EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0464

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 464/2011 tal- 11 ta’ Mejju 2011 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet tat-trab żeolit A li joriġinaw mill-Bosnja-Ħerzegovina

ĠU L 125, 14.5.2011, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/05/2016

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/464/oj

14.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 125/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 464/2011

tal-11 ta’ Mejju 2011

li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet tat-trab żeolit A li joriġinaw mill-Bosnja-Ħerzegovina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1), (“ir-Regolament bażiku”) u b'mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) u wara li kkonsulta mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

1.   MIŻURI PROVVIŻORJI

(1)

Permezz tar-Regolament (UE) Nru 1036/2010 (2) (“ir-Regolament provviżorju”), il-Kummissjoni imponiet dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet tat-trab żeolit A li joriġinaw mill-Bosnja-Ħerzegovina (“BA”).

(2)

Il-proċediment beda wara li ġie ppreżentat ilment fl-4 ta’ Jannar 2010 minn Industrias Quimicas del Ebro SA, MAL Magyar Aluminium, PQ Silicas BV, Silkem d.o.o. u Zeolite Mira Srl Unipersonale (“min għamel l-ilment”), li jirrappreżentaw il-biċċa l-kbira tal-produzzjoni totali tat-trab żeolit A fl-Unjoni; f'dan il-każ iktar minn 25 %. Dan l-ilment kien fih evidenza ta’ dumping u ta’ ħsara materjali li tirriżulta minnu, li tqieset li kienet biżżejjed biex tiġġustifika l-ftuħ ta’ proċediment.

2.   IL-PROĊEDURA SUSSEGWENTI

(3)

Wara l-iżvelar tal-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali, li abbażi tagħhom kien deċiż li jkunu imposti miżuri provviżorji ta’ antidumping (“żvelar provviżorju”), għadd ta’ partijiet interessati ressqu preżentazzjonijiet bil-miktub biex juru l-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet provviżorji. Il-partijiet li għamlu din l-affermazzjoni ingħataw l-opportunità li jinstemgħu.

(4)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li dehrilha li kienet meħtieġa għas-sejbiet definittivi tagħha.

(5)

Huwa mfakkar li, kif stabbilit fil-premessa (11) tar-Regolament provviżorju, lL-investigazzjoni ta’ dumping u ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2009 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni” jew “PI”). L-eżami tat-tendenzi rilevanti gћall-valutazzjoni tal-ћsara kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2005 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

(6)

Il-partijiet interessati kollha ġew mgħarrfa bil-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom il-Kummissjoni bbażata l-intenzjoni li tkun irrakkomandata l-impożizzjoni ta’ dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tat-trab żeolit A li joriġinaw fil-Bosnja-Ħerzegovina u l-ġbir definittiv tal-ammonti assigurati permezz tad-dazju provviżorju. Huma ngħataw ukoll perjodu ta’ żmien li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet.

(7)

Il-kummenti orali u bil-miktub imressqa mill-partijiet interessati ġew ikkunsidrati u tqiesu fejn kien xieraq.

3.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

(8)

Fl-assenza ta’ kummenti fuq dawn il-kwistjonijiet, il-premessi minn (12) sa (15) tar-Regolament provviżorju qegħdin b'dan jiġu kkonfermati.

(9)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, huwa konkluż b'mod definittiv li t-tipi kollha ta’ trab żeolit A kif definiti hawn fuq huma l-istess fis-sens tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

4.   IT-TEĦID TAL-KAMPJUNI

(10)

Il-grupp esportatur u produttur tal-Bosnja-Ħerzegovina (“Birac”) mar lura għall-affermazzjoni li għamel fl-istadju provviżorju tal-investigazzjoni; dik li produttur mill-Unjoni li ma tteħidlux kampjun (Silkem d.o.o. jew “Silkem”) kellu jkun integrat bis-sħiħ fit-tweġiba tal-kwestonarju tal-produttur tal-Unjoni li tteħidlu kampjun (MAL Magyar Aluminium jew “MAL”) għaliex iż-żewġ kumpaniji huma relatati. Ġie sostnut li kieku din l-ommissjoni ġiet aċċettata kienet issir diskriminazzjoni bejn il-produtturi u l-esportaturi tal-Unjoni, għaliex f'każi fejn hemm esportaturi u produtturi relatati ġewwa pajjiżi suġġetti għal investigazzjoni ta’ antidumping, dawn huma kollha mitluba biex iressqu t-tweġibiet tagħhom tal-kwestjonarji. Barra minn hekk, Birac afferma li Mal u Silkem għandhom jiġu ddikjarati li mhux jikkooperaw.

(11)

Dawk l-affermazzjonijiet ma jistgħux jintlaqgħu. Kemm Mal, kif ukoll Silkem, ikkooperaw bis-sħiħ fl-investigazzjoni minħabba r-raġunijiet spjegati fi premessa (19) tar-Regolament provviżorju. Ta' min ifakkar li fit-tweġiba tal-formola tat-teħid ta’ kampjuni, Silkem ipprovdiet informazzjoni; u Silkem ġiet ikkunsidrata fl-indikaturi tal-makrodejta. Madankollu, minħabba d-daqs żgħir tagħha, il-kumpanija ma ġietx inkluża fil-lista tal-kumpaniji li tteħdilhom kampjun. Għaldaqstant, Silkem ma kelliex bżonn tippreżenta l-magħrufa mikrodejta u a fortiori din ma ġietx ivverifikata. Barra minn hekk, minħabba li meta mqabbel ma’ dak ta’ MAL, il-bejgħ tagħhom tal-prodott ikkonċernat huwa relattivament baxx, ma hemm l-ebda indikazzjoni li turi li jkun hemm xi differenza jekk id-dejta ta’ Silkem tingħaqad mad-dejta ta’ MAL.

