1.2010, p. 71.

(2)  ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72.

(3)  ĠU L 91, 3.4.2009, p. 7.

(4)  ĠU L 55, 5.3.2010, p. 1.

(5)  ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 164

(6)  ĠU L 199, 30.7.1999, p. 59.

(7)  ĠU L 184, 24.5.2004, p. 1.

(8)  ĠU L 114, 27.4.2006, p. 38.

(9)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(10)  ĠU L 159, 29.6.1996, p. 1.

(11)  ĠU L 272, 25.10.1996, p. 36.


Top