EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018L0851

Direttiva (UE) 2018/851 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

PE/11/2018/REV/2

ĠU L 150, 14.6.2018, p. 109–140 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2018/851/oj

14.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 150/109


DIRETTIVA (UE) 2018/851 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-30 ta’ Mejju 2018

li temenda d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz ta’ att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

L-immaniġġjar tal-iskart fl-Unjoni jenħtieġ li jittejjeb u jiġi ttrasformat f’immaniġġjar sostenibbli tal-materjal, bil-ħsieb li titħares, tinżamm u tiżdied il-kwalità tal-ambjent, tkun protetta s-saħħa tal-bniedem, tkun żgurata utilizzazzjoni prudenti, effiċjenti u razzjonali tar-riżorsi naturali, jiġi promoss il-prinċipju tal-ekonomija ċirkolari, jissaħħaħ l-użu tal-enerġija rinnovabbli, tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, titnaqqas id-dipendenza tal-Unjoni fuq ir-riżorsi importati, jiġu pprovduti opportunitajiet ekonomiċi ġodda u jingħata kontribut għall-kompetittività fit-tul. Sabiex l-ekonomija ssir verament ċirkolari, huwa neċessarju li jittieħdu miżuri addizzjonali dwar il-produzzjoni u l-konsum sostenibbli, b’enfasi fuq iċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja tal-prodotti b’tali mod li jiġu ppreservati r-riżorsi u jingħalaq iċ-ċirku. L-użu aktar effiċjenti tar-riżorsi jġib ukoll iffrankar nett sostanzjali għan-negozji, l-awtoritajiet pubbliċi u l-konsumaturi tal-Unjoni, filwaqt li jnaqqas l-emissjonijiet annwali totali ta’ gassijiet serra.

(2)

It-titjib fl-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-iżgurar li l-iskart jiġi vvalorizzat bħala riżorsa jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tad-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjoni ta’ materja prima u jiffaċilitaw it-tranżizzjoni għal immaniġġjar aktar sostenibbli tal-materjal u għall-mudell ta’ ekonomija ċirkolari. Dik it-tranżizzjoni jenħtieġ li tikkontribwixxi għall-għanijiet ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv stipulati fl-istrateġija Ewropa 2020 u toħloq opportunitajiet importanti għall-partijiet interessati u l-ekonomiji lokali, filwaqt li tikkontribwixxi biex jiżdiedu s-sinerġiji bejn l-ekonomija ċirkolari u l-politiki dwar l-enerġija, il-klima, l-agrikoltura, l-industrija u r-riċerka, kif ukoll biex jinġiebu benefiċċji ambjentali, f’termini ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, u għall-ekonomija.

(3)

Il-miri stipulati fid-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) għall-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart jenħtieġ li jiżdiedu biex jirriflettu aħjar l-ambizzjoni tal-Unjoni li timxi lejn ekonomija ċirkolari.

(4)

Jenħtieġ li tkun żgurata l-koerenza bejn id-Direttiva 2008/98/KE u l-atti leġislattivi relatati tal-Unjoni bħad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(5)

Għadd ta’ Stati Membri għadhom ma żviluppawx għalkollox l-infrastruttura meħtieġa għall-immaniġġjar tal-iskart. Għaldaqstant huwa essenzjali li jiġu stabbiliti għanijiet ta’ politika ċari u fit-tul sabiex jiggwidaw il-miżuri u l-investimenti, speċifikament billi jiġi evitat il-ħolqien ta’ kapaċitajiet strutturali eċċessivi għat-trattament tal-iskart residwali u tiġi evitata l-inerzja tal-materji riċiklabbli fil-livelli l-baxxi tal-ġerarkija tal-iskart.

(6)

L-iskart muniċipali jikkostitwixxi kważi bejn 7 % u 10 % tal-iskart kollu ġġenerat fl-Unjoni. Dan il-fluss tal-iskart, madankollu, hu fost l-aktar skart kumpless biex timmaniġġja, u l-mod kif jiġi mmaniġġjat ġeneralment jixhed sew il-kwalità tas-sistema ġenerali tal-immaniġġjar tal-iskart ġenerali fil-pajjiż. L-isfidi tal-iskart muniċipali jirriżultaw mill-kompożizzjoni tiegħu tassew kumplessa u mħallta, mill-prossimità diretta tiegħu għaċ-ċittadini, mill-viżibilità pubblika għolja ħafna tiegħu u mill-impatt tiegħu fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem. Minħabba f’hekk, l-immaniġġjar tal-iskart muniċipali jirrikjedi sistema kumplessa ħafna inkluż skema ta’ ġbir effiċjenti, sistema effettiva ta’ separazzjoni u intraċċar adegwat tal-flussi tal-iskart, l-involviment attiv taċ-ċittadini u n-negozji, infrastruttura aġġustata skont il-kompożizzjoni speċifika tal-iskart, u sistema elaborata ta’ finanzjament. Il-pajjiżi li żviluppaw sistemi effiċjenti għall-immaniġġjar tal-iskart muniċipali ġeneralment ikollhom prestazzjoni aħjar fl-immaniġġjar ġenerali tal-iskart, inkluż il-kisba tal-miri ta’ riċiklaġġ.

(7)

L-esperjenza wriet li, irrispettivament mill-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet għall-immaniġġjar tal-iskart bejn l-atturi pubbliċi u dawk privati, is-sistemi tal-immaniġġjar tal-iskart jistgħu jgħinu biex tinkiseb ekonomija ċirkolari, u li d-deċiżjoni dwar l-allokazzjoni tar-responsabilitajiet ta’ spiss tiddependi fuq kundizzjonijiet ġeografiċi u strutturali. Ir-regoli stipulati f’din id-Direttiva jippermettu sistemi tal-ġestjoni tal-iskart meta l-muniċipalitajiet ikollhom ir-responsabbiltà ġenerali għall-ġbir tal-iskart muniċipali, għal sistemi fejn tali servizzi jingħataw b’kuntratt lill-operaturi privati, jew għal kwalunkwe tip ieħor ta’ allokazzjoni ta’ responsabbiltajiet bejn l-atturi pubbliċi u dawk privati. L-għażla fir-rigward ta’ tali sistemi, u d-deċiżjoni dwar jekk dawn għandhomx jinbidlu jew le, huma r-responsabbiltà tal-Istati Membri.

(8)

Is-sustanzi bbażati fuq il-pjanti mill-industrija agroalimentari u l-ikel minn oriġini mhux annimali u li m’għadux intiż għall-konsum mill-bniedem li jkunu maħsubin għall-użu bħala għalf mitmugħ lill-annimali jenħtieġ li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva 2009/98/KE b’konformità sħiħa mal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-għalf. Għaldaqstant, id-Direttiva 2008/98/KE jenħtieġ li ma tapplikax għal dawk il-prodotti u s-sustanzi meta jintużaw għall-għalf, u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva jenħtieġ jiġi ċċarat skont dan. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Unjoni applikabbli fil-qasam tan-nutrizzjoni tal-annimali, il-prodotti sekondarji tal-annimali maħsuba biex jintużaw bħala materjali tal-għalf skont ir-Regolament (KE) Nru 767/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) diġà huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/98/KE sal punt li huma koperti minn leġislazzjoni oħra tal-Unjoni.

(9)

Jenħtieġ li jiġu inklużi fid-Direttiva 2008/98/KE definizzjonijiet ta’ skart mhux perikoluż, tal-iskart muniċipali, tal-iskart tal-kostruzzjoni u tad-demolizzjoni, tal-iskart tal-ikel, tal-irkupru ta’ materjal, tar-radam mill-ġdid, u, tal-iskema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur bil-għan li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-kunċetti jiġi ċċarat.

(10)

Biex jiġi żgurat li l-miri għall-preparazzjoni tal-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ jissejsu fuq dejta affidabbli u paragunabbli, u biex ikun permess monitoraġġ iktar effettiv tal-progress fil-ksib ta’ dawk il-miri, id-definizzjoni tal-iskart muniċipali fid-Direttiva 2008/98/KE jenħtieġ li taqbel mad-definizzjoni użata għal finijiet statistiċi mill-Eurostat u mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), li abbażi tagħha l-Istati Membri ilhom is-snin jirrappurtaw id-data. L-iskart muniċipali huwa definit bħala skart minn unitajiet domestiċi u skart minn sorsi oħrajn, bħall-bejgħ bl-imnut, l-amministrazzjoni, l-edukazzjoni, is-servizzi tas-saħħa, l-akkomodazzjoni u s-servizzi tal-ikel, u servizzi u attivitajiet oħra, li jkun simili, fin-natura u fil-kompożizzjoni, għall-iskart minn unitajiet domestiċi. Għalhekk, l-iskart muniċipali jinkludi, inter alia, skart mill-manutenzjoni tal-parks u tal-ġonna, bħal weraq, ħaxix u siġar maqtugħ, u skart minn servizzi ta’ tindif tat-toroq u tas-swieq, bħall-kontenut tal-laned taż-żibel u knis ħlief materjali bħal ramel, ġebel, tajn jew trab. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-iskart minn kummerċ u industrija fuq skala kbira li ma jkunx simili għall-iskart minn unitajiet domestiċi ma jkunx inkluż fl-ambitu ta’ skart muniċipali. L-iskart mill-produzzjoni, l-agrikoltura, l-forestrija, is-sajd, il-kostruzzjoni u d-demolizzjoni, it-tankijiet settiċi u n-netwerk u t-trattament tad-drenaġġ, il-vetturi li ma għadhomx jintużaw huma esklużi mill-ambitu ta’ skart muniċipali. Jenħtieġ li l-iskart muniċipali jenħtieġ li jinftiehem bħala skart li jikkorrispondu għat-tipi ta’ skart inklużi fil-kapitolu 15 01 u l-kapitolu 20, bl-eċċezzjoni tal-kodiċijiet 20 02 02, 20 03 04 u 20 03 06, tal-lista tal-iskart stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/955/UE (8) fil-verżjoni fis-seħħ fl-4 ta’ Lulju 2018. Skart li jaqa’ taħt kapitoli oħrajn ta’ dik il-lista jenħtieġ li ma jiġix ikkunsidrat skart muniċipali ħlief f’każijiet meta l-iskart muniċipali jgħaddi minn trattament, u jiġi assenjat kodiċijiet elenkati fil-kapitolu 19 ta’ dik il-lista. L-Istati Membri jistgħu jużaw kategoriji rilevanti f’dik il-lista għal skopijiet ta’ statistika. Id-definizzjoni tal-iskart muniċipali f’din id-Direttiva hija introdotta sabiex jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miri għat-tħejjija tal-użu mill-ġdid u tariċiklaġġ u r-regoli ta’ kalkolu tagħhom. Din hija newtrali fejn jidħol l-istatus pubbliku jew privat tal-operatur li jimmaniġġja l-iskart u għalhekk tinkludi skart mill-unitajiet domestiċi u sorsi oħra, li jiġi ġestit mill-muniċipalitajiet jew f’isimhom jew direttament minn operaturi privati.

(11)

Filwaqt li d-definizzjoni tal-iskart tal-kostruzzjoni u d-demolizzjoni tirreferi għal skart li jirriżulta minn attivitajiet ta’ kostruzzjoni u demolizzjoni b’mod ġenerali, din tinkludi wkoll skart li joriġina minn attivitajiet do-it-yourself minuri tal-kostruzzjoni u d-demolizzjoni f’unitajiet domestiċi privati. L-iskart tal-kostruzzjoni u d-demolizzjoni jenħtieġ li jinftiehem bħala li jikkorrispondi għat-tipi ta’ skart inklużi fil-Kapitolu 17 tal-lista tal-iskart stabbilita bid-Deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2014 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/955/UE fil-verżjoni fis-seħħ fl-4 ta’ Lulju 2018.

(12)

Jenħtieġ li tiġi introdotta definizzjoni ta’ rkupru ta’ materjal biex jiġu koperti forom ta’ rkupru apparti mill-irkupru tal-enerġija u apparti mill-ipproċessar mill-ġdid f’materjali li jintużaw bħala fjuwils jew mezzi oħra biex tiġi ġġenerata l-enerġija. Dan jinkludi l-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u r-radam mill-ġdid u forom oħra ta’ rkupru ta’ materjal bħalma huma l-ipproċessar mill-ġdid tal-iskart f’materja prima sekondarja għal finijiet ta’ inġinerija fil-kostruzzjoni tat-toroq jew ta’ infrastruttura oħra. Skont iċ-ċirkustanzi fattwali speċifiċi, dan l-ipproċessar mill-ġdid jista’ jissodisfa d-definizzjoni ta’ riċiklaġġ jekk l-użu tal-materjali jkun ibbażat fuq kontroll adegwat tal-kwalità u jkun jissodisfa l-istandards, in-normi, l-ispeċifikazzjonijiet u r-rekwiżiti ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent rilevanti kollha għall-użu speċifiku.

(13)

Id-definizzjoni ta’ radam mill-ġdid jenħtieġ li tiġi introdotta biex tiċċara li din tfisser kwalunkwe operazzjoni ta’ rkupru ta’ skart xieraq u mhux perikoluż għal skopijiet ta’ reklamazzjoni f’żoni skavati jew għal skopijiet ta’ inġinerija fil-pjanifikazzjoni tal-art. L-iskart użat għar-radam mill-ġdid jenħtieġ li jkun limitat għall-ammont meħtieġ strettament biex jintlaħqu dawn l-iskopijiet.

(14)

Id-definizzjoni tal-iskema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur jenħtieġ li tiġi introdotta biex tiċċara li dan ifisser sett ta’ miżuri meħuda mill-Istati Membri li jesiġu li min jipproduċi l-prodotti jġorr ir-responsabbiltà finanzjarja jew dik finanzjarja u organizzattiva għall-immaniġġjar tal-istadju tal-iskart taċ-ċiklu ta’ ħajja ta’ prodott inklużi l-operazzjonijiet ta’ ġbir separat, separazzjoni u trattament. Dak l-obbligu jista’ jinkludi wkoll responsabbiltà organizzattiva u responsabilità ta’ kontribut għall-prevenzjoni tal-iskart u għar-riutilizzabbiltà u r-riċiklabbiltà tal-prodotti. Il-produtturi ta’ prodotti jistgħu jissodisfaw l-obbligi tal-iskema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur individwalment jew kollettivament.

(15)

Sabiex jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi stipulati fid-Direttiva, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu użu minn strumenti ekonomiċi u miżuri oħra biex jipprovdu inċentivi għall-applikazzjoni tal-ġerarkija tal-iskart bħal dawk indikati fl-Anness IVa, li jinkludu, fost l-oħrajn, il-ħlasijiet għar-rimi f’landfills u għall-inċinerazzjoni, skemi ta’ “ħallas skont kemm tarmi”, skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur, l-iffaċilitar tad-donazzjonijiet tal-ikel, u inċentivi għall-awtoritajiet lokali, jew strumenti u miżuri xierqa oħrajn.

(16)

Sabiex jiġu promossi l-użu sostenibbli tar-riżorsi u s-simbjożi industrijali, l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu miżuri xierqa biex jiffaċilitaw ir-rikonoxximent bħala prodott sekondarju ta’ sustanza jew oġġett li jirriżultaw minn proċess ta’ produzzjoni li l-għan ewlieni tiegħu ma jkunx il-produzzjoni ta’ dik is-sustanza jew dak il-prodott jekk il-kundizzjonijiet armonizzati stabbiliti fil-livell tal-Unjoni jkunu rispettati. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi kriterji ddettaljati dwar l-applikazzjoni tal-istatus ta’ prodott sekondarju, u tipprijoritizza l-prattiki replikabbli ta’ simbjożi industrijali.

(17)

Sabiex l-operaturi fis-swieq ta’ materja prima sekondarja jingħataw iktar ċertezza fir-rigward tal-istatus ta’ skart jew mhux skart ta’ sustanzi jew oġġetti, u biex jiġu promossi kundizzjonijiet ekwi, huwa importanti li l-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li l-iskart li jkun għadda minn operazzjoni ta’ rkupru jitqies li m’għadux skart jekk jikkonforma mal-kundizzjonijiet kollha stipulati fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98/KE kif emendata minn din id-Direttiva. Tali miżuri jistgħu jinkludu l-adozzjoni ta’ leġislazzjoni li tittrasponi dawn il-kondizzjonijiet bl-appoġġ ta’ proċeduri għall-implimentazzjoni tagħhom, bħall-istabbiliment ta’ kriterji ta’ tmiem tal-istatus tal-iskart materjali u speċifiċi għall-applikazzjoni, dokumenti ta’ gwida, deċiżjonijiet każ b’każ u proċeduri oħrajn għall-applikazzjoni ad hoc tal-kundizzjonijiet armonizzati stabbiliti fil-livell tal-Unjoni. Tali miżuri jenħtieġ li jinkludu dispożizzjonijiet ta’ infurzar biex jiġi vverifikat li l-iskart li jitqies li m’għadux skart b’riżultat ta’ operazzjoni ta’ rkupru jkun jikkonforma mal-liġi tal-Unjoni dwar l-iskart, is-sustanzi kimiċi u l-prodotti, filwaqt li jiġu prijoritizzati, b’mod partikolari, il-flussi tal-iskart li joħolqu riskju akbar għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent minħabba n-natura u l-volum ta’dawk il-flussi tal-iskart, l-iskart li jkun soġġett għal proċessi innovattivi ta’ rkupru jew l-iskart li jiġi rkuprat għal użu ulterjuri sussegwenti fi Stati Membri oħra. Il-miżuri jistgħu jinkludu wkoll l-istabbiliment tar-rekwiżit fuq l-operaturi li jirkupraw l-iskart jew id-detenturi ta’ materjali tal-iskart irkuprat biex juru l-konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98/KE kif emendata minn din id-Direttiva. Sabiex ikunu impediti vjeġġi illegali ta’ skart u biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni fost l-Istati Membri u l-operaturi ekonomiċi, jenħtieġ li jkun hemm aktar trasparenza dwar l-approċċi tal-Istati Membri għat-tmiem tal-istatus tal-iskart, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet każ b’każ tagħhom u r-riżultat tal-verifika mill-awtoritajiet kompetenti, kif ukoll it-tħassib speċifiku tal-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti dwar ċerti flussi tal-iskart. Id-determinazzjoni finali dwar jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5 jew fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/98/KE kif emendati minn din id-Direttiva humiex issodisfati tibqa’ r-responsabbiltà esklużiva tal-Istat Membru abbażi tal-informazzjoni rilevanti kollha pprovduta mid-detentur tal-materjal jew l-iskart.

(18)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħat ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi kriterji dettaljati dwar l-applikazzjoni tal-istatus ta’ tmiem tal-istatus tal-iskart. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati kriterji speċifiċi ta’ tmiem tal-istadju tal-iskart tal-inqas għall-aggregati, il-karti, it-tajers u t-tessuti.

