EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

It-traffiku lokali tal-fruntiera fil-fruntieri esterni fuq l-art

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (KE) Nru 1931/2006 – regoli dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera fil-fruntieri esterni fuq l-art tal-Istati Membri u li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Schengen

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan jistipula reġim tat-traffiku lokali tal-fruntiera fil-fruntieri esterni fuq l-art tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u jintroduċi permess tat-traffiku lokali tal-fruntiera għal dak il-għan.

PUNTI EWLENIN

Kundizzjonijiet tad-dħul u tas-soġġorn

It-traffiku tal-fruntiera lokali jirreferi għall-qsim regolari u frekwenti tal-fruntiera esterna tal-UE minn ċittadini ta’ pajjiżi ġirien mhux tal-UE residenti fiż-żoni tal-fruntiera tal-UE, għal raġunijiet leġittimi.

Dawn ir-residenti tal-fruntiera jistgħu jaqsmu l-fruntiera esterna tal-art ta’ pajjiż tal-UE sakemm:

  • għandhom fil-pussess tagħhom permess maħruġ biex jippermetti dan il-qsim (u ta’ passaport, jekk meħtieġ fil-ftehim bilaterali);
  • mhumiex persuni li fir-rigward tagħhom is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen ġiet imwissija; u
  • mhumiex meqjusa bħala theddida għall-ordni pubblika.

Dawn il-persuni huma awtorizzati li jibqgħu fiż-żona tal-fruntiera għal tul massimu stipulat fil-ftehim bilaterali bejn pajjiż tal-UE u l-pajjiż ġar li mhux tal-UE. Is-soġġorn m’għandux jaqbeż it-3 xhur.

Dan japplika għall-Iżlanda u għan-Norveġja peress li jikkostitwixxi żvilupp tal-acquis ta’ Schengen (jiġifieri l-liġijiet eżistenti tal-UE dwar iż-żona ta’ Schengen - żona fl-Ewropa mingħajr fruntieri interni fejn iċ-ċittadini, ħafna ċittadini mhux tal-UE u turisti jistgħu jiċċaqalqu liberament mingħajr kontrolli fuq il-fruntiera), kif ukoll għall-Iżvizzera u l-Liechtenstein. Ma japplikax għall-Irlanda u għar-Renju Unit (1).

Permessi

Ir-residenti tal-fruntiera jingħataw permess limitat għaż-żona tal-fruntiera li huwa validu għal bejn sena u 5 snin.

Dawn il-permessi għandhom l-istess karatteristiċi ta’ sigurtà bħall-permessi ta’ residenza.

It-tariffi jkunu ekwivalenti għal dawk pagabbli għal viża għal żmien qasir għal dħul multiplu. Madankollu, il-pajjiżi tal-UE huma ħielsa li jiddeċiedu li jnaqqsu jew saħansitra jirrinunzjaw il-miżati. Skont ir-Regolament (UE) 2017/1954, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1030/2002 dwar il-format tal-UE għal permessi ta’ residenza għal ċittadini mhux tal-UE, il-karatteristiċi ta’ sigurtà tal-permessi tat-traffiku lokali tal-fruntiera huma allinjati ma’ dawk tal-permessi ta’ residenza biex jagħmluhom aktar siguri u biex jevitaw il-frodi. L-anness għar-Regolament (UE) 2017/1954 fih l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-format tan-naħa ta’ quddiem u ta’ wara tal-biljett. Dawn l-ispeċifikazzjonijiet jinkludu ritratt tal-identità li huwa integrat b’mod sigur fil-qafas tal-biljett u mwaħħal b’apparat ta’ diffrazzjoni ottika ta’ immaġnijiet varjabbli, il-materjal li minnu huwa magħmul il-biljett (polikarbonat jew polimeru sintetiku ekwivalenti), u l-kulur, il-proċess tal-istampar u t-tekniki li se jintużaw.

Ftehim dwar l-implimentazzjoni tar-reġim tat-traffiku lokali tal-fruntiera

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jikkonkludu ftehimiet dwar traffiku lokali tal-fruntiera ma’ pajjiżi ġirien mhux tal-UE. Huma jistgħu wkoll iżommu ftehimiet eżistenti sakemm dawn ikunu konformi ma’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li pajjiżi mhux tal-UE japplikaw il-prinċipju tar-reċiproċità u jagħtu trattament komparabbli liċ-ċittadini tal-UE li jixtiequ jivvjaġġaw lejn iż-żona tal-fruntiera tagħhom.