(12)

Barra minn hekk, l-allegata diskriminazzjoni bejn il-produtturi esportaturi u l-produtturi tal-Unjoni hija bla bażi għaliex is-sitwazzjonijiet huma differenti. Min-naħa l-oħra, l-investigazzjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ dumping hija waħda li normalment tkun imwettqa fil-livell tal-kumpanija, li għaliha s-servizzi tal-Kummissjoni jkollhom bżonn jikkalkulaw il-marġni tad-dumping speċifikament għall-kumpanija. Barra minn hekk, wieħed għandu jħares lejn grupp ta’ produtturi esportaturi fit-totalità tiegħu, għaliex inkella jista' jkun hemm ir-riskju li l-esportazzjonijiet jgħaddu mill-parti tal-grupp li jkollha l-iktar livell baxx ta’ dazju. Min-naħa l-oħra, l-għan tal-investigazzjoni ta’ ħsara huwa li jeżamina jekk l-industrija kollha tal-Unjoni hijiex issofri ħsara materjali. F'dan il-każ, il-produtturi tal-Unjoni li tteħdilhom kampjun f'din l-investigazzjoni, ġew ikkunsidrati bħala rappreżentanti tal-produzzjoni kollha tal-Unjoni fir-rigward ta’ ċerti indikaturi tal-ħsara (mikro indikaturi). Għaldaqstant, din l-affermazzjoni mhijiex milqugħa.

(13)

Birac afferma ukoll li kumpanija tal-minjieri tal-Bosnja, assoċjata ma’ MAL, li tipprovdi materja prima minn qabel (jiġifieri boksajt) lil dan il-produttur tal-Unjoni partikolari, kellha tikkoopera ukoll fl-investigazzjoni. F'dan ir-rigward, ta’ min jinnota li l-kumpanija tal-minjieri ġiet elenkata mat-tweġiba tal-kwestjonarju ta’ MAL. L-ispejjeż assoċjati mal-provvisti tal-boksajt u l-bidla tiegħu fi triidrat tal-aluminju, ġew ukoll irrapurtati fl-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ MAL. Għaldaqstant, il-Grupp MAL ikkonforma bis-sħiħ mal-obbligazzjonijiet għar-rappurtar stabbiliti mis-servizzi tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, din l-affermazzjoni mhijiex milqugħa.

(14)

Fl-assenza ta’ kummenti oħra dwar dawn il-kwistjonijiet, il-premessi minn (16) sa (20) tar-Regolament provviżorju qegħdin b'dan jiġu definittivament ikkonfermati.

5.   DUMPING

5.1.   Valur normali

(15)

Huwa mfakkar li fl-assenza ta’ bejgħ domestiku rappreżentattiv, il-valur normali nħadem skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku.

(16)

Biex jinħadem il-valur normali skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, żdiedu mal-ispiża medja tal-produzzjoni tagħhom stess matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, l-ispejjeż tal-bejgħ, dawk ġenerali u amministrattivi (BĠuA) li saru u l-medja differenzjata tal-profitt magħmul minn kull wieħed mill-produtturi esportaturi li kkooperaw fuq il-bejgħ domestiku tal-prodott simili, fl-andament normali tal-kummerċ, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Intużat il-medja differenzjata tal-profitt minħabba li ma hemmx tipi separati tal-prodott ikkonċernat jew il-prodott simili. Fejn neċessarju, qabel ma ntużaw fit-test tal-andament normali tal-kummerċ u fil-bini tal-valuri normali, l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-ispejjeż BĠuA ġew aġġustati.

(17)

Minbarra l-iżvelar tal-fatti, Birac ressaq kummenti dwar kif ġie ddeterminat il-marġni tal-profitt li ntuża fil-kalkolu tal-valur normali. Skont Birac, il-metodoloġija li ntużat tikser l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku billi f'dan il-każ speċifiku, ir-riżultat miksub mill-marġni tal-profitt tal-bejgħ domestiku mhux rappreżentattiv użat biex jinħadem il-valur normali, huwa eżatt l-istess daqslikieku ġew użati l-prezzijiet tal-bejgħ domestiku mhux rappreżentattiv. Huwa afferma li approċċ inkoerenti bħal dan ma setax kien intenzjonat bil-qari f'daqqa tal-Artikoli 2(3) u 2(6) tar-Regolament bażiku. Tqies ukoll li l-marġni tal-profitt użat mhuwiex raġonevoli u proporzjonat, b'mod speċjali meta mqabbel mal-mira tal-profitt użata għall-kalkulazzjoni tal-bejgħ taħt il-prezz.