(19)

L-applikazzjoni ta’ regoli dwar il-prodotti sekondarji u t-tmiem tal-istatus tal-iskart jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħrajn tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 28 u l-Artikolu 50(4a) u (4b) tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) dwar vjeġġi ta’ skart, il-leġislazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi u l-leġislazzjoni dwar it-tqegħid fis-suq ta’ ċerti prodotti. L-istatus ta’ tmiem tal-istatus tal-iskart jista’ jinkiseb biss jekk is-sustanzi jew l-oġġetti jkunu konformi mar-rekwiżiti rilevanti applikabbli għall-prodotti. Ir-regoli dwar it-tmiem tal-istatus tal-iskart jistgħu jiġu stabbiliti f’leġislazzjoni speċifika skont il-prodott.

(20)

L-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu miżuri xierqa biex iħeġġu l-iżvilupp, il-produzzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-użu ta’ prodotti u komponenti ta’ prodotti adattati għal użu multiplu, li jkun fihom materjali riċiklati, li jkunu teknikament durabbli u jistgħu jissewwew faċilment u li jkunu, wara li jsiru skart, adattati għall-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni xierqa tal-ġerarkija tal-iskart u bla ma jiġi kompromess il-moviment liberu tal-merkanzija fis-suq intern. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jqisu l-impatt tal-prodotti tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, il-ġerarkija tal-iskart u, fejn xieraq, il-potenzjal ta’ riċiklaġġ multiplu.

(21)

L-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur huma parti essenzjali mill-immaniġġjar effiċjenti tal-iskart. Madankollu, l-effettività u l-prestazzjoni tagħhom ivarjaw sew fost l-Istati Membri. Jeħtieġ għalhekk li jiġu stipulati rekwiżiti minimi ta’ operat għal tali skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur, u li jiġi ċċarat li dawk ir-rekwiżiti japplikaw ukoll għal skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur stabbiliti skont atti legislattivi oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttivi 2000/53/KE (10), 2006/66/KE (11) u 2012/19/UE (12) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, flimkien mar-rekwiżiti li diġà huma stipulati f’dik il-leġislazzjoni, sakemm ma jkunx iddikjarat espliċitament mod ieħor. Huwa neċessarju li ssir distinzjoni bejn dawk ir-rekwiżiti minimi ġenerali li japplikaw għall-iskemi kollha u dawk li japplikaw biss għal organizzazzjonijiet li jimplimentaw l-obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produtturi ta’ prodotti. Sakemm l-Istati Membri ma jiddeċidux mod ieħor, ir-rekwiżiti minimi ġenerali għall-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur ma japplikawx għal skemi li ma jissodisfawx id-definizzjoni ta’ skema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur.

(22)

Jenħtieġ li ir-rekwiżiti minimi ġenerali jnaqqsu l-kostijiet u jtejbu l-prestazzjoni, kif ukoll jiżguraw kundizzjonijiet ekwi, inkluż għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u intrapriżi ta’ kummerċ elettroniku, u jevitaw ostakli għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern. Jenħtieġ li jikkontribwixxu wkoll għall-inkorporazzjoni tal-kostijiet fi tmiem il-ħajja fil-prezzijiet tal-prodotti u jipprovdu inċentivi għall-produtturi, meta jiddisinjaw il-prodotti tagħhom, biex iqisu aħjar ir-riċiklabbiltà, il-kapaċità ta’ użu mill-ġdid, l-kapaċità ta’ tiswija u, il-preżenza ta’ sustanzi perikolużi. B’mod ġenerali, dawk ir-rekwiżiti jenħtieġ li jtejbu l-governanza u t-trasparenza tal-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur u jnaqqsu l-possibbiltà ta’ konflitti ta’ interess bejn l-organizzazzjonijiet ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur u l-operaturi tal-iskart li dawk l-organizzazzjonijiet jikkuntrattaw. Ir-rekwiżiti jenħtieġ li japplikaw kemm għall-iskemi l-ġodda kif ukoll għal dawk diġà eżistenti ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur. Madankollu, ikun hemm bżonn perjodu ta’ tranżizzjoni biex l-iskemi eżistenti ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur jadattaw l-istrutturi u l-proċeduri tagħhom għar-rekwiżiti l-ġodda.

(23)

L-awtoritajiet pubbliċi iwettqu rwol importanti fl-organizzazzjoni tal-ġbir u t-trattament tal-iskart muniċipali u l-komunikazzjoni maċ-ċittadini f’dan ir-rigward. Id-dispożizzjonijiet marbuta mar-responsabbiltà finanzjarja tal-produtturi ta’ prodotti, li ġew introdotti bħala parti mir-rekwiżiti minimi ġenerali għall-iskemi ta’ responsabilità estiża tal-produttur, jenħtieġ li japplikaw mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-awtoritajiet pubbliċi fir-rigward tal-ġbir u t-trattament tal-iskart muniċipali.

(24)

F’każijiet meta l-awtoritajiet pubbliċi jkunu responsabbli għall-organizzazzjoni tal-aspetti operazzjonali tal-immaniġġjar ta’ skart minn prodotti li huma soġġetti għal skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur, dawk is-servizzi jenħtieġ li jiġu pprovduti b’mod kosteffiċjenti u r-responsabbiltà finanzjarja tal-produtturi ta’ prodotti jenħtieġ li ma taqbiżx il-kostijiet meħtieġa biex jiġu pprovduti dawk is-servizzi. Tali kostijiet jenħtieġ li jiġu stabbiliti b’mod trasparenti bejn l-atturi kkonċernati, inklużi l-produtturi ta’ prodotti, l-organizzazzjonijiet tagħhom u awtoritajiet pubbliċi.

(25)

Sabiex jiġi żgurat l-immaniġġjar xieraq tal-iskart, meta l-produtturi ta’ prodotti jew l-organizzazzjonijiet li jimplimentaw l-obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur f’isimhom ikunu responsabbli għall-immaniġġjar ta’ skart mill-prodotti li jqiegħdu fis-suq, jenħtieġ li jiżguraw il-kontinwità tas-servizzi tal-immaniġġjar tal-iskart tul is-sena kollha, anke jekk il-miri u l-objettivi applikabbli għalihom ikunu ssodisfati. Barra minn hekk, jenħtieġ li huma ma jirrestrinġux dawk is-servizzi f’termini ta’ kopertura ġeografika, materjali u tal-prodott għal żoni fejn il-ġbir u l-immaniġġjar tal-iskart huma l-aktar profittabbli.

(26)

Il-produtturi tal-prodotti jenħtieġ li jkopru l-kostijiet meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-immaniġġjar tal-iskart u miri u objettivi oħra, inkluż dwar il-prevenzjoni tal-iskart, definiti għall-iskema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur rilevanti. Taħt kundizzjonijiet stretti, dawk il-kostijiet jistgħu jiġu kondiviżi mal-produtturi jew id-distributuri tal-iskart oriġinali meta dan ikun ġustifikat mill-ħtieġa li jiġu żgurati l-immaniġġjar xieraq tal-iskart u l-vijabbiltà ekonomika tal-iskema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur.

(27)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tadotta linji gwida dwar il-modulazzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-produtturi ta’ prodotti biex testendi r-responsabbiltà estiża tal-produtturi sabiex tgħin lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva sabiex jiġi ffaċilitat il-funzjonament tas-suq intern. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza fis-suq intern, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ tadotta kriterji armonizzati għal dak l-iskop permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni.

(28)

Ir-rappreżentanti awtorizzati stabbiliti biex jissodisfaw l-obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produtturi ta’ prodotti jistgħu jkunu soġġetti għal rekwiżiti li jippermettu li l-Istat Membru fejn huma jkunu stabbiliti jimmonitorja u jivverifika l-konformità ma’ dawk l-obbligi. Madankollu, dawk ir-rekwiżiti jenħtieġ li ma jmorrux lil hinn mir-rekwiżiti applikabbli għall-produtturi ta’ prodotti u l-organizzazzjonijiet li jimplimentaw ir-responsabbiltà estiża tal-produtturi f’isimhom stabbiliti f’dak l-Istat Membru.

(29)

Il-prevenzjoni tal-iskart hija l-iktar mod effiċjenti ta’ kif tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, u ta’ kif jitnaqqas l-impatt ambjentali tal-iskart. Għaldaqstant, huwa importanti li l-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa biex jipprevjenu l-ġenerazzjoni tal-iskart, u biex jimmonitorjaw u jevalwaw il-progress fl-implimentazzjoni ta’ tali miżuri. Bħala parti minn dawn il-miżuri, l-Istati Membri jenħtieġ li jiffaċilitaw mudelli ta’ produzzjoni, ta’ negozju u ta’ konsum innovattivi li jnaqqsu l-preżenza ta’ sustanzi perikolużi fil-materjali u l-prodotti, li jinkoraġġixxu ż-żieda tat-tul ta’ ħajja tal-prodotti u li jippromwovu l-użu mill-ġdid, inkluż permezz tal-istabbiliment u l-appoġġ ta’ netwerks ta’ użu mill-ġdid u tiswija, bħal dawk immexxija mill-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, skemi ta’ rifużjoni tad-depożitu u ta’ ritorn u mili mill-ġdid, u billi jinċentivaw il-manifattura mill-ġdid, ir-rinnovament u, fejn xieraq, l-għoti ta’ skop ġdid lill-prodotti kif ukoll il-pjattaformi ta’ kondiviżjoni. Sabiex jiġi żgurat kejl uniformi tal-progress ġenerali fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ prevenzjoni tal-iskart, jenħtieġ li jiġu stabbiliti indikaturi u miri komuni.

(30)

Il-promozzjoni tas-sostenibbiltà fil-produzzjoni u fil-konsum tista’ tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-prevenzjoni tal-iskart. L-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu passi sabiex jaraw li l-konsumaturi jkunu konxji ta’ dik il-kontribuzzjoni u jħeġġuhom jipparteċipaw b’mod iktar attiv sabiex ikun hemm użu iktar effiċjenti fir-riżorsi. Bħala parti mill-miżuri biex titnaqqas il-ġenerazzjoni tal-iskart, jenħtieġ li l-Istati Membri jinkludu inizjattivi ta’ komunikazzjoni u edukazzjoni fuq bażi kontinwa biex ikun hemm sensibilizzazzjoni għall-kwistjonijiet marbuta mal-prevenzjoni tal-iskart u r-rimi taż-żibel u jistgħu jipprevedu l-użu ta’ skemi ta’ rifużjoni tad-depożitu u l-iffisar ta’ miri kwantitattiva, u jekk ikun xieraq, l-għoti ta’ inċentivi ekonomiċi adegwati lill-produtturi.

(31)

L-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu miżuri biex jippromwovu l-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-iskart tal-ikel, f’konformità mal-Aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) fil-25 ta’ Settembru 2015, u b’mod partikulari l-mira tagħha li l-iskart tal-ikel globali per capita jitnaqqas bin-nofs fil-livell tal-bejgħ bl-imnut u f’dak tal-konsumatur u li jonqos it-telf tal-ikel tul il-ktajjen ta’ produzzjoni u ta’ provvista, inkluż it-telf ta’ wara l-ħsad, sas-sena 2030. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jimmiraw li jipprevjenu u jnaqqsu l-iskart tal-ikel fil-produzzjoni primarja, fl-ipproċessar u fil-manifatturar, fil-bejgħ bl-imnut u f’mezzi oħra ta’ distribuzzjoni tal-ikel, fir-restoranti u s-servizzi tal-ikel kif ukoll fl-unitajiet domestiċi. Sabiex jikkontribwixxu u jiżguraw li jinsabu fit-triq għall-kisba tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU, l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom l-għan li jilħqu mira indikattiva ta’ tnaqqis fil-ħela tal-ikel ta’ 30 % fil-livell tal-Unjoni sal-2025 u ta’ 50 % sal-2030. Filwaqt li jqisu l-benefiċċji ambjentali, soċjali u ekonomiċi tal-prevenzjoni tal-iskart tal-ikel, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu miżuri speċifiċi ta’ prevenzjoni tal-iskart tal-ikel, inklużi kampanji ta’ sensibilizzazzjoni biex juru kif jista’ jiġi evitat l-iskart tal-ikel, fil-programmi tagħhom għall-prevenzjoni tal-iskart. L-Istati Membri jenħtieġ li jkejlu l-progress miksub fit-tnaqqis tal-iskart tal-ikel. Biex jitkejjel dak il-progress u jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ prassi tajba madwar l-Unjoni, kemm fost l-Istati Membri u kemm fost l-operaturi kummerċjali tal-ikel, jenħtieġ li tiġi stabbilita metodoloġija komuni għal tali kejl. Abbażi ta’ dawn il-metodoloġiji, ir-rappurtar dwar il-livelli tal-iskart tal-ikel jenħtieġ li jsir fuq bażi annwali.

(32)

Sabiex jiġi evitat l-iskart tal-ikel, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu inċentivi kemm għall-ġbir ta’ prodotti tal-ikel mhux mibjugħa fl-istadji kollha tal-katina ta’ provvista tal-ikel, kif ukoll għar-ridistribuzzjoni sikura tagħhom, inkluż lill-organizzazzjonijiet tal-karità. Is-sensibilizzazzjoni tal-konsumatur għat-tifsira tal-indikazzjonijiet “uża sa (id-data)” u “l-aħjar qabel (id-data)” jenħtieġ li titjieb sabiex jitnaqqas l-iskart tal-ikel.

(33)

L-iskart, sew fil-bliet, fuq l-art, fix-xmajjar u fl-ibħra jew fi kwalunkwe post ieħor, għandu impatti detrimentali diretti u indiretti fuq l-ambjent, fuq il-benessri taċ-ċittadini u fuq l-ekonomija, u l-kostijiet biex jitneħħa jirrappreżentaw piż ekonomiku bla bżonn fuq is-soċjetà. Jenħtieġ li L-Istati Membri jieħdu miżuri bil-għan li jipprevjenu kull forma ta’ abbandun, rimi, mmaniġġjar bla kontroll jew forom oħra ta’ rimi ta’ skart. L-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu wkoll miżuri biex jitneħħa l-iskart preżenti fl-ambjent, indipendentement mis-sors jew id-daqs tiegħu u irrispettivament minn jekk ikunx intrema intenzjonalment jew b’negliġenza. Il-miżuri favur il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-iskart minn prodotti li huma s-sorsi ewlenin ta’ rimi ta’ skart f’ambjenti naturali u tal-baħar jistgħu jinkludu, fost affarijiet oħra, titjib fl-infrastruttura u l-prattiki tal-immaniġġjar tal-iskart, strumenti ekonomiċi u kampanji ta’ sensibilizzazzjoni. Meta jkunu qed jikkunsidraw miżura li jkollha effetti restrittivi fuq il-kummerċ fl-Unjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu kapaċi juru li l-miżura inkwistjoni tkun adegwata sabiex jintlaħaq l-objettiv ta’ prevenzjoni u tnaqqis tar-rimi taż-żibel fl-ambjenti naturali u tal-baħar, ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv u ma tikkostitwixxix mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(34)

Il-ġlieda kontra r-rimi taż-żibel jenħtieġ li tkun sforz kondiviż bejn l-awtoritajiet kompetenti, il-produtturi u l-konsumaturi. Il-konsumaturi jenħtieġ li jiġu inċentivati biex ibiddlu l-imġiba tagħhom inkluż permezz tal-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni, filwaqt li l-produtturi jenħtieġ li jippromwovu l-użu sostenibbli u jikkontribwixxu għall-immaniġġjar xieraq tat-tmiem tal-ħajja tal-prodotti tagħhom.

(35)

Ir-rimi ta’ żibel fl-ambjent tal-baħar huwa problema partikolarment urġenti, u l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu miżuri li jkollhom l-għan li jwaqqfu l-ġenerazzjoni tal-iskart fil-baħar, u b’hekk jikkontribwixxu għall-għan tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, li ġiet adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-25 ta’ Settembru 2015, li tiġi evitata u titnaqqas b’mod sinifikanti kull xorta ta’ tniġġis tal-baħar sal-2025, b’mod partikolari t-tniġġis li jkun ġej minn attivitajiet fuq l-art, kif ukoll l-iskart fil-baħar u t-tniġġis minn nutrijenti. Peress li l-iskart fil-baħar, b’mod partikolari l-iskart tal-plastik, fil-biċċa l-kbira jirriżulta minn attivitajiet fuq l-art u huwa kkawżat prinċipalment minn infrastrutturi u prattiki ħżiena tal-immaniġġjar tal-iskart solidu, rimi ta’ żibel miċ-ċittadini u nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni pubblika, jenħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri speċifiċi fil-programmi għall-prevenzjoni tal-iskart u fil-pjanijiet għall-immaniġġjar tal-iskart. Dawn il-miżuri jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-għan li jinkiseb “status ambjentali tajjeb” fl-ambjent tal-baħar sal-2020, kif stipulat fid-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). F’konformità ma’ dik id-Direttiva, l-Istati Membri meħtieġa jistabbilixxu miżuri u strateġiji speċifiċi u jaġġornawhom kull sitt snin. L-Istati Membri meħtieġa wkoll jirrapportaw regolarment, mill-2018, dwar il-progress biex jinżamm jew jinkiseb l-għan ta’ status ambjentali tajjeb. Għalhekk, il-miżuri li hemm fid-Direttiva 2008/98/KE biex jiġi indirizzat l-iskart jenħtieġ li jkunu kkoordinati mal-miżuri meħtieġa skont id-Direttiva 2008/56/KE u d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14).

(36)

Ċerti tipi ta’ materja prima huma ta’ importanza kbira għall-ekonomija tal-Unjoni, u l-provvista tagħhom hija marbuta ma’ riskju għoli. Sabiex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista ta’ dawk it-tipi ta’ materja prima, u f’konformità mal-Inizjattiva tal-Materja Prima stabbilita mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tal-4 ta’ Novembru 2008 dwar “L-inizjattiva tas-swieq tal-materja prima — nilħqu l-ħtiġijiet kritiċi tagħna għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Ewropa” u l-għanijiet u l-miri tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar il-Materja Prima, l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu miżuri biex jippromwovu l-użu mill-ġdid tal-prodotti li jikkostitwixxu s-sorsi ewlenin ta’ materja prima kritika, sabiex jevitaw li dik il-materja prima ssir skart. F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni stabbiliet lista ta’ materja bħal din għall-Unjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tat-13 ta’ Settembru 2017 dwar “il-lista tal-2017 tal-Materja Prima Kritika għall-UE” u dik il-lista hija soġġetta għal rieżami regolari.