Dawn il-ftehimiet jistgħu jippermettu lir-residenti tal-fruntiera jużaw:

  • punti ta’ qsim tal-fruntiera miftuħa biss għal residenti tal-fruntiera;
  • korsiji speċjali f’’punti ordinarji ta’ qsim tal-fruntiera;
  • awtorizzazzjonijiet eċċezzjonali għar-residenti tal-fruntiera biex jaqsmu l-fruntiera barra l-punti u s-sigħat tal-qsim tal-fruntiera awtorizzati.

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jinfurzaw penali effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-każ ta’ użu ħażin tar-reġim tat-traffiku lokali tal-fruntiera. Dawn jistgħu jinkludu tħassir jew revoka tal-permess.

Inklużjoni ta’ Kaliningrad oblast (reġjun) u ta’ ċerti distretti amministrattivi Pollakki fiż-żona tal-fruntiera eliġibbli

Dan ir-regolament ġie emendat bir-Regolament (UE) Nru 1342/2011 biex jinkludi r-reġjun ta’ Kaliningrad, flimkien ma’ ċerti distretti amministrattivi Pollakki fiż-żona tal-fruntiera eliġibbli għall-fini tal-ftehim bilaterali bejn il-Polonja u r-Russja. Dan il-ftehim bilaterali ilu sospiż mill-4 ta’ Lulju 2016.

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2016

Fl-2015, aktar minn 50 miljun ċittadin mhux tal-UE żaru l-UE, u dan jirrappreżenta aktar minn 200 miljun qsim tal-fruntiera fil-fruntieri esterni taż-żona ta’ Schengen. Minbarra dawn il-flussi regolari tal-ivvjaġġar, il-kunflitt fil-Lvant Nofsani u bnadi oħra wassal għal 1.8 miljun qsim irregolari tal-fruntiera fil-fruntieri esterni tal-Ewropa fl-2015 biss. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċifri u fl-isfond tal-attakki terroristiċi fi tmiem l-2015 u fil-bidu tal-2016, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet komunikazzjoni li tistabbilixxi l-għażliet dwar kif is-sistemi ta’ informazzjoni eżistenti u futuri jistgħu jtejbu kemm il-ġestjoni tal-fruntieri esterni kif ukoll is-sigurtà interna fl-UE. Dan serva biex iniedi xogħol fuq it-titjib tal-arkitettura tal-immaniġġjar tad-data tal-UE f’konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari l-protezzjoni tad-data personali.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mid-19 ta’ Jannar 2007.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Regolament (KE) Nru 1931/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera fil-fruntieri esterni fuq l-art ta’ l-Istati Membri u li jemenda d-dispożizjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Schengen (ĠU L 405, 30.12.2006, pp. 1-22). Test ippubblikat mill-ġdid fil-corrigendum (ĠU L 29, 3.2.2007, p. 3-9)

Emendi sussegwenti għar-Regolament (KE) Nru 1931/2006 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija ta valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Sistemi ta’ Informazzjoni aktar bsaħħithom u aktar intelliġenti għall-Fruntieri u s-Sigurtà (COM(2016) 205 final, 6.4.2016)

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Rapport dwar l-implimentazzjoni u l-funzjonament tar-Regolament (UE) Nru 1342/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1931/2006 rigward l-inklużjoni taż-żona ta’ Kaliningrad u ta’ ċerti distretti amministrattivi Pollakki fiż-żona eliġibbli tal-fruntiera u dwar il-ftehim bilaterali konkluż f’dan ir-rigward bejn il-Polonja u l-Federazzjoni Russa (COM(2014) 74 final, 19.2.2014)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: It-tieni rapport dwar it-twettiq u t-tħaddim tas-sistema tat-traffiku lokali tal-fruntiera stabbilit permezz tar-Regolament Nru 1931/2006 (COM(2011) 47 final, 9.2.2011)

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u t-tħaddim tar-reġim tat-traffiku lokali tal-fruntiera introdott mir-Regolament (KE) Nru 1931/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabilixxi r-regoli dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera fil-fruntieri esterni fuq l-art tal-Istati Membri (COM(2009) 383 final, 24.7.2009)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 tat-13 ta’ Ġunju 2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiz terz (ĠU L 157, 15.6.2002, pp. 1-7)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 04.05.2020



(1) Ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea u jsir pajjiż terz (pajjiż mhux tal-UE) mill-1 ta’ Frar 2020.

Top