(18)

Barra minn hekk, Birac afferma li l-bejgħ domestiku, ma jistax jitqies daqslikieku sar fl-andament normali tal-kummerċ minħabba n-natura tiegħu, u għalhekk ma għandux jintuża biex jistabbilixxi l-valur normali.

(19)

Fir-rigward tal-ewwel affermazzjoni, ta’ min jinnota li l-metodu użat huwa skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku u tal-ġurisprudenza li toħroġ mid-deċiżjonijiet tal-WTO, li skont huma, waqt il-kalkolu tal-valur normali, għandu jintuża l-profitt tal-bejgħ domestiku fl-andament normali tal-kummerċ, anki jekk dan il-bejgħ ma kienx rappreżentattiv. Ta' min jinnota li f'dan il-każ speċifiku, minħabba li l-bejgħ domestiku kollu sar bi profitt, il-bini tal-valur normali kellu l-istess riżultat daqslikieku l-valur normali kien ibbażat fuq il-prezzijiet tal-bejgħ domestiku. Qabel xejn, ta’ min jinnota, li l-profitt u d-dejta tal-BĠuA kienu bbażati fuq il-bejgħ domestiku tal-kumpanija li tqies fl-andament normali tal-kummerċ. Barra minn hekk, ta’ min jinnota li “r-raġonevolezza” ma tistax titkejjel mal-mira tal-profitt użata għall-kalkoli tal-bejgħ taħt il-prezz minħabba li l-profitt jirrifletti l-qagħda tas-suq tal-Unjoni fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping u għaldaqstant ma jistax isawwar punt ta’ riferiment adegwat biex jiddetermina l-profitt li għandu jkun użat fil-kuntest tal-bini tal-valur normali. Għaldaqstant l-affermazzjoni għandha tkun irrifjutata.

(20)

Fir-rigward tal-affermazzjoni li l-bejgħ domestiku m'għandux jitqies bħala wieħed li sar fl-andament normali tal-kummerċ, l-investigazzjoni affermat li d-dejta u l-evidenza ppreżentata minn Birac sawwru bażi affidabbli sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali. Għaldaqstant, din l-affermazzjoni tqieset li ma kinetx iġġustifikata u għaldaqstant ma ġietx milqugħa.

(21)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra fir-rigward tad-determinazzjoni tal-valur normali, il-metodu deskritt fil-premessi minn (21) sa (26) tar-Regolament provviżorju huwa b'dan ikkonfermat.

5.2.   Il-prezz tal-esportazzjoni

(22)

Fl-assenza ta’ kummenti oħra dwar il-prezz tal-esportazzjoni, il-premessi (27) u (28) tar-Regolament provviżorju, qegħdin b'dan jiġu kkonfermati.

5.3.   Tqabbil

(23)

Fl-assenza ta’ kummenti oħra fir-rigward tat-tqabbil bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, il-premessa (29) tar-Regolament provviżorju hija b'dan ikkonfermata.

5.4.   Marġni tad-dumping

(24)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra fir-rigward tad-determinazzjoni tal-marġni tad-dumping, li jbiddlu s-sejbiet provviżorji, il-premessi minn (30) sa (32) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

6.   ĦSARA

(25)

Saru kummenti mingħand ċerti produtturi tal-Unjoni, żewġ utenti fl-UE u mill-uniku produttur esportatur tal-Bosnja, dwar is-sejbiet li jikkonċernaw id-dannu.

(26)

Dawk l-argumenti li diġà ġew indirizzati bis-sħiħ fir-Regolament provviżorju, mhumiex irripetuti f'dan ir-Regolament.

6.1.   Rimarki ġenerali

(27)

Il-premessi (45) u (68) tar-Regolament provviżorju, juru biċ-ċar li f'din l-investigazzjoni, it-terminu “l-industrja tal-Unjoni” jjkopri l-produtturi kollha tal-Unjoni. Barra minn hekk, bħala regola, il-fatturi tad-dannu li wasslu għas-sejba tal-ħsara huma bbażati fuq dejta li għandha x'taqsam mal-industrija tal-Unjoni. L-użu tad-dejta li għandha x'taqsam mal-industrija tal-Unjoni, ġie identifikat fit-taqsima 5.4 tar-Regolament provviżorju permezz ta’ referenza għall-“makrodejta”. Madankollu, meta l-informazzjoni ma kinitx disponibbli għall-industrija kollha tal-Unjoni, intużat d-dejta tal-kampjun rappreżentattiv tal-produtturi tal-Unjoni. Ma saru l-ebda kummenti dwar dawn il-kwistjonijiet u, għalhekk, is-sejbiet provviżorji huma kkonfermati definittivament.

(28)

Madankollu, saret dikjarazzjoni żbaljata fi premessa (34) tar-Regolament provviżorju. Il-premessa kellha tgħid “Il-produtturi kollha tal-Unjoni jifformaw l-industrija tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku u minn issa 'l quddiem se jissejħu l-‘industrija tal-Unjoni’”.

