EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D1106

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1106 tal-5 ta’ Lulju 2021 dwar ir-rikonoxximent tal-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar tal-Awstralja għal tranżazzjonijiet ta’ derivattivi taħt superviżjoni mill-Awtorità Awstraljana għar-Regolazzjoni Prudenzjali bħala ekwivalenti għal ċerti rekwiżiti tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/4847

ĠU L 238, 6.7.2021, p. 99–103 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/1106/oj

6.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 238/99


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1106

tal-5 ta’ Lulju 2021

dwar ir-rikonoxximent tal-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar tal-Awstralja għal tranżazzjonijiet ta’ derivattivi taħt superviżjoni mill-Awtorità Awstraljana għar-Regolazzjoni Prudenzjali bħala ekwivalenti għal ċerti rekwiżiti tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jipprevedi mekkaniżmu li bih il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza li permezz tagħhom l-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar ta’ pajjiż terz jiġu ddikjarati ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 4, 9, 10 u 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 sabiex il-kontropartijiet li jidħlu fi tranżazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, fejn mill-inqas waħda mill-kontropartijiet tkun stabbilita f’dak il-pajjiż terz, jitqiesu li ssodisfaw dawk ir-rekwiżiti billi jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fir-reġim legali ta’ dak il-pajjiż terz. Id-dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza tikkontribwixxi biex jintlaħaq l-għan ġenerali tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, jiġifieri li jitnaqqas ir-riskju sistemiku u li tiżdied it-trasparenza tas-swieq tad-derivattivi billi tiġi żgurata l-applikazzjoni internazzjonalment konsistenti tal-prinċipji miftiehma mal-pajjiżi terzi u stabbiliti f’dak ir-Regolament.

(2)

L-Artikolu 11(1), (2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 li huwa ssupplimentat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 149/2013 (2) u bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2251 (3), jistabbilixxi r-rekwiżiti legali tal-Unjoni dwar il-konferma f’waqtha tat-termini ta’ kuntratt tad-derivattivi OTC, it-twettiq ta’ eżerċizzju ta’ kompressjoni tal-portafoll u l-arranġamenti li taħthom il-portafolli jiġu rikonċiljati fir-rigward tal-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn kontroparti ċentrali (“CCP”). Barra minn hekk, dawk id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu l-obbligi ta’ valwazzjoni u ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim applikabbli għal dawk il-kuntratti (“tekniki ta’ mitigazzjoni tar-riskju operazzjonali”) kif ukoll l-obbligi dwar l-iskambju ta’ kollateral (“marġni”) bejn il-kontropartijiet.

(3)

Sabiex ir-reġim legali, superviżorju u ta’ infurzar ta’ pajjiż terz jitqies ekwivalenti għar-reġim tal-Unjoni fir-rigward tat-tekniki ta’ mitigazzjoni tar-riskju operazzjonali u r-rekwiżiti tal-marġini, l-eżitu sostantiv tal-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar applikabbli għandu jkun ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-Unjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, jiżgura l-protezzjoni tas-segretezza professjonali li hija ekwivalenti għall-protezzjoni prevista fl-Artikolu 83 ta’ dak ir-Regolament. Barra minn hekk, arranġamenti ekwivalenti legali, superviżorji u ta’ infurzar għandhom jiġu applikati b’mod effettiv b’mod ekwu u mingħajr distorsjoni f’dak il-pajjiż terz. Il-valutazzjoni tal-ekwivalenza għalhekk tinkludi verifika dwar jekk l-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar ta’ pajjiż terz jiżgurawx li l-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP u konklużi minn tal-inqas kontroparti waħda stabbilita f’dak il-pajjiż terz ma jesponux is-swieq finanzjarji fl-Unjoni għal livell ogħla ta’ riskju u konsegwentement ma joħolqux livelli inaċċettabbli ta’ riskju sistemiku fl-Unjoni.

