EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0587

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/587 tal-14 ta' April 2016 dwar l-approvazzjoni tat-teknoloġija użata fis-sistema ta' illuminazzjoni esterna ta' effiċjenza għolja tal-vetturi li tuża dijodi li jemettu d-dawl bħala teknoloġija innovattiva biex jonqsu l-emissjonijiet ta' CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

C/2016/2128

ĠU L 101, 16.4.2016, p. 17–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020; Imħassar b' 32020D1806

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/587/oj

16.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 101/17


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/587

tal-14 ta' April 2016

dwar l-approvazzjoni tat-teknoloġija użata fis-sistema ta' illuminazzjoni esterna ta' effiċjenza għolja tal-vetturi li tuża dijodi li jemettu d-dawl bħala teknoloġija innovattiva biex jonqsu l-emissjonijiet ta' CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 li jistabbilixxi standards ta' rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 minn vetturi ħfief (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(4) tiegħu,

Billi:

(1)

L-applikazzjoni li ġiet imressqa mill-manifattur Mazda Motor Europe GmbH fis-7 ta' Lulju 2015 għall-approvazzjoni ta' illuminazzjoni bl-użu ta' dijodi li jemettu d-dawl (LED), u l-applikazzjoni li ġiet imressqa minn Honda fit-8 ta' Jannar 2016 għall-approvazzjoni ta' illuminazzjoni esterna ta' effiċjenza għolja li tuża dijodi li jemettu d-dawl ġew ivvalutati skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009, skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 725/2011 (2) u skont il-Linji Gwida Tekniċi għat-tħejjija tal-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009.

(2)

L-informazzjoni li nbagħtet fl-applikazzjonijiet ta' Mazda u Honda turi li l-kundizzjonijiet u l-kriterji msemmija fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 u fl-Artikoli 2 u 4 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 725/2011 ġew issodisfati. Bħala riżultat, l-illuminazzjoni esterna ta' effiċjenza għolja tal-vetturi li tuża LEDs ta' Mazda u Honda għandha tiġi approvata bħala teknoloġija innovattiva.

(3)

Bid-Deċiżjonijiet ta' Implimentazzjoni 2014/128/UE (3), (UE) 2015/206 (4) u (UE) 2016/160 (5), il-Kummissjoni approvat tliet applikazzjonijiet b'rabta ma' teknoloġiji li jikkontribwixxu lejn it-titjib tal-effiċjenza ta' sistemi ta' illuminazzjoni esterna. Fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba mill-valutazzjoni ta' dawn l-applikazzjonijiet, kif ukoll mill-applikazzjonijiet Mazda u Honda, intwera b'mod sodisfaċenti u konklużiv li illuminazzjoni esterna ta' effiċjenza għolja li tuża LEDs li tinkludi kombinament xieraq ta' dwal LED esterni ta' effiċjenza għolja bħall-fanal ta' quddiem tar-raġġi baxxi, il-fanal ta' quddiem tar-raġġi għoljin, il-fanali ta' quddiem, il-fanali ta' quddiem kontra ċ-ċpar, il-fanali ta' wara kontra ċ-ċpar, id-dwal tal-indikaturi ta' quddiem, id-dwal tal-indikaturi ta' wara, id-dwal tal-pjanċi u d-dwal tar-rivers jissodisfaw il-kriterji ta' eliġibbiltà msemmija fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 u fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011, u jipprovdu tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 ta' mill-inqas 1 g ta' CO2/km meta mqabbel ma' pakkett ta' illuminazzjoni esterna ta' referenza li jinkludi l-istess kombinament ta' dwal tal-vetturi.

(4)

Għaldaqstant, huwa xieraq li l-manifatturi jingħataw il-possibbiltà li jiċċertifikaw l-iffrankar ta' CO2 minn illuminazzjoni esterna ta' effiċjenza għolja li tuża LEDs li tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet. Sabiex jiġi żgurat li jkunu biss sistemi ta' illuminazzjoni esterna li jużaw LEDs u li huma konformi ma' dawk il-kundizzjonijiet li jiġu proposti għal ċertifikazzjoni, il-manifattur għandu jipprovdi rapport ta' verifika minn korp ta' verifika indipendenti li jikkonferma l-konformità flimkien mal-applikazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni ppreżentata lill-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip.

(5)

Jekk l-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tqis li s-sistema ta' illuminazzjoni li tuża LEDs ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għaċ-ċertifikazzjoni, l-applikazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tal-iffrankar għandha tiġi miċħuda.