(29)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra, is-sejbiet stabbiliti fil-premessi minn (52) sa (56) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

6.2.   Konsum fl-Unjoni

(30)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra, is-sejbiet stabbiliti fil-premessi minn (35) sa (38) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

6.3.   Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(31)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra, is-sejbiet stabbiliti fil-premessi minn (39) sa (43) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

6.4.   Il-qagħda tal-industrija tal-Unjoni

6.4.1.   L-indikaturi tad-dannu

(32)

F'Ottubru 2010 seħħ inċident industrijali fis-sit ta’ wieħed mill-produtturi tal-Unjoni, l-MAL. Madankollu, iċ-ċifri ppreżentati mill-kumpanija juru li sa Jannar 2011, il-konsenji tal-prodott ikkonċernati kienu rkupraw. Għaldaqstant kien ċar li l-inċident ma kkawżax problemi serji ta’ provvisti fis-suq tal-UE.

(33)

Birac afferma li la waqt il-PI, il-kumpanija tal-minjieri tal-Bosnja assoċjata ma’ MAL, imsemmija hawn fuq, għamlet il-profitti, il-Kummissjoni għandha tirranġa l-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ MAL u l-profitt fil-kalkolu tal-indikaturi ekonomiċi, għaliex is-sitwazzjoni tal-profitti ta’ MAL allegatament naqset minħabba l-profitti għoljin li għamlet il-kumpanija assoċjata tal-minjieri fil-BiH.

(34)

Ta' min jinnota, fir-rigward tal-affermazzjoni ta’ hawn fuq, li x-xiri ta’ boksajt mill-kumpanija assoċjata sar f'kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta. Din il-kwistjoni ġiet koperta waqt il-verifika fuq il-post. Minħabba li waqt il-PI, MAL xtara l-boksajt bi kważi l-istess prezzjijiet medji mingħand kumpaniji kemm assoċjati kif ukoll li mhumiex assoċjati, il-Kummissjoni kienet sodisfatta li x-xiri tal-boksajt sar bi prezzijiet li jaqgħu taħt kundiżżjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta, u għaldaqstant ma hemmx bżonn tal-ebda aġġustament tat-tendenza tal-profitt ta’ MAL, li ġiet użata fil-kalkulazzjoni tat-tendenza li tidher fi premessa 52 tar-Regolament provviżorju. Għaldaqstant, din l-affermazzjoni ġiet irrifjutata.

(35)

Birac allega ukoll li la darba ġab ċertu materja prima direttament mill-produzzjoni tal-aluminju tagħha, kellu vantaġġi kompetittivi sinifikanti fuq il-maġġoranza tal-produtturi tal-Unjoni u dan għandu jidher fil-marġni tad-dannu. Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Jekk kumpanija jkollha vantaġġ kompetittiv, normalment dan ikollu effett fuq il-kalkolu totali tagħha tad-dumping, f'termini ta’ inqas spejjeż, u għalhekk valur normali iktar baxx. Dan it-tip ta’ vantaġġ kompetittiv ma għandux x'jaqsam mal-marġni tal-ħsara. Dan tal-aħħar jeżamina jekk livell ta’ dazju iktar baxx mill-marġni tad-dumping ikunx biżżejjed sabiex titneħħa l-ħsara. Għaldaqstant, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(36)

L-utenti tal-Unjoni sostnew li l-iżvilupp pożittiv ta’ ċerti fatturi ta’ ħsara ġie injorat mill-valutazzjoni provviżorja tal-Kummissjoni (profitt, fluss ta’ flus, u redditu fuq l-investiment) li tiddikjara li l-fatturi kollha għandhom jiġu analizzati. Madankollu dawn l-iżviluppi pożittivi ġew analizzati bis-sħiħ fl-istima tad-dannu. Dawn ġew ikkunsidrati iżda f'dan il-każ ma ġewx ikkunsidrati bħala deċiżivi minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-premessi minn (52) sa (60) tar-Regolament provviżorju. Għaldaqstant, dik l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(37)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra, is-sejbiet stabbiliti fil-premessi minn (44) sa (64) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

6.5.   Konklużjoni dwar id-dannu

(38)

Għaldaqstant, u fin-nuqqas ta’ kummenti oħra dwar dan, il-konklużjonijiet milħuqa fil-premessi minn (65) sa (69) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

7.   KAWŻALITÀ

(39)

Utent li kkoopera afferma li l-analiżi tal-kawżalità hija difettuża għaliex il-Kummissjoni qalet li waqt il-PI (2009) deher li sar xi titjib f'ċerti fatturi tad-dannu. Dak l-utent ma qabilx mal-istima magħmula mill-Kummissjoni li l-ogħla profitt li sar fl-2009, kif imqabbel mal-2008, kien riżultat ta’ żviluppi temporanji ta’ żmien qasir li ma rrepetewx ruħhom fl-2010.

