EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R1171

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1171 tat-22 ta’ Marzu 2022 li jemenda l-Annessi II, III u IV tar-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bl-iskop li jiżdiedu l-materjali ta’ purità għolja bħala kategorija ta’ materjali komponenti fil-prodotti fertilizzanti tal-UE (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/1422

ĠU L 183, 8.7.2022, p. 2–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/1171/oj

8.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 183/2


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1171

tat-22 ta’ Marzu 2022

li jemenda l-Annessi II, III u IV tar-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bl-iskop li jiżdiedu l-materjali ta’ purità għolja bħala kategorija ta’ materjali komponenti fil-prodotti fertilizzanti tal-UE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi regoli dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1069/2009 u (KE) Nru 1107/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 42(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2019/1009 jistabbilixxi regoli dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE. Il-prodotti fertilizzanti tal-UE fihom materjali komponenti ta’ kategorija waħda jew aktar minn dawk elenkati fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2019/1009, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 44 bl-iskop tal-adattament tal-Anness II għall-progress tekniku. Skont l-Artikolu 42(3) tar-Regolament (UE) 2019/1009 meħud flimkien mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni tista’ tinkludi fil-kategoriji tal-materjali komponenti, materjali li ma jibqgħux jitqiesu bħala skart wara operazzjoni ta’ rkupru jekk tali materjali jkunu se jintużaw għal skopijiet speċifiċi, ikollhom suq jew domanda eżistenti u l-użu tagħhom ma jwassalx għal impatti negattivi ġenerali fuq l-ambjent jew fuq is-saħħa tal-bniedem.

(3)

Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (“JRC”) tal-Kummissjoni identifika ċerti materjali ta’ purità għolja li jistgħu jiġu rkuprati mill-iskart u jintużaw bħala materjali komponenti fi prodotti fertilizzanti tal-UE (3).

(4)

Il-materjali ta’ purità għolja identifikati mill-JRC huma l-imlieħ tal-ammonju, l-imlieħ tas-sulfat, l-imlieħ tal-fosfat, il-kubrit elementali, il-karbonat tal-kalċju u l-ossidu tal-kalċju. Dawk il-materjali kollha huma koperti mir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), għandhom domanda sinifikanti fis-suq u wrew il-valur agronomiku għoli tagħhom matul l-istorja twila ta’ użu fil-qasam.

(5)

Bħala l-ewwel miżura sabiex tiġi żgurata kemm is-sikurezza kif ukoll l-effiċjenza agronomika, jenħtieġ li jiġi stabbilit rekwiżit minimu ta’ purità tal-materjali ta’ purità għolja. Skont l-informazzjoni disponibbli fir-rapport ta’ valutazzjoni tal-JRC, purità ta’ 95 %, espressa f’termini tal-materja niexfa tal-materjal, se tiżgura effiċjenza agronomika għolja b’riskji baxxi għall-ambjent, għas-saħħa u għas-sikurezza. Filwaqt li, għal xi materjali, din il-purità għolja hija stabbilita f’livelli aktar ambizzjużi minn dawk meħtieġa mir-Regolament (KE) Nru 2003/2003, huwa stmat li tali purità ogħla tista’ tinkiseb abbażi tal-prattiki eżistenti.

(6)

Barra minn hekk, huwa xieraq li jiġi speċifikat li l-materjali ta’ purità għolja jiġu rkuprati mill-iskart wara żewġ tipi ta’ proċessi: proċessi li jiżolaw l-imlieħ jew elementi oħra permezz ta’ (taħlita ta’) metodi ta’ purifikazzjoni avvanzati, bħall-kristallizzazzjoni, iċ-ċentrifugazzjoni jew l-estrazzjoni likwidu-likwidu, li spiss jiġu applikati fl-industriji (petro)kimiċi; u proċessi ta’ purifikazzjoni tal-gassijiet jew ta’ kontroll tal-emissjonijiet imfassla sabiex ineħħu n-nutrijenti mill-ffluwenti gassużi.

(7)

Għalhekk, il-kontenut ta’ ċerti impuritajiet, patoġeni jew kontaminanti li huma speċifiċi għal dawk il-materjali, jew il-kontenut tal-karbonju organiku jenħtieġ li jkun limitat, abbażi tar-rapport ta’ valutazzjoni tal-JRC. Tali kriterji jenħtieġ li japplikaw flimkien mal-kriterji ta’ sikurezza stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1009 għall-kategorija funzjonali tal-prodotti korrispondenti u mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(8)