(37)

Sabiex tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni effettiva tal-Inizjattiva tal-Materja Prima, jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu wkoll miżuri biex jiksbu l-aqwa mmaniġġjar possibbli tal-iskart li jkun fih ammonti sinifikanti ta’ materja prima kritika, filwaqt li jitqiesu l-fattibbiltà ekonomika u teknoloġika u l-benefiċċji ambjentali u tas-saħħa. Jenħtieġ li jinkludu wkoll fil-pjanijiet tagħhom ta’ mmaniġġjar tal-iskart miżuri xierqa fuq livell nazzjonali b’rabta mal-ġbir, is-separazzjoni u l-irkupru tal-iskart li jkun fih ammonti sinifikanti ta’ dawk it-tipi ta’ materja prima. Il-miżuri jenħtieġ li jiġu inklużi fil-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart meta jiġu aġġornati għall-ewwel darba wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tipprovdi informazzjoni dwar il-gruppi ta’ prodotti u l-flussi tal-iskart rilevanti fil-livell tal-Unjoni. Madankollu, il-provvista ta’ dik l-informazzjoni ma tipprekludix l-Istati Membri milli jieħdu miżuri għal materja prima oħra meqjusa importanti għall-ekonomija nazzjonali tagħhom.

(38)

Meta prodotti, materjali u sustanzi jsiru skart, il-preżenza ta’ sustanzi perikolużi tista’ twassal biex dan l-iskart ma jkunx tajjeb għar-riċiklaġġ jew il-produzzjoni ta’ materja prima sekondarja ta’ kwalità għolja. Għalhekk, f’konformità mas-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali, li jitlob l-iżvilupp ta’ ċikli ta’ materjal mhux tossiċi, hemm bżonn li jiġu promossi miżuri biex jitnaqqas il-kontenut ta’ sustanzi perikolużi fil-materjali u fil-prodotti, inklużi l-materjali riċiklati, u li jiġi żgurat li tiġi kkomunikata informazzjoni suffiċjenti dwar il-preżenza ta’ sustanzi perikolużi u, b’mod speċjali, sustanzi ta’ tħassib serju ħafna matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-prodotti u l-materjali. Sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi, hemm bżonn li titjieb il-koerenza fost il-liġi tal-Unjoni dwar l-iskart, dwar is-sustanzi kimiċi u dwar il-prodotti u li jiġi previst rwol għall-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi biex tiżgura li l-informazzjoni dwar il-preżenza ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna tkun disponibbli matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-prodotti u l-materjali, inkluż fl-istadju tal-iskart.

(39)

It-titjib fl-użu tar-riżorsi jista’ jġib iffrankar nett sostanzjali għan-negozji tal-Unjoni, l-awtoritajiet pubbliċi u l-konsumaturi, filwaqt li jnaqqas l-emissjonijiet annwali ta’ gassijiet serra. Għal dik ir-raġuni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tipproponi, sal-aħħar tal-2018, indikatur ewlieni u tabella ta’ valutazzjoni ta’ subindikaturi dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, sabiex jiġi mmonitorjat il-progress lejn il-mira taż-żieda fl-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi fil-livell tal-Unjoni.

(40)

It-trawwim ta’ bijoekonomija sostenibbli jista’ jikkontribwixxi biex l-Unjoni tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq il-materja prima importata. Il-prodotti riċiklabbli b’bażi bijoloġika u l-prodotti kompostabbli bijodegradabbli jistgħu għalhekk jirrappreżentaw opportunità biex tiġi stimulata aktar riċerka u innovazzjoni u biex il-materja prima bbażata fuq il-fjuwils fossili tiġi sostitwita b’sorsi rinnovabbli.

(41)

Sabiex jiġi evitat trattament tal-iskart li jimblokka r-riżorsi fil-livelli inferjuri tal-ġerarkija tal-iskart, jiżdiedu r-rati ta’ preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, u jingħata lok għal riċiklaġġ ta’ kwalità għolja u tingħata spinta f’dak li għandu x’jaqsam mal-użu ta’ materja prima sekondarja ta’ kwalità, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw konformità akbar mal-obbligu ta’ ġbir separat tal-iskart, kif stipulat fl-Artikoli 10(2) u 11(1) tad-Direttiva 2008/98/KE, inkluż l-obbligu li jistabbilixxu ġbir separat tal-inqas għall-iskart tal-karti, tal-metall, tal-plastik u tal-ħġieġ li l-Istati Membri kellhom jissodisfaw sal-2015, u għandhom jintroduċu l-ġbir separat tal-bijoskart, tal-iskart perikoluż prodott mill-unitajiet domestiċi u tal-iskart tat-tessuti. Fejn xieraq, il-bijoskart perikoluż u l-iskart mill-imballaġġ li jkun fih sustanzi perikolużi jenħtieġ li jkunu suġġetti għal rekwiżiti ta’ ġbir speċifiku.

(42)

Il-ġbir separat jista’ jinkiseb permezz ta’ ġbir bieb bieb, permezz ta’ sistemi ta’ depożitu jew akkoljenza jew permezz ta’ arranġamenti oħra ta’ ġbir. Filwaqt li l-obbligu tal-ġbir separat tal-iskart jirrikjedi li l-iskart jinżamm separat skont it-tip u n-natura tiegħu, jenħtieġ li jkun possibbli li ċerti tipi ta’ skart jinġabru flimkien sakemm dan ma jkunx jimpedixxi li jsir riċiklaġġ ta’ kwalità għolja jew irkupru ieħor tal-iskart, f’konformità mal-ġerarkija tal-iskart. Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jitħallew jiddevjaw mill-obbligu ġenerali tal-ġbir separat tal-iskart f’każijiet debitament ġustifikati oħra, pereżempju meta l-ġbir separat ta’ flussi tal-iskart speċifiċi f’żoni remoti u b’popolazzjoni baxxa jikkawża impatti ambjentali negattivi li jegħlbu l-benefiċċji ambjentali ġenerali tiegħu jew ikun jinvolvi kostijiet ekonomiċi sproporzjonati. Meta jevalwaw kwalunkwe każ fejn il-kostijiet ekonomiċi jistgħu jkunu sproporzjonati, l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu l-benefiċċji ekonomiċi globali tal-ġbir separat, inkluż f’termini tal-evitar tal-kostijiet diretti u tal-kostijiet tal-impatti ambjentali u tas-saħħa negattivi assoċjati mal-ġbir u t-trattament tal-iskart imħallat, id-dħul mill-bejgħ ta’ materja prima sekondarja u l-possibbiltà li jiġu żviluppati swieq għal tali materjali, kif ukoll kontribuzzjonijiet mill-produtturi tal-iskart u l-produtturi tal-prodotti, li jistgħu jkomplu jtejbu l-kosteffiċjenza tas-sistemi tal-immaniġġjar tal-iskart.

(43)

Il-miri għall-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali jenħtieġ li jiżdiedu sabiex iġibu magħhom benefiċċji ambjentali, ekonomiċi u soċjali sostanzjali u sabiex jaċċelleraw il-bidla lejn ekonomija ċirkolari.

(44)

Permezz ta’ żieda progressiva tal-miri eżistenti għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali, jenħtieġ li jiġi żgurat li l-materjali tal-iskart li jkunu ta’ siwi ekonomiku jiġu ppreparati għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ b’mod effettiv, filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, u jenħtieġ li jiġi żgurat ukoll li l-materjali ta’ siwi ekonomiku fl-iskart jiddaħħlu mill-ġdid fl-ekonomija Ewropea, biex b’hekk tinġieb ’il quddiem l-Inizjattiva tal-Materja Prima u jiġi xprunat il-ħolqien ta’ ekonomija ċirkolari.

(45)

Jeżistu differenzi kbar fost l-Istati Membri fejn tidħol il-prestazzjoni tagħhom fl-immaniġġjar tal-iskart, l-aktar tar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali. Sabiex jitqiesu dawk id-differenzi, dawk l-Istati Membri li fl-2013 ħejjew għall-użu mill-ġdid u rriċiklaw inqas minn 20 % tal-iskart muniċipali tagħhom jew irmew f’landfills aktar minn 60 % tal-iskart muniċipali tagħhom skont id-data rrapportata skont il-Kwestjonarju Konġunt tal-OECD u l-Eurostat jenħtieġ li jitħallew jiddeċiedu li jestendu ż-żmien sabiex ikunu f’konformità mal-miri tall-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, stabbiliti għall-2025, għall-2030 u għall-2035. Fid-dawl tar-rati medji ta’ progress annwali osservati fl-Istati Membri tul l-aħħar 15-il sena, dawk l-Istati Membri jkollhom iżidu l-kapaċità ta’ riċiklaġġ tagħhom għal livelli li jinsabu ’l fuq sew mill-medji mgħoddija sabiex jilħqu dawk il-miri. Sabiex jiġi żgurat li jsir progress sod lejn dawk il-miri, kif ukoll li n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni jiġu indirizzati fi żmien xieraq, l-Istati Membri li jagħmlu użu minn żmien addizzjonali jenħtieġ li jilħqu miri interim u abbażi ta’ kriterji dettaljati jistabbilixxu pjan ta’ implimentazzjoni.

(46)

Sabiex tiġi żgurata l-affidabbiltà tad-data, huwa importanti li jiġu stabbiliti b’mod iktar preċiż ir-regoli li skonthom l-Istati Membri jenħtieġ li jirrappurtaw dak li effettivament ġie rriċiklat u mħejji għall-użu mill-ġdid u li jista’ jingħadd lejn il-kisba tal-miri. Il-kalkolu tal-miri ta’ riċiklaġġ jenħtieġ li jkun ibbażat fuq il-piż tal-iskart muniċipali magħdud bħala riċiklat. Bħala regola ġenerali, il-kejl attwali tal-piż tal-iskart muniċipali rrappurtat bħala riċiklat jenħtieġ li jkun fil-punt fejn l-iskart muniċipali jidħol fl-operazzjoni tar-riċiklaġġ. Madankollu, sabiex jiġu limitati l-piżijiet amministrattivi, l-Istati Membri jenħtieġ li, taħt kundizzjonijiet stretti u permezz ta’ deroga mir-regola ġenerali, jitħallew jistabbilixxu l-piż tal-iskart muniċipali rriċiklat abbażi tal-kejl tal-output ta’ kwalunkwe operazzjoni ta’ separazzjoni It-telf ta’ materjali li jseħħ qabel ma l-iskart jidħol fl-operazzjoni ta’ riċiklaġġ, pereżempju minħabba s-separazzjoni jew operazzjoni preliminari oħra, jenħtieġ li ma jiġix inkluż fl-ammonti ta’ skart irrappurtati bħala riċiklati. Dak it-telf jista’ jiġi stabbilit abbażi ta’ reġistri elettroniċi, speċifikazzjonijiet tekniċi, regoli dettalji dwar il-kalkolu tar-rati medji tat-telf għal diversi flussi tal-iskart jew miżuri ekwivalenti oħra. Jenħtieġ li l-Istati Membri jirrappurtaw dwar dawn il-miżuri fir-rapporti tal-verifika tal-kwalità li jakkumpanjaw id-data dwar ir-riċiklaġġ tal-iskart li huma jirrappurtaw lill-Kummissjoni. Ir-rati medji ta’ telf jenħtieġ li preferibbilment ikunu stabbiliti fil-livell ta’ faċilitajiet ta’ separazzjoni individwali u jenħtieġ li jkunu marbuta mat-tipi differenti ewlenin ta’ skart, sorsi differenti (bħal domestiċi jew kummerċjali), skemi ta’ ġbir differenti u tipi differenti ta’ proċessi ta’ separazzjoni. Ir-rati medji ta’ telf jenħtieġ li jintużaw biss f’każijiet fejn ma tkun disponibbli l-ebda data affidabbli oħra, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ vjeġġi u esportazzjoni tal-iskart. It-telf fil-piż tal-materjali jew tas-sustanzi minħabba proċessi ta’ trasformazzjoni fiżiċi u/jew kimiċi inerenti fl-operazzjoni ta’ riċiklaġġ li fiha l-materjal tal-iskart, fil-verità, jiġi pproċessat mill-ġdid fi prodotti, materjali jew sustanzi jenħtieġ li ma jitnaqqasx mill-piż tal-iskart irrappurtat bħala riċiklat.

(47)

Minħabba l-allinjament tad-definizzjonijiet li jinsabu fid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill 94/62/KE (15), id-Direttiva 2000/53/KE, id-Direttiva 2006/66/KE, id-Direttiva 2008/98/KE, u d-Direttiva 2012/19/UE, id-dispożizzjoni fl-Artikolu 6 fid-Direttiva 2008/98/KE preżenti dwar il-kunsiderazzjoni ta’ skart li ma jibqax skart għall-fini tal-miri tal-irkupru u r-riċiklaġġ stabbiliti f’dawk id-Direttivi ma għadhiex meħtieġa. Il-materjali li ma jibqgħux skart permezz ta’ operazzjoni ta’ rkupru jew ta’ riċiklaġġ jenħtieġ li jingħaddu għall-kisba tal-miri ta’ rkupru jew ta’ riċiklaġġ rispettivi stabbiliti f’dawk id-Direttivi f’konformità mal-metodi ta’ kalkolu applikabbli. Fejn il-materjali tal-iskart ma jibqgħux skart b’riżultat ta’ operazzjoni ta’ preparazzjoni qabel ma jiġu effettivament ipproċessati mill-ġdid, tali materjali jistgħu jitqiesu bħala skart riċiklat dejjem jekk ikunu maħsuba għal ipproċessar mill-ġdid sussegwenti fi prodotti, materjali jew sustanzi, indipendentement minn jekk ikunux għall-istess skop oriġinali jew għal skopijiet oħra. Il-materjali tat-tmiem tal-istatus tal-iskart li jkunu ser jintużaw bħala fjuwils jew mezzi oħra biex tiġi ġġenerata l-enerġija, li jkunu użati bħala radam jew mormija, jew li ser jintużaw fi kwalunkwe operazzjoni oħra li jkollha l-istess skop ta’ rkupru tal-iskart ħlief il-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, jenħtieġ li ma jingħaddux fil-kuntest tal-ksib tal-miri tar-riċiklaġġ.

(48)

Meta l-kalkolu tar-rata ta’ riċiklaġġ jiġi applikat għat-trattament aerobiku jew anaerobiku tal-iskart bijodegradabbli, l-ammont ta’ skart li jidħol għat-trattament aerobiku jew anaerobiku jista’ jingħadd bħala skart riċiklat kemm-il darba dan it-trattament jiġġenera output li jrid jintuża bħala prodott, materjal jew sustanza riċiklata. Filwaqt li l-output ta’ tali trattament ħafna drabi jkun kompost jew diġestat, jista’ wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni output ieħor dejjem jekk dan ikun fih kwantitajiet komparabbli ta’ kontenut riċiklat meta mqabbel mal-ammonti tal-iskart bijodegradabbli trattat. F’każijiet oħra, f’konformità mad-definizzjoni ta’ riċiklaġġ, l-ipproċessar mill-ġdid tal-iskart bijodegradabbli f’materjali li jintużaw bħala fjuwils jew mezzi oħra biex tiġi ġġenerata l-enerġija, li jiġu mormija, jew li ser jintużaw fi fi kwalunkwe operazzjoni li jkollha l-istess skop ta’ rkupru tal-iskart ħlief il-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, jenħtieġ li ma jingħaddux fil-kuntest tal-ksib tal-miri tar-riċiklaġġ.

(49)

Għall-finijiet tal-kalkolu ta’ jekk humiex se jintlaħqu l-miri ta’ preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu kapaċi jqisu r-riċiklaġġ tal-metalli li jiġu separati wara l-inċinerazzjoni tal-iskart muniċipali. Sabiex jiġi żgurat il-kalkolu uniformi ta’ din id-data, il-Kummissjoni jenħtieġ li tadotta regoli ddettaljati dwar il-kriterji ta’ kwalità għall-metalli riċiklati, u dwar il-kalkolu, il-verifika u r-rappurtar tad-data.

(50)

F’każ ta’ esportazzjonijiet ta’ skart mill-Unjoni għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu użu effettiv mis-setgħat ta’ spezzjoni previsti fl-Artikolu 50(4c) tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 li jitolbu evidenza dokumentata biex jiġi aċċertat li vjeġġ ikunx maħsub għal operazzjonijiet ta’ rkupru li jkunu f’konformità mal-Artikolu 49 ta’ dak ir-Regolament u għalhekk jiġu ġestiti b’mod li jirrispetta l-ambjent f’faċilità li topera skont l-istandards tas-saħħa tal-bniedem u tal-protezzjoni ambjentali li huma ekwivalenti b’mod wiesa’ għall-istandards stabbiliti fil-leġislazzjoni tal-Unjoni. Fit-twettiq ta’ dak il-kompitu, l-Istati Membri jistgħu jikkooperaw ma’ atturi rilevanti oħra, bħalma huma l-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiż ta’ destinazzjoni, il-korpi ta’ verifika esterni indipendenti jew l-organizzazzjonijiet li jimplimentaw l-obbligi ta’ responsabbiltà tal-produtturi f’isem il-produtturi ta’ prodotti stabbiliti skont skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur, li jistgħu jwettqu verifiki fiżiċi u oħrajn tal-faċilitajiet fil-pajjiżi terzi. Fir-rapport ta’ verifika tal-kwalità li jakkumpanja d-data dwar il-kisba tal-miri, l-Istati Membri jenħtieġ li jirrapportaw dwar il-miżuri biex jimplimentaw l-obbligu li jiżguraw li l-iskart esportat mill-Unjoni jiġi ttrattat f’kundizzjonijiet ġeneralment ekwivalenti għal dawk meħtieġa taħt il-liġi ambjentali rilevanti tal-Unjoni.

(51)

Sabiex tkun żgurata implimentazzjoni aħjar, aktar fil-ħin u aktar uniformi ta’ din id-Direttiva, u sabiex tiġi antiċipata kwalunkwe dgħufija fl-implimentazzjoni, jenħtieġ li titwaqqaf sistema ta’ rapporti ta’ twissija bikrija sabiex jiġu identifikati n-nuqqasijiet u tkun tista’ tittieħed azzjoni qabel l-iskadenzi għall-ilħiq tal–miri.