(4)

Fl-1 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni rċeviet il-parir tekniku tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”) dwar l-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar fl-Awstralja (4) inklużi t-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju operazzjonali applikabbli għall-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP. Fil-parir tekniku tagħha, l-ESMA kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda rekwiżit legalment vinkolanti dwar il-konferma f’waqtha tat-termini ta’ kuntratt tad-derivattivi OTC, l-arranġamenti għat-twettiq tar-rikonċiljazzjoni tal-portafoll, it-twettiq ta’ kompressjoni tal-portafoll, il-valwazzjoni ta’ portafoll u l-obbligu għas-soluzzjoni tat-tilwim jew għall-iskambju ta’ kollateral bejn il-kontropartijiet għall-kuntratti tad-derivattivi OTC fl-Awstralja. L-ESMA osservat ukoll li l-ekwivalenza bejn ir-reġimi tal-marġini bilaterali ma setgħetx tiġi evalwata fil-ħin, peress li l-istandards tekniċi li jispeċifikaw ir-regoli dwar marġini bilaterali tal-Unjoni ma kinux għadhom ġew żviluppati.

(5)

Il-Kummissjoni qieset il-parir tekniku tal-ESMA fit-twettiq tal-valutazzjoni tagħha, flimkien mal-iżviluppi regolatorji li seħħew minn dak iż-żmien ’il hawn. Il-Kummissjoni għamlet analiżi komparattiva tar-rekwiżiti legali, superviżorji u ta’ infurzar applikabbli fl-Awstralja. Hija vvalutat ukoll l-eżitu ta’ dawk ir-rekwiżiti u l-adegwatezza tagħhom biex jimmitigaw ir-riskji li jirriżultaw minn kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP b’mod meqjus ekwivalenti għall-eżitu tar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(6)

L-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar applikabbli fl-Awstralja għal tranżazzjonijiet fuq kuntratti tad-derivattivi kklirjati mhux ċentralment huma stabbiliti fl-Istandard Prudenzjali CPS 226 tal-Awtorità Awstraljana għar-Regolamentazzjoni Prudenzjali (“APRA”) adottata skont it-taqsima 11AF tal-Att Bankarju tal-1959 (l-Att Bankarju), it-Taqsima 32 tal-Att dwar l-Assigurazzjoni tal-1973 (l-Att dwar l-Assigurazzjoni), it-Taqsima 230 A tal-Att dwar l-Assigurazzjoni tal-Ħajja tal-1995 (l-Att dwar l-Assigurazzjoni fuq il-Ħajja) u t-Taqsima 34C tal-Att tal-1993 dwar l-Industrija tas-Superannwazzjoni (Superviżjoni) (l-Att dwar is-SIS). Il-mandat tal-APRA huwa li tiżgura s-sikurezza u s-solidità tal-istituzzjonijiet finanzjarji regolati b’mod prudenti sabiex jissodisfaw l-impenji finanzjarji tagħhom mad-depożitanti, id-detenturi tal-poloz u l-membri tal-fondi f’sistema finanzjarja stabbli, effiċjenti u kompetittiva. L-istandard prudenzjali CPS 226 jirrikjedi li entità koperta minn dawk ir-regoli jkollha prattiki xierqa ta’ marġinazzjoni u mitigazzjoni tar-riskju fir-rigward ta’ derivattivi kklerjati mhux ċentralment. Dan l-Istandard Prudenzjali japplika għal istituzzjonijiet fl-industriji bankarji, tal-assigurazzjoni ġenerali, tal-assigurazzjoni tal-ħajja u tas-superannwazzjoni, soġġetti għal ċerti limiti. L-istandard prudenzjali CPS 226 daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2017. Uħud mir-rekwiżiti tiegħu huma soġġetti għal introduzzjoni gradwali f’konformità mal-qafas internazzjonali u allinjati mad-dħul gradwali eżistenti fir-Regolament Delegat (UE) 2016/2251.