Konsegwentement, jenħtieġ li jiġu stabbiliti valuri ta’ limitu addizzjonali għall-kontaminanti l-kromu totali u t-tallju. Uħud mill-materjali ta’ purità għolja jista’ jkun fihom kontaminanti bħal dawn bħala riżultat tal-materjali ta’ input u tal-proċessi li jinkisbu minnhom. Il-valuri ta’ limitu proposti għal dawk il-kontaminanti jenħtieġ li jiżguraw li l-użu tal-prodotti fertilizzanti tal-UE li jkun fihom materjali ta’ purità għolja b’tali kontaminanti ma jwassalx għall-akkumulazzjoni tagħhom fil-ħamrija. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu introdotti rekwiżiti dwar il-kontenut tal-patoġeni għall-prodotti fertilizzanti kollha tal-UE li fihom jew li jikkonsistu minn materjali ta’ purità għolja minħabba l-varjetà wiesgħa ta’ proċessi li jistgħu jinkisbu minnhom u l-flussi tal-iskart permessi bħala materjali ta’ input. Il-valuri ta’ limitu kemm għall-kontaminanti kif ukoll għall-patoġeni jenħtieġ li jiġu ddeterminati bħala konċentrazzjoni fil-prodott finali, simili għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1009. Dan huwa ġġustifikat mill-fatt li l-kriterji ta’ sikurezza introdotti bi tweġiba għal kwalunkwe riskju partikolari identifikat jikkonċernaw, bħala regola, il-prodott finali u mhux materjal komponenti. Dan jiffaċilita wkoll is-sorveljanza tas-suq ta’ tali prodotti, peress li t-testijiet iridu jitwettqu biss fuq il-prodott finali.

(9)

Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji ta’ sikurezza addizzjonali sabiex jiġi limitat il-kontenut ta’ 16-il idrokarbur aromatiku poliċikliku (PAH16(6) u ta’ dibenżo-p-diossini u poliklorodibenżofuran poliklorurati (PCDD/PCDF) (7). Ir-Regolament (UE) 2019/1021 jistabbilixxi tnaqqis fir-rilaxx għall-PAH16 u għall-PCDD/PCDF bħala sustanzi prodotti b’mod mhux intenzjonat matul il-proċessi tal-manifattura, iżda ma jintroduċix valur ta’ limitu f’tali każijiet. Minħabba r-riskji għoljin iġġenerati mill-preżenza ta’ tali sustanzi niġġiesa fil-prodotti fertilizzanti, huwa meqjus xieraq li jiġu introdotti rekwiżiti aktar stretti minn dawk stipulati f’dak ir-Regolament. Tali valuri ta’ limitu jenħtieġ li jiġu stabbiliti fil-livell tal-materjal komponenti u mhux bħala konċentrazzjoni fil-prodott finali, sabiex tiġi żgurata l-koerenza mar-Regolament (UE) 2019/1021.

(10)

Dawn il-valuri ta’ limitu jistgħu ma jkunux rilevanti għall-materjali kollha ta’ purità għolja li għandhom jiġu inklużi bħala kategorija ġdida ta’ materjali komponenti. Għalhekk, il-manifatturi jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jippreżumu l-konformità tal-prodott fertilizzanti ma’ rekwiżit partikolari mingħajr verifika, bħall-ittestjar, kull meta l-konformità ma’ dan ir-rekwiżit issegwi ċertament u b’mod mhux kontestabbli min-natura jew mill-proċess ta’ rkupru tal-materjal ta’ purità għolja rispettiv jew tal-proċess ta’ manifattura tal-prodott fertilizzanti tal-UE.

(11)

Bħala miżura ta’ sikurezza addizzjonali, il-materjali ta’ purità għolja jenħtieġ li jiġu rreġistrati abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), fil-kundizzjonijiet estensivi diġà stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/1009 għas-sustanzi kimiċi f’kategoriji oħrajn ta’ materjali komponenti. Dan jiżgura li l-manifatturi jqisu l-użu bħala prodott fertilizzanti huma u jwettqu l-valutazzjoni tar-riskju skont dak ir-Regolament u li r-reġistrazzjoni ssir ukoll għall-materjali b’tunnellaġġ baxx.

(12)

Barra minn hekk, uħud mill-materjali ta’ purità għolja jistgħu jkunu disponibbli fis-swieq lokali fi kwantitajiet li jaqbżu d-domanda. Sabiex jiġi żgurat li d-domanda tas-suq għall-materjali ta’ purità għolja teżisti u li l-ħżin fit-tul tagħhom f’kundizzjonijiet subottimali ma jwassalx għal impatti ambjentali negattivi, huwa xieraq li jiġi limitat il-perjodu ta’ żmien li matulu jistgħu jintużaw bħala materjali komponenti għall-prodotti fertilizzanti tal-UE wara li jkunu ġew iġġenerati. Il-manifatturi jenħtieġ li jkunu meħtieġa jiffirmaw id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għall-prodott fertilizzanti tal-UE li jkun fih il-materjal imsemmi f’dak il-perjodu.

