EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009H0396

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas- 7 ta' Mejju 2009 dwar it-Trattament Regolatorju tar-Rati ta’ Terminazzjoni ta’ Telefonati Fissi u Ċellulari fl-UE

ĠU L 124, 20.5.2009, p. 67–74 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2009/396/oj

20.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 124/67


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-7 ta' Mejju 2009

dwar it-Trattament Regolatorju tar-Rati ta’ Terminazzjoni ta’ Telefonati Fissi u Ċellulari fl-UE

(2009/396/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 19(1) tagħha,

Wara li kkonsultat mal-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2002/21/KE, l-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali (NRAs) għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq intern inter alia billi jikkoperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni b’mod trasparenti biex jiżguraw l-iżvilupp ta’ prattika regolatorja konsistenti. Madankollu, fl-evalwazzjoni ta’ aktar minn 850 abbozz ta’ miżura nnotifikati skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/21/KE ħareġ fid-deher li għadhom jeżistu inkonsistenzi fir-regolamentazzjoni tar-rati ta’ terminazzjoni għat-telefonati bil-vuċi.

(2)

Għalkemm xi forma ta’ orjentazzjoni ta’ tariffi qed tiġi pprovduta b’mod ġenerali fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, teżisti diverġenza bejn il-miżuri dwar kontroll ta’ prezzijiet fl-Istati Membri kollha. Minbarra varjetà sinifikanti ta’ għodod magħżula għall-valutazzjoni tal-ispejjeż, jeżistu wkoll prattiki differenti għall-implimentazzjoni ta’ dawn l-għodod. Dan iwessa’ l-firxa ta’ rati ta’ terminazzjoni bl-ingrossa applikati fl-Unjoni Ewropea kollha, li tista’ tiġi spjegata biss permezz ta’ karatteristiċi speċifiċi nazzjonali. Il-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej (ERG) li ġie stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/627/KE (2) irrikonoxxa dan fil-Pożizzjoni Komuni tiegħu dwar is-simetrija tar-rati ta’ terminazzjoni ta’ telefonati fissi u s-simetrija tar-rati ta’ terminazzjoni tat-telefonati ċellulari. L-NRAs, f’numru ta’ każijiet, awtorizzaw ukoll rati ogħla ta’ terminazzjoni għal operaturi fissi jew ċellulari iżgħar għar-raġuni li dawn l-operaturi jkunu parteċipanti ġodda fis-suq u ma bbenefikawx mill-ekonomiji ta’ skala u/jew ikunu soġġetti għal kondizzjonijiet differenti rigward spejjeż. Dawn l-asimetriji jeżistu kemm ′il ġewwa l-fruntieri nazzjonali kif ukoll bejn fruntiera nazzjonali, għalkemm bil-mod il-mod qegħdin jonqsu. L-ERG rrikonoxxa fil-Pożizzjoni Komuni tiegħu li normalment ir-rati ta’ terminazzjoni għandhom ikunu simetriċi u li l-asimetrija teħtieġ ġustifikazzjoni xierqa.

(3)

Diverġenzi sinifikanti fit-trattament regolatorju tar-rati ta’ terminazzjoni fissi u ċellulari joħolqu distorsjonijiet fundamentali ta' kompetizzjoni. Is-swieq ta' terminazzjoni jikkostitwixxu sitwazzjoni ta' aċċess b'żewġ possibbiltajiet fejn iż-żewġ operaturi tal-interkonnessjoni huma preżunti li jibbenefikaw mill-arranġament iżda, peress li dawn l-operaturi huma wkoll f'kompetizzjoni ma' xulxin għal abbonati, ir-rati ta' terminazzjoni jistgħu jkollhom implikazzjonijiet importanti strateġiċi u kompetittivi. Meta r-rati ta' terminazzjoni jiġu ffisati ogħla mill-ispejjeż effiċjenti, dan joħloq trasferimenti sostanzjali bejn is-swieq u l-konsumaturi tat-telefonija fissa u ċellulari. Barra minn hekk, fi swieq fejn l-operaturi għandhom ishma fis-swieq assimetriċi, dan jista' jirriżulta fi ħlasijiet sinifikanti minn kompetituri iżgħar lil dawk akbar. Minbarra dan, il-livell assolut tar-rati ta’ terminazzjoni tat-telefonija ċellulari għadu għoli f’għadd ta’ Stati Membri, meta mqabbel ma’ dawk applikati f’għadd ta’ pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea, kif ukoll meta mqabbel b’mod ġenerali mar-rati ta’ terminazzjoni tat-telefonija fissa, u b’hekk ikompli jikkontribwixxi għal prezzijiet għoljin, għalkemm qed jonqsu, għall-konsumaturi finali. Rati għoljin ta’ terminazzjoni dejjem iwasslu għal prezzijiet bl-imnut għoljin biex wieħed jagħmel telefonata u konsegwentement iwasslu għal rati aktar baxxi ta’ użu, u b’hekk jonqos il-benefiċċju għall-konsumatur.