(7)

L-Istandard Prudenzjali CPS 226 japplika għal derivattivi kklirjati mhux ċentralment, bl-eċċezzjoni ta’ kuntratti tal-kambju b’maturità ta’ inqas minn tlett ijiem. Id-definizzjoni ta’ derivattivi kklerjati mhux ċentralment fl-Istandard Prudenzjali CPS 226 hija usa’ minn dik tad-derivattivi OTC prevista fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Il-paragrafu 9 (g) tal-Istandard Prudenzjali CPS 226 jiddefinixxi “derivattiv” jew bħala derivattiv skont it-tifsira tal-Kapitolu 7 tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet tal-2001, jew inkella bħala arranġament li huwa forward, swap jew opzjoni, jew kwalunkwe kombinazzjoni ta’ dawk l-affarijiet, fir-rigward ta’ komodità waħda jew aktar. Għaldaqstant jenħtieġ li l-ekwivalenza tiġi rikonoxxuta fir-rigward tad-derivattivi OTC li huma soġġetti għal marġini skont il-paragrafu 9(g) tal-Istandard Prudenzjali CPS 226.

(8)

L-istandard prudenzjali CPS 226 ġeneralment japplika għal tranżazzjonijiet f’derivattivi kklerjati mhux ċentralment imwettqa bejn “entitajiet koperti mill-APRA” u “kontropartijiet koperti”. “Entitajiet koperti mill-APRA” huma istituzzjonijiet awtorizzati li jieħdu depożiti (ADIs), inklużi ADIs barranin, u kumpaniji azzjonarji mhux operattivi awtorizzati skont l-Att Bankarju, assiguraturi ġenerali, inklużi assiguraturi tal-Kategorija C, kumpaniji azzjonarji mhux operattivi awtorizzati skont l-Att dwar l-Assigurazzjoni, u entitajiet prinċipali ta’ gruppi tal-assigurazzjoni tal-Livell 2, kumpaniji tal-ħajja inklużi soċjetajiet amikevoli u kumpaniji tal-assigurazzjoni tal-ħajja barranin eliġibbli (EFLICs), u kumpaniji azzjonarji mhux operattivi rreġistrati skont l-Att dwar l-Assigurazzjoni tal-Ħajja u entità ta’ superannwazzjoni reġistrabbli skont l-Att dwar is-SIS fir-rigward tal-operazzjonijiet tan-negozju tagħhom. Id-definizzjoni ta’ “kontropartijiet koperti” tikkorrispondi b’mod wiesa’ għad-definizzjoni ta’ “kontroparti finanzjarja” fl-Artikolu 2(8) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 filwaqt li teskludi b’mod simili veikoli bi skop speċjali meta t-tranżazzjoni titwettaq għall-iskop uniku ta’ ħħeġġjar. Id-definizzjoni ta’ “kontropartijiet koperti” ma tqisx il-post ġuriżdizzjonali tal-kontroparti sakemm ma jkunx hemm dubju dwar l-infurzabbiltà tal-ftehim ta’ netting f’każ ta’ insolvenza jew falliment tal-kontroparti jew meta l-arranġamenti kollaterali ma jkunux dubjużi u jkunu legalment infurzabbli mal-inadempjenza tal-kontroparti.

(9)

Skont il-paragrafu 11 tal-Istandard Prudenzjali CPS 226, l-obbligi għall-iskambju tal-marġni ta’ varjazzjoni huma applikabbli biss għal kontropartijiet fi tranżazzjoni fejn l-ammont ta’ derivattivi kklerjati mhux ċentralment taż-żewġ kontropartijiet jaqbeż, fuq bażi aggregata u konsolidata, limitu de minimis ta’ AUD 3 biljun. Ma jeżisti l-ebda limitu bħal dan skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012. Għaldaqstant jenħtieġ li r-rikonoxximent tal-ekwivalenza jkun kundizzjonali fuq l-iskambju tal-marġni ta’ varjazzjoni bejn il-kontropartijiet soġġetti għall-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u l-entitajiet koperti mill-APRA.