(52)

L-iskart industrijali, ċertu skart kummerċjali u ċertu skart mill-minjieri huma ddiversifikati wisq mil-lat ta’ volum u kompożizzjoni, u huma differenti ħafna skont l-istruttura ekonomika tal-Istat Membru, l-istruttura tas-settur industrijali jew kummerċjali li jiġġenera l-iskart, u d-densità industrijali jew kummerċjali f’żona ġeografika partikolari. Għalhekk, għall-parti l-kbira tal-iskart industrijali u tal-minjieri, approċċ orjentat lejn l-industrija u li juża d-dokumenti ta’ referenza bl-Aqwa Tekniki Disponibbli (BAT) biex jiġu indirizzati kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-immaniġġjar ta’ tip partikolari ta’ skart ġie kkunsidrat li huwasoluzzjoni xierqa. Madankollu, l-iskart mill-imballaġġ industrijali u kummerċjali se jibqgħu jkopruh ir-rekwiżiti tad-Direttivi 94/62/KE u 2008/98/KE, inkluż it-titjib rispettiv tagħhom. Bil-għan li tesplora aktar il-potenzjal biex tiżdied it-tħejjija għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ ta’ skart kummerċjali, skart industrijali mhux perikoluż u flussi tal-iskart ewlenin oħrajn, il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkunsidra l-istabbiliment ta’ miri għal dawk il-flussi tal-iskart.

(53)

Bl-għan li jiġi żgurat li l-objettivi tal-liġi tal-Unjoni jibqgħu jiġu ssodisfati, huwa importanti li l-Kummissjoni teżamina mill-ġdid l-operazzjonijiet ta’ rimi elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2008/98/KE. Din ir-reviżjoni jenħtieġ li titwettaq fid-dawl tal-Artikolu 13 ta’ dik id-Direttiva filwaqt li jittieħed kont tal-informazzjoni rilevanti, bħal pereżempju l-iżviluppi fil-livell internazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Basel tat-22 ta’ Marzu 1989 dwar il-kontroll tal-movimenti li jaqsmu l-fruntieri tal-iskart ta’ riskju u d-disponiment minnu (16).

(54)

L-iskart perikoluż li hu prodott mill-unitajiet domestiċi, bħal skart perikoluż minn żebgħa, verniċ, solventi jew prodotti tat-tindif, ukoll jenħtieġ li jinġabru separatament sabiex tiġi evitata l-kontaminazzjoni tal-iskart muniċipali bi frazzjonijiet ta’ skart perikoluż li jistgħu jbaxxu l-kwalità tar-riċiklaġġ u biex jiġi żgurat immaniġġjar li jirrispetta l-ambjent fir-rigward ta’ dak l-iskart perikoluż. F’dak ir-rigward, l-obbligi speċifiċi għall-ġbir tal-iskart diġà jeżistu għall-iskart ta’ tagħmir elettroniku u elettriku u għall-iskart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi prodotti minn unitajiet domestiċi.

(55)

Il-ġbir separat ta’ żjut għar-rimi u l-evitar li dawn jitħalltu ma’ tipi oħrajn ta’ skart jew sustanzi huma essenzjali biex jiġi żgurat li t-trattament tagħhom iwassal għall-aqwa eżitu ambjentali kumplessiv. Fit-trattament taż-żjut għar-rimi, jenħtieġ li tingħata prijorità lir-riġenerazzjoni jew inkella lil operazzjonijiet oħra ta’ riċiklaġġ li jagħtu eżiti ambjentali ġenerali ekwivalenti jew aħjar mir-riġenerazzjoni. Bil-ħsieb li jkompli jitjieb l-immaniġġjar taż-żjut għar-rimi, il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkunsidra u, jekk ikun xieraq, tipproponi miżuri biex jitjieb it-trattament taż-żjut ta’ skart, inklużi miri kwantitattivi b’rabta mar-riġenerazzjoni tagħhom. Matul dak ir-rieżami, jenħtieġ li tingħata attenzjoni lill-għażliet ta’ trattament fir-rigward tar-riġenerazzjoni taż-żjut għar-rimi kif ukoll lill-kwalità u l-użu finali tal-prodotti riġenerati u riċiklati.

(56)

Sabiex jiġi evitat trattament tal-iskart li jimblokka r-riżorsi fil-livelli inferjuri tal-ġerarkija tal-iskart, u sabiex ikun jista’ jsir riċiklaġġ ta’ kwalità għolja u jissaħħaħ l-użu ta’ materja prima sekondarja ta’ kwalità, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-bijoskart jinġabar separatament u jgħaddi minn riċiklaġġ b’mod li jilħaq livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali u li l-output tiegħu jissodisfa l-istandards ta’ kwalità għolja rilevanti.

(57)

Din id-Direttiva tistipula għanijiet fit-tul għall-immaniġġjar tal-iskart tal-Unjoni, u tagħti lill-operaturi ekonomiċi u lill-Istati Membri direzzjoni ċara għall-investimenti meħtieġa sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet. Waqt li jiżviluppaw il-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-immaniġġjar tal-iskart u jippjanaw l-investimenti fl-infrastruttura tal-immaniġġjar tal-iskart, jenħtieġ li l-Istati Membri jivvalutaw u jieħdu kont tal-investimenti u tal-mezzi finanzjarji l-oħra meħtieġa, inkluż għall-awtoritajiet lokali. Jenħtieġ li dik il-valutazzjoni tiġi inkluża fil-pjan tal-immaniġġjar tal-iskart jew f’dokumenti strateġiċi oħra. F’dak il-kuntest, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu użu tajjeb mill-investimenti, inkluż permezz tal-Fondi tal-Unjoni, billi jipprijoritizzaw il-prevenzjoni, inkluż l-użu mill-ġdid, it-tħejjija għall-użu u r-riċiklaġġ, f’konformità mal-ġerarkija tal-iskart. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tgħin lill-awtoritajiet kompetenti biex jiżviluppaw qafas finanzjarju effettiv, inkluż permezz tal-użu ta’ fondi tal-Unjoni fejn xieraq, biex jiġu implimentati r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva f’konformità mal-ġerarkija tal-iskart u jiġu appoġġjati l-innovazzjoni fit-teknoloġiji u l-ġestjoni tal-iskart.

(58)

L-immaniġġjar xieraq tal-iskart perikoluż għadu problema fl-Unjoni, u d-data dwar it-trattament tiegħu għadha parzjalment nieqsa. Hemm bżonn għalhekk, li jissaħħu l-mekkaniżmi taż-żamma tar-rekords u tat-traċċabbiltà billi jitwaqqfu reġistri elettroniċi għall-iskart perikoluż fl-Istati Membri. Il-ġbir ta’ data elettronika jenħtieġ li jitwessa’ għal tipi oħra ta’ skart, fejn xieraq, sabiex iż-żamma tar-rekords teħfief għan-negozji u għall-amministrazzjonijiet u ħalli jitjieb il-monitoraġġ tal-flussi tal-iskart fl-Unjoni.

(59)

Ir-rapporti tal-implimentazzjoni li jħejju l-Istati Membri kull tliet snin urew li mhumiex għodda effettiva biex tkun verifikata l-konformità jew żgurata implimentazzjoni tajba, u dawn qed joħolqu piżijiet amministrattivi żejda. Għaldaqstant, jixraq li jitħassru ċerti dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-Istati Membri jipproduċu tali rapporti. Minflok, il-monitoraġġ tal-konformità jenħtieġ li jissejjes esklussivament fuq id-data li l-Istati Membri jirrappurtaw kull sena lill-Kummissjoni.

(60)

Id-data li jirrappurtaw l-Istati Membri hi essenzjali biex il-Kummissjoni tivvaluta l-konformità mal-liġi tal-Unjoni dwar l-iskart fost l-Istati Membri. Il-kwalità, l-affidabbiltà u l-paragunabbiltà tad-data jenħtieġ li jittejbu billi jiġi introdott punt ta’ dħul wieħed għad-data kollha dwar l-iskart, billi jitħassru rekwiżiti ta’ rappurtar li m’għadhomx jgħoddu, billi ssir valutazzjoni komparattiva tal-metodoloġiji nazzjonali tar-rappurtar, u billi jiġi introdott rapport ta’ verifika tal-kwalità tad-data. Għaldaqstant, jirrappurtaw dwar l-ilħiq tal-miri stipulati fl-atti leġislativi dwar l-iskart, jenħtieġ li l-Istati Membri jużaw ir-regoli l-aktar riċenti li jkunu żviluppaw il-Kummissjoni u l-metodoloġiji żviluppati mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali rispettivi, responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(61)

Biex jiġu ffaċilitati l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni xierqa tar-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 2008/98/KE, huwa xieraq li jiġu żviluppati u perjodikament rieżaminati linji gwida li jikkonċernaw dawk ir-rekwiżiti u jiġu żgurati l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni prattika u l-infurzar ta’ dawk ir-rekwiżiti. Tali linji gwida, skambju ta’ informazzjoni u kondiviżjoni tal-aħjar prattiki jenħtieġ li inter alia jiffaċilitaw fehim u applikazzjoni fil-prattika komuni tad-definizzjoni ta’ “skart”, inkluż it-terminu “rimi” u jenħtieġ li jieħu kont ta’ mudelli tan-negozju ċirkolari fejn, pereżempju, sustanza jew oġġett jiġu ttrasferiti minn detentur wieħed lejn ieħor mingħajr l-intenzjoni ta’ rimi.

(62)

Sabiex id-Direttiva 2008/98/KE tiġi supplimentata jew emendata, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-Artikoli 7(1), 9(8a), 11a(10), 27(1), 27(4), 38(2) u 38(3) ta’ dik id-Direttiva kif emendati b’din id-Direttiva. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (17). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(63)

Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/98/KE, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiġi mogħtija s-setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-Artikoli 5(2), 6(2), 8(5), 9(7), 11a(9), 33(2), 35(5) u 37(7) tagħha kif emendati b’din id-Direttiva. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18).

(64)

Minħabba li l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li ttejjeb l-immaniġġjar tal-iskart fl-Unjoni, u b’hekk tikkontribwixxi għall-protezzjoni, il-preżervazzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent, tas-saħħa tal-oċeani u tas-sigurtà tal-frott tal-baħar billi jitnaqqas ir-rimi tal-iskart fil-baħar, kif ukoll għall-utilizzazzjoni prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali madwar l-Unjoni, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu minħabba l-iskala u l-effetti tal-miżuri, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(65)

Jenħtieġ għalhekk li d-Direttiva 2008/98/KE tiġi emendata skont dan.

(66)

Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar dokumenti ta’ spjegazzjoni (19), l-Istati Membri ntrabtu li, f’każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-trażmissjoni ta’ tali dokumenti hija ġġustifikata.

(67)

Din id-Direttiva ġiet adottata b’kunsiderazzjoni tal-impenji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016 u jenħtieġ li tiġi implimentata u applikata skont il-gwida li tinsab f’dak l-istess Ftehim,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi

Id-Direttiva 2008/98/KE hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri għall-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem permezz tal-prevenzjoni jew it-tnaqqis tal-ġenerazzjoni tal-iskart, tal-impatti negattivi tal-ġenerazzjoni u l-immaniġġar tal-iskart, u permezz tat-tnaqqis tal-impatti ġenerali tal-użu ta’ riżorsi u t-titjib fl-effiċjenza ta’ tali użu, li huma kruċjali għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u sabiex tiġi żgurata l-kompetittività fit-tul tal-UE.”;

(2)

Fl-Artikolu 2(2) jiżdied il-punt li ġej:

“(e)

sustanzi li huma destinati għall-użu bħala materjal ta’ għalf kif iddefinit fil-punt (g) tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 767/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) u li ma jkunux jikkonsistu minn prodotti sekondarji tal-annimali jew ikun fihom dawn il-prodotti.

(*1)  Ir-Regolament (KE) Nru 767/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ għalf, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 79/373/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 80/511/KEE, id-Direttivi tal-Kunsill 82/471/KEE, 83/228/KEE, 93/74/KEE, 93/113/KE u 96/25/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/217/KE (ĠU L 229, 1.9.2009, p. 1).”;"

(3)

L-Artikolu 3 hu emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“2a.

“skart mhux perikoluż” tfisser skart li mhuwiex kopert mill-punt 2;

2b.

“skart muniċipali” tfisser:

(a)

skart imħallat u skart miġbur b’mod separat mill-unitajiet domestiċi, inklużi karta u kartun, ħġieġ, plastik, bijoskart, injam, tessuti, imballaġġ, skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku, skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi u skart goff, inklużi saqqijiet u għamara;

(b)

skart imħallat u skart miġbur b’mod separat minn sorsi oħra, meta tali skart ikollu natura u kompożizzjoni simili għall-iskart mill-unitajiet domestiċi;

L-iskart muniċipali ma jinkludix l-iskart mill-produzzjoni, l-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, it-tankijiet settiċi u n-netwerk u t-trattament tad-drenaġġ, inklużi l-ħama tad-drenaġġ, il-vetturi li ma għadhomx jintużaw jew l-iskart tal-kostruzzjoni u d-demolizzjoni.

Din id-definizzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet għall-immaniġġjar tal-iskart bejn l-atturi pubbliċi u dawk privati;

2c.

“skart tal-kostruzzjoni u d-demolizzjoni” tfisser l-iskart iġġenerat mill-attivitajiet tal-kostruzzjoni u d-demolizzjoni;”;

(b)

il-punt 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.

“bijoskart” tfisser skart bijodegradabbli mill-ġonna u mill-parks, skart tal-ikel u tal-kċina mill-unitajiet domestiċi, mill-uffiċċji, mir-restoranti, mill-kummerċ bl-ingrossa, mill-kantins, mill-fornituri tal-ikel u mill-ħwienet bl-imnut, u skart paragunabbli minn impjanti ta’ pproċessar tal-ikel;”;

(c)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“4a.

“skart tal-ikel” tfisser l-ikel kollu kif definit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2) li jkun sar skart;

(*2)  Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).”;"

(d)

il-punt 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“9.

“immaniġġjar tal-iskart” tfisser il-ġbir, it-trasport, l-irkupru £(inkluża s-separazzjoni) u r-rimi ta’ skart, inklużi s-superviżjoni ta’ tali operazzjonijiet u l-kura ta’ wara tas-siti tar-rimi, u inklużi l-azzjonijiet li jittieħdu bħala negozjant jew sensar;”;

(e)

fil-punt 12, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

il-kontenut ta’ sustanzi perikolużi f’materjali u prodotti;”;

(f)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“15a.

“irkupru ta’ materjal” tfisser kwalunkwe operazzjoni ta’ rkupru, ħlief l-irkupru tal-enerġija u l-ipproċessar mill-ġdid f’materjali li jkunu se jintużaw bħala fjuwils jew mezzi oħra biex tiġi ġġenerata l-enerġija. Dan jinkludi, inter alia, it-tħejjija għall-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u r-radam mill-ġdid;”;

(g)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“17a.

“radam mill-ġdid” tfisser kwalunkwe operazzjoni ta’ rkupru fejn l-iskart mhux perikoluż xieraq jintuża għal skopijiet ta’ reklamazzjoni f’żoni skavati jew għal skopijiet ta’ inġinerija fil-pjanifikazzjoni tal-art. L-iskart użat għar-radam mill-ġdid irid jissostitwixxi materjali mhux skart, ikun xieraq għall-iskopijiet imsemmija hawn fuq u jkun limitat għall-ammont meħtieġ strettament sabiex jintlaħqu dawk l-iskopijiet;”;

(h)

jiżdied il-punt li ġej:

“21.

“skema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur” tfisser sett ta’ miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jiżguraw li l-produtturi tal-prodotti jġorru r-responsabbiltà finanzjarja jew ir-responsabbiltà finanzjarja u organizzattiva għall-immaniġġjar tal-istatus tal-iskart taċ-ċiklu ta’ ħajja ta’ prodott.”;

(4)

Fl-Artikolu 4, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   L-Istati Membri għandhom jużaw strumenti ekonomiċi u miżuri oħra biex jipprovdu inċentivi għall-applikazzjoni tal-ġerarkija tal-iskart bħal dawk imsemmija fl-Anness IVa jew strumenti u miżuri oħra xierqa.”;

(5)

L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li sustanza jew oġġett li jirriżultaw minn proċess ta’ produzzjoni, li l-għan ewlieni tiegħu mhuwiex il-produzzjoni ta’ dik is-sustanza jew dak il-prodott, ma jitqisux bħala skart, iżda prodott sekondarju jekk jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi kriterji ddettaljati dwar l-applikazzjoni uniformi tal-kundizzjonijiet stipulati fl-paragrafu 1 għal sustanzi jew oġġetti speċifiċi.

Dawk lil-kriterji ddettaljati għandhom jistabbilixxu livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem u biex jiġi ffaċilitat l-użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 39(2). Meta tadotta atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu bħala punt tat-tluq l-iktar kriterji stretti u ta’ protezzjoni ambjentali minn kwalunkwe sett ta’ kriterji adottat mill-Istati Membri skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u għandhom jagħtu prijorità lill-prattiki replikabbli ta’ simbjożi industrijali fl-iżvilupp tal-kriterji ddettaljati.”;

(c)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   Meta l-kriterji ma jkunux ġew stabbiliti fil-livell tal-Unjoni skont il- paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu kriterji dettaljati dwar l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 għal sustanzi jew oġġetti speċifiċi.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk il-kriterji ddettaljati skont id-Direttiva (UE) 2015/1535/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3), fejn dan ikun meħtieġ minn dik id-Direttiva.

(*3)  Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).”;"

(6)

L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-parti introduttorja u l-punt (a) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li l-iskart li jkun għadda minn riċiklaġġ jew operazzjoni ta’ rkupru oħra jitqies li m’għadux skart jekk jikkonforma mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

is-sustanza jew l-oġġett ikunu se jintużaw għal skopijiet speċifiċi;”;

(ii)

it-tieni subparagrafu huwa mħassar;

(b)

il-paragrafi 2, 3 u 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-iżvilupp tal-kriterji nazzjonali għat-tmiem tal-istadju tal-iskart fl-Istati Membri, u tivvaluta l-ħtieġa li jiġu żviluppati kriterji madwar l-Unjoni kollha abbażi ta’ dan. Għal dan l-għan, u fejn ikun xieraq, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi kriterji ddettaljati dwar l-applikazzjoni uniformi tal-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 għal ċerti tipi ta’ skart.

Dawk il-kriterji dettaljati għandhom jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem u jiffaċilitaw l-użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali. Huma għandhom jinkludu:

(a)

skart awtorizzat biex jintuża bħala input għall-operazzjoni ta’ rkupru;

(b)

tekniki u proċessi ta’ trattament permessi

(c)

kriterji ta’ kwalità għal materjali tat-tmiem tal-istadju tal-iskart li jirriżultaw mill-operazzjoni ta’ rkupru skont l-istandards applikabbli tal-prodotti inklużi l-valuri ta’ limitu għas-sustanzi li jniġġsu fejn ikun meħtieġ;

(d)

rekwiżiti għal sistema ta’ mmaniġġjar biex tintwera l-konformità mal-kriterji tat-tmiem tal-istadju tal-iskart, inkluż għall-kontroll tal-kwalità, l-awtomonitoraġġ u l-akkreditazzjoni, fejn ikun xieraq; u

(e)

rekwiżit ta’ dikjarazzjoni tal-konformità.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 39(2).

