EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0682

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/682 tad-9 ta' April 2019 li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, il-Protokoll li jemenda l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta' Data Personali

ST/10923/2018/INIT

ĠU L 115, 2.5.2019, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/682/oj

2.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 115/7


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/682

tad-9 ta' April 2019

li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, il-Protokoll li jemenda l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta' Data Personali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 16, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Fis-6 ta' Ġunju 2013, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tipparteċipa f'isem l-Unjoni fin-negozjati dwar il-modernizzazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar awtomatiku ta' data personali (ETS Nru 108) (il-“Konvenzjoni 108”) u l-kondizzjonijiet u l-modalitajiet tal-aċċessjoni tal-Unjoni għall-Konvenzjoni 108 emendata.

(2)

Il-Protokoll li jemenda l-Konvenzjoni 108 (il-“Protokoll emendatorju”) ġie adottat mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fit-18 ta' Mejju 2018.

(3)

Il-Protokoll emendatorju għandu l-għan li jwessa' l-ambitu, iżid il-livell u jsaħħaħ l-effettività tal-protezzjoni tad-data mogħtija taħt il-Konvenzjoni 108.

(4)

Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni 108 emendata jkopru kemm attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-liġi tal-Unjoni kif ukoll attivitajiet barra mill-ambitu tagħha, bħal fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża nazzjonali.

(5)

Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni 108 emendata, sa fejn japplikaw għall-ipproċessar ta' data personali fil-kuntest ta' attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-liġi tal-Unjoni, jistgħu jaffettwaw regoli komuni jew ibiddlu l-ambitu tagħhom fis-sens tal-Artikolu 3(2) tat-Trattat, billi dawn id-dispożizzjonijiet huma bbażati fuq l-istess prinċipji li jinsabu fir-Regolament (UE) 2016/679 (1) u fid-Direttiva (UE) 2016/680 (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(6)

Ladarba l-Konvenzjoni 108 emendata se tinkludi salvagwardji bbażati fuq l-istess prinċipji li jinsabu fir-Regolament (UE) 2016/679 u fid-Direttiva (UE) 2016/680, id-dħul fis-seħħ tagħha se jikkontribwixxi għall-promozzjoni ta' standards tal-Unjoni ta' protezzjoni tad-data fil-livell globali, jiffaċilita l-flussi ta' data bejn l-Unjoni u Partijiet għall-Konvenzjoni 108 li mhumiex fl-Unjoni, jiżgura l-konformità minn Stati Membri mal-obbligi internazzjonali tagħhom taħt il-Konvenzjoni 108 u jippermetti l-aċċessjoni futura tal-Unjoni għall-Konvenzjoni 108.

(7)

L-Unjoni ma tistax tiffirma jew tirratifika l-Protokoll emendatorju, billi taħt il-Konvenzjoni 108, Stati biss ikunu Partijiet.

(8)

Għalhekk l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati jiffirmaw il-Protokoll emendatorju, filwaqt li jaġixxu b'mod konġunt fl-interessi tal-Unjoni, sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jaqgħu fil-kompetenza esklussiva tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati Membri huma b'dan awtorizzati jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni, il-Protokoll li jemenda l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta' Data Personali (ETS Nru 108) sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jaqgħu fil-kompetenza esklussiva tal-Unjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fil-Lussemburgu, id-9 ta' April 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(2)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).


Top