(40)

Fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ hawn fuq, ta’ min jinnota li l-argumenti ta’ din il-parti huma biss dikjarazzjonijiet u mhumiex mirfuda minn ebda evidenza ġdida. b'kuntrast, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni hija sostnuta minn informazzjoni mogħtija mill-produtturi tal-Unjoni waqt l-investigazzjoni, kemm fl-istadju provviżorju kif ukoll dak definittiv. L-informazzjoni mogħtija fit-tħejjijiet taż-żjarat ta’ verifika ġiet ukoll verifikata fuq il-post. Id-deterjorament tal-marġni tal-profitt wara l-PI previst mill-Kummissjoni, ġie kkonfermat ukoll mid-dejta tas-sena 2010 kollha, ippreżentata minn żewġ produtturi tal-Unjoni. Għaldaqstant, dik l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(41)

Birac ikkontesta s-sejba provviżorja li tikkonċerna l-impatt tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi. Madankollu, l-analiżi tal-Kummissjoni fir-Regolament provviżorju (premessa (77)) kienet li Birac kien l-uniku esportatur ewlieni għas-suq tal-UE. Prattikament ma kien hemm l-ebda importazzjonijiet minn sorsi oħrajn. F'dan ir-rigward Birac ma ppreżentax evidenza ġdida u għaldaqstant l-affermazzjoni tiegħu hija miċħuda.

(42)

Utent li kkoopera kkontesta l-analiżi li saret fir-Regolament provviżorju, li tikkonċerna t-tnaqqis fil-konsum u kkwota l-investigazzjoni ta’ antidumping tat-tubi tar-raġġi katodiċi tat-televiżjoni tal-kulur bħala preċedent fir-rigward tat-tnaqqis fid-domanda. (3) F'dik l-investigazzjoni, ġie sostnut li t-tnaqqis fid-domanda wassal għall-għeluq tal-proċedimenti. Madankollu ma hemmx parallel bejn il-każ tat-tubi tar-raġġi katodiċi tat-televiżjoni tal-kulur u l-investigazzjoni kurrenti. f'tal-ewwel, il-konsum waqa' b'mod drammatiku għaliex il-prodott ikkonċernat ġie sostitwit bi prodotti oħrajn. Għal kuntrarju ta’ dan, it-tnaqqis fil-konsum fl-investigazzjoni kurrenti huwa moderat ħafna (7 % - kif imniżżel fil-premessi (37) u (38) tar-Regolament provviżorju). F'dan ir-rigward, ta’ min jinnota li l-iżvilupp fil-konsum ġie elaborat iktar fil-premessi (78) sa (80) tar-Regolament provviżorju, iżda l-utent ikkonċernat li kkoopera, ma kienx f'pożizzjoni li jagħti xi evidenza li tirribatti s-sejbiet tal-Kummissjoni. Għaldaqstant dawk l-affermazzjonijiet ġew miċħuda.

(43)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, is-sejbiet stabbiliti fi premessi minn (70) sa (92) tar-Regolament provviżorju, jiġifieri li d-dannu tal-materjal għall-industrija tal-Unjoni saret permezz ta’ importazzjonijiet li kienu oġġett ta’ dumping, huma b'dan ikkonfermati.

8.   L-INTERESS TAL-UNJONI

(44)

Utent li kkoopera afferma li l-Kummissjoni fi premessa (104) tar-Regolament provvizorju, ppreżentat informazzjoni qarrieqa fir-rigward tal-importanza tal-ispejjeż taż-żeolit fl-ispejjeż totali tagħha. B'mod partikolari, kif ikkwotat f'dik il-premessa, ġie ddikjarat li l-ispejjeż taż-żeolit huma iktar minn 5 % tal-ispejjeż totali. F'dan ir-rigward, ta’ min jinnota li din il-parti ma pprovdietx dejta ġdida sabiex issostni d-dikjarazzjoni tagħha, filwaqt li s-sejbiet tal-Kummissjoni kienu bbażati fuq informazzjoni verifikata mill-utenti li kkooperaw. Huwa nnotat li t-terminu “spejjeż totali” użat fir-Regolament provviżorju fil-premessa (104), jinkludi l-ispejjeż tal-manifattura kollha, kif ukoll l-ispejjeż tal-Bejgħ u tal-Amministrazzjoni Ġenerali. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni “inqas minn 5 %” hija medja li tkopri kemm id-deterġenti tal-ħasil tal-ħwejjeġ, kif ukoll il-prodotti li jrattbu l-ilma. Fl-aħħar nett, għandu jkun ċar li l-ispejjeż taż-żeolit fil-prodott li jrattab l-ilma tqil huma ogħla minn dawk tad-deterġent għall-ħasil tal-ħwejjeġ, iżda żgur li l-użu l-iktar importanti għandu x'jaqsam mad-deterġenti tal-ħasil tal-ħwejjeġ. Infatti fir-rigward ta’ dan l-utent partikolari li kkoopera, il-prodotti li jrattbu l-ilma kellhom parti żgħira fid-dħul tal-prodotti finali li jużaw iż-żeolit. Għaldaqstant, dik l-affermazzjoni hija miċħuda.

(45)

Utent li kkoopera sfida s-sejba fil-premessa (102) tar-Regolament provviżorju, li ċ-Ċina hija potenzjalment sors alternattiv ta’ provvisti. Il-Kummissjoni, b'kunsiderazzjoni tal-kummenti li saru, taċċetta li għalkemm waqt il-PI daħlet xi merkanzija miċ-Ċina fis-suq tal-UE, mhux probabbli li fil-futur qrib din se ssir fornitur ewlieni (ara premessa (41) hawn fuq). Madankollu, meta tikkunsidra r-rati tal-kapaċità tal-użu tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni, il-Kummissjoni żżomm l-opinjoni tagħha li ma kienx hemm problemi ta’ provvisti fir-rigward tal-prodott ikkonċernat. Għaldaqstant, dik l-affermazzjoni hija miċħuda.

