EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0684

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/684 tal-25 ta' April 2019 dwar ir-rikonoxximent tal-arranġamenti legali, superviżorji u ta' infurzar tal-Ġappun għal tranżazzjonijiet ta' derivattivi li ssirilhom superviżjoni mill-Aġenzija tas-Servizzi Finanzjarji tal-Ġappun bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-valutazzjoni, tas-soluzzjoni tat-tilwim u tal-marġni tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2019/3221

ĠU L 115, 2.5.2019, p. 11–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/684/oj

2.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 115/11


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/684

tal-25 ta' April 2019

dwar ir-rikonoxximent tal-arranġamenti legali, superviżorji u ta' infurzar tal-Ġappun għal tranżazzjonijiet ta' derivattivi li ssirilhom superviżjoni mill-Aġenzija tas-Servizzi Finanzjarji tal-Ġappun bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-valutazzjoni, tas-soluzzjoni tat-tilwim u tal-marġni tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(2) tiegħu,

Wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

Billi:

(1)

L-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jipprevedi mekkaniżmu maħsub biex jiżgura konsistenza bejn l-arranġamenti legali, superviżorji u ta' infurzar stabbiliti mill-Unjoni u dawk ta' pajjiżi terzi fl-oqsma fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta deċiżjonijiet ta' ekwivalenza li permezz tagħhom l-arranġamenti legali, superviżorji u ta' infurzar ta' pajjiż terz huma ddikjarati ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 4, 9, 10 u 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 biex il-kontropartijiet involuti fi tranżazzjoni fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, fejn mill-anqas waħda mill-kontropartijiet hija stabbilita f'dak il-pajjiż terz, jenħtieġ li jitqiesu li ssodisfaw dawk ir-rekwiżiti b'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fir-reġim legali ta' dak il-pajjiż terz. Id-dikjarazzjoni ta' ekwivalenza tevita li jiġu applikati regoli duplikati jew konfliġġenti. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni ta' ekwivalenza tikkontribwixxi biex jintlaħaq l-għan ġenerali tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, jiġifieri li jitnaqqas ir-riskju sistemiku u li tiżdied it-trasparenza tas-swieq tad-derivattivi billi tiġi żgurata l-applikazzjoni internazzjonalment konsistenti tal-prinċipji miftiehma mal-pajjiżi terzi u stabbiliti f'dak ir-Regolament.

(2)

L-Artikolu 11, il-paragrafi 1, 2 u 3 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, li huwa ssupplimentat bir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 149/2013 (2) u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2251 (3), jistabbilixxu r-rekwiżiti legali tal-Unjoni rigward il-konferma fil-ħin tat-termini ta' kuntratt tad-derivattivi OTC, it-twettiq ta' eżerċizzju ta' kompressjoni tal-portafoll u l-arranġamenti skont liema jiġu rikonċiljati l-portafolli fir-rigward tal-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn kontroparti ċentrali (“CCP” - central counterparty). Barra minn hekk, dawn il-paragrafi jistabbilixxu l-obbligi tal-valutazzjoni u tas-soluzzjoni tat-tilwim applikabbli għal dawn il-kuntratti (“tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju operazzjonali”) kif ukoll l-obbligi dwar l-iskambju ta' kollateral (“marġnijiet”) bejn il-kontropartijiet.

(3)

Sabiex ir-reġim legali, superviżorju u ta' infurzar ta' pajjiż terz ikun jitqies ekwivalenti għar-reġim tal-Unjoni fir-rigward tat-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju operazzjonali u tar-rekwiżiti tal-marġnijiet, jenħtieġ li r-riżultati sostantivi tal-arranġamenti ta' infurzar legali, superviżorji u ta' infurzar applikabbli jkunu ekwivalenti għal dawk mogħtija mir-rekwiżiti tal-Unjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u jiżguraw protezzjoni tas-sigriet professjonali li tkun ekwivalenti għal dik stabbilita f'dan ir-Regolament; u jenħtieġ li l-arranġamenti legali, superviżorji u ta' infurzar jiġu applikati b'mod effettiv u infurzati b'mod ekwu u mhux distorżiv sabiex jiġu żgurati superviżjoni u infurzar effettivi f'dak il-pajjiż terz. L-għan ta' din il-valutazzjoni tal-ekwivalenza, għalhekk, huwa li tivverifika li l-arranġamenti legali, superviżorji u ta' infurzar tal-Ġappun jiżguraw li l-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP, li fihom mill-anqas kontroparti waħda hija stabbilita f'dak il-pajjiż terz, ma jesponux is-swieq finanzjarji fl-Unjoni għal livell ogħla ta' riskju u, konsegwentement, ma joħolqux livelli inaċċettabbli ta' riskju sistemiku fl-Unjoni.