Meta tadotta atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tqis il-kriterji rilevanti stabbiliti mill-Istati Membri skont il-paragrafu 3 u għandha tieħu bħala punt tat-tluq l-iktar kriterji stretti u ta’ protezzjoni ambjentali minn fost dawk il-kriterji.

3.   Meta l-kriterji ma jkunux ġew stabbiliti fil-livell tal-Unjoni skont il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu kriterji dettaljati dwar l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 għal ċerti tipi ta’ skart. Dawk il-kriterji dettaljati għandhom iqisu kwalunkwe impatt negattiv fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem tas-sustanza jew l-oġġett u għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fil-punti (a) sa (e) tal-paragrafu 2.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk il-kriterji skont id-Direttiva (UE) 2015/1535 fejn meħtieġ minn dik l-istess Direttiva.

4.   Meta l-kriterji ma jkunux ġew stabbiliti jew fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell nazzjonali skont il-paragrafu 2 jew 3, rispettivament, Stat Membru jista’ jiddeċiedi fuq bażi ta’ każ b’każ, jew jieħu miżuri xierqa biex jivverifika, li ċertu skart ma baqax skart abbażi tal-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 u, fejn ikun hemm bżonn, jirrifletti r-rekwiżiti sitpulati fil-punti (a) sa (e) tal-paragrafu 2, u b’kont meħud tal-valuri ta’ limitu għas-sustanzi li jniġġsu, u kwalunkwe impatt negattiv fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-bniedem. Tali deċiżjonijiet każ b’każ ma għandhomx għalfejn jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni skont id-Direttiva (UE) 2015/1535.

L-Istati Membri jistgħu jagħmlu l-informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet każ b’każ u dwar ir-riżultati tal-verifika mill-awtoritajiet kompetenti disponibbli pubblikament b’mezzi elettroniċi.”;

(c)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Il-persuna fiżika jew legali li

(a)

tuża, għall-ewwel darba, materjal li ma jkunx baqa’ skart u li ma jkunx tqiegħed fis-suq; jew

(b)

tqiegħed materjal fis-suq għall-ewwel darba wara li ma jibqax skart,

għandha tiżgura li l-materjal jissodisfa r-rekwiżiti rilevanti skont il-leġislazzjoni relatata mas-sustanzi kimiċi u l-prodotti applikabbli. Il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ssodisfati qabel ma l-leġislazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi u l-prodotti tapplika għall-materjal li ma baqax skart.”;

(7)

L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“1.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 38a sabiex tissupplimenta din id-Direttiva billi tistabbilixxi u teżamina mill-ġdid f’konformità mal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, lista ta’ skart.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘2.   Stat Membru jista’ jikkunsidra l-iskart bħala skart perikoluż fejn, anki jekk ma jidhirx bħala tali fil-lista ta’ skart, juri waħda jew aktar mill-proprjetajiet elenkati fl-Anness III. L-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b’kull każ bħal dan mingħajr dewmien u jipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni rilevanti kollha. Fid-dawl tan-notifiki rċevuti, il-lista għandha tiġi riveduta sabiex tiddeċiedi dwar l-adattament tagħha.’;

(c)

il-paragrafu 5 huwa mħassar;

(8)

l-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

“Meta tali miżuri jinkludu l-istabbiliment ta’ skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur, ir-rekwiżiti ġenerali minimi stipulati fl-Artikolu 8a għandhom japplikaw.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-produtturi ta’ prodotti li jieħdu responsabbiltà finanzjarji jew responsabbiltajiet finanzjarji u organizzattivi għall-immaniġġjar tal-istadju tal-iskart taċ-ċiklu ta’ ħajja ta’ prodott minn jeddhom għandhom japplikaw ir-rekwiżiti minimi ġenerali, kollha jew uħud minnhom, stipulati fl-Artikolu 8a.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri xierqa biex jinkoraġġixxu d-disinn ta’ prodotti u komponenti ta’ prodotti b’mod li jitnaqqsu l-impatti ambjentali tagħhom u l-ġenerazzjoni ta’ skart matul il-produzzjoni u l-użu sussegwenti tal-prodotti, u sabiex jiżguraw li l-irkupru u r-rimi ta’ prodotti li jkunu saru skart iseħħu skont l-Artikoli 4 u 13.

Tali miżuri jistgħu jħeġġu, inter alia, l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u komponenti ta’ prodotti adattati għal użu multiplu, li jkun fihom materjal riċiklat u li teknikament ikunu durabbli u jistgħu jissewwew faċilment, u li meta jsiru skart ikunu adattati għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tajba tal-ġerarkija tal-iskart. Il-miżuri għandhom iqisu l-impatt tal-prodotti matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, l-ġerarkija tal-iskart u, fejn xieraq, il-potenzjal ta’ riċiklaġġ multiplu.”;

(c)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Il-Kummissjoni għandha torganizza skambju ta’ informazzjoni fost l-Istati Membri u l-atturi involuti fl-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur, dwar l-implimentazzjoni prattika tar-rekwiżiti minimi ġenerali stipulati fl-Artikolu 8a. Dan jinkludi, inter alia, l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-aħjar prattiki biex jiġu żgurati governanza xierqa, kooperazzjoni transkonfinali dwar skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur u funzjonament mingħajr xkiel tas-suq intern, dwar il-karatteristiċi organizzattivi u l-monitoraġġ tal-organizzazzjonijiet li jimplimentaw l-obbligi ta’ responsabbiltà tal-produtturi f’isem il-produtturi ta’ prodotti, dwar il-modulazzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji, dwar l-għażla tal-operaturi ta’ mmaniġġjar tal-iskart u l-prevenzjoni tar-rimi taż-żibel. Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-riżultati tal-iskambju ta’ informazzjoni u tista’ tipprovdi linji gwida dwar dawn l-aspetti u dwar aspetti rilevanti oħrajn.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika linji gwida, b’konsultazzjoni mal-Istati Membri, dwar il-kooperazzjoni transkonfinali dwar skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur u dwar il-modulazzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 8a(4).

Meta meħtieġ biex tiġi evitata d-distorsjoni tas-suq intern, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi kriterji bil-ħsieb tal-applikazzjoni uniformi tal-punt (b) tal-Artikolu 8a(4), iżda bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe determinazzjoni preċiża tal-livell tal-kontribuzzjonijiet. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 39(2).”;

(9)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 8a

Rekwiżiti ġenerali minimi għall-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur

1.   Meta l-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur ikunu stabbiliti skont l-Artikolu 8(1), inklużi skont atti leġislattivi oħra tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom:

(a)

jiddefinixxu biċ-ċar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-atturi kollha rilevanti involuti, inklużi, l-produtturi ta’ prodotti li jqiegħdu prodotti fis-suq tal-Istat Membru, l-organizzazzjonijiet li jimplimentaw l-obbligu tar-responsabbiltà estiża tal-produttur f’isimhom, l-operaturi privati jew pubbliċi tal-iskart, l-awtoritajiet lokali, u fejn xieraq, l-operaturi ta’ użu mill-ġdid u ta’ tħejjija għall-użu mill-ġdid u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali;

(b)

f’konformità mal-ġerarkija tal-iskart, jiddefinixxu miri ta’ mmaniġġjar tal-iskart, bil-għan li jintlaħqu tal-inqas il-miri kwantitattivi rilevanti għall-iskema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur kif stipulati f’din id-Direttiva, fid-Direttiva 94/62/KE, fid-Direttiva 2000/53/KE, fid-Direttiva 2006/66/KE u fid-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4), u jistabbilixxu miri kwantitattivi u/jew objettivi kwalitattivi oħra li huma kkunsidrati rilevanti għall-iskema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur;

(c)

jiżguraw li hemm fis-seħħ sistema ta’ rappurtar biex tiġbor data dwar il-prodotti mqiegħda fis-suq tal-Istat Membru mill-produtturi ta’ prodotti li huma soġġetti għar-responsabbiltà estiża tal-produttur u data dwar il-ġbir u t-trattament ta’ skart li jirriżulta minn dawn il-prodotti, filwaqt li jispeċifikaw, fejn xieraq, il-flussi tal-materjal ta’ skart kif ukoll data oħra rilevanti għall-finijiet tal-put (b);

(d)

jiżguraw it-trattament ekwu tal-produtturi ta’ prodotti irrispettivament mill-oriġini jew id-daqs tagħhom mingħajr ma jitqiegħed piż regolatorju sproporzjonat fuq il-produtturi, inklużi intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, ta’ kwantitajiet żgħar ta’ prodotti.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li d-detenturi tal-iskart immirati mill-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur, stabbiliti skont l-Artikolu 8(1), ikunu infurmati, dwar miżuri ta’ prevenzjoni tal-iskart, ċentri tal-użu mill-ġdid u ta’ tħejjija għall-użu mill-ġdid, sistemi ta’ teħid lura u sistemi ta’ ġbir tal-iskart u tal-prevenzjoni tar-rimi taż-żibel. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri wkoll biex joħolqu inċentivi biex id-detenturi tal-iskart jassumu r-responsabbiltà tagħhom biex iwasslu l-iskart tagħhom fis-sistemi ta’ ġbir separat li jkunu fis-seħħ, speċifikament, fejn ikun xieraq, permezz ta’ inċentivi jew regolamenti ekonomiċi.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kull produttur ta’ prodotti jew organizzazzjoni li jimplimentaw l-obbligi tar-responsabbiltà estiża tal-produtturi ta’ prodotti:

(a)

ikollhom kopertura ddefinita biċ-ċar mil-lat ġeografiku, tal-prodott u tal-materjal mingħajr jillimitaw dawk l-oqsma għal dawk fejn il-ġbir u l-immaniġġjar tal-iskart huma l-iktar profittabbli;

(b)

tipprovdi disponibbiltà adegwata ta’ sistemi tal-ġbir tal-iskart fiż-żoni msemmija fil-punt a;

(c)

ikollhom l-mezzi finanzjarji jew mezzi finanzjarji u organizzattivi meħtieġa biex jaqdu l-obbligi tagħhom ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur;

(d)

jimplimentaw mekkaniżmu xieraq ta’ awtokontroll, appoġġjat, fejn relevanti, minn awditjar indipendenti regolari li jivvaluta:

(i)

l-immaniġġjar finanzjarju tagħhom, inkluża l-konformità mar-rekwiżiti stipulati fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 4;

(ii)

il-kwalità tad-data miġbura u rrappurtata skont il-punt (c) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, u skont ir-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006;

(e)

jagħmlu disponibbli għall-pubbliku l-informazzjoni dwar il-ksib tal-miri tal-ġestjoni tal-iskart imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 u, fil-każ ta’ twettiq kollettiv tal-obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur, ukoll informazzjoni dwar:

(i)

is-sjieda u l-membri tiegħu;

(ii)

il-kontributi finanzjarji mħallsa mill-produtturi ta’ prodotti għal kull unità mibjugħa jew għal kull tunnellata ta’ prodott introdott fis-suq; u

(iii)

il-proċedura ta’ selezzjoni għall-operaturi tal-immaniġġjar tal-iskart.

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-kontributi finanzjarji mħallsa mill-produttur tal-prodott biex jikkonforma mal-obbligi tiegħu ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur:

(a)

ikopru l-kostijiet li ġejjin, għall-prodotti li l-produttur jqiegħed fis-suq fl-Istat Membru kkonċernat:

il-kostijiet tal-ġbir tal-iskart u t-trasport u t-trattament sussegwenti tiegħu, inkluż it-trattament neċessarju biex jintlaħqu l-miri tal-immaniġġjar tal-iskart tal-Unjoni, u l-kostijiet neċessarji sabiex jintlaħqu miri u għanijiet oħra kif msemmija fil-punt (b) tal- paragrafu 1, filwaqt li jitqies id-dħul mill-użu mill-ġdid, mill-bejgħ ta’ materja prima sekondarja mill-prodotti tiegħu u minn imposti relatati mad-depożitu li ma jkunux intalbu;

il-kostijiet tal-provvista ta’ informazzjoni xierqa lid-detenturi tal-iskart, skont il-paragrafu 2;

il-kostijiet tal-ġbir u r-rappurtar tad-data, skont il-punt (c) tal-paragrafu 1.

Dan il-punt ma japplikax għal skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur, stabbiliti skont id-Direttiva 2000/53/KE, 2006/66/KE jew 2012/19/UE;

(b)

fil-każ li t-twettiq kollettiv tal-obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur, jiġu mmodulati, fejn possibbli, għall-prodotti jew gruppi ta’ prodotti simili, speċifikament billi jitqiesu d-durabbiltà, il-kapaċità ta’ tiswija, ta’ użu mill-ġdid u r-riċiklabbiltà tagħhom, u l-preżenza ta’ sustanzi perikolużi, biex b’hekk jittieħed approċċ ibbażat fuq iċ-ċiklu tal-ħajja u allinjat mar-rekwiżiti stabbiliti fil-liġi rilevanti tal-Unjoni, u fejn disponibbli, ibbażat fuq kriterji armonizzati sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern; u

(c)

ma jaqbżux il-kostijiet li huma meħtieġa biex jipprovdu servizzi ta’ immaniġġjar tal-iskart b’mod kosteffiċjenti. Dawn il-kostijiet għandhom jiġu stabbiliti b’mod trasparenti bejn l-atturi kkonċernati;

Fejn ġustifikat mill-ħtieġa li jiġi żgurat immaniġġjar tajjeb tal-iskart u l-vijabbiltà ekonomika tal-iskema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur, l-Istati Membri jistgħu jiddevjaw mill-kondiviżjoni tar-responsabbiltà finanzjarja kif stabbilit fil-punt (a), sakemm:

(i)

fil-każ ta’ skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur stabbiliti biex jintlaħqu l-miri u l-objettivi tal-immaniġġjar tal-iskart stabbiliti skont l-atti leġislattivi tal-Unjoni, il-produtturi ta’ prodotti jkollhom iġarrbu mill-inqas 80 % tal-kostijiet meħtieġa;

(ii)

fil-każ ta’ skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur stabbiliti fl-4 ta’ Lulju 2018 jew wara din id-data, biex jintlaħqu l-miri u l-objettivi tal-immaniġġjar tal-iskart stabbiliti biss fil-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, il-produtturi ta’ prodotti jkollhom iġarrbu mill-inqas 80 % tal-kostijiet meħtieġa;

(iii)

fil-każ ta’ skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur stabbiliti qabel l-4 ta’ Lulju 2018, biex jintlaħqu l-miri u l-objettivi tal-immaniġġjar tal-iskart stabbiliti biss fil-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, il-produtturi ta’ prodotti jkollhom iġarrbu mill-inqas 50 % tal-kostijiet meħtieġa,

u sakemm il-kostijiet li jibqgħu jitħallsu minn produtturi jew distributuri oriġinali tal-iskart.

Din id-deroga ma tistax tintuża sabiex jitbaxxa l-proporzjon tal-kostijiet imġarrba mill-produtturi ta’ prodotti skont l-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur stabbiliti qabel l-4 ta’ Lulju 2018.

5.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu qafas xieraq ta’ monitoraġġ u infurzar bil-għan li jiżguraw li l-produtturi ta’ prodotti u organizzazzjonijiet jimplimentaw l-obbligi tar-responsabbiltà estiża tal-produttur f’isemhom, jimplementaw l-obbligi tagħhom ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur, inkluż fil-każ ta’ bejgħ mill-bogħod, li l-mezzi finanzjarji qegħdin jintużaw sew u li l-atturi kollha involuti fl-implimentazzjoni tal-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur jirrappurtaw data affidabbli.

Meta, fit-territorju ta’ Stat Membru, organizzazzjonijiet multipli jimplimentaw l-obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur f’isem il-produtturi ta’ prodotti, l-Istat Membru kkonċernat għandu jaħtar għall-inqas korp wieħed indipendenti minn interessi privati jew jinkariga awtorità pubblika biex tissorvelja l-implimentazzjoni tal-obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur.

Kull Stat Membru għandu jippermetti lill-produtturi ta’ prodotti, stabbiliti fi Stat Membru ieħor u li jqiegħdu prodotti fit-territorju tiegħu, jaħtru persuna ġuridika jew fiżika stabbilita fit-territorju tiegħu bħala rappreżentant awtorizzat sabiex jiġu ssodisfati l-obbligi ta’ produttur relatati ma’ skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur fit-territorju tiegħu.

Għall-finijiet tal-monitoraġġ u l-verifika tal-konformità mal-obbligi tal-produttur tal-prodott fir-rigward tal-iskema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur, l-Istati Membri jistgħu jistipulaw rekwiżiti, bħal pereżempju r-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni, tal-informazzjoni u tar-rappurtar, li għandhom jiġu ssodisfati minn persuna fiżika jew ġuridika sabiex tiġi maħtura bħala rappreżentant awtorizzat fit-territorju tagħhom.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw djalogu regolari fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti involuti fl-implimentazzjoni ta’ skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur, inklużi l-produtturi u d-distributuri, l-operaturi privati jew pubbliċi tal-iskart, l-awtoritajiet lokali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u, fejn xieraq, l-atturi tal-ekonomija soċjali, in-netwerks ta’ użu mill-ġdid u ta’ tiswija u l-operaturi ta’ tħejjija għall-użu mill-ġdid.

7.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur li jkunu ġew stabbiliti qabel l-4 ta’ Lulju 2018, jikkonformaw ma’ dan l-Artikolu sal-5 ta’ Jannar 2023.

8.   L-għoti ta’ informazzjoni lill-pubbliku skont dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-preżervazzjoni tal-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva f’konformità mal-liġi rilevanti tal-Unjoni u nazzjonali.