(13)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-materjali ta’ purità għolja, jekk jiġu rkuprati skont ir-regoli ta’ rkupru ssuġġeriti mir-rapport ta’ valutazzjoni tal-JRC, jiżguraw l-effiċjenza agronomika skont it-tifsira tal-punt (b)(ii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2019/1009. Barra minn hekk, dawn jikkonformaw mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/98/KE. Fl-aħħar nett, jekk ikunu konformi mar-rekwiżiti l-oħrajn stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/1009 b’mod ġenerali u fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament b’mod partikolari, ma jkunux jippreżentaw riskju għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti, għas-sikurezza jew għall-ambjent skont it-tifsira tal-punt (b)(i) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2019/1009. Tali materjali jkollhom ukoll skop utli peress li jissostitwixxu materja prima oħra użata fil-produzzjoni ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE. Għalhekk, il-materjali ta’ purità għolja rkuprati jenħtieġ li jiġu inklużi fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2019/1009.

(14)

Barra minn hekk, minħabba l-fatt li l-materjali ta’ purità għolja huma skart irkuprat skont it-tifsira tad-Direttiva 2008/98/KE, jenħtieġ li jiġu esklużi mill-Kategoriji 1 u 11 tal-materjali komponenti tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2019/1009 skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 42(1) ta’ dak ir-Regolament.

(15)

Uħud mill-materjali ta’ purità għolja jista’ jkun fihom is-selenju li jista’ jkun tossiku jekk ikun preżenti f’konċentrazzjoni għolja. Xi wħud jista’ jkun fihom ukoll il-klorur, li jista’ jqajjem tħassib dwar is-salinità fil-ħamrija. Kull meta dawk is-sustanzi jkunu preżenti f’konċentrazzjonijiet li jaqbżu ċertu limitu, il-kontenut tagħhom jenħtieġ li jiġi indikat fuq it-tikketta sabiex l-utenti tal-prodott fertilizzanti jkunu informati kif xieraq. L-Anness III tar-Regolament (UE) 2019/1009 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(16)

Huwa importanti li jiġi żgurat li meta l-prodotti fertilizzanti jkun fihom materjali ta’ purità għolja, dawn ikunu soġġetti għal proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità xierqa li tinkludi sistema ta’ kwalità vvalutata u approvata minn korp notifikat. Għalhekk, huwa neċessarju li l-Anness IV tar-Regolament (UE) 2019/1009 jiġi emendat sabiex tiġi prevista valutazzjoni tal-konformità xierqa għal tali prodotti fertilizzanti.

(17)

Minħabba li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II u III tar-Regolament (UE) 2019/1009 u l-proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità stabbiliti fl-Anness IV ta’ dak ir-Regolament iridu japplikaw mis-16 ta’ Lulju 2022, huwa neċessarju li l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tiġi differita għall-istess data,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2019/1009 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Anness II huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(2)

l-Anness III huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament;

(3)

l-Anness IV huwa emendat f’konformità mal-Anness III ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mis-16 ta’ Lulju 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Marzu 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 170, 25.6.2019, p. 1.

(2)  Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).

(3)  Huygens D, Saveyn HGM, Technical proposals for by-products and high purity materials as component materials for EU Fertilising Products, JRC128459, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2022.

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 dwar il-fertilizzanti (ĠU L 304, 21.11.2003, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-pollutanti organiċi persistenti (ĠU L 169, 25.6.2019, p. 45).

(6)  Is-somma ta’ naftalen, aċenaftilen, aċenaften, fluworen, fenantren, antraċen, fluworanten, piren, benżo[a]antraċen, krisen, benżo[b]fluworanten, benżo[k]fluworanten, benżo[a]piren, indeno[1,2,3-cd]piren, dibenżo[a,h]antraċen u benżo[ghi]perilen.

(7)  Is-somma ta’ 2,3,7,8-TCDD, 1,2,3,7,8-PeCDD; 1,2,3,4,7,8-HxCDD; 1,2,3,6,7,8-HxCDD; 1,2,3,7,8,9-HxCDD; 1,2,3,4,6,7,8-HpCDD; OCDD; 2,3,7,8-TCDF; 1,2,3,7,8-PeCDF; 2,3,4,7,8-PeCDF; 1,2,3,4,7,8-HxCDF; 1,2,3,6,7,8-HxCDF; 1,2,3,7,8,9-HxCDF; 2,3,4,6,7,8-HxCDF; 1,2,3,4,6,7,8-HpCDF; 1,2,3,4,7,8,9-HpCDF; u OCDF.