(4)

Fl-1 ta' Settembru 2013, il-Kummissjoni rċeviet il-parir tekniku tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”) dwar l-arranġamenti legali, superviżorji u ta' infurzar fil-Ġappun (4) inklużi inter alia t-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju operazzjonali applikabbli għall-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP. Fil-parir tekniku tagħha, l-ESMA sabet li fil-Ġappun ma hemm l-ebda rekwiżit legalment vinkolanti dwar il-konferma fil-ħin tat-termini ta' kuntratt tad-derivattivi OTC, l-arranġamenti għat-twettiq tar-rikonċiljazzjoni tal-portafoll, it-twettiq ta' kompressjoni tal-portafoll, il-valutazzjoni tal-portafoll u l-obbligu għal soluzzjoni tat-tilwim jew għall-iskambju ta' kollateral bejn il-kontropartijiet tal-kuntratti tad-derivattivi OTC. L-ESMA osservat ukoll li l-ekwivalenza bejn ir-reġimi tal-marġnijiet bilaterali ma setgħetx tiġi evalwata fil-ħin, peress li l-istandards tekniċi li jispeċifikaw ir-regoli dwar marġnijiet bilaterali tal-Unjoni ma kinux għadhom ġew żviluppati.

(5)

Il-Kummissjoni qieset il-parir tekniku tal-ESMA fit-twettiq tal-valutazzjoni tagħha, flimkien mal-iżviluppi regolatorji li seħħew minn dak iż-żmien 'il hawn. Din id-Deċiżjoni mhijiex ibbażata biss fuq analiżi komparattiva tar-rekwiżiti legali, superviżorji u ta' infurzar applikabbli fil-Ġappun, iżda wkoll fuq valutazzjoni tal-eżitu ta' dawk ir-rekwiżiti, u fuq l-adegwatezza tagħhom biex inaqqsu r-riskji li jitnisslu minn kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP b'mod li jista' jitqies ekwivalenti għall-effetti tar-rekwiżiti stipulati fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(6)

L-arranġamenti legali, superviżorji u ta' infurzar applikabbli fil-Ġappun għal kuntratti tad-derivattivi OTC huma stabbiliti fl-Att dwar l-Istrumenti Finanzjarji u l-Kambju, Nru 25 tal-1948 (“FIEA” - Financial Instruments and Exchange Act), u japplikaw għal Operaturi tan-Negozju tal-Istrumenti Finanzjarji (“FIBOs” - financial instrument business operators) u Istituzzjonijiet Finanzjarji Reġistrati (“RFIs” - registered financial institutions), li jinkludu banek regolati, kooperattivi, kumpaniji tal-assigurazzjoni, fondi tal-pensjonijiet u fondi ta' investiment. L-Aġenzija tas-Servizzi Finanzjarji tal-Ġappun (“JFSA” - Financial Services Agency of Japan) għandha setgħat wesgħin biex timplimenta l-FIEA u hija bbażata fuq l-Ordinanza tal-Uffiċċju tal-Kabinett, il-Linji Gwida Superviżorji, u n-Notifiki Pubbliċi (flimkien “ir-regoli tad-derivattivi OTC tal-Ġappun”). Il-JFSA għandha l-ġuriżdizzjoni fuq derivattivi OTC fis-sens tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, bl-eċċezzjoni ta' derivattivi OTC ta' komoditajiet, li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Ministeru Ġappuniż tal-Ekonomija, il-Kummerċ u l-Industrija (“METI” - Ministry of Economy, Trade and Industry) u tal-Ministeru Ġappuniż tal-Agrikoltura, il-Forestrija u s-Sajd (“MAFF” - Ministry of Agriculture, Forestry and Fisheries).

