EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D1102

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1102 tat-28 ta’ Ġunju 2021 li titlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta studju dwar is-sitwazzjoni u l-għażliet tal-Unjoni rigward l-introduzzjoni, l-evalwazzjoni, il-produzzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-użu ta’ aġenti ta’ kontroll bijoloġiku invertebrati fit-territorju tal-Unjoni u proposta, jekk ikun xieraq fid-dawl tar-riżultati tal-istudju

ST/9112/2021/INIT

ĠU L 238, 6.7.2021, p. 81–83 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/1102/oj

6.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 238/81


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1102

tat-28 ta’ Ġunju 2021

li titlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta studju dwar is-sitwazzjoni u l-għażliet tal-Unjoni rigward l-introduzzjoni, l-evalwazzjoni, il-produzzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-użu ta’ aġenti ta’ kontroll bijoloġiku invertebrati fit-territorju tal-Unjoni u proposta, jekk ikun xieraq fid-dawl tar-riżultati tal-istudju

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 241 tiegħu,

Billi:

(1)

L-aġenti ta’ kontroll bijoloġiku huma għedewwa, antagonisti jew kompetituri naturali, jew organiżmi oħra li jintużaw biex jikkontrollaw, direttament jew indirettament, il-pesti tal-pjanti, inkluż il-pesti tal-kwarantina, billi jikkontrollaw il-vetturi tagħhom, il-ħaxix ħażin u l-pjanti aljeni invażivi.

(2)

Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, huma koperti biss l-Aġenti ta’ Kontroll Bijoloġiku invertebrati bħal insetti, inkluż l-insetti sterili maskili, u l-ispeċijiet ta’ dud araknidi u ta’ nematodi (BCAs).

(3)

Hemm diversità kbira bejn Stati Membri fl-approċċi tagħhom u t-tipi ta’ regolamenti li japplikaw għar-rilaxx, l-evalwazzjoni u l-moviment tal-BCAs. Madankollu, il-BCAs m’għandhomx fruntieri u jistgħu jixxerrdu lil hinn mit-territorji fejn ikunu ġew rilaxxati apposta sabiex jikkontrollaw il-pesti tal-pjanti, il-ħaxix ħażin u l-pjanti aljeni invażivi.

(4)

Spiss użati fil-produzzjoni fis-serer, il-BCAs għandhom importanza dejjem akbar fl-agrikoltura u l-forestrija sostenibbli, jiġifieri fl-implimentazzjoni tal-ġestjoni integrata tal-pesti (IPM) u tal-biedja organika. Is-sistemi tal-biedja sostenibbli jipprovdu kontribut vitali għat-tranżizzjoni tal-Unjoni lejn sistemi tal-ikel sostenibbli, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fl-istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent” u fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Patt Ekoloġiku Ewropew”, u appoġġati mill-Politika Agrikola Komuni futura. L-użu tal-BCAs f’dan il-kuntest jgħin biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-prodotti kimiċi għall-protezzjoni tal-pjanti

(5)

Ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) għandu l-għan li jipproteġi lill-Unjoni mill-introduzzjoni ta’ pesti ġodda, filwaqt li jindirizza l-pesti eżistenti b’mod aktar effettiv. Il-politika dwar is-saħħa tal-pjanti li tinsab f’dak ir-Regolament tiffoka b’mod partikolari fuq l-iskrinjar għal pesti tal-pjanti ġodda madwar id-dinja, il-prevenzjoni tad-dħul ta’ tali pesti tal-pjanti fit-territorju tal-Unjoni u, fil-każ tal-introduzzjoni, l-identifikazzjoni bikrija u l-qerda tagħhom.

(6)

Id-dħul, l-istabbiliment u t-tixrid ta’ pesti tal-pjanti jistgħu jipperikolaw is-sostenibbiltà tal-agrikoltura, il-foresti, l-ambjenti naturali, il-bijodiversità u l-ekosistemi. Il-kummerċ globali, il-moviment tal-persuni, it-tibdil fil-klima u l-fenomeni tat-temp estrem iżidu l-prevalenza tal-pesti u r-riskji fitosanitarji. Speċijiet ta’ pesti eżotiċi ġodda huma wkoll theddida għas-sistemi eżistenti tal-Unjoni ta’ produzzjoni tal-agrikoltura u tal-forestrija kif ukoll għall-flora u l-fawna indiġeni. L-introduzzjoni ta’ għadu naturali mir-reġjun minn fejn joriġina l-pest tista’ tikkontribwixxi għal strateġija ta’ kontroll xierqa iżda tista’ tkun ta’ riskju għall-flora u l-fawna indiġeni. Għalhekk, jeħtieġ li ssir valutazzjoni xjentifika tal-impatti possibbli fuq is-saħħa tal-pjanti u l-bijodiversità bl-użu ta’ metodoloġija standard, inkluż tal-impatti potenzjali mhux mixtieqa fuq speċijiet mhux fil-mira, l-ekosistemi u l-bijodiversità b’mod ġenerali qabel l-introduzzjoni ta’ kwalunkwe BCA.

