EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0321

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/321 tat-3 ta' Marzu 2016 li taġġusta l-ambitu ġeografiku tal-awtorizzazzjoni għall-kultivazzjoni tal-qamħirrum ġenetikament modifikat (Zea mays L.) MON 810 (MON-ØØ81Ø-6) (notifikata bid-dokument C(2016) 1231) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

C/2016/1231

ĠU L 60, 5.3.2016, p. 90–92 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/321/oj

5.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 60/90


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/321

tat-3 ta' Marzu 2016

li taġġusta l-ambitu ġeografiku tal-awtorizzazzjoni għall-kultivazzjoni tal-qamħirrum ġenetikament modifikat (Zea mays L.) MON 810 (MON-ØØ81Ø-6)

(notifikata bid-dokument C(2016) 1231)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 26c, paragrafu 3, tagħha,

Billi:

(1)

Il-kultivazzjoni tal-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 kienet inizjalment awtorizzata skont id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (2) bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/294/KE (3). Fit-3 ta' Awwissu 1998, Franza tat il-kunsens lil Monsanto Europe SA (minn hawn 'il quddiem “Monsanto”) għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti tal-qamħirrum MON 810.

(2)

F'Lulju 2004, Monsanto nnotifikat iż-żrieragħ tal-qamħirrum MON 810 għall-kultivazzjoni bħala “prodotti eżistenti” skont id-dispożizzjonijiet tranżitorji stipulati fl-Artikolu 20(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). B'konsegwenza ta' dan, huma jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq skont ir-reġim ta'“prodotti eżistenti” skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

(3)

F'April 2007, Monsanto applikat għat-tiġdid skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-awtorizzazzjoni għall-kultivazzjoni tal-qamħirrum MON 810. F'konformità mal-Artikolu 23(4) ta' dak ir-Regolament, il-perjodu ta' awtorizzazzjoni jiġi awtomatikament estiż sakemm tittieħed deċiżjoni dwar it-tiġdid tagħha.

(4)

Id-Direttiva (UE) 2015/412 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) introduċiet il-possibbiltà, għal Stat Membru, li jitlob li l-ambitu ġeografiku ta' awtorizzazzjoni għall-kultivazzjoni mogħtija diġà jkun aġġustat bl-effett li t-territorju kollu jew parti minnu ta' dak l-Istat Membru jiġi eskluż mill-kultivazzjoni. Dawn it-talbiet kellhom jiġu ppreżentati mit-2 ta' April 2015 sat-3 ta' Ottubru 2015.

(5)

Dsatax-il Stat Membru talbu, skont l-Artikolu 26c tad-Direttiva 2001/18/KE, il-projbizzjoni tal-kultivazzjoni tal-MON 810 fit-territorju kollu tagħhom jew f'parti minnu. Dawn it-talbiet waslu għand il-Kummissjoni qabel it-3 ta' Ottubru 2015: fit-3 ta' Lulju 2015 mil-Latvja; fis-27 ta' Lulju 2015 mill-Greċja; fil-15 ta' Settembru 2015 minn Franza; fis-17 ta' Settembru 2015 mill-Kroazja; fit-18 ta' Settembru 2015 mill-Awstrija; fil-21 ta' Settembru 2015 mill-Ungerija; fit-23 ta' Settembru 2015 min-Netherlands u l-Belġju; fl-24 ta' Settembru 2015 mill-Polonja; fil-25 ta' Settembru 2015 mil-Litwanja u r-Renju Unit; fit-30 ta' Settembru 2015 mill-Bulgarija, il-Ġermanja u Ċipru; fl-1 ta' Ottubru 2015 mid-Danimarka u l-Italja; u fit-2 ta' Ottubru 2015 mil-Lussemburgu, Malta u s-Slovenja.

(6)

It-talbiet kollha li waslu għand il-Kummissjoni jkopru t-territorju kollu tal-Istati Membri kkonċernati, għajr għall-Belġju, li kkomunika talba li tkopri biss it-territorju ta' Walloon, u għar-Renju Unit, li kkomunikat talba li tkopri biss it-territorji tal-Irlanda ta' Fuq, tal-Iskozja u ta' Wales. It-talba tal-Ġermanja ma tkoprix il-kultivazzjoni għal finijiet ta' riċerka.

(7)

Il-Kummissjoni ppreżentat kull waħda mit-talbiet tal-Istati Membri kkonċernati lil Monsanto. Monsanto ma oġġezzjonat għall-ebda waħda minn dawn it-talbiet fi żmien il-perjodu ta' tletin jum permessi mill-Artikolu 26c(3) tad-Direttiva 2001/18/KE u b'hekk ma kkonfermatx l-ambitu ġeografiku tal-awtorizzazzjoni għall-kultivazzjoni tal-qamħirrum MON 810. Skont l-Artikolu 26c(3) ta' dik id-Direttiva, l-ambitu ġeografiku tal-awtorizzazzjoni mogħtija liż-żrieragħ tal-qamħirrum MON 810 għall-kultivazzjoni għandu għalhekk jiġi aġġustat f'konformità mat-talbiet tal-Istati Membri kkonċernati, mingħajr ma tiġi applikata l-proċedura msemmija fl-Artikolu 35(2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

(8)

Din id-Deċiżjoni hija bla preġudizzju għad-deċiżjoni li għandha tittieħed dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

(9)

L-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-awtorizzazzjoni tal-qamħirrum MON 810 għandha tiddaħħal fir-reġistru Komunitarju tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u l-Istati Membri se jiġu infurmati b'din id-Deċiżjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-kultivazzjoni ta' qamħirrum ġenetikament modifikat (Zea mays L.) MON 810 għandha tiġi pprojbita fit-territorji elenkati fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

L-informazzjoni stabbilita f'din id-Deċiżjoni għandha tiddaħħal fir-reġistru Komunitarju tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati kif imsemmi fl-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Monsanto Europe SA, Avenue de Tervuren, 270 — 272, 1150 Brussell, il-Belġju.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Marzu 2016.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE tat-23 ta' April 1990 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi ġenetikament modifikati (ĠU L 117, 8.5.1990, p. 15).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/294/KE tat-22 ta' April 1998 rigward it-tqegħid fis-suq ta' qamħirrum modifikat ġenetikament (Zea mays L. line MON 810), skont id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU L 131, 5.5.1998, p. 32).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikati ġenetikament (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1).

(5)  Id-Direttiva (UE) 2015/412 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 li temenda d-Direttiva 2001/18/KE fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM) fit-territorju tagħhom (ĠU L 68, 13.3.2015, p. 1).


ANNESS

TERRITORJI FEJN IL-KULTIVAZZJONI TAL-QAMĦIRRUM MON 810 HIJA PPROJBITA

(1)

Walloon (il-Belġju);

(2)

Il-Bulgarija;

(3)

Id-Danimarka;

(4)

Il-Ġermanja (ħlief għal finijiet ta' riċerka);

(5)

Il-Greċja;

(6)

Franza;

(7)

Il-Kroazja;

(8)

L-Italja;

(9)

Ċipru;

(10)

Il-Latvja;

(11)

Il-Litwanja;

(12)

Il-Lussemburgu;

(13)

L-Ungerija;

(14)

Malta;

(15)

In-Netherlands;

(16)

L-Awstrija;

(17)

Il-Polonja;

(18)

Is-Slovenja;

(19)

L-Irlanda ta' Fuq (ir-Renju Unit);

(20)

L-Iskozja (ir-Renju Unit);

(21)

Wales (ir-Renju Unit).


Top