(6)

Huwa xieraq li l-metodoloġija tal-ittestjar tiġi approvata biex jiġi ddeterminat l-iffrankar ta' CO2 minn sistemi ta' illuminazzjoni esterna li jużaw LEDs.

(7)

Sabiex jiġi ddeterminat l-iffrankar ta' CO2 minn sistema ta' illuminazzjoni esterna li tuża LEDs, jeħtieġ li tiġi stabbilita t-teknoloġija ta' referenza li magħha għandu jsir tqabbil u skont liema għandha tiġi evalwata l-effiċjenza tas-sistema ta' illuminazzjoni li tuża LEDs. Fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba, ikun xieraq li s-sistemi ta' illuminazzjoni tal-aloġenu jitqiesu bħala t-teknoloġija ta' referenza.

(8)

L-iffrankar minn illuminazzjoni esterna li tuża LEDs jista' jintwera parzjalment permezz tat-test imsemmi fl-Anness XII tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 (6). Għalhekk jeħtieġ li jiġi żgurat li din il-kopertura parzjali tiġi kkunsidrata fil-metodoloġija tgħall-ittestjar tal-iffrankar tas-CO2 minn illuminazzjoni esterna li tuża LEDs.

(9)

Sabiex jiġi ffaċilitat użu usa' ta' illuminazzjoni esterna ta' effiċjenza għolja li tuża LEDs f'vetturi ġodda, manifattur għandu jkollu wkoll il-possibbiltà li japplika għaċ-ċertifikazzjoni tal-iffrankar ta' CO2 minn diversi sistemi ta' illuminazzjoni esterna li tuża LEDs b'applikazzjoni waħda ta' ċertifikazzjoni. Madankollu, huwa xieraq li jiġi żgurat li fejn tintuża din il-possibbiltà jiġi applikat mekkaniżmu li jinċentiva l-użu esklussiv ta' dawk is-sistemi ta' illuminazzjoni esterna li tuża LEDs li joffru l-ogħla effiċjenza.

(10)

Bil-għan li jiġi ddeterminat il-kodiċi tal-ekoinnovazzjoni ġenerali li għandu jintuża fid-dokumenti rilevanti tal-approvazzjoni tat-tip skont l-Annessi I, VIII u IX tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), għandu jiġi speċifikat il-kodiċi individwali li jrid jintuża għat-teknoloġija innovattiva għas-sistemi ta' illuminazzjoni esterna ta' effiċjenza għolja li tuża LEDs,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Approvazzjoni

It-teknoloġija użata fid-dijodi li jemettu d-dawl (LEDs) Mazda u fis-sistema ta' illuminazzjoni bl-LEDs Honda hija approvata bħala teknoloġija innovattiva skont it-tifsira tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009.

Artikolu 2

Applikazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tal-iffrankar ta' CO2

1.   Il-manifattur jista' japplika għaċ-ċertifikazzjoni tal-iffrankar ta' CO2 minn sistema waħda jew aktar ta' illuminazzjoni esterna li tuża LEDs maħsuba għall-użu f'vetturi M1 li jinkludu wieħed jew kombinament tat-tipi ta' illuminazzjoni b'LED li ġejjin,

(a)

il-fanal ta' quddiem tar-raġġi baxxi;

(b)

il-fanal ta' quddiem tar-raġġi għoljin;

(c)

il-fanali ta' quddiem;

(d)

il-fanali ta' quddiem kontra ċ-ċpar;

(e)

il-fanali ta' wara kontra ċ-ċpar;

(f)

id-dwal tal-indikaturi ta' quddiem;

(g)

id-dwal tal-indikaturi ta' wara;

(h)

id-dwal tal-pjanċi;

(i)

id-dwal tar-rivers.

Id-dawl LED jew il-kombinament ta' dwal LED li jiffurmaw l-illuminazzjoni esterna ta' effiċjenza għolja tal-vetturi li tuża LEDs għandhom, bħala minimu, jipprovdu t-tnaqqis ta' CO2 speċifikat fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 725/2011.

2.   Applikazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tal-iffrankar minn sistema waħda jew aktar ta' illuminazzjoni esterna li tuża LEDs għandha tkun akkumpanjata minn rapport ta' verifika indipendenti li jiċċertifika li dik jew dawk is-sistemi ta' illuminazzjoni b'LED hija jew huma konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1.

3.   L-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip għandha tiċħad l-applikazzjoni għal ċertifikazzjoni jekk issib li sistema waħda jew aktar ta' illuminazzjoni esterna li tuża LEDs mhijiex jew mhumiex konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1.