(46)

Utent li kkoopera afferma li jekk bħala riżultat ta’ din l-investigazzjoni, jiġu imposti d-dazji, l-ispejjeż taż-żeolit se jogħlew tant li jogħlew ukoll il-prezzijiet tad-deterġenti tal-ħasil tal-ħwejjeġ u l-prodotti li jrattbu l-ilma, li jwasslu għal żieda fil-prezzijiet tal-konsumatur. Dan l-argument jimxi mas-suppożizzjoni li l-utenti jgħaddu ż-żidiet fil-prezzijiet taż-żeolit bħala riżultat ta’ dazju antidumping. L-ewwel nett, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-produtturi tal-Unjoni jippreferu jibbenefikaw mill-miżuri permezz ta’ ekonomiji tal-kobor milli permezz ta’ żieda fil-prezzijiet (ara premessi minn (108) sa (111) tar-Regolament provviżorju). Fl-aħħar nett, kif imsemmi hawn fuq, fl-ispejjeż totali tal-produzzjoni ta’ prodotti finali, il-proporzjon tal-ispejjeż assoċjati maż-żeolit huwa żgħir, għalhekk jekk ikun hemm xi konsekwenza tad-dazju, għalkemm mhux probabbli li tiġri, ma tpoġġix fid-dubju l-konklużjoni provviżorja li ma hemmx raġunijiet ta’ interess tal-Unjoni imwarrbin kontra l-impożizzjoni tal-miżuri. Għaldaqstant, dik l-affermazzjoni hija miċħuda.

(47)

Utent li kkoopera ddikjara li jista' jaqleb għall-formoli ta’ non-żeolit fid-deterġenti tal-ħasil tal-ħwejjeġ tiegħu, li jkollhom impatt negattiv fuq il-produtturi taż-żeolit tal-Unjoni. Mill-fajl “Miftuħ għall-Ispezzjoni minn Partijiet Interessati”, il-produtturi tal-Unjoni huma konxji li jeżisti dan ir-riskju għan-negozju tagħhom. Madankollu, ma teżisti l-ebda evidenza reali sabiex jiġi evalwat l-allegat impatt ta’ dan il-qlib ipotetiku fuq l-industrija tal-Unjoni. Għaldaqstant, dik l-affermazzjoni hija miċħuda.

(48)

Il-punti magħmula hawn fuq ġew ikkunsidrati fl-istadju definittiv tal-investigazzjoni, iżda ma jbiddlux il-konklużjonijiet l-iktar importanti tagħha. Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra, is-sejbiet stabbiliti fil-premessi minn (93) sa (112) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati. Għaldaqstant, huwa konkluż li ma sarux argumenti li jissuġġerixxu li mhuwiex fl-interess tal-Unjoni li jiġu imposti miżuri b'riżultat ta’ din l-investigazzjoni.

9.   MIŻURI ANTIDUMPING DEFINITTIVI

9.1.   Livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu

(49)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra, is-sejbiet stabbiliti fil-premessi minn (114) sa (116) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

9.2.   Miżuri definittivi

(50)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa dwar id-dumping, il-ħsara, il-kawżalità u l-interessi tal-Unjoni, u b'konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, dazju antidumping definittiv għandu jiġi impost fil-livell tal-marġnijiet l-aktar baxxi ta’ dumping u ta’ dannu misjuba, skont ir-regola ta’ inqas dazju. F'dan il-każ, ir-rata tad-dazju għandha tkun stabbilita kif xieraq fil-livell tad-dumping li nstab. Din ġiet ikkalkulkata li hija ta’ 28,1 %.

(51)

Fuq il-bażi ta’ dan t'hawn fuq, ir-rata tad-dazju antidumping definittiv għall-BiH hija ta’ 28,1 %.

10.   ĠBIR DEFINITTIV TAD-DAZJU PROVVIŻORJU

(52)

Fid-dawl tad-daqs tal-marġni tad-dumping misjub u minħabba l-livell tad-dannu kkaġunat lill-industrija tal-Unjoni, jitqies li hu meħtieġ li l-ammonti miġbura permezz tad-dazju tal-antidumping provviżorju impost mir-Regolament provviżorju, għandhom jinġabru b'mod definittiv sal-limitu tad-dazju impost definittivament minn dan ir-Regolament.

11.   IL-FORMA TAL-MIŻURI

(53)

Fil-kors tal-investigazzjoni, il-produttur esportatur tal-Bosnja Alumina d.o.o. Zvornik, flimkien mal-kumpanija assoċjata miegħu fl-Unjoni, Kauno Tiekimas AB, li tinsab f'Kaunas, il-Litwanja, offriet impenn għall-prezzijiet skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku. Ta' min jinnota li dan l-aħħar, Fabrica glinice “Birac” saret kumpanija possedenti u Alumina d.o.o, li tinsab fi Zvornik, baqgħet l-unika produttur esportatur tal-grupp.