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).


ANNESS I

L-Anness II tar-Regolament (UE) 2019/1009 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fil-Parti I, jiżdied il-punt li ġej:

“CMC 15: Materjali ta’ purità għolja rkuprati”.

(2)

Il-parti II hija emendata kif ġej:

(a)

F’CMC 1, il-punt 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

fl-aħħar is-subpunt (j), titħassar il-kelma “jew”;

(ii)

fis-subpunt (k), “.“ hija sostitwita b’”, jew”;

(iii)

jiżdied is-subpunt (l) li ġej:

“(l)

l-imluħa tal-ammonju, l-imluħa tas-sulfat, l-imluħa tal-fosfat, il-kubrit elementali, il-karbonat tal-kalċju jew l-ossidu tal-kalċju, li jiġu rkuprati mill-iskart skont it-tifsira tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98/KE.”.

(b)

F’CMC 11, il-punt 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

fl-aħħar tas-subpunt (f), titħassar il-kelma “jew”;

(ii)

fis-subpunt (g), “.“ hija sostitwita b’”, jew”;

(iii)

jiżdied is-subpunt (h) li ġej:

“(h)

l-imluħa tal-ammonju, l-imluħa tas-sulfat, l-imluħa tal-fosfat, il-kubrit elementali, il-karbonat tal-kalċju jew l-ossidu tal-kalċju, li jiġu rkuprati mill-iskart skont it-tifsira tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98/KE.”.

(c)

Jiżdied CMC 15 li ġej:

“CMC 15: MATERJALI TA’ PURITÀ GĦOLJA RKUPRATI

(1)

Prodott fertilizzanti tal-UE jista’ jkun fih materjal ta’ purità għolja rkuprat, li huwa melħ tal-ammonju, melħ tas-sulfat, melħ tal-fosfat, kubrit elementali, karbonat tal-kalċju jew ossidu tal-kalċju, jew taħlitiet tagħhom, ta’ purità ta’ mill-inqas 95 % ta’ materja niexfa tal-materjal.

(2)

Il-materjal ta’ purità għolja għandu jiġi rkuprat minn skart iġġenerat minn:

(a)

proċess ta’ produzzjoni li bħala materjali ta’ input juża sustanzi u taħlitiet għajr prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati mill-annimali fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 (1), jew

(b)

proċess ta’ purifikazzjoni tal-gass jew ta’ kontroll tal-emissjonijiet iddisinjat biex ineħħi n-nutrijenti mill-effluwenti gassużi derivati minn wieħed jew aktar mill-materjali u mill-faċilitajiet tal-input li ġejjin:

(i)

sustanzi u taħlitiet, għajr skart perikoluż skont it-tifsira tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98/KE;

(ii)

pjanti jew partijiet ta’ pjanti;

(iii)

bijoskart skont it-tifsira tal-punt 4 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98/KE li jirriżulta mill-ġbir separat tal-bijoskart fis-sors;

(iv)

ilmijiet mormija urbani u domestiċi skont it-tifsira tal-punti 1 u 2 tal-Artikolu 2, rispettivament, tad-Direttiva 91/271/KEE (2);

(v)

ħama skont it-tifsira tal-punt (a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 86/278/KEE (3), li ma għandha l-ebda karatteristika perikoluża elenkata fl-Anness III tad-Direttiva 2008/98/KE;

(vi)

skart skont it-tifsira tal-punt 1 tal-Artikolu 3, tad-Direttiva 2008/98/KE, u karburanti mdaħħla f’impjant ta’ koinċinerazzjoni tal-iskart kif definit fid-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u operat skont il-kundizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, bil-kundizzjoni li dawn l-inputs ma juru l-ebda proprjetajiet perikolużi elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2008/98/KE;

(vii)

Materjali tal-Kategorija 2 jew tal-Kategorija 3 jew prodotti derivati minnhom, f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32(1) u (2) u fil-miżuri msemmija fl-Artikolu 32(3) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009, dment li l-effluwenti gassużi jkunu derivati minn proċess ta’ kompostjar jew diġestjoni f’konformità mas-CMCs 3 u 5, rispettivament, fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament;

(viii)

demel skont it-tifsira tal-punt 20 tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 jew prodotti derivati minnu; jew

(ix)

stalel għall-bhejjem.

Il-materjali ta’ input imsemmija fil-punti (i) sa (vi) ma għandux ikun fihom prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009.

(3)

Il-materjal ta’ purità għolja għandu jkollu kontenut ta’ karbonju organiku (Corg) ta’ mhux aktar minn 0,5 % ta’ materja niexfa tal-materjal.