Artikolu 3

Ċertifikazzjoni tal-iffrankar ta' CO2

1.   It-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-użu ta' illuminazzjoni esterna ta' effiċjenza għolja tal-vetturi li tuża LEDs imsemmija fl-Artikolu 2(1) għandu jiġi kkalkulat permezz tal-metodoloġija stabbilita fl-Anness.

2.   Meta manifattur jippreżenta applikazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tal-iffrankar ta' CO2 minn diversi sistemi ta' illuminazzjoni esterna ta' effiċjenza għolja msemmija fl-Artikolu 2(1) fir-rigward ta' verżjoni waħda ta' vettura, l-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip għandha tiddetermina liema mis-sistemi ta' illuminazzjoni esterna ta' effiċjenza għolja li tuża LEDs li ġiet ittestjata trendi l-inqas iffrankar ta' CO2, u għandha tirreġistra l-aktar valur baxx fid-dokumentazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip rilevanti. Dak il-valur għandu jkun indikat fiċ-ċertifikat ta' konformità skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011.

Artikolu 4

Kodiċi tal-ekoinnovazzjoni

Il-kodiċi tal-ekoinnovazzjoni Nru 19 għandu jiddaħħal fid-dokumentazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip meta ssir referenza għal din id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' April 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 725/2011 tal- 25 ta' Lulju 2011 li jistabbilixxi proċedura għall-approvazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 minn karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 194, 26.7.2011, p. 19).

(3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/128/UE tal-10 ta' Marzu 2014 dwar l-approvazzjoni tal-modulu LED bir-raġġ baxx “E-Light” bħala teknoloġija innovattiva għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tad-CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 70, 11.3.2014, p. 30).

(4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/206 tad-9 ta' Frar 2015 dwar l-approvazzjoni tad-dawl effiċjenti fuq barra tad-Daimler AG bl-użu ta' dijodi li jemettu d-dawl bħala teknoloġija innovattiva biex jonqsu l-emissjonijiet tad-CO2 minn karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 33, 10.2.2015, p. 52).

(5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/160 tal-5 ta' Frar 2016 dwar l-approvazzjoni tas-sistema ta' illuminazzjoni esterna effiċjenti tat-Toyota Motor Europe li tuża dijodi li jemettu d-dawl bħala teknoloġija innovattiva biex jonqsu l-emissjonijiet ta' CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 31, 6.2.2016, p. 70).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 tat-18 ta' Lulju 2008 li jimplimenta u jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura (ĠU L 199, 28.7.2008, p. 1).

(7)  Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1).


ANNESS

IL-METODOLOĠIJA BIEX JIĠI KKALKULAT L-IFFRANKAR TAS-CO2 MINN ILLUMINAZZJONI ESTERNA TAL-VETTURI BL-UŻU TA' DIJODI LI JEMETTU D-DAWL (LEDS).

1.   INTRODUZZJONI

Sabiex jiġi stabbilit it-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 li jista' jiġi attribwit lil pakkett ta' dwal LED esterni ta' effiċjenza għolja li jikkonsisti minn kombinament xieraq ta' dwal tal-vetturi imsemmija fl-Artikolu 2 għall-użu f'vettura tat-tip M1, jeħtieġ li jiġu stabbiliti dawn li ġejjin:

(1)

Il-kundizzjonijiet tal-ittestjar;

(2)

It-tagħmir tat-testijiet;

(3)

Il-kalkolu tal-iffrankar tal-enerġija;

(4)

Il-kalkolu tal-iffrankar tas-CO2;

(5)

Il-kalkolu tal-iżball statistiku.

2.   SIMBOLI, PARAMETRI U UNITAJIET

Simboli bil-Latin

Formula

Iffrankar totali tas-CO2 [g CO2/km]

CO2

Diossidu tal-karbonju

CF

Il-fattur ta' konverżjoni (l/100 km) — (g CO2/km) [g CO2/l] kif iddefinit fit-Tabella 3

m

In-numru ta' dwal LED esterni ta' effiċjenza għolja li jiffurmaw il-pakkett

n

In-numru ta' kemm il darba tkejjel il-kampjun

P

Il-konsum tal-enerġija mid-dwal tal-vettura [W]

Formula

Id-devjazzjoni standard tal-konsum ta' enerġija mid-dwal LED [W]

Formula

Id-devjazzjoni standard tal-medja tal-konsum ta' enerġija mid-dwal LED [W]

Formula

Id-devjazzjoni standard tal-iffrankar totali tas-CO2 [g CO2/km]

UF

Il-fattur tal-użu [-] kif definit fit-Tabella 4

v

Il-veloċità medja tas-sewqan taċ-Ċiklu tas-Sewqan Ewropew il-Ġdid (NEDC) [km/h]