(10)

L-istandard prudenzjali CPS 226 fih obbligi simili għal dawk previsti fl-Artikolu 11(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u fil-Kapitolu VIII tar-Regolament Delegat (UE) Nru 149/2013. B’mod partikolari, il-paragrafi 77 sa 94 ta’ dak l-Istandard Prudenzjali fihom rekwiżiti speċifiċi rigward il-konferma f’waqtha, il-kompressjoni tal-portafoll, ir-rikonċiljazzjoni tal-portafoll, il-valwazzjoni tat-tranżazzjonijiet u r-riżoluzzjoni tat-tilwim applikabbli għall-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP. Fir-rigward tal-konferma f’waqtha, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Istandard Prudenzjali CPS 226 ma jistgħux jitqiesu ekwivalenti peress li jeħtieġu li t-tranżazzjonijiet jiġu kkonfermati biss “malli jkun prattikabbli” filwaqt li r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 149/2013 jistabbilixxi perjodu massimu biex it-tranżazzjoni tiġi kkonfermata. Fir-rigward tar-rikonċiljazzjoni tal-portafoll, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Istandard Prudenzjali CPS 226 ma jistgħux jitqiesu ekwivalenti peress li l-frekwenza li biha portafoll għandu jiġi rikonċiljat mhijiex speċifikata fl-Istandard Prudenzjali CPS 226 filwaqt li hija ddeterminata preċiżament fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 149/2013. Fir-rigward tas-soluzzjoni tat-tilwim, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Istandard Prudenzjali CPS 226 ma jistgħux jitqiesu ekwivalenti peress li, għall-kuntrarju tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 149/2013, l-Istandard Prudenzjali ma jipprevedix proċess speċifiku għal tilwim li ma jiġix solvut fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol. Fir-rigward tal-kompressjoni tal-portafoll u l-valwazzjoni tat-tranżazzjoni, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Istandard Prudenzjali CPS 226 jistgħu jitqiesu ekwivalenti fl-eżitu għal dawk stabbiliti fl-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 149/2013.

(11)

Fir-rigward tal-kuntratti tad-derivattivi kklerjati mhux ċentralment koperti skont l-Istandard Prudenzjali CPS 226, għaldaqstant jenħtieġ li l-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar applikabbli għall-entitajiet koperti mill-APRA jitqiesu ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 11(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-kompressjoni tal-portafoll u l-valwazzjoni tat-tranżazzjonijiet applikabbli għall-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP.

(12)

Skont l-Istandard Prudenzjali CPS 226, il-marġni ta’ varjazzjoni jrid jiġi skambjat, soġġett għal-limitu de minimis imsemmi fil-paragrafu 11 ta’ dak l-Istandard Prudenzjali, u l-marġni inizjali jrid jiġi depożitat u miġbur għat-tranżazzjonijiet derivattivi ġodda kollha kklerjati mhux ċentralment, bl-eċċezzjoni ta’ forwards u swaps tal-kambju saldati fiżikament, bejn entità koperta mill-APRA u kontroparti koperta. L-APRA adottat l-introduzzjoni gradwali maqbula internazzjonalment għad-dħul fis-seħħ tar-rekwiżiti tal-marġni inizjali, il-limiti użati għad-dħul gradwali espress f’AUD jenħtieġ li jitqiesu ekwivalenti għal-livelli limitu msemmija fl-Artikolu 35 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251. Eżenzjonijiet simili għal forwards u swaps tal-kambju saldati b’mod fiżiku u għal opzjonijiet ta’ ekwità ta’ stokk wieħed jew opzjonijiet ta’ indiċi huma previsti fir-Regolament Delegat (UE) 2016/2251. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun tapplika biss għal kuntratti tad-derivattivi OTC li huma soġġetti għar-rekwiżiti tal-marġni skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 u l-Istandard Prudenzjali CPS 226.