(54)

Il-Kummissjoni eżaminat l-offerta. Il-prodott ikkonċernat huwa prodott bażiku li jeżisti biss f'tip wieħed ta’ prodott u ta’ speċifikazzjoni, jiġifieri jeskludi r-riskju possibli ta’ kumpens tal-prezz permezz ta’ tipi differenti tal-prodott. L-investigazzjoni uriet li l-esportazzjonijiet kollha għall-Unjoni ġew fatturati mill-kumpanija assoċjata fl-Unjoni (jiġifieri Kauno Tiekimas AB, f'Kaunas, il-Litwanja). Din il-kumpanija assoċjata tbigħ ukoll prodotti oħrajn magħmula mill-grupp Birac. Madankollu, is-suq tat-trab żeolit A huwa definit tajjeb u l-konsumaturi li jixtru t-trab żeolit A tiġihom naturali li ma jixtrux prodotti oħrajn magħmula mill-Grupp Birac. Għaldaqstant, ġie konkluż li r-riskju ta’ kumpens trasversali permezz ta’ bejgħ possibbli ta’ prodotti oħrajn lill-istess klijenti kien baxx ħafna.

(55)

Bid-deċiżjonijiet 2011/279/UE (4) il-Kummissjoni aċċettat l-offerta ta’ impenn minn Alumina d.o.o. Zvornik u l-kumpanija assoċjata magħha, Kauno Tiekimas. Il-Kunsill jagħraf li l-offerta ta’ impenn ta’ prezz telimina l-effett tal-ħsara tad-dumping u jrażżan ir-riskju ta’ ċirkomvenzjoni sa punt suffiċjenti.

(56)

Sabiex il-Kummissjoni u l-awtoritajiet doganali ikunu jistgħu jagħmlu monitoraġġ tal-konformità iktar fil-fond ta’ Alumina d.o.o. Zvornik u l-kumpanija assoċjata magħha fl-impenn, meta tiġi ppreżentata t-talba lil awtoritajiet doganali rilevanti, għal ħruġ ta’ ċirkolazzjoni ħielsa, l-eżenzjoni mid-dazju antidumping għandha tkun suġġetta għal (i) il-preżentazzjoni tal-fattura tal-impriża, li hija fattura kummerċjali li fiha tal-inqas l-elementi elenkati u d-dikjarazzjoni stipulata fl-Anness; (ii) il-fatt li l-oġġetti importati huma manifatturati, mibgħuta bil-baħar u fatturati jew direttament minn Alumina d.o.o. Zvornik għall-ewwel konsumatur indipendenti fl-Unjoni, jew fatturati direttament minn Kauno Tiekimas għall-ewwel konsumatur mhux assoċjat fl-Unjoni u (iii) il-fatt li l-oġġetti ddikjarati u ppreżentati lill-awtoritajiet doganali jikkorrispondu eżattament mad-deskrizzjoni fuq il-fattura tal-impenn. Fejn il-kondizzjonijiet ta’ hawn fuq ma jiġux milħuqa, id-dazju antidumping xieraq jidħol fis-seħħ hekk kif tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni għal ħruġ ta’ ċirkolazzjoni ħielsa.

(57)

Kull meta, skont l-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tirtira l-aċċettazzjoni ta’ impriża wara ksur billi tirreferi għal tranżazzjonijiet partikolari u tiddikjara li l-fatturi tal-impriża rilevanti mhumiex validi, jidħol fis-seħħ dejn doganali hekk kif tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni għal ħruġ ta’ ċirkolazzjoni ħielsa.

(58)

L-importaturi għandhom ikunu konxji li d-dejn doganali jista' jidħol fis-seħħ, bħala riskju normali tan-negozju, hekk kif tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni għal ħruġ ta’ ċirkolazzjoni ħielsa, kif deskritt fil-premessi (56) u (57), anki jekk tkun ġiet aċċettata mill-Kummissjoni offerta ta’ impriża mill-manifattur li jkunu xtraw mingħandu direttament jew indirettament.

(59)

Skont l-Artikolu 14(7) tar-Regolament bażiku, l-awtoritajiet doganali għandhom jinfurmaw immedjatament lil Kummissjoni kull meta jinstabu indikazzjonijiet ta’ ksur tal-impenn.

(60)

Minħabba r-raġunijiet ta’ hawn fuq, l-offerta ta’ impenn minn Alumina d.o.o. Zvornik u Kauno Tiekimas hija kkunsidrata bħala aċċettabbli mill-Kummissjoni. Il-kumpaniji kkonċernati ġew infurmati bil-fatti essenzjali, il-konsiderazzjonijiet u l-obligazzjonijiet li fuqhom kienet ibbażata l-aċċettazzjoni.

(61)

Fl-avveniment ta’ ksur jew irtirar tal-impenji, jew fil-każ ta’ irtirar tal-aċċettazzjoni tal-impriżi mill-Kummissjoni, d-dazju antidumping impost mill-Kunsill skont l-Artikolu 9(4) għandu japplika awtomatikament permezz ta’ Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT

Artikolu 1

1.   B'dan, qed jiġi impost dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tat-trab żeolit A, imsejjaħ ukoll bħala trab Żeolit NaA jew Żeolit 4 A, li attwalment jinsab taħt il-kodiċi NM ex 2842 10 00 (il-kodiċi TARIC 2842100030) u li joriġina mill-Bosnja-Ħerzegovina.