(4)

In-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fl-applikazzjoni tal-prinċipji tal-kontabilità tal-ispejjeż għas-swieq ta’ terminazzjoni sa issa juri l-ħtieġa għal approċċ komuni li jipprovdi ċertezza legali akbar u l-inċentivi adatti għall-investituri potenzjali, u jnaqqas il-piż regolatorju minn fuq l-operaturi eżistenti li bħalissa huma attivi f’bosta Stati Membri. L-għan ta’ regolamentazzjoni koerenti fir-rigward tas-swieq ta’ termininazzjoni huwa ċar u rikonoxxut mill-NRAs u dan il-Kummissjoni semmietu kemm-il darba fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-abbozz ta' miżuri skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/21/KE.

(5)

Ċerti dispożizzjonijiet tal-qafas regolatorju għal netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jeħtieġu li jiġu implimentati mekkaniżmi ta’ kontabilità tal-ispejjeż neċessarji u xierqa u obbligi għall-kontroll tal-prezzijiet, jiġifieri l-Artikoli 9, 11 u 13 flimkien mal-Premessa 20 tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta', networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (id-Direttiva tal-Aċċess) (3).

(6)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2005/698/KE tad-19 ta’ Settembru 2005 dwar is-separazzjoni tal-kontabilità u l-kontabilità tal-ispejjeż skont il-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi (4) ipprovdiet qafas għall-applikazzjoni konsistenti tad-dispożizzjonijiet speċifiċi rigward il-kontabilità tal-ispejjeż u s-separazzjoni tal-kontabilità, bl-iskop li ttejjeb it-trasparenza tas-sistemi regolatorji tal-kontabilità, tal-metodoloġiji, tal-proċessi ta’ verifika u rappurtar għall-ġid tal-partijiet kollha involuti.

(7)

It-terminazzjoni bl-ingrossa tat-telefonati bil-vuċi hija servizz meħtieġ għat-terminazzjoni ta’ telefonati lil siti (f’netwerks fissi) jew lil abbonati (f’netwerks ċellulari) li jirċievu t-telefonata. Is-sistema ta’ ħlas fl-UE hija bbażata fuq il-prinċipju li “Tħallas in-Netwerk tal-Parti li Tagħmel it-Telefonata” (Calling Party Network Pays), li jfisser li l-ħlas ta’ terminazzjoni jiġi stabbilit min-netwerk li tirċievi t-telefonata u jitħallas min-netwerk li tagħmel it-telefonata. Il-parti li tirċievi t-telefonata ma tħallasx għal dan is-servizz, u ġeneralment m’għandha ebda inċentiv li tirreaġixxi għall-prezz ta’ terminazzjoni stabbilit mill-fornitur tan-netwerk tagħha. F’dan il-kuntest, it-tħassib ewlieni tal-awtoritajiet regolatorji mill-aspett ta’ kompetizzjoni jirrigwarda l-prezzijiet eċċessivi. Prezzijiet ta’ terminazzjoni għaljin fl-aħħar mill-aħħar jiġu rkuprati permezz ta’ tariffi ogħla tat-telefonati għall-utenti finali. Jekk wieħed iqis in-natura tal-aċċess b'żewġ possibbiltajiet tas-swieq ta' terminazzjoni, problemi potenzjali oħra ta’ kompetizzjoni jinkludu l-kontrosussidjar bejn l-operaturi. Dawn il-problemi potenzjali ta’ kompetizzjoni huma komuni kemm għas-swieq tat-terminazzjoni tat-telefonati fissi kif ukoll dawk ċellulari. Għalhekk, fid-dawl tal-kapaċità u l-inċentivi tal-operaturi li jipprovdu s-servizz ta’ terminazzjoni li jgħollu l-prezzijiet sostanzjalment ogħla mill-ispejjeż, l-orjentazzjoni tal-ispejjeż titqies bħala l-intervent l-aktar adattat biex jiġi indirizzat dan it-tħassib f’tul ta’ żmien medju. Il-Premessa 20 tad-Direttiva 2002/19/KE tinnota li l-metodu tal-irkupru tal-infiq għandu jkun adattat għaċ-ċirkustanzi partikolari. Fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tas-swieq ta' terminazzjoni u t-tħassib assoċjat ta' kompetizzjoni u ta' distribuzzjoni, il-Kummissjoni għal ħafna żmien irrikonoxxiet li jekk jiġi stabbilit approċċ komuni msejjes fuq standard effiċjenti ta’ spejjeż u fuq l-applikazzjoni ta’ rati simetriċi ta’ terminazzjoni, dan jippromwovi l-effiċjenza, il-kompetizzjoni sostenibbli u jimmassimizza l-benefiċċji għall-konsumaturi f'termini ta' prezzijiet u tas-servizzi offruti.