(13)

Skont l-Istandard Prudenzjali CPS 226, il-marġni ta’ varjazzjoni għandu jiġi kkalkulat u mitlub kuljum u s-saldu tal-ammonti tal-marġni ta’ varjazzjoni għandu jsir “minnufih”. L-APRA ddikjarat pubblikament l-aspettattiva tagħha li, fil-prattika, is-saldu tal-marġni ta’ varjazzjoni għandu jseħħ fuq bażi ta’ T+1 (fejn T hija d-data tas-sejħa għall-marġni). Madankollu, tali perjodu ta’ żmien għas-saldu jista’ ma jkunx fattibbli fiċ-ċirkostanzi kollha minħabba, pereżempju, iż-żona tal-ħin u kunsiderazzjonijiet transfruntiera. Għalhekk, l-APRA adottat rekwiżit ibbażat fuq il-prinċipji għas-saldu fil-pront tal-marġni ta’ varjazzjoni biex jinkiseb eżitu konsistenti ma’ rekwiżiti regolatorji globali oħra għat-twaqqit tas-saldu għall-marġni ta’ varjazzjoni. L-Artikolu 12 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 jirrikjedi li l-kontropartijiet kollha ta’ tranżazzjoni derivattiva OTC mhux ikklerjata minn CCP jiskambjaw marġni ta’ varjazzjoni fuq bażi ta’ kuljum jew jaġġustaw il-perjodu ta’ marġni ta’ riskju użat għall-kalkolu tal-marġni inizjali skont dan. L-arranġamenti previsti fl-Istandard Prudenzjali CPS 226 fir-rigward tal-marġni ta’ varjazzjoni għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti biss meta dawk l-arranġamenti jiksbu eżitu ekwivalenti għal dak miksub bl-applikazzjoni tar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet għal dan il-għan.

(14)

L-Istandard Prudenzjali CPS 226 jipprevedi ammont ta’ trasferiment minimu kkombinat ta’ marġnijiet inizjali u ta’ varjazzjoni tal-AUD 750 000, filwaqt li l-Artikolu 25 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 jipprevedi ammont ta’ EUR 500 000. Meta titqies id-differenza marġinali bejn dawk l-ammonti u l-objettiv komuni tal-Istandard Prudenzjali CPS 226 u r-Regolament Delegat (UE) 2016/2251, jenħtieġ li dawk l-ammonti jitqiesu bħala ekwivalenti.

(15)

Jenħtieġ li r-rekwiżiti fl-Istandard Prudenzjali CPS 226 għall-kalkolu tal-marġni inizjali jitqiesu ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2016/2251. B’mod simili għall-metodu standardizzat għall-kalkolu tal-marġni inizjali stabbilit fl-Anness IV tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251, l-Istandard Prudenzjali CPS 226 jippermetti l-użu ta’ mudell standardizzat ekwivalenti għal dak stabbilit f’dak l-Anness IV. Alternattivament, mudelli interni jew ta’ partijiet terzi jistgħu jintużaw taħt l-Istandard Prudenzjali CPS 226 għall-kalkolu tal-marġni inizjali fejn dawk il-mudelli jkun fihom ċerti parametri speċifiċi ekwivalenti għal dawk stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2016/2251, inklużi intervalli ta’ kunfidenza minimi u perjodi ta’ marġni ta’ riskju u ċerta data storika, inklużi perjodi ta’ stress. L-entitajiet koperti mill-APRA jridu japplikaw għall-APRA għall-approvazzjoni biex jużaw mudell intern jew ta’ parti terza u jiżguraw li titwettaq reviżjoni indipendenti ta’ dan il-mudell qabel ma tintalab l-approvazzjoni.

(16)

Ir-rekwiżiti fl-Istandard Prudenzjali CPS 226 dwar il-kollateral eliġibbli u dwar kif jinżamm u jiġi ssegregat dak il-kollateral jenħtieġ li jitqiesu ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251. L-Istandard Prudenzjali CPS 226 fih lista ekwivalenti ta’ kollateral eliġibbli, u entità koperta mill-APRA għandu jkollha fis-seħħ kontrolli xierqa biex tiżgura li l-kollateral miġbur ma jurix riskju ta’ korrelazzjoni ħażina sinifikanti jew riskju ta’ konċentrazzjoni sinifikanti. Jenħtieġ li l-konċentrazzjoni tiġi vvalutata f’termini ta’ emittent individwali, tip ta’ emittent u tip ta’ assi. Għaldaqstant jenħtieġ li r-regoli tal-marġni għall-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP li jinsabu fl-Istandard Prudenzjali CPS 226 jitqiesu ekwivalenti għal dawk previsti fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(17)