(7)

Huwa rikonoxxut li l-użu tal-BCAs qed jikber, minħabba d-domanda akbar mill-bdiewa, l-amministraturi tal-ispazju ekoloġiku u l-ġardinara, li qed ifittxu li jnaqqsu d-dipendenza tagħhom fuq prodotti kimiċi għall-protezzjoni tal-pjanti.

(8)

L-organizzazzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti (IPPC) u l-Organizzazzjoni Ewropea u Mediterranja għall-Protezzjoni tal-Pjanti (EPPO), żviluppaw standards fitosanitarji internazzjonali u gwida dwar l-użu sikur tal-BCAs u għandhom rwol importanti fl-iżvilupp ta’ standards għall-analiżi tar-riskju u r-riċerka.

(9)

Il-produtturi tal-BCAs, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), jipprovdu soluzzjonijiet innovattivi u speċifiċi għall-protezzjoni tal-għelejjel. Il-kontroll tal-kwalità tal-BCAs huwa rekwiżit essenzjali biex jiġu żgurati s-sikurezza u l-prestazzjoni tagħhom.

(10)

Approċċ aktar konsistenti bejn l-Istati Membri jista’ jiffaċilita l-iżvilupp ta’ BCAs sikuri u l-aċċess għas-suq għalihom. Dan jgħin biex jinħolqu opportunitajiet għas-sistemi tal-produzzjoni tal-agrikoltura u tal-forestrija u għall-kontroll tal-pesti tal-pjanti, filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent.

(11)

Il-Kunsill iqis li studju dwar is-sitwazzjoni u l-għażliet tal-Unjoni rigward l-introduzzjoni, l-evalwazzjoni, il-produzzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-użu ta’ BCAs fit-territorju tal-Unjoni huwa meħtieġ għat-titjib tad-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tagħhom għall-utenti filwaqt li tiġi żgurata s-sikurezza tal-bnedmin, l-annimali, il-pjanti, l-ambjent u s-sigurtà tal-ikel, f’konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (2) u b’mod partikolari l-paragrafu 10 tiegħu dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 225 u 241 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(12)

Dawn l-għażliet jistgħu jinkludu l-valutazzjoni tal-potenzjal għall-armonizzazzjoni tal-kriterji, il-proċeduri u t-teħid tad-deċiżjonijiet fl-Unjoni; għal programmi ta’ riċerka, innovazzjoni u disseminazzjoni tal-għarfien tal-Unjoni u għal kooperazzjoni msaħħa mal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti sabiex jitħaffef l-aċċess għas-suq u tiżdied l-aċċessibbiltà tal-BCAs; u għall-appoġġ tal-investiment, l-innovazzjoni u l-użu sikur tal-BCAs fil-kontroll tal-pesti tal-pjanti, bħala l-ewwel pass lejn definizzjoni armonizzata ta’ kunċett usa’ ta’ kontroll bioloġiku,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kunsill b’dan jitlob lill-Kummissjoni biex, sal-31 ta’ Diċembru 2022, tippreżenta studju dwar is-sitwazzjoni rigward l-introduzzjoni, il-produzzjoni, l-evalwazzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-użu ta’ Aġenti ta’ Kontroll Bijoloġiku invertebrati (BCAs).fit-territorju tal-Unjoni. Il-possibiltajiet għall-armonizzazzjoni tal-proċeduri fit-territorju kollu tal-Unjoni jenħtieġ li jiġu evalwati wkoll, sabiex tiġi ffaċilitata l-promozzjoni tal-użu tal-BCAs u l-aċċess għas-suq għalihom, biex jiġu appoġġati l-investiment u l-innovazzjoni fil-BCAs, u biex jingħata kontribut għall-użu sikur tal-BCAs, inkluż fejn ikunu meħtieġa għall-kontroll tal-pesti ta’ kwarantina kif impost mill-awtoritajiet tas-saħħa tal-pjanti.

Artikolu 2

Il-Kunsill jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta, jekk xieraq fid-dawl tar-riżultati tal-istudju, jew inkella biex tinforma lill-Kunsill dwar kwalunkwe miżura possibbli bħala segwitu għall-istudju.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-28 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

M. do C. ANTUNES


(1)  Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4).

(2)  Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1).


Top