(7)

It-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju operazzjonali għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP, kif stabbiliti fir-regoli tad-derivattivi OTC tal-Ġappun, jibqgħu insuffiċjenti meta mqabbla mal-obbligi previsti fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u fir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 149/2013 fir-rigward tal-konferma fil-ħin tat-termini ta' kuntratt tad-derivattivi OTC, it-twettiq ta' eżerċizzju ta' kompressjoni tal-portafoll u l-arranġamenti li bihom jiġu rikonċiljati l-portafolli. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun tkopri biss l-arranġamenti legali, superviżorji u ta' infurzar rigward l-obbligi tal-valutazzjoni u tas-soluzzjoni tat-tilwim kif previsti fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u fir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 149/2013 kif ukoll dawk rigward ir-rekwiżiti tal-marġni kif previsti fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u fir-Regolament Delegat (UE) 2016/2251.

(8)

Fir-rigward tar-rekwiżiti għall-valutazzjoni tat-tranżazzjonijiet u għas-soluzzjoni tat-tilwim applikabbli għal derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP, ir-regoli tad-derivattivi OTC tal-Ġappun jinkludu l-istess obbligi bħal dawk previsti fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. B'mod partikolari, it-Taqsima IV-2-4 tal-Linji Gwida Superviżorji tinkludi rekwiżiti speċifiċi rigward is-soluzzjoni tat-tilwim applikabbli għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP u l-Artikolu 123 tal-Ordinanza tal-Uffiċċju tal-Kabinett jistabbilixxi r-rekwiżiti għat-twettiq ta' valutazzjonijiet ta' kuljum għall-fini ta' skambji ta' marġni.

(9)

Rigward il-marġnijiet għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP, ir-rekwiżiti legalment vinkolanti tal-Ġappun jikkonsistu minn sett ta' regolamenti finali adottati mill-JFSA, ippubblikati fil-31 ta' Marzu 2016 li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2016. Dawn ir-regolamenti jinkludu l-Ordinanza tal-Uffiċċju tal-Kabinett dwar l-Operaturi ta' Strumenti Finanzjarji Nru 52 tas-6 ta' Awwissu 2007 inklużi d-Dispożizzjonijiet Supplimentari, l-Avviżi Pubbliċi tal-Aġenzija tas-Servizzi Finanzjarji Nru 15, 16 u 17 tal-31 ta' Marzu 2016 u Nru 33 tal-25 ta' Awwissu 2017, il-Linji Gwida Komprensivi riveduti għas-Superviżjoni fuq Banek Kbar, eċċ., il-Linji Gwida Komprensivi riveduti għas-Superviżjoni ta' Istituzzjonijiet Finanzjarji Żgħar u ta' Daqs Medju u Istituzzjonijiet Finanzjarji Reġjonali, il-Linji Gwida Komprensivi riveduti għas-Superviżjoni ta' Banek Kooperattivi, il-Linji Gwida Komprensivi riveduti għas-Superviżjoni ta' Operaturi tan-Negozju ta' Strumenti Finanzjarji, eċċ., il-Linji Gwida Komprensivi riveduti għas-Superviżjoni ta' Kumpaniji tal-Assigurazzjoni u l-Linji Gwida riveduti għas-Superviżjoni fir-rigward ta' Kumpaniji Fiduċjarji, eċċ. Ir-regoli applikabbli għal derivattivi OTC ta' komoditajiet fil-ġuriżdizzjoni ta' METI u MAFF jirreplikaw is-sett ta' regolamenti finali adottati mill-JFSA, (flimkien “ir-regoli tal-Ġappun dwar il-marġni”).