Fir-rigward tal-livell ta’ protezzjoni tas-segretezza professjonali fl-Awstralja, l-informazzjoni miżmuma mill-APRA, kif ukoll l-aġenziji kollha tal-Commonwealth, hija soġġetta għall-Att dwar il-Privatezza 1988 (“l-Att dwar il-Privatezza”). Barra minn hekk, l-Att dwar l-Awtorità Awstraljana tar-Regolamentazzjoni Prudenzjali tal-1998 (“l-Att dwar l-APRA”) jistabbilixxi dispożizzjonijiet dettaljati dwar is-segretezza li japplikaw għall-APRA u l-impjegati tagħha. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 56(2) tal-Att dwar l-APRA, l-uffiċjali jew l-ex uffiċjali tal-APRA huma ħatja ta’ reat jekk jiżvelaw “informazzjoni protetta” jew “dokument protett” lil kwalunkwe persuna jew “lil qorti” (għajr f’konformità mal-Att dwar l-APRA). Barra minn hekk, it-Taqsima 70 tal-Att tal-1914 dwar id-Delitti (“l-Att dwar id-Delitti”) hija dispożizzjoni ta’ segretezza ta’ applikazzjoni ġenerali għall-uffiċjali tal-Commonwealth (jiġifieri l-impjegati tas-settur pubbliku, inklużi l-persunal u l-kuntratturi tal-APRA). Din id-dispożizzjoni tirrendi illegali li uffiċjali tal-Commonwealth jiżvelaw kwalunkwe fatt jew dokument li jsiru jafu bihom jew li jkunu fil-pussess tagħhom bħala uffiċjal tal-Commonwealth, u li huma għandhom l-obbligu li ma jiżvelawx. Meħuda flimkien, l-Att dwar il-Privatezza, l-Att dwar id-Delitti u l-Att dwar l-APRA jipprovdu garanziji ta’ segretezza professjonali, inkluża l-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali kondiviżi mill-awtoritajiet ma’ partijiet terzi, li jenħtieġ li jitqiesu ekwivalenti għal dawk stabbiliti fit-Titolu VIII tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(18)

Fl-aħħar nett, fir-rigward tas-superviżjoni u l-infurzar effettivi tal-arranġamenti legali fl-Awstralja, l-APRA għandha r-responsabbiltà primarja għall-monitoraġġ u l-infurzar tal-konformità mal-Istandard Prudenzjali CPS 226. L-APRA tista’ tieħu firxa wiesgħa ta’ miżuri superviżorji inkluż it-twettiq ta’ investigazzjoni formali dwar l-affarijiet ta’ istituzzjoni, l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet fuq liċenzja ta’ istituzzjoni jew il-ħruġ ta’ struzzjonijiet relatati ma’ kwistjonijiet partikolari, il-ħatra ta’ maniġer statutorju, maniġer ġudizzjarju jew fiduċjarju ta’ sostituzzjoni biex jimmaniġġja l-affarijiet ta’ istituzzjoni, jibda azzjoni kriminali kontra persuni jew istituzzjonijiet jew ifittex ordnijiet ta’ trażżin. Għalhekk, jenħtieġ li dawk il-miżuri jitqiesu li jipprevedu l-applikazzjoni effettiva tal-arranġamenti legali, regolatorji u ta’ infurzar rilevanti skont l-Istandard Prudenzjali CPS 226 b’mod ekwu u mhux distorsiv u li jiżguraw superviżjoni u infurzar effettivi ekwivalenti għall-arranġamenti superviżorji u ta’ infurzar disponibbli skont il-qafas legali tal-Unjoni.