(*4)  Id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 38).”;"

(10)

L-Artikolu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 9

Il-prevenzjoni tal-iskart

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jipprevjenu l-ġenerazzjoni tal-iskart. Dawk il-miżuri għandhom tal-inqas:

(a)

jippromwovu u jappoġġjaw mudelli ta’ produzzjoni u konsum sostenibbli;

(b)

iħeġġu d-disinn, il-manifattura u l-użu ta’ prodotti li huma effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, durabbli (inkluż f’termini ta’ ħajja tal-prodott u n-nuqqas ta’ obsolenza ppjanata), riparabbli, riutilizzabbli u aġġornabbli;

(c)

jimmiraw prodotti li fihom materja prima kritika, sabiex jevitaw li dik il-materja prima ssir skart;

(d)

iħeġġu l-użu mill-ġdid ta’ prodotti u l-ħolqien ta’ sistemi li jippromwovu attivitajiet ta’ tiswija u ta’ użu mill-ġdid, inkluż, b’mod partikulari, għat-tagħmir elettriku u elettroniku, għat-tessuti u għall-għamara kif ukoll għall-imballaġġ u l-materjal u l-prodotti tal-kostruzzjoni;

(e)

jinkoraġġixxu, kif xieraq u mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, id-disponibbiltà ta’ spare parts, ta’ manwali ta’ struzzjoni, ta’ informazzjoni teknika, jew strumenti, tagħmir jew softwer ieħor li jippermettu t-tiswija u l-użu mill-ġdid ta’ prodotti mingħajr ma tiġi kompromessi l-kwalità u s-sigurtà tagħhom;

(f)

inaqqsu l-ġenerazzjoni tal-iskart fi proċessi marbutin mal-produzzjoni industrijali, fl-estrazzjoni tal-minerali, fil-manifattura, fil-kostruzzjoni u d-demolizzjoni, filwaqt li jqisu l-aħjar tekniki disponibbli;

(g)

inaqqsu l-ġenerazzjoni tal-iskart tal-ikel fil-produzzjoni primarja, fl-ipproċessar u fil-manifatturar, fil-bejgħ bl-imnut u f’mezzi oħra ta’ distribuzzjoni tal-ikel, f’restoranti u servizzi tal-ikel kif ukoll fl-unitajiet domestiċi bħala kontribut għall-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti biex titnaqqas b’50 %, il-ħela tal-ikel globali per capita fil-livelli tal-bejgħ bl-imnut u tal-konsumatur u sabiex jitnaqqas it-telf tal-ikel tul il-ktajjen tal-produzzjoni u tal-provvista sal-2030;

(h)

jinkoraġġixxu d-donazzjoni tal-ikel u ridistribuzzjoni oħra għall-konsum mill-bniedem, billi tingħata prijorità lill-użu mill-bniedem fuq l-għalf tal-annimali u l-ipproċessar mill-ġdid fi prodotti mhux alimentari;

(i)

jippromwovu t-tnaqqis tal-kontenut ta’ sustanzi perikolużi f’materjal u prodotti, mingħajr preġudizzju għal rekwiżiti legali armonizzati li jikkonċernaw dawk il-materjali u prodotti stabbiliti fil-livell tal-Unjoni, u jiżguraw li kwalunkwe fornitur ta’ oġġett kif definit fil-punt 33 tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5) jipprovdi l-informazzjoni skont l-Artikolu 33(1) ta’ dak ir-Regolament lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi mill-5 ta’ Jannar 2021;

(j)

inaqqsu l-ġenerazzjoni tal-iskart, b’mod partikolari skart li ma huwiex adatt għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid jew ir-riċiklaġġ;

(k)

jidentifikaw prodotti li jikkostitwixxu s-sorsi ewlenin ta’ skart, partikolarment fl-ambjenti naturali u marini, u jieħdu miżuri xierqa għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-ġenerazzjoni tal-iskart minn tali prodotti; Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jimplimentaw dan l-obbligu permezz ta’ restrizzjonijiet tas-suq, huma għandhom jiżguraw li dawn ir-restrizzjonijiet ikunu proporzjonati u mhux diskriminatorji;

(l)

għandhom l-għan li jwaqqfu l-ġenerazzjoni tal-iskart fil-baħar bħala kontribuzzjoni lejn l-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti biex jiġi evitat u jitnaqqas b’mod sinifikanti t-tniġġis tal-baħar ta’ kull tip; u

(m)

jiżviluppaw u jappoġġjaw kampanji ta’ informazzjoni għas-sensibilizzazzjoni dwar il-prevenzjoni tal-iskart u r-rimi taż-żibel.

2.   L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għandha tistabbilixxi u żżomm bażi tad-data għad data li għandha tiġi sottomessa lilha skont il-punt (i) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu sa mhux aktar tard mill-5 ta’ Jannar 2020. L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għandha tipprovdi aċċess għal dik il-bażi tad-data lill-operaturi tat-trattament tal-iskart. L-Aġenzija għandha tipprovdi wkoll aċċess għal dik il-bażi tad-data, fuq talba, lill-konsumaturi.

3.   L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw u jivvalutaw l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ prevenzjoni tal-iskart. Għal dan il-għan, għandhom jużaw indikaturi u miri xierqa kwalitattivi u kwantitattivi, speċifikament fuq il-kwantità tal-iskart iġġenerat.

4.   L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw u jivvalutaw l-implimentazzjoni tal-miżuri tagħhom dwar użu mill-ġdid bil-kejl tal-użu mill-ġdid fuq il-bażi tal-metodoloġija komuni stabbilita mill-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 7, sa mill-ewwel sena kalendarja sħiħa wara l-adozzjoni ta dak l-att ta’ implimentazzjoni.

5.   L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw u jivvalutaw l-implimentazzjoni tal-miżuri tagħhom ta’ prevenzjoni tal-iskart tal-ikel billi jkejlu l-livelli tal-iskart tal-ikel abbażi tal-metodoloġija stabbilita bl-att delegat imsemmi fil-paragrafu 8, sa mill-ewwel sena kalendarja sħiħa wara l-adozzjoni ta’ dak l-att delegat.

6.   Sal-31 ta’ Diċembru 2023, il-Kummissjoni għandha teżamina d-data dwar l-iskart tal-ikel ipprovduta mill-Istati Membri skont l-Artikolu 37(3) bil-ħsieb li tiġi kkunsidrata l-fattibbiltà tal-istabbiliment ta’ mira għat-tnaqqis tal-iskart tal-ikel fl-Unjoni kollha li għandha tintlaħaq sal-2030 fuq il-bażi tad-data rrappurtata minn Stati Membri f’konformità mal-metodoloġija komuni stabbilita skont il-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, akkumpanjat, fejn xieraq, minn proposta leġislattiva,.

7.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi indikaturi li jkejlu l-progress ġenerali fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ prevenzjoni tal-iskart u, sal-31 ta’ Marzu 2019, għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi metodoloġija komuni biex tirrapporta dwar l-użu mill-ġdid ta’ prodotti. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 39(2).

8.   Sal-31 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni għandha, u abbażi tal-eżitu tal-ħidma tal-Pjattaforma tal-UE dwar it-Telf u l-Ħela tal-Ikel, tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 38a biex tissupplimenta din id-Direttiva billi tistabbilixxi metodoloġija komuni u rekwiżiti minimi ta’ kwalità, għall-kejl uniformi tal-livelli tal-iskart tal-ikel.

9.   Sal-31 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni għandha teżamina data dwar l-użu mill-ġdid ipprovduta mill-Istati Membri skont l-Artikolu 37(2) bil-ħsieb li tiġi kkunsidrata l-fattibbiltà ta’ miżuri li jinkoraġġixxu l-użu mill-ġdid ta’ prodotti, inkluż l-istabbiliment ta’ miri kwantitattivi. Il-Kummissjoni għandha teżamina wkoll il-fattibbiltà li jiġu stabbiliti miżuri oħra għall-prevenzjoni tal-iskart, inklużi miri għat-tnaqqis tal-iskart. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, akkumpanjat, fejn xieraq, minn proposta leġislattiva.

(*5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).”;"

(11)

L-Artikolu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 10

Irkupru

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-skart jgħaddi minn operazzjonijiet ta’ preparazzjoni għal użu mill-ġdid, riċiklaġġ jew irkupru ieħor, skont l-Artikoli 4 u 13.

2.   Meta jkun meħtieġ għall-konformità mal-paragrafu 1 u għall-iffaċilitar u t-titjib tal-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u operazzjonijiet ta’ rkupru oħrajn, l-iskart għandu jinġabar separatament u m’għandux jitħallat ma’ skart ieħor jew materjali oħra bi proprjetajiet differenti.

3.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu derogi mill-paragrafu 2 bil-kondizzjoni li mill-inqas tkun issodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-ġbir ta’ ċerti tipi ta’ skart flimkien ma jaffettwax il-potenzjal tagħhom li jgħaddu minn preparazzjoni għall-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ jew operazzjonijiet ta’ rkupru oħrajn f’konformità mal-Artikolu 4 u jirriżulta f’output minn dawk l-operazzjonijiet li jkun ta’ kwalità komparabbli għal dak miksub permezz ta’ ġbir separat;

(b)

il-ġbir separat ma jagħtix l-aħjar riżultat ambjentali meta wieħed jikkunsidra l-impatt ambjentali globali tal-immaniġġjar tal-flussi tal-iskart rilevanti;

(c)

il-ġbir separat ma jkunx teknikament fattibbli meta wieħed iqis il-prattiki tajbin tal-ġbir tal-iskart;

(d)

il-ġbir separat ikun jinvolvi kostijiet ekonomiċi sproporzjonati, meta jitqiesu l-kostijiet tal-impatti ambjentali u tas-saħħa negattivi tal-ġbir u t-trattament tal-iskart imħallat, il-potenzjal għal titjib fl-effiċjenza fil-ġbir u t-trattament tal-iskart, id-dħul minn bejgħ ta’ materja prima sekondarja kif ukoll l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas u tar-responsabbiltà estiża tal-produttur.

L-Istati Membri għandhom jeżaminaw mill-ġdid regolarment id-derogi skont dan il-paragrafu b’kunsiderazzjoni ta’ prattiki tajbin fi ġbir separat tal-iskart u żviluppi oħra fl-immaniġġjar tal-iskart.

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-iskart li jkun inġabar separatament għall-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ skont l-Artikolu 11(1) u l-Artikolu 22 ma jiġix inċinerat bl-eċċezzjoni ta’ skart li jirriżulta mit-trattament sussegwenti tal-iskart li jinġabar separatament li l-inċinerazzjoni tiegħu tagħti l-aħjar eżitu ambjentali skont l-Artikolu 4.

5.   Meta jkun meħtieġ għall-konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u biex ikun faċilitat jew imtejjeb l-irkupru, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa, qabel jew matul l-irkupru, biex jitneħħew sustanzi, taħlitiet u komponenti perikolużi minn skart perikoluż bil-ħsieb li dawn jiġu trattati skont l-Artikoli 4 u 13.

6.   Sal-31 ta’ Diċembru 2021, l-Istati Membri għandhom jissottomettu rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu fir-rigward tal-iskart muniċipali u l-iskart bijoloġiku, inkluż fuq il-kopertura materjali u territorjali ta’ ġbir separat u kwalunkwe deroga skont il-paragrafu 3.”;

(12)

L-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ”;

(b)

il-paragrafu 1huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri, biex jippromwovu attivitajiet ta’ tħejjija għal użu mill-ġdid, speċifikament billi jħeġġu t-twaqqif u jappoġġjaw netwerks ta’ preparazzjoni għal użu mill-ġdid u tiswija, u billi jħaffu, fejn kompatibbli mal-immaniġġjar xieraq tal-iskart, l-aċċess tagħhom għal skart miżmum minn skemi jew faċilitajiet ta’ ġbir li jista’ jiġi ppreparat għal użu mill-ġdid iżda li mhux destinat għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid minn dawk l-iskemi jew faċilitajiet, kif ukoll billi jippromwovu l-użu ta’ strumenti ekonomiċi, kriterji ta’ akkwist pubbliku, miri kwantitattivi, jew miżuri oħra.

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jippromwovu riċiklaġġ ta’ kwalità għolja, u għal dan il-għan, skont l-Artikolu 10(2) u (3), għandhom jistabbilixxu l-ġbir tal-iskart b’mod separat.

Soġġett għall-Artikolu 10(2) u (3), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu ġbir separat tal-inqas għall-karti, il-metall, il-plastik u l-ħġieġ u, sal-1 ta’ Jannar 2025, għat-tessuti.

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jippromwovu d-demolizzjoni selettiva sabiex jippermettu t-tneħħija u t-trattament sikur ta’ sustanzi perikolużi u jiffaċilitaw l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ ta’ kwalità għolja permezz tat-tneħħija selettiva ta’ materjali, u biex jiżguraw it-twaqqif ta’ sistemi ta’ separazzjoni għall-iskart tal-kostruzzjoni u d-demolizzjoni tal-anqas għal: l-injam, il-frazzjonijiet minerali (konkrit, briks, madum u ċeramika, ġebel), il-metall, il-ħġieġ, il-plastik u l-ġibs.”;

(c)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“2.   Sabiex ikun hemm konformità mal-objettivi ta’ din id-Direttiva, u biex isir progress lejn ekonomija ċirkolari Ewropea b’livell għoli ta’ effiċjenza fir-riżorsi, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li jinkisbu l-miri li ġejjin:”;

(ii)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(c)

sal-2025, il-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali għandhom jiżdiedu sa minimu ta’ 55 % skont il-piż.

(d)

sal-2030, il-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali għandhom jiżdiedu sa minimu ta’ 60 % skont il-piż;

(e)

sal-2035, il-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali għandhom jiżdiedu sa minimu ta’ 65 % skont il-piż.”;

(d)

il-paragrafi 3, 4 u 5 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“3.   Stat Membru jista’ jipposponi l-iskadenzi biex jintlaħqu l-miri msemmija fil-punti (c), (d) u (e) tal-paragrafu 2 sa’ massimu ta’ ħames snin bil-kondizzjoni li li dak l-Istat Membru:

(a)

ipprepara għall-użu mill-ġdid u rriċikla inqas minn 20 % jew rema f’landfills aktar minn 60 % tal-iskart muniċipali tiegħu fl-2013 kif rappurtat skont il-Kwestjonarju Konġunt tal-OECD u l-Eurostat; u

(b)

sa mhux aktar tard minn 24 xahar qabel id-data ta’ skadenza rispettiva stabbilita fil-punt (c), (d) jew (e) tal-paragrafu 2, jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-intenzjoni tiegħu li jipposponi l-iskadenza rispettiva u jippreżenta pjan ta’ implimentazzjoni skont l-Anness IVb.

4.   Fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi l-pjan ta’ implimentazzjoni ppreżentat skont il-punt (b) tal-paragrafu 3, il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru jirrevedi dak il-pjan jekk il-Kummissjoni tqis li l-pjan ma jikkonformax mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness IVb. L-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta pjan rivedut fi żmien tliet xhur minn meta jirċievi t-talba tal-Kummissjoni.

5.   F’każ tal-posponiment tal-kisba tal-miri skont il-paragrafu 3, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex iżid it-tħejjija għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali:

(a)

sa minimu ta’ 50 % sal-2025 fil-każ ta’ posponiment tal-iskadenza għall-kisba tal-mira msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 2;

(b)

għal minimu ta’ 55 % sal-2030 f’każ ta’ posponiment tal-iskadenza għall-kisba tal-mira msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 2;

(c)

għal minimu ta’ 60 % sal-2035 f’każ ta’ posponiment tal-iskadenza għall-kisba tal-mira msemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 2.”;

(e)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“6.   Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-istabbiliment tal-miri ta’ preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ ta’ skart tal-kostruzzjoni u tad-demolizzjoni u tal-frazzjonijiet speċifiċi għall-materjal tiegħu, skart tat-tessuti, skart kummerċjali, skart industrijali mhux perikoluż u flussi ta’ skart oħra, kif ukoll il-preparazzjoni tal-miri għall-użu mill-ġdid għall-iskart muniċipali u tal-miri tar-riċiklaġġ għall-iskart muniċipali. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, akkumpanjat, fejn xieraq, minn proposta leġislattiva.

7.   Sal-31 ta’ Diċembru 2028, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-mira stipulata fil-punt (e) tal-paragrafu 2. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, akkumpanjat, fejn xieraq, minn proposta leġislattiva.

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta teknoloġija ta’ koproċessar li tippermetti l-inkorporazzjoni ta’ minerali fil-koinċinerazzjoni ta’ skart muniċipali. Meta tkun tista’ tinstab metodoloġija affidabbli, bħala parti minn dan ir-rieżami, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra jekk dawn il-minerali jistgħux jingħaddu lejn il-miri ta’ riċiklaġġ.”;

(13)

jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 11a

Regoli għall-kalkolu tal-ilħiq tal-miri stabbiliti

1.   Għall-finijiet tal-kalkolu ta’ jekk intlaħqux il-miri stipulati fil-punti (c), (d) u (e) tal-Artikolu 11(2) u fl-Artikolu 11(3),:

(a)

L-Istati Membri għandhom jikkalkulaw il-piż tal-iskart muniċipali ġġenerat u ppreparat għall-użu mill-ġdid jew irriċiklat f’sena kalendarja partikolari;

(b)

il-piż tal-iskart muniċipali ppreparat għall-użu mill-ġdid għandu jkun ikkalkolat bħala l-piż tal-prodotti jew tal-komponenti tal-prodotti li saru skart muniċipali u li għaddew minn kull operat meħtieġ ta’ verifika, tindif jew tiswija sabiex jiġi permess l-użu mill-ġdid mingħajr iktar separazzjoni jew proċessar preliminari;

(c)

il-piż tal-iskart muniċipali riċiklat għandu jiġi kkalkolat bħala l-piż tal-iskart li, wara li għadda minn kull operat meħtieġ ta’ verifika, separazzjoni u l-operazzjonijiet preliminari oħrajn li jneħħu l-materjali tal-iskart li m’humiex fil-mira tal-ipproċessar sussegwenti mill-ġdid u li jiġi żgurat riċiklaġġ ta’ kwalità għolja, jidħol fl-operazzjoni ta’ riċiklaġġ fejn il-materjali tal-iskart huma fil-fatt ipproċessati mill-ġdid fi prodotti, materjali jew sustanzi.

2.   Għall-finijiet tal-punt (c) tal-paragrafu 1, il-piż tal-iskart muniċipali riċiklat għandu jitkejjel meta l-iskart jidħol fl-operazzjoni ta’ riċiklaġġ.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, il-piż tal-iskart muniċipali riċiklat jista’ jitkejjel fl-output ta’ kwalunkwe operazzjoni ta’ separazzjoni sakemm:

(a)

tali output ta’ skart huwa sussegwentement riċiklat;

(b)

il-piż tal-materjali jew tas-sustanzi li jitneħħew permezz ta’ operazzjonijiet ulterjuri qabel l-operazzjoni ta’ riċiklaġġ u mhumiex sussegwentement riċiklati mhuwiex inkluż fil-piż tal-iskart irrappurtat bħala riċiklat.

