EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0492

2009/492/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 22 ta’ Ġunju 2009 dwar kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità lejn Fond Fiduċjarju 911100MTF/INT/003/KEE (TFEU 970089129) għall-għajnuna fil-kampanja kontra l-marda tal-ilsien u d-dwiefer ’il barra mill-Komunità

ĠU L 164, 26.6.2009, p. 64–65 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/492(1)/oj

26.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 164/64


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-22 ta’ Ġunju 2009

dwar kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità lejn Fond Fiduċjarju 911100MTF/INT/003/KEE (TFEU 970089129) għall-għajnuna fil-kampanja kontra l-marda tal-ilsien u d-dwiefer ’il barra mill-Komunità

(2009/492/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni 90/424/KEE tistipula l-proċeduri li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità lejn miżuri veterinarji speċifiċi. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu l-kampanja kontra l-marda tal-ilsien u d-dwiefer. Din id-Deċiżjoni tistipula li kwalunkwe miżura deċiża mill-Komunità biex tgħin fil-kampanja kontra l-marda tal-ilsien u d-dwiefer ’il barra mill-Komunità, b’mod partikolari għall-ħarsien taż-żoni fir-riskju fil-Komunità, tista’ tirċievi kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità.

(2)

Fil-kuntest ta’ epidemiji maġġuri tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer (FMD) fl-aħħar tal-ħamsinijiet kemm fil-Komunità kif ukoll f’pajjiżi ġirien, ġiet stabbilita l-Kummissjoni Ewropea għall-Kontroll tal-Marda tal-Ilsien u d-Dwiefer (EUFMD) fi ħdan l-istruttura tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u tal-Agrikoltura (FAO) tan-Nazzjonijiet Uniti.

(3)

Fis-snin sittin, minħabba għadd ikbar ta’ theddidiet bid-dħul ta’ varjetijiet eżotiċi tal-FMD fl-Ewropa, il-pajjiżi membri tal-EUFMD issejħu biex jistabbilixxu Fond Fiduċjarju bil-għan li jitwettqu l-miżuri ta’ emerġenza fil-Balkani, li jikkostitwixxu r-rotta prinċipali għad-dħul tal-marda. Iktar tard dan il-fond inqasam bejn il-Fond Fiduċjarju 911100MTF/003/KEE appoġġjat minn dawk il-Pajjiżi Membri li fl-istess ħin kienu Stati Membri tal-Komunità u l-Fond Fiduċjarju 909700MTF/004/MUL appoġġjat minn Pajjiżi Membri tal-EUFMD li f’dak iż-żmien ma kinux jew għad mhumiex Stati Membri tal-Komunità.

(4)

L-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/423/KEE (2) stabbilixxa l-waqfien tat-tilqim profilattiku kontra l-FMD madwar il-Komunità fl-1991.

(5)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/85/KE tad-29 ta’ Settembru 2003 dwar miżuri tal-Komunità fuq il-kontroll tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer (3) reġgħet ikkonfermat il-projbizzjoni tat-tilqim profilattiku waqt li estendiet il-possibbiltà għall-użu tat-tilqim ta’ emerġenza kontra l-FMD.

(6)

Għadd ta’ tifqigħat tal-FMD rapportati mill-1992 ′l hawn, b′mod partikolari f′partijiet tal-Komunità ħdejn il-pajjiżi terzi infettati endemikament, u epidemija kbira f’ċerti Stati Membri fl-2001 jitolbu għal livell għoli ta’ għarfien u ta’ tħejjija għall-mard, inkluża l-kooperazzjoni internazzjonali.

(7)

Barra minn hekk, dan l-aħħar ġew irreġistrati tifqigħat u f’ċerti każi epidemiji ta’ natura gravi f’pajjiżi terzi ġirien tal-Istati Membri li jistgħu jheddu l-istatus tas-saħħa tal-bhejjem suxxettibbli fil-Komunità.

(8)

Minħabba li qed jitfaċċaw topotipi virali ġodda u d-deterjorament reġjonali tal-miżuri ta’ kontroll, il-Komunità, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-EUFMD u bl-użu tal-Fond Fiduċjarju 911100MTF/003/KEE, appoġġjat il-kampanji għat-tilqim ta’ emerġenza fit-Turkija u t-Transkawkażja.

(9)

Il-Komunità u n-Nazzjonijiet Uniti nhar id-29 ta’ April 2003 iffirmaw Ftehim ta’ Qafas Finanzjarju u Amministrattiv, li pprovda ambjent favorevoli biex jiffaċilita li jseħħ il-Ftehim bejn il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti, iffirmat fis-17 ta’ Lulju 2003.