(19)

Din id-Deċiżjoni tirrikonoxxi l-ekwivalenza tar-rekwiżiti vinkolanti stabbiliti fil-liġi Awstraljana relatata mal-kuntratti tad-derivattivi OTC applikabbli fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-ESMA, se tkompli twettaq monitoraġġ fuq bażi regolari tal-evoluzzjoni tal-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar għal dawn il-kuntratti tad-derivattivi OTC u l-applikazzjoni konsistenti u effettiva tagħhom dwar il-konferma fil-ħin, il-kompressjoni u r-rikonċiljazzjoni tal-portafoll, il-valutazzjoni, is-soluzzjoni tat-tilwim u r-rekwiżiti tal-marġni applikabbli għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP fuq il-bażi li fuqha ttieħdet din id-Deċiżjoni. Bħala parti mill-isforzi ta’ monitoraġġ tagħha, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-APRA biex jipprovdu informazzjoni dwar l-iżviluppi regolatorji u superviżorji. Il-Kummissjoni tista’ twettaq rieżami speċifiku fi kwalunkwe ħin, fejn l-iżviluppi rilevanti jagħmluha neċessarja għall-Kummissjoni li tivvaluta mill-ġdid id-dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza mogħtija b’din id-Deċiżjoni. Valutazzjoni mill-ġdid bħal din tista’ twassal għar-revoka ta’ din id-Deċiżjoni, li b’konsegwenza tagħmel lill-kontropartijiet awtomatikament soġġetti mill-ġdid għar-rekwiżiti kollha stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(20)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar tal-Awstralja għall-kompressjoni tal-portafoll u l-valwazzjoni tat-tranżazzjonijiet li huma applikati għal tranżazzjonijiet derivattivi kklerjati mhux ċentralment regolati mill-Awtorità Awstraljana għar-Regolazzjoni Prudenzjali (Australian Prudential Regulation Authority, “APRA”) għandhom jitqiesu ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 11(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 meta mill-inqas waħda mill-kontropartijiet għal dawk it-tranżazzjonijiet tkun entità koperta mill-APRA kif definit skont l-Istandard Prudenzjali CPS 226.

Artikolu 2

Għall-finijiet tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar tal-Awstralja għall-iskambju ta’ kollateral li huma applikati għal tranżazzjonijiet derivattivi kklerjati mhux ċentralment regolati mill-APRA għandhom jitqiesu ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

mill-inqas waħda mill-kontropartijiet għal dawk it-tranżazzjonijiet hija entità koperta mill-APRA kif definita skont l-Istandard Prudenzjali CPS 226;

(b)

meta l-marġni ta’ varjazzjoni jkun meħtieġ li jiġi pprovdut skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012, il-marġni ta’ varjazzjoni jiġi pprovdut fl-istess jum li fih jiġi kkalkolat.

B’deroga mill-punt (b), meta jiġi stabbilit bejn il-kontropartijiet li l-marġni ta’ varjazzjoni ma jistax jiġi pprovdut b’mod konsistenti fl-istess jum li fih ikun ikkalkula, l-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar tal-Awstralja għandhom jitqiesu wkoll bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 fejn il-marġni ta’ varjazzjoni jiġi pprovdut fi żmien 2 jum ta’ xogħol mill-kalkolu tiegħu u l-perijodu ta’ marġni ta’ riskju użat għall-kalkolu tal-marġni inizjali jiġi aġġustat kif xieraq.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Lulju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 149/2013 tad-19 ta’ Diċembru 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-arranġamenti tal-ikklerjar indiretti, l-obbligu tal-ikklerjar, ir-reġistru pubbliku, l-aċċess għal ċentru tan-negozjar, kontropartijiet nonfinanzjarji, tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskji għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP (ĠU L 52, 23.2.2013, p. 11).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2251 tal-4 ta’ Ottubru 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet rigward standards tekniċi regolatorji għal tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għall-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklirjati minn kontroparti ċentrali (ĠU L 340, 15.12.2016, p. 9).

(4)  ESMA/2013/1373, Parir tekniku dwar l-ekwivalenza regolatorju ta’ pajjiż terz taħt EMIR – l-Awstralja, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, l-1 ta’ Ottubru 2013.


Top