3.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema effettiva ta’ kontroll tal-kwalità u ta’ traċċabbiltà tal-iskart muniċipali, sabiex jiżguraw li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stipulati fil-punt (c) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. Biex tiġi żgurata l-affidabbiltà u l-akkuratezza tad-data miġbura dwar l-iskart riċiklat, is-sistema tista’ tikkonsisti minn reġistri elettroniċi maħluqin skont l-Artikolu 35(4), speċifikazzjonijiet tekniċi għar-rekwiżiti ta’ kwalità tal-iskart separat, jew rati medji ta’ telf għall-iskart isseparat għal diversi tipi ta’ skart u prattiki ta’ mmaniġġjar tal-iskart rispettivament. Ir-rati medji ta’ telf għandhom jintużaw biss f’każijiet fejn data affidabbli ma tistax tinkiseb mod ieħor u għandhom jiġu kkalkulati abbażi tar-regoli ta’ kalkolu stabbiliti fl-att delegat adottat skont il-paragrafu 10 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Għall-fini tal-kalkolu ta’ jekk il-miri stipulati fil-punti (c), (d) u (e) tal-Artikolu 11(2) u fl-Artikolu 11(3) intlaħqux, l-ammont ta’ skart muniċipali bijodegradabbli li jsirlu trattament aerobiku jew anaerobiku jista’ jingħadd bħala riċiklat meta dak it-trattament jiġġenera kompost, diġestat jew output ieħor bi kwantità simili ta’ kontenut riċiklat meta mqabbel mal-input, li għandu jintuża bħala prodott, materjal jew sustanza riċiklati. Meta l-output jintuża fuq l-art, l-Istati Membri jistgħu jgħodduh bħala riċiklat biss jekk dan l-użu jirriżulta f’benefiċċju għall-agrikoltura jew titjib ekoloġiku.

Mill-1 ta’ Jannar 2027, l-Istati Membri jistgħu il-bijoskart muniċipali li jidħol għat-trattament aerobiku jew anaerobiku bħala riċiklat biss jekk, f’konformità mal-Artikolu 22, ikun inġabar b’mod separat jew ikun ġie separat fis-sors.

5.   Għall-fini tal-kalkolu ta’ jekk il-miri stipulati fil-punti (c), (d) u (e) tal-Artikolu 11(2) u fl-Artikolu 11(3) intlaħqux, l-ammont ta’ materjali ta’ skart li ma baqgħux skart bħala riżultat ta’ operazzjoni ta’ preparazzjoni qabel ma jiġi pproċessat mill-ġdid jista’ jitqies bħala skart riċiklat, sakemm tali materjali jkunu destinati għall-ipproċessar mill-ġdid sussegwenti fi prodotti, materjali jew sustanzi għall-użu oriġinali jew għal skopijiet oħra. Madankollu, materjali tat-tmiem tal-iskart li jintużaw bħala fjuwils jew mezzi oħra biex tiġi ġġenerata l-enerġija, jew biex ikunu inċinerati, jintradmu jew jintremew f’landfills, m’ għandhomx jitqiesu fil-kalkolu tal-miri tar-riċiklaġġ.

6.   Għall-fini tal-kalkolu ta’ jekk il-miri stipulati fil-punti (c), (d) u (e) tal-Artikolu 11(2) u fl-Artikolu 11(3) intlaħqux, l-Istati Membri jistgħu jqisu r-riċiklaġġ tal-metalli separati wara l-inċinerazzjoni tal-iskart muniċipali, dejjem jekk il-materjali riċiklati jilħqu ċerti kriterji ta’ kwalità stabbiliti fl-att ta’ implimentazzjoni adottat skont il-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu.

7.   L-iskart mibgħut lil Stat Membru ieħor għall-finijiet ta’ preparazzjoni għall-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ jew għar-radam mill-ġdid f’dak l-Istat Membru l-ieħor, jista’ jingħadd biss lejn l-ilħiq tal-miri stipulati fl-Artikoli 11(2) u (3) mill-Istat Membru fejn l-iskart ikun inġabar.

8.   L-iskart esportat mill-Unjoni għall-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid jew ir-riċiklaġġ għandu jingħadd lejn l-ilħiq tal-miri stipulati fl-Artikoli 11(2) u (3) ta’din id-Direttiva mill-Istat Membru fejn ikun inġabar biss jekk ikunu ġew issodisfati r-rekwiżiti tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, u jekk, skont ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006, l-esportatur jista’ jagħti prova li l-vjeġġ tal-iskart jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ dak ir-Regolament, u li t-trattament tal-iskart barra mill-Unjoni jkun sar f’kundizzjonijiet ġeneralment ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-liġi ambjentali rilevanti tal-Unjoni.

9.   Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tadotta, sal-31 ta’ Marzu 2019, atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli għall-kalkolu, il-verifika u r-rappurtar tad-data, b’mod partikolari fir-rigward ta’:

(a)

metodoloġija komuni għall-kalkolu tal-piż tal-metalli li jkunu ġew riċiklati bl-inċinerazzjoni skont il-paragrafu 6, inklużi l-kriterji ta’ kwalità għall-metalli riċiklati, u

(b)

bijoskart separat u riċiklat fis-sors.

Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 39(2).

10.   Sal-31 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni għandha„ tadotta att delegat skont l-Artikolu 38a sabiex tissupplimenta din id-Direttiva billi tistabbilixxi regoli għall-kalkolu, il-verifika u r-rappurtar tal-piż tal-materjali jew ta’ sustanzi li jitneħħew wara operazzjoni ta’ separazzjoni u li ma jkunux sussegwentement riċiklati, fuq il-bażi ta’ rati medji ta’ telf għal skart separat.

“Artikolu 11b

Rapport ta’ twissija bikrija

1.   Bi sħab mal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, il-Kummissjoni għandha tfassal rapporti dwar il-progress lejn l-ilħiq tal-miri stipulati fil-punti (c), (d) u (e) tal-Artikolu 11(2) u fl-Artikolu 11(3), sa mhux aktar tard minn tliet snin qabel kull skadenza stipulata hemm.

2.   Ir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fihom li ġej:

(a)

stima dwar l-ilħiq tal-miri minn kull Stat Membru;

(b)

lista tal-Istati Membri bir-riskju li ma jiksbux il-miri fl-iskadenzi rispettivi, akkumpanjata minn rakkomandazzjonijiet xierqa għall-Istati Membri kkonċernati;

(c)

eżempji tal-aħjar prattiki li jintużaw fl-Unjoni kollha li jistgħu jipprovdu gwida għall-ipproċessar lejn l-ilħuq tal-miri stipulati.”;

(14)

L-Artikolu 12 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 12

Rimi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta ma jsirx l-irkupru skont l-Artikolu 10(1), l-iskart jgħaddi mill-operazzjonijiet ta’ rimi li jissodisfaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 dwar il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-protezzjoni tal-ambjent.

2.   Sal-31 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ rimi elenkati fl-Anness I, b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 13 u għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, akkumpanjat, fejn xieraq, minn proposta leġislattiva bil-għan li jiġu rregolati l-operazzjonijiet ta’ rimi, inkluż permezz ta’ restrizzjonijiet possibbli, u li tiġi kkunsidrata mira ta’ tnaqqis tar-rimi, biex jiġi żgurat immaniġġjar tal-iskart li jkun ambjentalment korrett.”;

(15)

l-Artikolu 14 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 14

Kostijiet

1.   Skont il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, il-kostijiet tal-immaniġġjar tal-iskart, inkluż għall-infrastruttura neċessarja u l-operat tagħha, għandhom jinġarru mill-produttur oriġinali tal-iskart jew mid-detenturi attwali jew preċedenti tal-iskart.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 8 u 8a, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-kostijiet tal-immaniġġjar tal-iskart għandhom jinġarru parzjalment jew b’mod sħiħ mill-produttur tal-prodott li minnu jkun ġie l-iskart u li d-distributuri ta’ tali prodott jistgħu jikkondividu dawn il-kostijiet.”;

(16)

fl-Artikolu 18, il-paragrafu (3) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Meta skart perikoluż ikun ġie mħallat b’mod illegali bi ksur ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 36, li ssir separazzjoni fejn ikun teknikament fattibbli u neċessarju sabiex jiġi osservat l-Artikolu 13.

Meta s-separazzjoni ma tkunx meħtieġa skont l-ewwel subparagrafu ta’dan il-paragrafu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskart imħallat huwa ttrattat f’faċilità li tkun kisbet permess skont l-Artikolu 23 sabiex titratta taħlita bħal din.”;

(17)

l-Artikolu 20 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 20

Skart perikoluż prodott mill-unitajiet domestiċi

“1.   Sal-1 ta’ Jannar 2025, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-ġbir separat tal-frazzjonijiet differenti tal-iskart perikoluż prodott mid-djar sabiex jiżguraw li jkunu trattati skont l-Artikoli 4 u 13 u ma jikkontaminawx flussi oħra ta’ skart muniċipali.

2.   L-Artikoli 17, 18, 19, u 35 m’għandhomx japplikaw għal skart imħallat prodott mill-unitajiet domestiċi.

3.   L-Artikoli 19 u 35 m’għandhomx japplikaw għal frazzjonijiet separati ta’ skart perikoluż prodott mill-unitajiet domestiċi qabel ma dawn jiġu aċċettati għall-ġbir, ir-rimi jew l-irkupru minn stabbiliment jew intrapriża li jkunu kisbu permess jew li jkunu ġew irreġistrati skont l-Artikolu 23 jew 26.

4.   Sal-5 ta’ Jannar 2020, il-Kummissjoni għandha tfassal linji gwida biex tgħin u tiffaċilita lill-Istati Membri fil-ġbir separat tal-frazzjonijiet differenti tal-iskart perikoluż prodott mill-unitajiet domestiċi.”;

(18)

l-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punti (a), (b) u (c) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(a)

iż-żjut għar-rimi jinġabru separatament, sakemm il-ġbir separat ma jkunx teknikament fattibbli, b’kunsiderazzjoni tal-prattiki tajba;

(b)

iż-żjut għar-rimi jiġu ttrattati, billi tingħata prijorità lir-riġenerazzjoni jew inkella lil operazzjonijiet oħra ta’ riċiklaġġ li jwasslu għal riżultat ambjentali ġenerali ekwivalenti jew aħjar minn riġenerazzjoni, skont l-Artikoli 4 u 13;

(c)

iż-żjut għar-rimi b’karatteristiċi differenti ma jitħalltux u ż-żjut ta’ skart ma jitħalltux ma’ tipi oħra ta’ skart jew sustanzi, jekk tali taħlit ma tħallix ir-riġenerazzjoni tagħhom jew operazzjoni oħra ta’ riċiklaġġ li tagħti riżultat ambjentali ġenerali ekwivalenti jew aħjar minn riġenerazzjoni.”;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   Sal-31 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni għandha teżamina d-data dwar iż-żjut għar-rimi mogħtija mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 37(4) bil-ħsieb li tiġi kkunsidrata l-fattibbiltà tal-adozzjoni ta’ miżuri għat-trattament ta’ żjut għar-rimi, inklużi miri kwantitattivi fuq ir-riġenerazzjoni taż-żjut għar-rimi u kwalunkwe miżura ulterjuri biex tiġi promossa r-riġenerazzjoni taż-żjut ta’ skart. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, akkumpanjat, fejn xieraq, minn proposta leġislattiva.”;

(19)

l-Artikolu 22 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 22

Bijoskart

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li sal-31 ta’ Diċembru 2023, u suġġett għall-Artikolu 10(2) u (3), il-bijoskart jiġi separat jew rriċiklat fis-sors, jew jinġabar separatament u ma jitħallatx ma’ tipi oħra ta’ skart.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-iskart b’karatteristiċi simili ta’ bijodegradibbiltà u ta’ kompostabbiltà li huwa konformi mal-istandards Ewropej rilevanti jew kwalunkwe standard nazzjonali ekwivalenti, għall-imballaġġ irkuprabbli permezz ta’ kkompostjar u bijodegradazzjoni, jinġabar flimkien mal-bijoskart.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri, kif ikun xieraq, skont l-Artikoli 4 u 13, biex:

(a)

iħeġġu r-riċiklaġġ, inkluż l-ikkompostjar, u d-diġestjoni tal-bijoskart b’mod li jissodisfa livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali u jirriżulta f’output li jissodisfa l-istandards rilevanti ta’ kwalità għolja;

(b)

jinkoraġġixxu l-ikkompostjar fid-dar; u

(c)

jippromwovu l-użu ta’ materjali, prodotti mill-bijoskart.

3.   Sal-31 ta’ Diċembru 2018, il-Kummissjoni għandha titlob lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni biex jiżviluppaw standards Ewropej għall-bijoskart li jidħol fil-proċessi tar-riċiklaġġ organiku, għall-kompost u għad-diġestat, abbażi tal-aħjar prattiki disponibbli.”;

(20)

l-Artikolu 27 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 38a, sabiex tissupplimenta din id-Direttiva billi tistabbilixxi standards tekniċi minimi għal attivitajiet ta’ trattament, inkluż għas-separazzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart, li jeħtieġu permess skont l-Artikolu 23 meta jkun hemm evidenza li dawn l-istandards minimi huma ta’ ġid mil-lat ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent.”;

(b)

il-paragrafu (4) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 38a sabiex tissupplimenta din id-Direttiva billi tistabbilixxi standards minimi għal attivitajiet li jeħtieġu reġistrazzjoni skont l-Artikolu 26(a) u (b) meta jkun hemm evidenza li dawn l-istandards minimi huma ta’ ġid mil-lat ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent jew għax jevitaw xkiel fis-suq intern.”;

(21)

l-Artikolu 28 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punti (b) u (c) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(b)

skemi għall-ġbir tal-iskart u impjanti ewlenin għar-rimi u l-irkupru, inklużi xi arranġament speċjali għal żjut għar-rimi, l-iskart perikoluż, l-iskart b’ammonti sinjifikanti ta’ materja prima kritika, jew flussi ta’ skart indirizzati b’leġislazzjoni speċifika tal-Unjoni;

“(c)

valutazzjoni tal-ħtieġa li jingħalqu l-impjanti eżistenti tal-iskart, u l-ħtieġa ta’ infrastruttura ta’ impjanti għall-iskart addizzjonali skont l-Artikolu 16.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li valutazzjoni tal-investimenti u ta’ mezzi finanzjarji oħrajn, inklużi għall-awtoritajiet lokali, meħtieġa biex jiġu sodisfati dawk il-ħtiġijiet tkun twettqet. Din il-valutazzjoni għandha tiġi inkluża fil-pjanijiet tal-immaniġġjar tal-iskart jew f’dokumenti strateġiċi oħra li jkopru t-territorju kollu tal-Istat Membru kkonċernat.”;

(ii)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“(ca)

informazzjoni dwar il-miżuri biex jinkisbu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 5(3a) tad-Direttiva 1999/31/KE jew f’dokumenti strateġiċi oħra li jkopru t-territorju kollu tal-Istat Membru kkonċernat;

(cb)

valutazzjoni ta’ skemi eżistenti għall-ġbir tal-iskart, inkluż il-kopertura materjali u territorjali ta’ ġbir separat u miżuri sabiex jittejjeb l-operat tiegħu, ta’ kwalunkwe deroga mogħtija f’konformità mal-Artikolu 10(3), u tal-ħtieġa għal skemi ġodda ta’ ġbir;”;

(iii)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(f)

miżuri biex tiġi miġġielda u evitata kull forma ta’ rimi taż-żibel, u biex jitnaddaf kull tip ta’ żibel mormi;

(g)

indikaturi u miri kwalitattivi u kwantitattivi xierqa, inkluż fuq il-kwantità ta’ skart iġġenerat u t-trattament tiegħu u fuq l-iskart muniċipali li jintrema jew li huwa soġġett għall-irkupru tal-enerġija.”;

(b)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Il-pjanijiet għall-immaniġġar tal-iskart għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-ippjanar tal-iskart stipulati fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 94/62/KE, mal-miri stipulati fl-Artikolu 11(2) u (3) ta’ din id-Direttiva u mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 1999/31/KE, u għall-finijiet ta’ prevenzjoni ta’ rimi ta’ skart, mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*6) u l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*7).

(*6)  Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19)."

(*7)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).”;"

(22)

l-Artikolu 29 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu programmi ta’ prevenzjoni tal-iskart li jistipulaw għall-inqas miżuri ta’ prevenzjoni tal-iskart kif previst fl-Artikolu 9(1) skont l-Artikoli 1 u 4.

Programmi bħal dawn għandhom jiġu integrati fil-pjanijiet għall-immaniġġjar tal-iskart meħtieġa skont l-Artikolu 28, jew fi programmi oħra ta’ politika ambjentali, kif xieraq, jew għandhom jiffunzjonaw bħala programmi separati. Jekk kwalunkwe tali programm ikun integrat fil-pjan għall-immaniġġjar tal-iskart jew f’dak il-programmi l-oħra, il-miżuri u l-objettivi ta’ prevenzjoni tal-iskart għandhom ikunu identifikati b’mod ċar.”;

(b)

fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Meta jiġu stabbiliti programmi bħal dawn, l-Istati Membri għandhom, fejn rilevanti, jiddeskrivu l-kontribut tal-istrumenti u l-miżuri elenkati fl-Anness IVa għall-prevenzjoni tal-iskart u għandhom jevalwaw l-utilità tal-eżempji tal-miżuri indikati fl-Anness IV jew miżuri xierqa oħra. Il-programmi għandhom jiddeskrivu wkoll il-miżuri ta’ prevenzjoni tal-iskart eżistenti u l-kontribut tagħhom għall-prevenzjoni tal-iskart.”;

(c)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   L-Istati Membri għandhom jadottaw programmi speċifiċi relatati mal-prevenzjoni tal-iskart tal-ikel fi ħdan il-programmi tagħhom relatati mal-prevenzjoni tal-iskart.”;

(d)

il-paragrafi 3 u 4 jitħassru;

(23)

fl-Artikolu 30, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għandha tippubblika, kull sentejn, rapport li jkun fih rieżami tal-progress li jkun sar fit-tkomplija u fl-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ prevenzjoni tal-iskart, inkluża evalwazzjoni tal-evoluzzjoni fir-rigward tal-prevenzjoni tal-prevenzjoni tal-iskart għal kull Stat Membru u għall-Unjoni kollha kemm hi, u fir-rigward tad-diżakkoppjament tal-ġenerazzjoni tal-iskart mit-tkabbir ekonomiku u t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari.”;

(24)

fl-Artikolu 33, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-format għan-notifika tal-informazzjoni dwar l-adozzjoni u r-reviżjonijiet sostanzjali tal-pjanijiet tal-immaniġġjar tal-iskart u l-programmi. ta’ prevenzjoni tal-iskart. Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 39(2).”;

(25)

l-Artikolu 35 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-istabbilimenti u l-intrapriżi msemmija fl-Artikolu 23(1), il-produtturi tal-iskart perikoluż, u l-istabbilimenti u l-intrapriżi li jiġbru jew iġorru l-iskart perikoluż fuq bażi professjonali, jew jaġixxu bħala negozjanti jew sensara ta’ skart perikoluż, għandhom iżommu reġistru kronoloġiku:

(a)

tal-kwantità, in-natura u l-oriġini tal-iskart, u l-kwantità ta’ prodotti u materjali li jirriżultaw minn preparazzjoni għall-użu mill-ġdid, mir-riċiklaġġ jew minn operazzjonijiet oħra ta’ rkupru; u

(b)

fejn rilevanti, id-destinazzjoni, il-frekwenza tal-ġbir, il-mod tat-trasport u l-metodu tat-trattament mistenni fir-rigward tal-iskart.