VPe

Il-konsum tal-enerġija effettiva [l/kWh] kif iddefinit fit-Tabella 2

Image

Is-sensittività tal-iffrankar tas-CO2 ikkalkulat b'rabta mal-konsum ta' enerġija mid-dwal LED

Simboli Griegi

Δ

Id-differenza

ηA

L-effiċjenza tal-alternatur [%]

Simboli miktubin taħt il-vers

L-indiċi (i) jirreferi għad-dwal tal-vettura

L-indiċi (j) jirreferi għall-kejl tal-kampjun

EI

Eko-innovattiv

RW

Il-kundizzjonijiet tal-ħajja reali

TA

Il-kundizzjonijiet tal-approvazzjoni tat-tip

B

Ix-xenarju ta' referenza

3.   IL-KUNDIZZJONIJIET TAL-ITTESTJAR

Il-kundizzjonijiet tal-ittestjar għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-Regolament NU/EKE Nru 112 (1) dwar dispożizzjonijiet uniformi dwar l-approvazzjoni ta' fanali ta' quddiem ta' vetturi bil-mutur li jemettu raġġ baxx assimetriku jew raġġ tas-sewqan jew it-tnejn u mgħammra b'fanali tal-filament u/jew moduli tad-dijodi li jemettu d-dawl (LED). Il-konsum tal-enerġija għandu jiġi kkalkulat skont il-punt 6.1.4. tar-Regolament NU/EKE Nru 112 u l-punti 3.2.1 u 3.2.2 tal-Anness 10 tal-istess Regolament.

4.   TAGĦMIR TAT-TEST

Għandu jintuża t-tagħmir li ġej, kif muri fl-Illustrazzjoni:

Unità tal-provvista tal-enerġija (jiġifieri provvista ta' vultaġġ varjabbli);

Żewġ Multi Miters Diġitali, wieħed għall-kejl tal-kurrent dirett, u l-ieħor għall-kejl tal-vultaġġ tal-kurrent dirett. Fl-Illustrazzjoni tintwera konfigurazzjoni possibbli ta' test, fejn il-miter tal-vultaġġ tal-kurrent dirett huwa integrat fl-unità għall-provvista tal-enerġija.

Image

5.   KEJL U DETERMINAZZJONI TAL-IFFRANKAR TA' ENERĠIJA

Għal kull tip ta' dawl LED estern ta' effiċjenza għolja inkluż fil-pakkett, il-kejl tal-kurrent għandu jsir kif muri fl-Illustrazzjoni b'vultaġġ ta' 13,2 V. Modulu(i) LED imħaddem(imħaddma) b'ger tal-kontroll ta' sors tad-dawl elettroniku għandu(għandhom) jitkejjel(jitkejlu) kif speċifikat mill-applikant.

Il-manifatur jista' jitlob li jsir kejl ieħor tal-kurrent f'vultaġġi addizzjonali oħra. F'dak il-każ, il-manifattur irid jgħaddi lill-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip dokumentazzjoni verifikata dwar il-ħtieġa li jitwettaq dan il-kejl addizzjonali. Il-kalkoli tal-kurrenti f'kull wieħed minn dawn il-voltaġġi addizzjonali għandhom jitwettqu b'mod konsekuttiv għal mill-inqas ħames (5) darbiet. Il-vultaġġi installati eżatti u l-kurrent imkejjel iridu jitniżżlu f'erba' ċifri deċimali.

Il-konsum tal-enerġija għandu jiġi determinat billi l-vultaġġ installat jiġi mmultiplikat bil-kurrent imkejjel. Il-medja ta' konsum tal-enerġija għal kull dawl LED estern ta' effiċjenza għolja (Formula) għandha tiġi kkalkulata. Kull valur irid jitniżżel f'erba' (4) ċifri deċimali. Meta mutur ta' veloċità gradwali jew kontrollur elettroniku jintuża għall-provvista tal-elettriku fil-fanali LED, it-tagħbija elettrika ta' din il-parti tal-komponent trid tiġi eskluża mill-kejl.

L-iffrankar tal-enerġija ta' kull dawl LED estern ta' effiċjenza għolja (ΔPi) għandu jiġi kkalkulat billi tintuża l-formula li ġejja:

Formula 1

Formula

fejn il-konsum tal-enerġija tad-dawl tal-vetturi ta' referenza korrispondenti huwa definit mit-Tabella 1.