(4)

Il-materjal ta’ purità għolja ma għandux ikun fih aktar minn:

(a)

6 mg/kg materja niexfa ta’ idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (PAH16) (5);

(b)

20 ng ekwivalenti ta’ tossiċità tad-WHO (6)/kg materja niexfa tad-dibenżo-para-diossini poliklorinati u tad-dibenżofurani (PCDD/PCDF) (7).

(5)

Prodott fertilizzanti tal-UE li jkun fih jew li jikkonsisti minn materjali ta’ purità għolja ma għandux ikun fih aktar minn:

(a)

400 mg/kg materja niexfa tal-kromu (Cr) totali; kif ukoll

(b)

2 mg/kg materja niexfa tat-tallju (Tl).

(6)

Meta il-konformità ma’ rekwiżit partikolari stabbilit fil-punti 4 u 5 (bħan-nuqqas ta’ kontaminant partikolari) issegwi b’mod ċert u li ma jistax jiġi kontestat min-natura jew il-proċess ta’ rkupru tal-materjal ta’ purità għolja jew il-proċess ta’ manifattura ta’ prodott fertilizzanti tal-UE, dik il-konformità tista’ tiġi preżunta fil-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità mingħajr verifika (bħall-ittestjar), taħt ir-responsabbiltà tal-manifattur.

(7)

Meta għall-kategorija tal-funzjoni tal-prodott ta’ prodott fertilizzanti tal-UE li jkun fih jew li jikkonsisti minn materjali ta’ purità għolja msemmija fil-punt 2(b) ma jkun ġie stipulat l-ebda rekwiżit rigward is-Salmonella spp., l-Escherichia coli jew l-Enterococcaceae fl-Anness I, dawk il-patoġeni fil-prodott fertilizzanti tal-UE ma għandhomx jaqbżu l-limiti stipulati fit-tabella li ġejja:

Mikroorganiżmi li għandhom jiġu ttestjati

Pjanijiet għat-teħid ta’ kampjuni

Limitu

n

c

m

M

Salmonella spp.

5

0

0

Nuqqas f’25 g jew f’25 ml

Escherichia coli

jew

Enterococcaceae

5

5

0

1 000 f’1 g jew f’1 ml

Fejn:

n

=

għadd ta’ kampjuni għall-ittestjar,

c

=

għadd ta’ kampjuni fejn l-għadd ta’ batterji espress f’unitajiet li jifformaw kolonja (CFU) hu bejn m u M,

m

=

il-valur limitu għall-għadd ta’ batterji espress f’CFU li huwa kkunsidrat sodisfaċenti,

M

=

il-valur massimu tal-għadd ta’ batterji espress f’CFU.

(8)

Il-konformità ta’ prodott fertilizzanti tal-UE li fih jew li jikkonsisti minn materjali ta’ purità għolja msemmija fil-punt 2 (b) mar-rekwiżiti fil-punt (7), jew mar-rekwiżiti għas-Salmonella spp., l-Escherichia coli jew l-Enterococcaceae stipulati fl-Anness I għall-PFC korrispondenti tal-prodott fertilizzanti tal-UE għandha tiġi vverifikata permezz ta’ ttestjar, f’konformità mal-punt 5.1.3.1 fil-Modulu D1 — assigurazzjoni tal-kwalità tal-proċess ta’ produzzjoni fil-Parti II tal-Anness IV.

Ir-rekwiżiti fil-punt (7) u r-rekwiżiti għas-Salmonella spp., l-Escherichia coli jew l-Enterococcaceae stipulati fl-Anness I għall-PFC korrispondenti ta’ prodott fertilizzanti tal-UE li jikkonsisti biss minn materjali ta’ purità għolja msemmija fil-punt 2(b) ma għandhomx japplikaw, meta l-materjali ta’ purità għolja jew il-materjali ta’ input bijoġeniċi kollha użati jkunu għaddew minn wieħed mill-proċessi li ġejjin:

(a)

sterilizzazzjoni bil-pressjoni permezz tat-tisħin għal temperatura fil-qalba ta’ aktar minn 133 °C għal mill-inqas 20 minuta fi pressjoni assoluta ta’ mill-inqas 3 bars, fejn il-pressjoni għandha tiġi prodotta bl-evakwazzjoni tal-arja kollha fil-kompartiment ta’ sterilizzazzjoni u bis-sostituzzjoni tal-arja bil-fwar (“fwar saturat”);

(b)

l-ipproċessar f’unità ta’ pasturizzazzjoni jew iġjenizzazzjoni li tilħaq temperatura ta’ 70 °C għal mill-inqas siegħa.