(10)

Kif stipulat fir-regoli tal-Ġappun dwar il-marġni, l-istituzzjonijiet finanzjarji li għandhom ammont totali medju tal-kapital nozzjonali ta' derivattivi OTC għal ċertu perjodu ta' żmien li jkun daqs jew akbar minn JPY 300 biljun iridu jiskambjaw l-marġni ta' varjazzjoni fuq bażi ta' kuljum taħt il-FIEA, filwaqt li l-istituzzjonijiet finanzjarji li jkollhom anqas mil-livell limitu jridu jiskambjaw il-marġni ta' varjazzjoni bi “frekwenza suffiċjenti”. Peress li r-Regolament (UE) Nru 648/2012 jirrikjedi li l-kontropartijiet kollha ta' tranżazzjoni ta' derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP jiskambjaw marġni ta' varjazzjoni fuq bażi ta' kuljum, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun kundizzjonali fuq l-iskambju ta' kuljum tal-marġni ta' varjazzjoni għat-tranżazzjonijiet imwettqa ma' FIBOs u RFIs, li l-ammont totali medju tal-kapital nozzjonali ta' derivattivi OTC tagħhom għal perjodu ta' sena, li jibda minn April sentejn qabel is-sena li fiha huwa meħtieġ il-kalkolu (jew sena jekk ikkalkolat f'Diċembru) huwa anqas minn JPY 300 biljun.

(11)

Bl-istess mod bħar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2016/2251, skont ir-regoli tal-Ġappun dwar il-marġni, l-istituzzjonijiet finanzjarji kollha li jaggregaw ammonti nozzjonali ta' derivattivi OTC mhux ikklerjati, derivattivi OTC ta' komoditajiet mhux ikklerjati, forwards tal-kambju saldati b'mod fiżiku (“FX” - foreign exchange) u swaps tal-valuti skont ir-rata tal-kambju ta' grupp konsolidat, bl-esklużjoni ta' tranżazzjonijiet intragrupp, għax-xhur ta' Marzu, April u Mejju tas-sena qabel is-sena li fiha l-kalkolu jaqbeż JPY 1,1 triljun, iridu jiskambjaw informazzjoni dettaljata dwar il-marġni inizjali. Ir-regoli dwar il-marġni tal-Ġappun jipprovdu wkoll ammont ta' trasferiment minimu kkombinat ta' marġnijiet inizjali u ta' varjazzjoni ta' JPY 70 miljun, filwaqt li l-livell limitu fl-Artikolu 25 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 huwa ta' EUR 500 000. Meta titqies id-differenza marġinali fil-valur ta' dawk il-muniti, jenħtieġ li dawn l-ammonti jiġu meqjusa bħala ekwivalenti.

(12)

Ir-regoli tal-Ġappun dwar il-marġni japplikaw għall-kuntratti tad-derivattivi OTC kważi kollha kif definit fil-punt (7) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, bl-eċċezzjoni ta' kuntratti forward tal-kambju u swaps tal-valuti skont ir-rata tal-kambju saldati b'mod fiżiku, li r-regoli tal-Ġappun dwar il-marġni ma jistabbilixxu l-ebda rekwiżit għalihom. Tranżazzjonijiet FX assoċjati mal-iskambju ta' kapital permezz ta' swaps bejn il-muniti huma eżentati mir-rekwiżiti tal-marġni inizjali. Barra minn hekk, ir-regoli tal-Ġappun dwar il-marġni ma jinkludu l-ebda trattament speċifiku għal prodotti strutturati, inklużi bonds koperti u titolizzazzjonijiet. Skont it-termini tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, mir-rekwiżiti tal-marġni inizjali huma eżentati biss swaps tal-valuti skont ir-rata tal-kambju u kuntratti forward tal-kambju, u mir-rekwiżiti tal-marġni kollha huma eżentati biss id-derivattivi relatati ma' bonds koperti għal skopijiet ta' hedging. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun tapplika biss għal kuntratti tad-derivattivi OTC li huma soġġetti għar-rekwiżiti tal-marġni skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 u r-regoli tal-Ġappun dwar il-marġni.

