EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0553

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 553/2009 tal- 25 ta’ Ġunju 2009 li jiftaħ sejħa għall-offerti speċifika għall-bejgħ mill-ġdid fis-suq Komunitarju ta’ qamħirrum minn ħsad ta’ qabel dak tas-sena tas-suq 2007/2008, miżmum mill-aġenzija tal-intervent Ungeriża

ĠU L 164, 26.6.2009, p. 32–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 11/12/2010

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/553/oj

26.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 164/32


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 553/2009

tal-25 ta’ Ġunju 2009

li jiftaħ sejħa għall-offerti speċifika għall-bejgħ mill-ġdid fis-suq Komunitarju ta’ qamħirrum minn ħsad ta’ qabel dak tas-sena tas-suq 2007/2008, miżmum mill-aġenzija tal-intervent Ungeriża

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u partikolarment l-Artikolu 43, il-punt f) tiegħu, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 127/2009 tat-12 ta' Frar 2009 li jistabbilixxi l-proċedura u l-kundizzjonijiet għall-bejgħ taċ-ċereali li jkunu f’idejn l-aġenziji ta’ ħlas jew l-aġenziji intermedjarji (2) jistipula li l-bejgħ taċ-ċereali miżmuma mill-aġenzija ta' intervent isir permezz ta' sejħa għall-offerti u bi prezzijiet li jippermettu li jiġi evitat it-tfixkil tas-suq.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 712/2007 (3) fetaħ sejħiet permanenti għall-offerti għas-sena tas-suq 2007/2008, għall-bejgħ mill-ġdid fis-suq Komunitarju taċ-ċereali miżmuma mill-aġenziji ta' intervent tal-Istati Membri. Sabiex dawk li jrabbu l-bhejjem u l-industrija tal-għalf ikollhom provvista garantita bi prezzijiet kompetittivi fl-ewwel xhur tas-sena tas-suq 2008/2009, ir-Regolament imsemmi ġie emendat b'mod li jistgħu jitressqu offerti għas-sejħiet parzjali sas-17 ta' Diċembru 2008.

(3)

Fil-bidu tas-sena tas-suq 2007/2008, il-ħażniet tal-intervent Komunitarji ammontaw għal 2.46 miljun tunnellata, li minnhom 2.23 miljun tunnellata kienu tal-qamħirrum. Matul l-istess sena, sar xi bejgħ relattivament importanti ta’ ħażniet tal-intervent, partikularment tal-qamħirrum, fil-kuntest tas-sejħa għall-offerti koperta mir-Regolament (KE) Nru 712/2007.

(4)

Madankollu, fid-dawl tal-kundizzjonijiet tas-suq minn nofs Settembru 2008 'l hawn, speċjalment f'termini ta’ prezzijiet, l-operaturi ma bagħtux aktar offerti, u fil-31 ta’ Ottubru 2008, kien fadal kwantità ta' qamħirrum tal-intervent ta' madwar 16 000 tunnellata. Dawn il-ħażniet mgħoddija (fuq kollox tal-ħsad tal-2004 u tal-2005) se jidħlu f'kompetizzjoni mal-qamħirrum Komunitarju tal-ħsad tal-2008, li kien abbundanti u li l-prezzijiet tal-bejgħ tiegħu diġà kienu jinsabu taħt il-prezz tal-intervent fil-31 ta’ Ottubru 2008. Fid-dawl ta’ din il-qagħda, jeħtieġ li dawn il-ħażniet isiru disponibbli għall-użu fis-suq intern.

(5)

L-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 127/2009 jistipula li jekk ikun sar tfixkil għall-funzjonament tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, partikolarment minħabba d-diffikultà biex jinbigħu ċ-ċereali bi prezzijiet skont l-Artikolu 1 tal-istess Artikolu, il-bejgħ fis-suq Komunitarju jista' jsir abbażi ta' sejħiet għall-offerti speċifiċi b'kundizzjonijiet partikulari. Min-naħa l-oħra, id-dewmien twil tal-ħżin tal-qamħirrum tal-ħsad ta’ qabel dak tas-sena tas-suq 2007/2008 miżmum mill-aġenzija tal-intervent Ungeriża, kif ukoll il-prezzijiet tas-suq tal-qamħirrum attwalment identifikat fl-Ungerija, jikkostitwixxu ċirkustanza partikulari li tiġġustifika l-ftuħ ta’ sejħa għall-offerti speċifika għall-bejgħ tal-qamħirrum mill-ħsad ta’ qabel dak tas-sena tas-suq 2007/2008 bi prezzijiet li jistgħu jkunu aktar baxxi minn dawk tal-intervent.

(6)

Barra minn hekk, saru xi flutwazzjonijiet importanti fil-prezzijiet fis-suq Komunitarju. Fid-dawl ta’ dawn il-varjazzjonijiet, il-lottijiet allokati aktarx li ma jkunux jistgħu jiġu rtirati mill-operaturi benefiċjarji mis-sejħiet għall-offerti. Għaldaqstant, il-garanzija ta’ EUR 5 kull tunnellata, stipulata fl-Artikolu 5(3), it-tieni subparagrafu tar-Regolament (KE) Nru 127/2009, ma tirriżultax biżzejjed biex tiggarantixxi dan l-irtirar. Bil-għan li qagħda bħal din tiġi evitata, u biex ikun hemm funzjonament effiċjenti tas-sejħa għall-offerti koperta minn dan ir-Regolament, jeħtieġ li din il-garanzija msemmija tiżdied sabiex jiġu limitati r-riskji.