Ir-rekwiżiti fil-punt (7) u r-rekwiżiti għas-Salmonella spp., l-Escherichia coli jew l-Enterococcaceae stipulati fl-Anness I għall-PFC korrispondenti ta’ prodott fertilizzanti tal-UE li jikkonsisti biss minn materjali ta’ purità għolja msemmija fil-punt 2(b) ma għandhomx japplikaw, meta l-effluwenti gassużi jirriżultaw minn proċess ta’ inċinerazzjoni kif definit fid-Direttiva 2010/75/UE.

(9)

Materjali ta’ purità għolja li jinħażnu b’mod li ma jipproteġihomx kontra l-preċipitazzjoni u d-dawl tax-xemx dirett jistgħu jiżdiedu ma’ prodott fertilizzanti tal-UE biss jekk ikunu ġew manifatturati sa massimu ta’ 36 xahar qabel l-iffirmar tad-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għall-prodott fertilizzanti rispettiv tal-UE.

(10)

Il-materjal ta’ purità għolja għandhom ikunu reġistrati skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006, b’dossier li jkun fih:

(a)

l-informazzjoni prevista fl-Annessi VI, VII u VIII għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, u

(b)

rapport tas-sigurtà kimika skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 li jkopri l-użu bħala prodott fertilizzanti,

sakemm ma jkunx kopert b’mod espliċitu minn waħda mill-eżenzjonijiet għall-obbligu ta’ reġistrazzjoni previsti fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jew mill-punti 6, 7, 8 jew 9 tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament.

(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1)."

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma-skart urban (ĠU L 135, 30.5.1991, p. 40)."

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 86/278/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1986 dwar il-protezzjoni tal-Ambjent, u b’mod partikolari tal-ħamrija, meta l-ħama tad-drenaġġ jintuża fl-agrikoltura (ĠU L 181, 4.7.1986, p. 6)."

(4)  Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17)."

(5)  Is-somma ta’ naftalen, aċenaftilen, aċenaften, fluworen, fenantren, antraċen, fluworanten, piren, benżo[a]antraċen, krisen, benżo[b]fluworanten, benżo[k]fluworanten, benżo[a]piren, indeno[1,2,3-cd]piren, dibenżo[a,h]antraċen u benżo[ghi]perilen.”"

(6)  van den Berg M., L.S. Birnbaum, M. Denison, M. De Vito, W. Farland, et al. (2006) L-evalwazzjoni mill-ġdid tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tal-2005 tal-Fatturi ta’ Ekwivalenza Tossika tal-Bniedem u tal-Mammalian għad-Diossini u l-Komposti simili għad-Diossini Xjenzi tossikoloġiċi: Ġurnal uffiċjali tas-Soċjetà tat-Tossikoloġija 93:223–241. doi:10.1093/toxsci/kfl055."

(7)  Għadd totali ta’ 2,3,7,8-TCDD, 1,2,3,7,8-PeCDD; 1,2,3,4,7,8-HxCDD; 1,2,3,6,7,8-HxCDD; 1,2,3,7,8,9-HxCDD; 1,2,3,4,6,7,8-HpCDD; OCDD; 2,3,7,8-TCDF; 1,2,3,7,8-PeCDF; 2,3,4,7,8-PeCDF; 1,2,3,4,7,8-HxCDF; 1,2,3,6,7,8-HxCDF; 1,2,3,7,8,9-HxCDF; 2,3,4,6,7,8-HxCDF; 1,2,3,4,6,7,8-HpCDF; 1,2,3,4,7,8,9-HpCDF; u OCDF.”."


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1).

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma-skart urban (ĠU L 135, 30.5.1991, p. 40).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 86/278/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1986 dwar il-protezzjoni tal-Ambjent, u b’mod partikolari tal-ħamrija, meta l-ħama tad-drenaġġ jintuża fl-agrikoltura (ĠU L 181, 4.7.1986, p. 6).

(4)  Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).

(5)  Is-somma ta’ naftalen, aċenaftilen, aċenaften, fluworen, fenantren, antraċen, fluworanten, piren, benżo[a]antraċen, krisen, benżo[b]fluworanten, benżo[k]fluworanten, benżo[a]piren, indeno[1,2,3-cd]piren, dibenżo[a,h]antraċen u benżo[ghi]perilen.”

(6)  van den Berg M., L.S. Birnbaum, M. Denison, M. De Vito, W. Farland, et al. (2006) L-evalwazzjoni mill-ġdid tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tal-2005 tal-Fatturi ta’ Ekwivalenza Tossika tal-Bniedem u tal-Mammalian għad-Diossini u l-Komposti simili għad-Diossini Xjenzi tossikoloġiċi: Ġurnal uffiċjali tas-Soċjetà tat-Tossikoloġija 93:223–241. doi:10.1093/toxsci/kfl055.