2.   Ir-rata tad-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, għall-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 għandha tkun ta’ 28.1 %.

3.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali għandhom japplikaw.

Artikolu 2

1.   Importazzjonijiet iddikjarati għal ħruġ ta’ ċirkolazzjoni ħielsa li huma fatturati minn kumpaniji li l-impenji tagħhom huma aċċettati mill-Kummissjonu u li l-ismijiet tagħhom huma elenkati fid-Deċiżjoni 2011/279/UE, għandhom ikunu eżentati mid-dazju antidumping impost minn Artikolu 1, sakemm:

(a)

huma manifatturati, mibgħuta bil-baħar u fatturati jew direttament minn Alumina d.o.o., Zvornik, il-Bosnja-Ħerzegovina għall-ewwel konsumatur indipendenti fl-Unjoni, jew fatturati direttament minn Kauno Tiekimas AB, Kaunas, il-Litwanja, għall-ewwel konsumatur indipendenti fl-Unjoni;

(b)

huma akkumpanjati minn fattura tal-impriża li hija fattura kummerċjali li fiha tal-inqas l-elementi u d-dikjarazzjoni stipulata fl-Anness ta’ dan ir-Regolament; u

(c)

l-oġġetti ddikjarati u ppreżentati lill-awtoritajiet doganali jikkorrispondu eżattament mad-deskrizzjoni fuq il-fattura tal-impriża.

2.   Dejn doganali jidħol fis-seħħ hekk kif tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni għal ħruġ ta’ ċirkolazzjoni ħielsa:

kull meta, fir-rigward tal-importazzjonijiet deskritti fil-paragrafu 1, jiġi stabbilit li waħda jew iktar mill-kundizzjonijiet elenkati f'dak il-paragrafu ma ġewx milħuqa, jew

meta l-Kummissjoni tirtira l-aċċettazzjoni tagħha tal-impriża skont l-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku permezz ta’ Regolament jew Deċiżjoni li jirreferu għal tranżazzjonijiet partikolari, u tiddikjara l-fatturi tal-impenn rilevanti bħala invalidi.

Artikolu 3

Ammonti assikurati b'dazju antidumping provviżorju skont ir-Regolament (UE) Nru 1036/2010 fuq importazzjoni ta’ trab żeolit A, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 2842 10 00 (il-kodiċi TARIC 2842100030), li joriġinaw fil-Bosnja-Ħerzegovina għandhom jinġabru definittivament.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Mejju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

MARTONYI J.


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 298, 16.11.2010, p. 27.

(3)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/781/KE (ĠU L 316, 16.11.2006, p. 18).

(4)  Ara paġna 26 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


ANNESS

L-elementi li ġejjin għandhom ikunu indikati fil-fattura kummerċjali li takkompanja l-bejgħ ta’ oġġetti lill-Unjoni li huma soġġetti għall-impriża:

1.

L-intestatura “FATTURA KUMMERĊJALI LI TAKKOMPANJA OĠĠETTI SOĠĠETTI GĦAL IMPRIŻA”.

2.

L-isem tal-kumpanija li qed toħroġ il-fattura kummerċjali.

3.

In-numru tal-fattura kummerċjali.

4.

Id-data tal-ħruġ tal-fattura kummerċjali.

5.

Il-kodiċi TARIC addizzjonali li taħtu l-oġġetti fuq il-fattura huma approvati mid-dwana fil-fruntiera tal-Unjoni (kodiċi TARIC addizzjonali xxxx jew yyyy).

6.

Id-deskrizzjoni eżatta tal-oġġetti, li tinkludi:

deskrizzjoni tal-oġġetti b’lingwa li tinftiehem, li tikkorrispondi mal-oġġetti li huma soġġetti għall-impriża,

il-kodiċi tan-numru tal-prodott tal-kumpanija (CPC – company product code number),

il-kodiċi TARIC,

il-kwantità (f’tunnellati).

7.

Id-deskrizzjoni tat-termini tal-bejgħ, li tinkludi:

il-prezz għal kull tunnellata,

it-termini tal-pagament applikabbli,

it-termini tal-konsenja applikabbli,

skonti u ribassi totali.

8.

L-isem tal-kumpanija li taħdem bħala importatur (jiġifieri l-persuna li tiddikjara l-oġġetti għall-ħelsien mid-dwana) fl-Unjoni li għaliha tinħareġ direttament mill-kumpanija l-fattura kummerċjali li takkompanja l-oġġetti soġġetti għal impenn.

9.

L-isem tal-uffiċjal tal-kumpanija li ħareġ il-fattura kummerċjali u d-dikjarazzjoni ffirmata li ġejja:

“Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-bejgħ għall-esportazzjoni diretta lejn l-Unjoni Ewropea tal-oġġetti koperti minn din il-fattura, qed issir fi ħdan l-ambitu u skont it-termini tal-Impriża offruti minn Alumina d.o.o., Zvornik u l-kumpanija assoċjata magħha Kauno Tiekimas AB, u aċċettata mill-Kummissjoni Ewropea bid-Deċiżjoni 2011/279/UE. Jiena niddikjara li t-tagħrif provdut f’din il-fattura huwa sħiħ u korrett.”


Top