(7)

Biex titqies il-qagħda tas-suq Komunitarju, jixraq li jkun stipulat li s-sejħa għall-offerti titmexxa mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, għandu jkun hemm dispożizzjoni għal koeffiċjent ta’ allokazzjoni għal dawk l-offerti li jinsabu fil-livell tal-prezz minimu tal-bejgħ.

(8)

Sabiex is-sistema titmexxa b’mod effiċjenti, jeħtieġ li jkun stipulat li t-trażmissjoni tal-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni ssir b’mod elettroniku. Importanti li kull komunikazzjoni li ssir mill-aġenzija tal-intervent lill-Kummissjoni tiggarantixxi l-anonimità ta' min iressaq l-offerti.

(9)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-aġenzija tal-intervent Ungeriża għandha tqiegħed għall-bejgħ, permezz ta’ sejħa għall-offerti fis-suq intern tal-Komunità, il-qamħirrum mill-ħsad ta’ qabel dak tas-sena tas-suq 2007/2008 miżmum minnha.

Artikolu 2

1.   Il-bejgħ imsemmi fl-Artikolu 1 għandu jsir bil-kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament (KE) Nru 127/2009.

2.   B'deroga mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 127/2009, il-prezz minimu tal-bejgħ jista' jkun inqas minn dak tal-intervent, biż-żieda ta’ miżata ta’ kull xahar.

3.   B'deroga mill-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 127/2009, il-garanzija tal-offerti hija stabbilita għal 10 EUR kull tunnellata.

Artikolu 3

1.   L-iskadenza għat-tressiq tal-offerti għall-ewwel sejħa parzjali għall-offerti hija t-30 ta' Ġunju 2009 fis-13.00, ħin ta' Brussell.

L-iskadenza għat-tressiq tal-offerti għas-sejħiet parzjali għall-offerti li ġejjin hija kull nhar ta’ Erbgħa fis-13.00, ħin ta’ Brussell, minn dawn li ġejjin:

il-15 ta' Lulju 2009,

il-5 u s-26 ta’ Awwissu 2009,

id-9 u t-23 ta’ Settembru 2009,

l-14 u t-28 ta’ Ottubru 2009,

il-11 u l-25 ta’ Novembru 2009,

it-2 u s-16 ta’ Diċembru 2009.

2.   L-offerti għandhom jintbagħtu lill-aġenzija tal-intervent Ungeriża:

Mezőgazdasági és Vidékfejlesztési Hivatal

Soroksári út. 22-24

H-1095 Budapest

Tel. (36) 1219 62 60

Feks: (36) 1219 89 05

Posta elettronika: ertekesites@mvh.gov.hu

Websajt: www.mvh.gov.hu

Artikolu 4

Fl-erba' sigħat ta' wara l-iskadenza tal-perjodu għat-tressiq tal-offerti stipulat fl-Artikolu 3(1), l-aġenzija tal-intervent ikkonċernata għandha tinnotifika lill-Kummissjoni bl-offerti mressqa. Jekk ma tkun tressqet l-ebda offerta, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b'dan fl-istess perjodu ta' erba' sigħat. Jekk l-Istat Membru ma jibgħat l-ebda notifika lill-Kummissjoni fil-perjodu stipulat, il-Kummissjoni tqis li ma tkun tressqet l-ebda offerta f'dak l-Istat Membru.

In-notifiki msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom isiru b'mod elettroniku, skont il-mudell li jingħata fl-Anness I. L-identità ta’ min iressaq l-offerti għandha tibqa’ sigrieta.

Artikolu 5

1.   Skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 195(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-prezz minimu tal-bejgħ ta' kull ċereali, jew tiddeċiedi li l-offerti rċevuti ma jintlaqgħux.

2.   Fejn l-iffissar ta' prezz minimu, skont il-paragrafu 1, jaqbeż il-kwantità massima disponibbli, ma' dan il-prezz iffissat jista' jingħata koeffiċjent ta' allokazzjoni tal-kwantitajiet offerti fil-livell tal-prezz minimu, sabiex tkun irrispettata l-kwantità massima disponibbli fl-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 6

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Ġunju 2009.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 42, 13.2.2009, p. 3.

(3)  ĠU L 163, 23.6.2007, p. 7.


ANNESS

Notifika lill-Kummissjoni tal-offerti milqugħa fil-kuntest tas-sejħa għall-offerti speċifika għat-tqegħid għall-bejgħ fis-suq intern tal-qamħirrum miżmum mill-aġenzija tal-intervent Ungeriża, fir-rigward tal-ħsad ta' qabel dak tas-sena tas-suq 2007/2008

Mudell (*)

(Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 553/2009)

1

2

3

4

Numru ta’ min ressaq l-offerta

Numru tal-lott

Kwantità

(t)

Prezz offert

EUR/t

1

 

 

 

2

 

 

 

3

 

 

 

eċċ.

 

 

 

Speċifika l-kwantitajiet totali offerti (inklużi l-offerti miċħuda għall-istess lott): … tunnellata.


(*)  Biex jintbagħat lil DĠ AGRI (D2)


Top