EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1223

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1223 tal-5 ta' Lulju 2017 li japprova emenda mhux minuri fl-ispeċifikazzjoni ta' denominazzjoni mniżżla fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta' oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Tomme de Savoie (IĠP)]

C/2017/4837

ĠU L 174, 7.7.2017, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/1223/oj

7.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 174/14


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1223

tal-5 ta' Lulju 2017

li japprova emenda mhux minuri fl-ispeċifikazzjoni ta' denominazzjoni mniżżla fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta' oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Tomme de Savoie (IĠP)]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 52(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni eżaminat it-talba mressqa minn Franza għall-approvazzjoni ta' emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Tomme de Savoie”, irreġistrata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 (2).

(2)

Permezz tal-ittra tat-23 ta' Novembru 2015, l-awtoritajiet Franċiżi kkomunikaw mal-Kummissjoni li perjodi tranżitorji skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li jiskadu fil-31 ta' Diċembru 2017 u fil-31 ta' Ottubru 2025, ingħataw lill-operaturi li huma stabbiliti fit-territorju tagħhom u li jissodisfaw il-kundizzonijiet ta' dak l-Artikolu skont l-Ordni tad-29 ta' Ottubru 2015 dwar l-indikazzjoni ġeografika protetta “Tomme de Savoie” ppublikata fis-7 ta' Novembru 2015 fil-Journal Officiel de la République française (il-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Franċiża). Matul il-proċedura ta' oppożizzjoni nazzjonali, wieħed mill-operaturi ressaq oppożizzjoni dwar il-porzjon minimu ta' 50 % ta' għalf oħxon aħdar fir-razzjon bażiku tal-baqar tal-ħalib għal mill-inqas 150 ġurnata kull sena, u erba' operaturi ressqu oppożizzjoni dwar il-porzjon minimu ta' 75 % ta' baqar tal-ħalib mir-razez Abondance, Montbéliarde jew Tarentaise li l-bdiewa għandu jkollhom fl-azjendi agrikoli tagħhom. Ir-raġuni li taw kienet li kellhom bżonn xi żmien biex jadattaw l-azjendi agrikoli tagħhom. L-operaturi legalment ikkummerċjalizzaw it-“Tomme de Savoie” b'mod kontinwu għal mill inqas ħames snin qabel ma' ppreżentaw l-applikazzjoni. Il-perjodu tranżitorju li jintemm fil-31 ta' Diċembru 2017 japplika għal GAEC Le Seysselan, Vallod, 74910 SEYSSEL u l-perjodu tranżitorju li jintemm fil-31 ta' Ottubru 2025 japplika għal EARL la Ferme de Combette, GAEC Les Airelles, EARL La Ferme des 3 Quartiers, GAEC La Ferme de la Ville.

(3)

Billi l-emenda kkonċernata mhijiex minuri fis-sens tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni ppubblikat l-applikazzjoni għal emenda f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3), skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament imsemmi.

(4)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, u għalhekk jenħtieġ li l-emenda tal-ispeċifikazzjoni tiġi approvata,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-emenda fl-ispeċifikazzjoni ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li tikkonċerna d-denominazzjoni “Tomme de Savoie” (IĠP), hija b'dan approvata.

Artikolu 2

Il-protezzjoni prevista skont l-Artikolu 1 hija soġġetta għal perjodu tranżitorju mogħti minn Franza skont l-Ordni tat-29 ta' Ottubru 2015 dwar l-indikazzjoni ġeografika protetta “Tomme de Savoie”, ppubblikata fis-7 ta' Novembru 2015 fil-Journal Officiel de la République française skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, għall-operaturi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' dak l-Artikolu.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 tat-12 ta' Ġunju 1996 dwar ir-reġistrazzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta' oriġini taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 (ĠU L 148, 21.6.1996, p. 1.)

(3)  ĠU C 58, 23.2.2017, p. 30.


Top