EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D1101

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1101 tal-20 ta’ Mejju 2021 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-erbgħa u sebgħin sessjoni tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa

ST/8564/2021/INIT

ĠU L 238, 6.7.2021, p. 79–80 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/1101/oj

6.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 238/79


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1101

tal-20 ta’ Mejju 2021

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-erbgħa u sebgħin sessjoni tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 168(5), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistipula li l-Unjoni għandha tfittex li tiżviluppa relazzjonijiet u tibni sħubiji mal-pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali jew globali li jikkondividu l-prinċipji msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1). Dak it-tieni subparagrafu jistipula wkoll li l-Unjoni għandha tippromwovi soluzzjonijiet multilaterali għal problemi komuni, b’mod partikolari fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti.

(2)

Taħt l-Artikolu 168(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkultivaw koperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fl-isfera tas-saħħa pubblika.

(3)

Il-Kostituzzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (“il-Ftehim”) daħlet fis-seħħ fis-7 ta’ April 1948.

(4)

Taħt l-Artikolu 60 tal-Ftehim, l-Assemblea Dinjija tas-Saħħa tista’ tadotta deċiżjonijiet b’maġġoranza tal-Membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) preżenti u li jivvutaw.

(5)

L-Assemblea Dinjija tas-Saħħa, matul l-erbgħa u sebgħin sessjoni tagħha li tibda fl-24 ta’ Mejju 2021, trid tadotta deċiżjoni dwar l-istabbiliment ta’ Laqgħa Intergovernattiva biex tabbozza u tinnegozja Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar l-Istat ta’ Tħejjija u r-Rispons għall-Pandemiji.

(6)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-Assemblea Dinjija tas-Saħħa billi d-deċiżjoni tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa se tiddetermina l-abbiltà tal-Unjoni, flimkien l-Istati Membri tagħha, li tipparteċipa fl-abbozzar u fin-negozjar ta’ Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar l-Istat ta’ Tħejjija u r-Rispons għall-Pandemiji u li potenzjalment issir Parti għaliha bħala Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika.

(7)

Il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fl-abbozzar u fin-negozjar ta’ Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar l-Istat ta’ Tħejjija u r-Rispons għall-Pandemiji u l-adeżjoni possibbli tagħha mal-Konvenzjoni addizzjonalment għall-Istati Membri tal-Unjoni se jikkontribwixxu biex tiżdied il-kooperazzjoni internazzjonali fi ħdan is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti fir-rispons għall-pandemiji.

(8)

F’konformità mal-Artikolu 168(7) tat-TFUE, ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri fir-rigward tad-definizzjoni tal-politika tas-saħħa tagħhom, kif ukoll tal-organizzazzjoni u l-għoti ta’ servizzi tas-saħħa u tal-kura medika, għandhom ikunu rispettati matul il-proċess tan-negozjati.

(9)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-erbgħa u sebgħin sessjoni tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa għandha tkun kif ġej:

L-Unjoni Ewropea tappoġġa l-istabbiliment ta’ proċess tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa għal Konvenzjoni Qafas ġdida dwar l-Istat ta’ Tħejjija u r-Rispons għall-Pandemiji u għandha, fil-kompetenza tal-Unjoni, titħalla tipparteċipa bħala Parti Kontraenti għal tali trattat.

Id-deċiżjoni tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa li tistabbilixxi l-aspetti proċedurali tan-negozjati għandha tippermetti l-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-proċess tan-negozjati li jindirizza materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni, fid-dawl tal-adeżjoni possibbli tal-Unjoni mal-Konvenzjoni bħala Organizzazzjoni Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika.

Tali parteċipazzjoni għandha tinkiseb permezz tal-inklużjoni ta’ referenzi speċifiċi fil-formulazzjoni tat-test tad-deċiżjoni li jiċċaraw li kwalunkwe korp intergovernattiv stabbilit biex jabbozza u jinnegozja l-Konvenzjoni għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta’ Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. SANTOS SILVA


Top