Għandhom jippubblikaw dik id-data għall-awtoritajiet kompetenti permezz tar-reġistru/i elettroniku/iċi li għandhom jiġi stabbiliti skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.”;

(b)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“4.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu reġistru elettroniku jew reġistri kkoordinati biex jirreġistraw data dwar l-iskart perikoluż imsemmi fil-paragrafu 1, li jkopru t-territorju ġeografiku kollu tal-Istat Membru kkonċernat. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu tali reġistri għal flussi oħra ta’ skart, b’mod partikulari għal dawk il-flussi ta’ skart li għalihom hemm miri stipulati fl-atti leġislattivi tal-Unjoni. L-Istati Membri għandhom jużaw id-data dwar l-iskart li jirrappurtaw l-operaturi industrijali skont ir-Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*8).

5.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu kundizzjonijiet minimi għat-tħaddim ta’ dawn ir-reġistri. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 39(2).

(*8)  Ir-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2006 dwar il-ħolqien ta’ Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti u li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 91/689/KEE u 96/61/KE (ĠU L 33, 4.2.2006, p. 1).”;"

(26)

fl-Artikolu 36, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprojbixxu l-abbandun, ir-rimi jew l-immaniġġjar bla kontroll tal-iskart, inkluż ir-rimi taż-żibel.”;

(27)

l-Artikolu 37 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 37

Ir-rappurtar

1.   L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni, għal kull sena kalendarja, id-data dwar l-implimentazzjoni tal-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 11(2) u l-Artikolu 11(3).

Għandhom jirrappurtaw id-data b’mod elettroniku sa 18-il xahar minn tmiem is-sena ta’ rappurtar li għaliha tkun inġabret id-data. Id-data għandha tiġi rrappurtata fil-format stabbilit mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 7 ta’ dan l- Artikolu.

L-ewwel perjodu ta’ rappurtar għandu jibda fl-ewwel sena kalendarja sħiħa wara l-adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-format għar-rappurtar, skont il-paragrafu 7 ta’ dan l- Artikolu.

2.   Għall-finijiet ta’ verifika tal-konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 11(2), l-Istati Membri għandhom jirrapportaw l-ammont ta’ skart użat għall-operazzjonijiet tar-radam mill-ġdid u operazzjonijiet oħra ta’ rkupru ta’ materjal, b’mod separat mill-ammont ta’ skart imħejji għall-użu mill-ġdid jew riċiklat. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw l-ipproċessar mill-ġdid tal-iskart f’materjal li għandu jintuża għall-operazzjonijiet tar-radam mill-ġdid bħala radam mill-ġdid.

Għall-finijiet ta’ verifika ta’ konformità mal-punti (c), (d) u (e) tal-Artikolu 11(2) u l-Artikolu 11(3), l-Istati Membri għandhom jirrapportaw l-ammont ta’ skart ippreparat għall-użu mill-ġdid b’mod separat mill-ammont ta’ skart riċiklat.

3.   L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw id-data dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 9(4) u (5) lill-Kummissjoni kull sena.

Għandhom jirrappurtaw din id-data b’mod elettroniku sa 18-il xahar minn tmiem is-sena ta’ rappurtar li għaliha tkun inġabret id-data. Id-data trid tiġi rrappurtata fil-format stabbilit mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu.

L-ewwel perjodu ta’ rappurtar għandu jibda fl-ewwel sena kalendarja sħiħa wara l-adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-format għar-rappurtar, skont il-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu.

4.   L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni, id-data dwar lubrikazzjoni minerali jew sintetika jew żjut industrijali li jiġu introdotti fis-suq u ż-żjut għar-rimi miġbura u trattati separatament għal kull sena kalendarja.

Huma għandhom jirrappurtaw id-data b’mod elettroniku sa 18-il xahar minn tmiem is-sena ta’ rappurtar li għaliha tkun inġabret id-data. Id-data trid tiġi rrappurtata fil-format stabbilit mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 7.

L-ewwel perjodu ta’ rappurtar għandu jibda fl-ewwel sena kalendarja sħiħa wara l-adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-format għar-rappurtar, skont il-paragrafu 7.

5.   Id-data rrappurtata mill-Istat Membru skont dan l-Artikolu għandha tkun akkumpanjata minn rapport ta’ verifika tal-kwalità, kif ukoll minn rapport dwar il-miżuri meħudin skont l-Artikolu 11a(4) u (7), inkluża informazzjoni dettaljata dwar ir-rati medji ta’ telf meta applikabbli. Din id-data trid tiġi rrappurtata fil-format għar-rappurtar stabbilit mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu.

6.   Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina d-data rappurtata skont dan l-Artikolu, u tippubblika rapport dwar ir-riżultat tar-rieżami tagħha. Ir-rapport għandu jevalwa l-organizzazzjoni tal-ġbir tad-data, is-sorsi tad-data u l-metodoloġija użata fl-Istati Membri, kif ukoll il-kompletezza, l-affidabbiltà, il-puntwalità u l-konsistenza ta’ dik id-data. Il-valutazzjoni tista’ tinkludi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għat-titjib. Ir-rapport għandu jitfassal wara l-ewwel rappurtar tad-data mill-Istati Membri u kull erba’ snin wara dan.

7.   Sal-31 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-format għar-rappurtar tad-data msemmija fil-paragrafi 1, 3, 4 and 5 ta’ dan l-Artikolu. Għall-finijiet tar-rappurtar dwar l-implimentazzjoni tal-punti (a) u (b) tal-Artikolu 11(2), l-Istati Membri għandhom jużaw il-format stabbilit fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ April 2012 li tistabbilixxi kwestjonarju għar-rapporti tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskart. Għall-fini ta’ rappurtar dwar l-iskart tal-ikel, il-metodoloġija żviluppata skont l-Artikolu 9(8) għandhom jitqiesu meta jkun qed jiġi żviluppat il-format għar-rappurtar. Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’eżami msemmija fl-Artikolu 39(2) ta’ din id-Direttiva.”;

(28)

l-Artikolu 38 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 38

Skambju ta’ informazzjoni u kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, interpretazzjoni u adattament għall-progress tekniku

1.   Il-Kummissjoni għandha torganizza skambju regolari ta’ informazzjoni u kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri, inkluż, fejn xieraq, mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, dwar l-implimentazzjoni prattika u l-infurzar tar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva, inkluż dwar:

(a)

l-applikazzjoni tar-regoli ta’ kalkolu stabbiliti fl-Artikolu 11a, u l-iżvilupp ta’ miżuri u sistemi li jintraċċaw il-flussi tal-iskart muniċipali mis-separazzjoni sar-riċiklaġġ;

(b)

governanza, infurzar, u kooperazzjoni transkonfinali xierqa;

(c)

l-innovazzjoni fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart;

(d)

kriterji nazzjonali dwar il-prodotti sekondarji u dwar it-tmiem tal-istadju tal-iskart, kif imsemmija fl-Artikolu 5(3) u fl-Artikolu 6(3) u (4), iffaċilitati minn reġistru elettroniku għall-UE kollha li għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni;

(e)

l-istrumenti eknomiċi u miżuri oħra użati skont l-Artikolu 4(3) sabiex tingħata spinta lill-kisba tal-objettivi stabbiliti f’dak l-Artikolu;

(f)

il-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 8(1) u (2);

(g)

il-prevenzjoni u l-istabbiliment ta’ sistemi li jippromwovu attivitajiet ta’ użu mill-ġdid u l-estensjoni tat-tul tal-ħajja;

(h)

l-implimentazzjoni tal-obbligi fir-rigward tal-ġbir separat;

(i)

l-istrumenti u l-inċentivi għall-ilħiq tal-miri stipulati fil-punti (c), (d) u (e) tal-Artikolu 11(2);

Il-Kummissjoni għandha tagħmel ir-riżultati tal-iskambju ta’ informazzjoni u tal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki disponibbli pubblikament.

2.   Il-Kummissjoni tista’ tiżviluppa linji gwida għall-interpretazzjoni tar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva, inkluż dwar id-definizzjoni ta’ skart, prevenzjoni, użu mill-ġdid, preparazzjoni għall-użu mill-ġdid, irkupru, riċiklaġġ, rimi, u dwar l-applikazzjoni tar-regoli ta’ kalkolu stabbiliti fl-Artikolu 11a.

Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa linji gwida dwar definizzjonijiet tal-iskart muniċipali u tar-radam mill-ġdid.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 38a biex temenda din id-Direttiva billi tispeċifika l-applikazzjoni tal-formola għall-faċilitajiet ta’ inċinerazzjoni msemmija fil-punt R1 tal-Anness II. Jistgħu jitqiesu l-kundizzjonijiet klimatiċi lokali, bħas-severità tal-kesħa u l-ħtieġa għat-tisħin, sa fejn dawn ikunu jinfluwenzaw l-ammonti ta’ enerġija li teknikament jistgħu jintużaw jew jiġu prodotti fil-forma ta’ elettriku, tisħin, tkessiħ jew fwar tal-ipproċessar. Jistgħu jitqiesu wkoll il-kundizzjonijiet lokali tal-aktar reġjuni mbiegħda, kif jissemma fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll tat-territorji msemmija fl-Artikolu 25 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-1985.

3.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 38a biex temenda l-Annessi IV u V fid-dawl tal-progress xjentifiku u tekniku.”;

(29)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 38a

L-eżerċizju tad-delega

1.   Il-Kummissjoni tingħata b’dan is-setgħa li tadotta atti delegati, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa tal-adozzjoni tal-atti ta’ delega msemmija fl-Artikoli 7(1), 9(8), 11a(10)„ 27(1), 27(4), 38(2) u 38(3) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mill-4 ta’ Lulju 2018. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel l-iskadenza ta’ kull perjodu.

3.   Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikoli 7(1), 9(8), 11a(10), 27(1), 27(4), 38(2) u 38(3) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. M’għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma’ tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti innominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (*9).

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill

6.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 7(1), 9(8), 11a(10), 27(1), 27(4), 38(2) u 38(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

(*9)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.”;"

(30)

l-Artikolu 39 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 39

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*10).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Meta l-kumitat ma jagħti ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(*10)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”;"

(31)

Fl-Anness II, l-operazzjonijiet R 3, R 4 u R 5 huma ssostitwiti bis-segwenti:

“R 3

Riċiklaġġ/riklamazzjoni ta’ sustanzi organiċi li mhumiex użati bħala solventi (inklużi l-ikkompostjar u proċessi oħra ta’ trasformazzjoni bijoloġika) (*11)

R 4

Riċiklaġġ/riklamazzjoni ta’ metalli u komposti tal-metall (*12)

R 5

Riċiklaġġ/riklamazzjoni ta’ materjali inorganiċi oħra (*13)

(*11)  Dan jinkludi l-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid, il-gassifikazzjoni u l-piroliżi bl-użu tal-komponenti bħala kimiki u l-irkupru ta’ materjali organiċi fil-forma ta’ radam mill-ġdid."

(*12)  Dan jinkludi l-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid."

(*13)  Dan jinkludi l-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ ta’ materjali inorganiċi tal-bini, l-irkupru ta’ materjali inorganiċi fil-forma ta’ radam mill-ġdid, u t-tindif tal-ħamrija li jirriżulta fl-irkupru tal-ħamrija.”;"

(32)

It-test stipulat fl-Anness għal din id-Direttiva huwa inserit bħala l-Annessi IVa u IVb.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-5 ta’ Lulju 2020. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir din ir-referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra dwarhom.

Artikolu 3

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, it-30 ta’ Mejju 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

L. PAVLOVA


(1)  ĠU C 264, 20.7.2016, p. 98.

(2)  ĠU C 17, 18.1.2017, p. 46.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018, (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2018.

(4)  Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).

(5)  Id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16).

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 767/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ għalf, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 79/373/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 80/511/KEE, id-Direttivi tal-Kunsill 82/471/KEE, 83/228/KEE, 93/74/KEE, 93/113/KE u 96/25/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/217/KE (ĠU L 229, 1.9.2009, p. 1).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/955/UE tat- 18 ta’ Diċembru 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2000/532/KE dwar il-lista ta’ skart skont id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 370, 30.12.2014, p. 44).

(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1).

(10)  Id-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Settembru 2000 dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw (ĠU L 269, 21.10.2000, p. 34).

(11)  Id-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE (ĠU L 266, 26.9.2006, p. 1).

(12)  Id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 38).

(13)  Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ambjent marin ((Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).

(14)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(15)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE tal-20 ta’ Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10).

(16)  ĠU L 39, 16.2.1993, p. 3.

(17)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(18)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(19)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


ANNESS

Jiddaħħlu l-Annessi li ġejjin:

ANNESS IVa

EŻEMPJI TA’ STRUMENTI EKONOMIĊI U MIŻURI OĦRA BIEX JIĠU PPROVDUTI INĊENTIVI GĦALL-APPLIKAZZJONI TAL-ĠERARKIJA TAL-ISKART KIF IMSEMMI FL-ARTIKOLU 4(3) (1)

1.

Imposti u restrizzjonijiet fuq ir-rimi f’landfills u l-inċinerazzjoni ta’ skart li jinċentivizzaw il-prevenzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart, filwaqt li jżommu r-rimi f’landfills bħala l-anqas għażla preferita għall-immaniġġjar tal-iskart;

2.

Skemi ta’ “ħallas skont kemm tarmi” li jiċċarġjaw lill-produtturi tal-iskart fuq il-bażi tal-ammont ta’ skart iġġenerat u jipprovdu inċentivi għas-separazzjoni fis-sors ta’ skart riċiklabbli u għat-tnaqqis ta’ skart imħallat;

3.

Inċentivi fiskali għad-donazzjoni ta’ prodotti, b’mod partikolari l-prodotti tal-ikel;

4.

Skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur għal tipi varji ta’ skart u miżuri biex tiżdied l-effikaċja, il-kosteffiċjenza u l-governanza tagħhom;

5.

Skemi ta’ rifużjoni tad-depożitu u miżuri oħra biex jinkoraġġixxu l-ġbir effiċjenti ta’ prodotti u materjali użati;

6.

Ippjanar tajjeb tal-investimenti fl-infrastruttura tal-immaniġġjar tal-iskart, inkluż permezz tal-fondi tal-Unjoni;

7.

Akkwist pubbliku sostenibbli biex jiġu promossi l-immaniġġjar aħjar tal-iskart u l-użu ta’ prodotti u materjali riċiklati;

8.

Tneħħija gradwali tas-sussidji li mhumiex konsistenti mal-ġerarkija tal-iskart;

9.

Użu ta’ miżuri fiskali jew mezzi oħra biex jiġi promoss l-użu ta’ prodotti u materjali li huma ppreparati għall-użu mill-ġdid jew riċiklati;

10.

Appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni f’teknoloġiji avvanzati ta’ riċiklaġġ u ta’ manifattura mill-ġdid;

11.

Użu tal-aħjar tekniki disponibbli għat-trattament tal-iskart;

12.

Inċentivi ekonomiċi għall-awtoritajiet reġjonali u lokali, b’mod partikolari għall-prevenzjoni tal-iskart u sabiex jiżdiedu l-iskemi tal-ġbir separat, filwaqt li jiġu evitati l-appoġġ tar-rimi f’landfills u l-inċinerazzjoni;

13.

Kampanji ta’ sensibilizzazzjoni tal-pubbliku, b’mod partikolari dwar il-ġbir separat, il-prevenzjoni tal-iskart u t-tnaqqis tar-rimi taż-żibel, u l-integrazzjoni ta’ dawn il-kwistjonijiet fl-edukazzjoni u t-taħriġ;

14.

Sistemi għall-koordinazzjoni, inkluż b’mezzi diġitali, bejn l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti kollha involuti fl-immaniġġjar tal-iskart;

15.

Promozzjoni ta’ djalogu kontinwu u kooperazzjoni bejn il-partijiet kollha interessati fl-immaniġġjar tal-iskart, u tħeġġiġ ta’ ftehimiet volontarji u rappurtar ta’ kumpaniji dwar l-iskart.

ANNESS IVb

PJAN TA’ IMPLIMENTAZZJONI LI GĦANDU JIĠI PPREŻENTAT SKONT L-ARTIKOLU 11(3)

Il-pjan ta’ implimentazzjoni li għandu jiġi ppreżentat skont l-Artikolu 11(3) għandu jinkludi dan li ġej:

1.

valutazzjoni tar-rati passati, attwali u mbassra ta’ riċiklaġġ, tar-rimi f’landfills u trattament ieħor tal-iskart muniċipali u l-flussi li huwa kompost minnhom;

2.

valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet għall-immaniġġjar tal-iskart u l-programmi għall-prevenzjoni tal-iskart fis-seħħ skont l-Artikoli 28 u 29;

3.

raġunijiet li għalihom l-Istat Membru jikkunsidra li jista’ ma jirnexxilux jilħaq il-mira rilevanti stipulati fl-Artikolu 11(2) fi żmien l-iskadenza stipulata hemmhekk u valutazzjoni tal-estensjoni taż-żmien meħtieġa biex tintlaħaq dik il-mira;

4.

miżuri meħtieġa biex jintlaħqu l-miri stipulati fil-paragrafi 2 u 5 tal-Artikolu 11(2) u (5) li huma applikabbli għall-Istat Membru matul l-estensjoni taż-żmien, li jinkludu strumenti ekonomiċi xierqa u miżuri oħra biex jiġu pprovduti inċentivi għall-applikazzjoni tal-ġerarkija tal-iskart kif stipulata fl-Artikolu 4(1) u l-Anness IVa;

5.

skeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni tal-miżuri identifikati fil-punt 4, id-determinazzjoni tal-korp kompetenti għall-implimentazzjoni tagħhom u valutazzjoni tal-kontribuzzjoni individwali tagħhom biex jintlaħqu l-miri applikabbli fil-każ ta’ estensjoni ta’ żmien;

6.

informazzjoni dwar il-finanzjament għall-immaniġġjar tal-iskart f’konformità mal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas;

7.

miżuri biex titjieb il-kwalità tad-data, kif xieraq, bil-għan li tittejjeb il-prestazzjoni tal-ippjanar u tal-monitoraġġ tal-immaniġġjar tal-iskart..


(1)  Filwaqt li dawn l-istrumenti u l-miżuri jistgħu jipprovdu inċentivi għall-prevenzjoni tal-iskart, li hija l-ogħla livell fil-ġerarkija tal-iskart, hemm lista komprensiva ta’ aktar eżempji speċifiċi ta’ miżuri ta’ prevenzjoni tal-iskart stabbilita fl-Anness IV.


Top