(7)  Għadd totali ta’ 2,3,7,8-TCDD, 1,2,3,7,8-PeCDD; 1,2,3,4,7,8-HxCDD; 1,2,3,6,7,8-HxCDD; 1,2,3,7,8,9-HxCDD; 1,2,3,4,6,7,8-HpCDD; OCDD; 2,3,7,8-TCDF; 1,2,3,7,8-PeCDF; 2,3,4,7,8-PeCDF; 1,2,3,4,7,8-HxCDF; 1,2,3,6,7,8-HxCDF; 1,2,3,7,8,9-HxCDF; 2,3,4,6,7,8-HxCDF; 1,2,3,4,6,7,8-HpCDF; 1,2,3,4,7,8,9-HpCDF; u OCDF.”.”


ANNESS II

Fil-Parti I tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2019/1009, jiddaħħal il-punt 7b li ġej:

“7b.

Meta il-prodott fertilizzanti tal-UE jkun fih jew jikkonsisti minn materjali ta’ purità għolja msemmija fil-Parti II, CMC 15, tal-Anness II u:

(a)

għandu kontenut ta’ selenju (Se) ogħla minn 10 mg/kg ta’ materja niexfa, il-kontenut ta’ selenju għandu jiġi indikat;

(b)

għandu kontenut ta’ klorur (Cl-) ogħla minn 30 g/kg ta’ materja niexfa, il-kontenut tal-klorur għandu jiġi indikat, sakemm il-prodott fertilizzanti tal-UE ma jiġix prodott permezz ta’ proċess ta’ manifattura fejn il-klorur li jkun fih sustanzi jew taħlitiet ikunu ntużaw bl-intenzjoni li jipproduċu jew jinkludu mluħa tal-metall alkali jew imluħa alkalini tal-metalli tal-art, u l-informazzjoni dwar dawn l-imluħa tiġi pprovduta f’konformità mal-Anness III.

Meta l-kontenut tas-selenju jew tal-klorur ikun indikat skont il-punti (a) u (b), dan għandu jkun separat b’mod ċar mid-dikjarazzjoni tan-nutrijenti u jista’ jiġi espress bħala firxa ta’ valuri

Meta il-fatt li tali prodott fertilizzanti tal-UE jkun fih selenju jew klorur taħt il-valuri limitu fil-punti (a) u (b) isegwi b’mod ċert u ma jistax jiġi kkontestat min-natura jew l-operazzjoni ta’ rkupru tal-materjal ta’ purità għolja jew il-proċess ta’ produzzjoni tal-prodott fertilizzanti tal-UE li jkun fih tali materjal, kif applikabbli, it-tikketta ma jista’ jkun fiha l-ebda informazzjoni dwar dawn il-parametri, mingħajr verifika (bħal ittestjar), taħt ir-responsabbiltà tal-manifattur.”.


ANNESS III

Fil-Parti II tal-Anness IV tar-Regolament (UE) 2019/1009, il-Modulu D1 (Assigurazzjoni tal-kwalità tal-proċess ta’ produzzjoni) huwa emendat kif ġej:

(1)

Fil-punt 2.2, is-subpunt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

id-disinni, l-iskemi, id-deskrizzjonijiet u l-ispjegazzjonijiet neċessarji biex jinftiehem il-proċess ta’ manifattura tal-prodott fertilizzanti tal-UE, u, fir-rigward tal-materjali li jappartjenu għas-CMCs 3, 5, 12, 13, 14 jew 15 kif definit fl-Anness II, deskrizzjoni bil-miktub u dijagramma tal-proċess ta’ produzzjoni jew ta’ rkupru, fejn kull trattament, kontenitur ta’ ħażna u żona jiġu identifikati b’mod ċar,”.

(2)

Fil-punt 5.1.1.1, il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.1.1.1.

Għall-materjali li jappartjenu għas-CMCs 3, 5, 12, 13, 14 u 15, kif definit fl-Anness II, il-maniġment f’livell għoli tal-organizzazzjoni tal-manifattur għandu:”.

(3)

Il-punt 5.1.2.1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.1.2.1.

Għall-materjali li jappartjenu għas-CMCs 3, 5, 12, 13, 14 u 15, kif definit fl-Anness II, is-sistema tal-kwalità għandha tiżgura l-konformità mar-rekwiżiti speċifikati f’dak l-Anness.”.

(4)

Il-punt 5.1.3.1 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“5.1.3.1.

Għall-materjali li jappartjenu għas-CMCs 3, 5, 12, 13, 14 u 15, kif definit fl-Anness II, l-eżamijiet u t-testijiet għandhom jinkludu l-elementi li ġejjin:”.