(13)

Ir-rekwiżiti fir-regoli tal-Ġappun dwar il-marġni għall-kalkolu tal-marġni inizjali huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012. Bl-istess mod bħall-metodu standardizzat għall-kalkolu tal-marġni inizjali stabbilit fl-Anness IV tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251, ir-regoli tal-Ġappun dwar il-marġni jippermettu l-użu ta' mudell standardizzat ekwivalenti għal dak stipulat fl-anness imsemmi. Alternattivament, jistgħu jintużaw mudelli interni jew ta' parti terza għall-kalkolu tal-marġni inizjali fejn dawk il-mudelli fihom ċerti parametri speċifiċi, inkluż intervalli ta' kunfidenza minimi u perjodi ta' marġni ta' riskju, u ċerta data storika, inklużi perjodi ta' stress. Il-kontropartijiet iridu jinnotifikaw lill-JFSA, lill-METI jew lill-MAFF, kif xieraq, dwar l-intenzjoni tagħhom li jużaw dawn il-mudelli interni jew ta' parti terza u jridu jiżvelaw kwalunkwe suppożizzjoni, ipoteżi u bidla meħtieġa fihom.

(14)

Ir-rekwiżiti tar-regoli tal-Ġappun dwar il-marġni dwar kollateral eliġibbli u dwar kif dak il-kollateral jiġi miżmum u segregat huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2016/2251. Ir-regoli tal-Ġappun dwar il-marġni jinkludu wkoll lista ekwivalenti ta' kollateral eliġibbli u jirrikjedu li FIBOs u RFIs jiddiversifikaw b'mod raġonevoli l-kollateral li jiġbru, inkluż billi jillimitaw titoli b'likwidità baxxa sabiex tiġi evitata l-konċentrazzjoni ta' kollateral. Ir-rekwiżiti fir-regoli tal-Ġappun dwar il-marġni applikabbli għall-valutazzjoni ta' kollateral huma komparabbli mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 19 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251.

(15)

Fir-rigward tal-livell ekwivalenti ta' protezzjoni tas-segretezza professjonali fil-Ġappun, l-informazzjoni miżmuma mill-JFSA hija soġġetta għal Politika dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni tal-JFSA u l-impjegati tal-JFSA huma soġġetti għall-Att dwar is-Servizz Pubbliku Nazzjonali, li jipprojbixxi lill-impjegati milli jikxfu informazzjoni li tkun waslet għall-għarfien tagħhom waqt il-qadi ta' dmirijiethom. Għalhekk, kemm l-Att dwar is-Servizz Pubbliku Nazzjonali kif ukoll il-Politika dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni tal-JFSA jiggarantixxu s-segretezza professjonali, inkluża l-protezzjoni ta' sigrieti kummerċjali skambjati mill-awtoritajiet kompetenti ma' partijiet terzi, ekwivalenti għal dawk stipulati fit-Titolu VIII tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Għalhekk, flimkien, l-Att dwar is-Servizz Pubbliku Nazzjonali u l-Politika dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni tal-JFSA jenħtieġ li jitqiesu li jipprovdu livell ekwivalenti ta' protezzjoni fir-rigward tas-segretezza professjonali bħal dak previst fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(16)

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-applikazzjoni u l-infurzar effettivi b'mod ekwu u mhux distorżiv sabiex jiġu żgurati superviżjoni u infurzar effettivi f'dak il-pajjiż terz, il-JFSA għandha setgħat investigattivi u ta' sorveljanza wiesgħa biex tivvaluta l-konformità mar-rekwiżiti tal-marġni applikabbli għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP. Il-JFSA tista' tieħu firxa wiesgħa ta' miżuri superviżorji biex tipprevjeni kwalunkwe ksur tar-rekwiżiti applikabbli, bħal ordni ta' titjib tan-negozju abbażi tal-Artikolu 51 tal-FIEA u miżuri superviżorji oħra bbażati fuq l-Artikolu 52 tal-FIEA. Dawk il-miżuri għalhekk jenħtieġ li jitqiesu li jipprovdu għall-applikazzjoni effettiva tal-arranġamenti legali, regolatorji u ta' infurzar rilevanti skont ir-regoli tad-derivattivi OTC b'mod ekwu u mhux distorżiv sabiex ikunu żgurati superviżjoni u infurzar effettivi.