(8)

Skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2002/21/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta jkunu qegħdin iwettqu l-kompiti regolatorji speċifikati f’dik id-Direttiva u fid-direttivi speċifiċi, b’mod partikolari f’dawk intenzjonati biex jiżguraw kompetizzjoni effettiva, l-NRAs għandhom jikkunsidraw kemm jista’ jkun l-għan li r-regolamenti jkunu teknoloġikament newtrali. L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2002/21/KE jeħtieġ ukoll li l-NRAs jippromwovu l-kompetizzjoni billi, inter alia, jiżguraw li l-utenti kollha jiksbu l-akbar benefiċċju rigward għażla, prezz u kwalità tas-servizz u li ma jkun hemm ebda distorsjoni jew restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet kif ukoll applikazzjoni konsistenti fl-Istati Membri kollha ir-rati regolati ta’ terminazzjoni għandhom malajr kemm jista' jkun jitniżżlu għal-livell tal-ispejjeż ta’ operatur effiċjenti.

(9)

F’ambjent kompetittiv, l-operaturi jikkompetu fuq il-bażi tal-ispejjeż kurrenti u ma jkunx hemm kumpens għall-ispejjeż mġarrba minħabba ineffiċjenzi. Għalhekk, jeħtieġ li ċ-ċifri ta’ spejjeż storiċi jiġu aġġustati f'ċifri tal-ispejjeż kurrenti sabiex jirriflettu l-ispejjeż ta’ operatur effiċjenti li juża teknoloġija moderna.

(10)

Operaturi li jirċievu kumpens għall-ispejjeż attwali li jonfqu għat-terminazzjoni ma jkollhomx wisq inċentiv biex iżidu l-effiċjenza. L-implimentazzjoni ta’ mudell axxendenti hija konsistenti mal-kunċett li jiġi żviluppat netwerk għal operatur effiċjenti li permezz tiegħu jinbena mudell ekonomiku/ta’ inġinerija ta’ netwerk effiċjenti bl-użu tal-ispejjeż kurrenti. Dan jirrifletti l-kwantità ta’ tagħmir meħtieġ aktar minn dak attwalment ipprovdut u ma jqisx spejjeż li jintirtu.

(11)

Minħabba l-fatt li mudell axxendenti huwa bbażat l-aktar fuq dejta dderivata, pereżempju l-ispejjeż tan-netwerk jitkejlu fil-kompjuter permezz tal-informazzjoni ġejja minn dawk li jbigħu it-tagħmir, ir-regolaturi jkunu jridu jirrikonċiljaw ir-riżultati ta' mudell axxendenti mar-riżultati ta' mudell dixxendenti sabiex joħorġu riżultati kemm jista' jkun sodi u biex jevitaw diskrepanzi kbar fl-ispiża tal-operat, fl-ispiża tal-kaptial u fl-allokazzjoni tal-ispiża bejn operatur ġenwin u dak ipotetiku. Sabiex tidentifika u ttejjeb in-nuqqasijiet possibbli tal-mudell axxendenti, bħall-asimetrija tal-informazzjoni, l-NRA tista' tqabbel ir-riżultati tal-approċċ mill-isfel għal fuq ma dawk tal-mudell korrispondenti dixxendenti li juza dejta verifikata.