(b)

Is-subpunti (b) u (c) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(b)

Persunal kwalifikat għandu jwettaq spezzjoni viżiva ta’ kull kunsinna ta’ materjali ta’ input u jivverifika l-kompatibbiltà tagħhom mal-ispeċifikazzjonijiet tal-materjali ta’ input kif stabbiliti fis-CMCs 3, 5, 12, 13, 14 u 15 fl-Anness II [JEW: kif definit fl-Anness II].

(c)

Il-manifattur għandu jirrifjuta kwalunkwe kunsinna ta’ materjal ta’ input partikolari, li l-ispezzjoni viżiva tagħha tqajjem kwalunkwe wieħed mis-suspetti li ġejjin:

il-preżenza ta’ sustanzi ta’ periklu jew ta’ ħsara għall-proċess jew għall-kwalità tal-prodott fertilizzanti finali tal-UE,

inkompatibbiltà mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fis-CMCs 3, 5, 12, 13, 14 u 15 fl-Anness II [JEW: kif definit fl-Anness II], partikolarment minħabba l-preżenza ta’ plastiks li jwasslu biex jinqabeż il-valur ta’ limitu għall-impuritajiet makroskopiċi.”.

(c)

Is-subpunt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

Għandhom jittieħdu kampjuni minn materjali ta’ output, biex jiġi vverifikat li dawn jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet stipulati f’CMCs 3, 5, 12, 13, 14 u 15, kif definiti fl-Anness II, u li l-karatteristiċi tal-materjal ta’ output ma jippreġudikawx il-konformità tal-prodott fertilizzanti tal-UE mar-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fl-Anness I”.

(d)

Fis-subpunt (fa), il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(fa)

Għall-materjali li jappartjenu għas-CMCs 12, 13, 14 u 15, il-kampjuni tal-materjal ta’ output għandhom jittieħdu mill-inqas bil-frekwenza prestabbilita li ġejja, “jew qabel dik skedata f’każ ta’ kwalunkwe bidla sinifikanti li tista’ taffettwa l-kwalità tal-prodott fertilizzanti tal-UE:”.

(e)

Is-subpunt (fb) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(fb)

Għall-materjali li jappartjenu għas-CMCs 12, 13, 14 u 15, kull lott jew porzjon tal-produzzjoni għandu jiġi assenjat kodiċi uniku għall-finijiet tal-ġestjoni tal-kwalità. Mill-inqas kampjun wieħed għal kull 3 000 tunnellata ta’ dawn il-materjali jew kampjun wieħed kull xahrejn, skont liema jseħħ l-aktar kmieni, għandu jinħażen f’kundizzjoni tajba għal perjodu ta’ mill-inqas sentejn.”.

(f)

Is-subpunt (g)(iv) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(iv)

għall-materjali li jappartjenu għas-CMCs 12, 13, 14 u 15, kejjel il-kampjuni miżmuma msemmija fis-subpunt (fb) u ħu l-azzjonijiet korrettivi meħtieġa biex tipprevjeni t-trasport u l-użu ulterjuri possibbli ta’ dak il-materjal.”.

(5)

Fil-punt 5.1.4.1, il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.1.4.1.

Għall-materjali li jappartjenu għas-CMCs 3, 5, 12, 13, 14 u 15, kif definiti fl-Anness II, ir-rekords tal-kwalità għandhom juru kontroll effettiv tal-materjali ta’ input, tal-produzzjoni, tal-ħażna u tal-konformità mal-materjali ta’ input u output mar-rekwiżiti rilevanti ta’ dan ir-Regolament. Kull dokument għandu jkun jista’ jinqara u jkun disponibbli fil-post(ijiet) rilevanti għall-użu tiegħu, u kwalunkwe verżjoni obsoleta għandha titneħħa minnufih minn kull post fejn tintuża, jew mill-anqas tiġi identifikata bħala obsoleta. Id-dokument tal-ġestjoni tal-kwalità għandu jinkludi tal-anqas l-informazzjoni li ġejja:”.

(6)

Fil-punt 5.1.5.1, il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.1.5.1.

Għall-materjali li jappartjenu għas-CMCs 3, 5, 12, 13, 14 u 15, kif definit fl-Anness II, il-manifattur għandu jistabbilixxi programm ta’ awditu intern annwali sabiex tiġi vverifikata l-konformità tas-sistema tal-kwalità mal-komponenti li ġejjin:”.

(7)

Fil-punt 6.3.2, il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.3.2.

Għall-materjali li jappartjenu għas-CMCs 3, 5, 12, 13, 14 u 15, kif definiti fl-Anness II, il-korp innotifikat għandu jieħu u janalizza kampjuni ta’ materjal ta’ output waqt kull awditu, u dawk l-awditi għandhom jitwettqu bil-frekwenza li ġejja:”.


Top