(10)

Bi qbil mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/436/KE tat-13 ta’ Ġunju 2005 dwar kooperazzjoni Komunitarja mal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura b’mod partikolari dwar l-attivitajiet imwettqa mill-Kummissjoni Ewropea għall-Kontroll tal-Marda tal-Ilsien u d-Dwiefer (4), il-Kummissjoni kkonkludiet “Il-Ftehim ta’ Implimentazzjoni MTF/INT/003/EEC911100 (TFEU970089129) dwar Attivitajiet Permanenti Ffinanzjati mill-KE mwettqa mill-Kummissjoni Ewropea tal-FAO għall-Kontroll tal-Marda tal-Ilsien u d-Dwiefer” iffirmat fl-1 ta’ Settembru 2005 u mħaddem mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 ta’ Diċembru 2008.

(11)

Huwa xieraq li jiġġedded dan il-Ftehim ta’ Implimentazzjoni u li tiġi stabbilita l-kontribuzzjoni Komunitarja lill-Fond Fiduċjarju 911100MTF/INT/003/KEE.

(12)

Fid-dawl tat-tkabbir suċċessiv tal-2004 u l-2007 tal-Unjoni Ewropea, huwa xieraq li l-kontribuzzjoni Komunitarja tiġi stabbilita f’livell massimu ta’ EUR 8 000 000 għal perjodu ta’ erba’ snin. Il-baġit tal-Fond Fiduċjarju għall-2009 għandu jkun magħmul mill-bilanċ finali tal-fondi tiegħu disponibbli fil-31 ta’ Diċembru 2008 u minn kontribuzzjoni Komunitarja biex jinġabar ammont ekwivalenti għal EUR 2 000 000 f’USD. Sussegwentement l-infiq għandu jiġi rifondut bi trasferimenti ta’ kull sena.

(13)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1.   Il-bilanċ tal-Fond Fidjuċjarju 911100MTF/INT/003/KEE (TFEU 970089129) (’il-Fond Fiduċjarju’) fil-31 ta’ Diċembru 2008 għandu jiġi ffissat għal EUR 677 855.

2.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għall-Fond Fiduċjarju għandha tiġi stabbilita għal massimu ta’ EUR 8 000 000 għal perjodu ta’ erba’ snin mill-1 ta’ Jannar 2009.

3.   L-ewwel pagament tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 2 għas-sena 2009 għandu jkun magħmul:

(a)

mill-bilanċ imsemmi fil-paragrafu 1,

(b)

minn kontribuzzjoni Komunitarja tal-ammont meħtieġ biex l-ammont totali tal-Fond Fiduċjarju jilħaq l-ekwivalenti ta’ EUR 2 000 000 f’USD.

4.   L-infiq imġarrab mill-Fond Fiduċjarju matul is-snin 2009, 2010, 2011 u 2012 għandu jiġi rifondut b’kontribuzzjonijiet Komunitarji annwali pagabbli fl-2010, fl-2011, fl-2012 u fl-2013 rispettivament. Madankollu, il-ħlas ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu soġġetti għall-eżistenza ta’ fondi disponibbli fil-baġit Komunitarju.

5.   Il-kontribuzzjonijiet Komunitarji annwali msemmija fil-paragrafu 4 għandhom ikunu msejsa fuq ir-rapport finanzjarju ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea għall-Kontroll tal-Marda tal-Ilsien u d-Dwiefer (EUFMD) jew lis-Sessjoni Annwali tal-Kumitat Eżekuttiv jew inkella lis-Sessjoni Ġenerali Biennali tal-EUFMD, appoġġjati b’dokumentazzjoni ddettaljata skont ir-regoli tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO).

Artikolu 2

1.   Għandu jiġi konkluż ftehim ta’ Implimentazzjoni dwar l-użu u t-tħaddim tal-Fond Fiduċjarju bejn il-Kummissjoni u l-FAO għall-perjodu ta’ erba’ snin, li jibda mill-1 ta’ Jannar 2009.

2.   Il-Fond Fiduċjarju għandu jitħaddem b’mod konġunt mill-Kummissjoni u mill-EUFMD skont il-Ftehim ta’ Implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 1.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Ġunju 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19.

(2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 13.

(3)  ĠU L 306, 22.11.2003, p. 1.

(4)  ĠU L 151, 14.6.2005, p. 26. Edizzjoni Speċjali bil-Malti ĠU L 349M, 12.12.2006, p. 135.


Top