Tabella 1

Il-ħtiġijiet enerġetiċi għat-tipi differenti ta' dwal tal-vetturi ta' referenza

Dawl tal-vettura

Enerġija elettrika totali (PB)

[W]

Il-fanal ta' quddiem tar-raġġi baxxi

137

Il-fanal ta' quddiem tar-raġġi għoljin

150

Il-fanali ta' quddiem

12

Id-dwal tal-pjanċi

12

Il-fanali ta' quddiem kontra ċ-ċpar

124

Il-fanali ta' wara kontra ċ-ċpar

26

Il-fanal tal-indikaturi ta' quddiem

13

Il-fanal tal-indikaturi ta' wara

13

Il-fanal tar-rivers

52

6.   IL-KALKOLU TAL-IFFRANKAR TA' CO2

L-iffrankar totali ta' CO2 tal-pakkett ta' illuminazzjoni għandu jiġi kkalkulat bl-użu tal-Formula 2.

Formula 2

Formula

fejn

v

:

Il-veloċità medja tas-sewqan tal-NEDC [km/h], li hija 33,58 km/h

ηA

:

L-effiċjenza tal-alternatur [%], li hija ta' 67 %

VPe

:

Il-konsum tal-enerġija effettiva [l/kWh] kif iddefinit fit-Tabella 2

Tabella 2

Il-konsum ta' enerġija effettiva

It-tip ta' magna

Il-konsum ta' enerġija effettiva (VPe)

[l/kWh]

Petrol

0,264

Magna petrol bit-turbo

0,280

Diżil

0,220

CF

:

Il-fattur ta' konverżjoni (l/100 km) — (g CO2/km) [g CO2/l] kif iddefinit fit-Tabella 3

Tabella 3

Il-fattur ta' konverżjoni tal-fjuwil

Tip ta' fjuwil

Il-fattur ta' konverżjoni (l/100 km) — (g CO2/km) (CF)

[g CO2/l]

Petrol

2 330

Diżil

2 640

UF

:

Il-fattur tal-użu tad-dawl tal-vettura [-] kif definit fit-Tabella 4

Tabella 4

Il-fattur tal-użu għal tipi differenti ta' dwal tal-vetturi

Dawl tal-vettura

Il-fattur tal-użu (UF)

[-]

Il-fanal ta' quddiem tar-raġġi baxxi

0,33

Il-fanal ta' quddiem tar-raġġi għoljin

0,03

Il-fanali ta' quddiem

0,36

Id-dwal tal-pjanċi

0,36

Il-fanali ta' quddiem kontra ċ-ċpar

0,01

Il-fanali ta' wara kontra ċ-ċpar

0,01

Il-fanal tal-indikaturi ta' quddiem

0,15

Il-fanal tal-indikaturi ta' wara

0,15

Il-fanal tar-rivers

0,01

7.   IL-KALKOLU TAL-IŻBALL STATISTIKU

L-iżbalji statisiċi fir-riżultati tal-metodoloġija tal-ittestjar ikkawżati mill-kejl għandhom jiġu kkwantifikati. Għal kull dawl LED estern ta' effiċjenza għolja inkluż fil-pakkett, id-devjazzjoni standard tiġi kkalkulata kif definit mill-Formula 3.

Formula 3

Formula

fejn:

n

:

L-għadd ta' drabi ta' kejl tal-kampjun, li huwa mill-inqas ħamsa (5).

Id-devjazzjoni standard tal-konsum tal-enerġija ta' kull dawl LED estern ta' effiċjenza għolja (Formula) twassal għal żball fl-iffrankar tas-CO2 (Formula). Dan l-iżball għandu jiġi kkalkulat permezz tal-Formula 4

Formula 4

Image

8.   SINIFIKAT STATISTIKU

Għal kull tip, varjant u verżjoni ta' vettura mgħammra bil-kombinament ta' dwal LED esterni ta' effiċjenza għolja jrid jintwera li l-iżball fl-iffrankar tas-CO2 ikkalkulat skont il-Formula 4 mhuwiex ikbar mid-differenza bejn l-għadd totali ta' CO2 iffrankat u l-limitu minimu ta' ffrankar speċifikat fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 725/2011 (ara l-Formula 5).

Formula 5

Formula

fejn:

MT

:

Il-limitu minimu [g CO2/km], li huwa ta' 1 g CO2/km

Meta, bħala riżultat tal-kalkolu li juża l-Formula 5, it-total tal-iffrankar ta' emissjonijiet ta' CO2 tal-pakkett ta' dwal LED esterni ta' effiċjenza għolja jkun taħt il-limitu speċifikat fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011, japplika it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(2) ta' dak ir-Regolament.


(1)  E/ECE/324/Rev.2/Add.111/Rev.3 — E/ECE/TRANS/505/Rev.2/Add.111/Rev.3, id-9 ta' Jannar 2013.


Top