(17)

Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq ir-rekwiżiti legalment vinkolanti relatati ma' kuntratti tad-derivattivi OTC applikabbli fiż-żmien tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-ESMA, jenħtieġ li tkompli twettaq monitoraġġ fuq bażi regolari tal-evoluzzjoni tal-arranġamenti legali, superviżorji u ta' infurzar għal dawn il-kuntratti tad-derivattivi OTC u l-applikazzjoni konsistenti u effettiva tagħhom dwar il-konferma fil-ħin, il-kompressjoni u r-rikonċiljazzjoni tal-portafoll, il-valutazzjoni, is-soluzzjoni tat-tilwim u r-rekwiżiti tal-marġni applikabbli għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP fuq il-bażi li fuqha ttieħdet din id-Deċiżjoni. Jenħtieġ li dan ikun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Kummissjoni twettaq rieżami speċifiku fi kwalunkwe ħin, f'każ li żviluppi rilevanti jagħmluha essenzjali li l-Kummissjoni tivvaluta mill-ġdid id-dikjarazzjoni ta' ekwivalenza mogħtija b'din id-Deċiżjoni. Valutazzjoni mill-ġdid bħal din tista' twassal għar-revoka ta' din id-Deċiżjoni, li tagħmel lill-kontropartijiet awtomatikament soġġetti mill-ġdid għar-rekwiżiti kollha stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(18)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali, superviżorji u ta' infurzar tal-Ġappun għall-valutazzjoni u għas-soluzzjoni tat-tilwim li huma applikati għal tranżazzjonijiet regolati bħala derivattivi OTC mill-Aġenzija tas-Servizzi Finanzjarji tal-Ġappun (“JFSA”) jew derivattivi OTC ta' komoditajiet mill-Ministeru Ġappuniż tal-Ekonomija, il-Kummerċ u l-Industrija (“METI”) u li mhumiex ikklerjati minn CCP għandhom jiġu kkunsidrati bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti korrispondenti stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, fejn għall-anqas waħda mill-kontropartijiet ta' dawk it-tranżazzjonijiet hija stabbilita fil-Ġappun u rreġistrata mal-JFSA bħala Operatur tan-Negozju tal-Istrumenti Finanzjarji (“FIBO”) jew Istituzzjoni Finanzjarja Reġistrata (“RFI”).

Artikolu 2

Għall-finijiet tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali, superviżorji u ta' infurzar tal-Ġappun għall-iskambju ta' kollateral li huma applikati għal tranżazzjonijiet regolati bħala derivattivi OTC mill-JFSA jew bħala derivattivi OTC ta' komoditajiet mill-METI u mill-MAFF li mhumiex ikklerjati minn CCP għandhom jiġu kkunsidrati bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

mill-anqas waħda mill-kontropartijiet ta' dawk it-tranżazzjonijiet tkun stabbilita fil-Ġappun u reġistrata mal-JFSA bħala FIBO jew RFI u dik il-kontroparti tkun soġġetta għar-regoli tal-Ġappun dwar il-marġni;

(b)

it-tranżazzjonijiet ikunu pprezzati skont il-valur fis-suq u l-marġni ta' varjazzjoni jiġi skambjat fuq bażi ta' kuljum meta l-kontropartijiet ta' dawk it-tranżazzjonijiet, stabbiliti fil-Ġappun, ikollhom ammont totali medju tal-kapital nozzjonali ta' derivattivi OTC għal perjodu ta' sena li jibda minn April, sentejn qabel is-sena li fiha jkun meħtieġ il-kalkolu (jew sena jekk ikkalkulat f'Diċembru), anqas minn JPY 300 biljun.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' April 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 149/2013 tad-19 ta' Diċembru 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-arranġamenti tal-ikklerjar indiretti, l-obbligu tal-ikklerjar, ir-reġistru pubbliku, l-aċċess għal ċentru tan-negozjar, kontropartijiet nonfinanzjarji, tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskji għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP (ĠU L 52, 23.2.2013, p. 11).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2251 tal-4 ta' Ottubru 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet rigward standards tekniċi regolatorji għal tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għall-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn kontroparti ċentrali (ĠU L 340, 15.12.2016, p. 9).

(4)  ESMA/2013/BS/1158, Parir tekniku dwar l-ekwivalenza regolatorja ta' pajjiż terz taħt EMIR — il-Ġappun, Rapport finali, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, l-1 ta' Settembru 2013.


Top