(12)

Il-mudell tal-ispejjeż għandu jkun imsejjes fuq l-għażliet teknoloġiċi effiċjenti disponibbli fil-qafas ta’ żmien meqjus għall-mudell, safejn dawn jistgħu jiġu identifikati. Għaldaqstant, mudell axxendenti mibni llum jista' fil-prinċipju jassumi li n-netwerk ewlieni għal netwerks fissi għandu jkun ibbażat fuq Netwerk tal-Ġenerazzjoni li Jmiss (Next-Generation-Network - NGN). Il-mudell axxendenti għan-netwerks ċellulari għandu jkun imsejjes fuq taħlita ta’ 2G u 3G użata għall-parti tal-aċċess tan-netwerk, li tirrifletti s-sitwazzjoni antiċipata, filwaqt li wieħed jista' jassumi li l-parti ewlenija tkun ibbażata fuq l-NGN.

(13)

Meta wieħed iqis il-karatteristiċi partikolari tas-swieq ta' terminazzjoni tat-telefonati l-ispejjeż tas-servizzi ta’ terminazzjoni għandhom jiġu kkalkolati fuq spejjeż inkrementali li jħarsu ’il quddiem fuq medda ta’ żmien twil (LRIC). F’mudell LRIC, l-ispejjeż kollha jsiru varjabbli, u peress li wieħed jassumi li fl-aħħar mill-aħħar l-assi kollha jiġu ssostitwiti, meta il-ħlasijiet jiġu stabbiliti fuq il-bażi tal-LRIC, dan jippermetti l-irkupru effiċjenti tal-ispejjeż. Il-mudelli LRIC jiġbru fihom biss dawk l-ispejjeż li jkunu kkawżati mill-provvista ta’ inkrement iddefinit. Approċċ ta’ spejjeż inkrementali li jalloka biss l-ispejjeż li jsiru b’mod effiċjenti, li ma jseħħux jekk is-servizz relatat mal-inkrement ma jibqax jitwettaq (jiġifieri spejjeż li jistgħu jiġu evitati) jippromwovi produzzjoni u konsum effiċjenti u jnaqqas kemm jista’ jkun distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni. Aktar ma r-rati tat-terminazzjoni jitbiegħdu mill-ispiża inkrementali, aktar se jiżdiedu d-distorsjonijiet kompetittivi bejn is-swieq tat-telefonija fissa u dawk taċ-ċellulari u/jew bejn operaturi b'ishma fis swieq asimetriċi u flussi tat-traffiku. Għaldaqstant, huwa ġġustifikat li jiġi applikat approċċ LRIC pur li permezz tiegħu l-inkrement rilevanti jkun is-servizz ta’ terminazzjoni bl-ingrossa tat-telefonati u li jinkludi biss spejjeż li jistgħu jiġu evitati. Approċċ LRIC ikun jippermetti wkoll l-irkupru tal-ispejjeż kollha fissi u varjabbli (peress li huwa preżunt li l-ispejjeż fissi jsiru varjabbli fuq medda twila taż-żmien) li jiżdiedu mal-forniment tas-servizzi ta’ terminazzjoni bl-ingrossa tat-telefonati u li għalhekk jiffaċilita l-irkupru effiċjenti tal-ispejjeż.

(14)

Spejjeż li jistgħu jiġu evitati huma d-differenza bejn l-ispejjeż totali identifikati fuq medda ta’ żmien twil ta’ operatur li jipprovdi l-firxa sħiħa ta’ servizzi, u l-ispejjeż totali identifikati fuq medda ta’ żmien twil ta’ dak l-operatur li jipprovdi l-firxa sħiħa ta’ servizzi tiegħu bl-eċċezzjoni tas-servizz bl-ingrossa ta’ terminazzjoni ta’ telefonati pprovduti lil terzi (jiġifieri l-ispiża indipendenti (stand-alone) ta’ operatur li ma joffrix terminazzjoni lill-terzi). Biex tiġi żgurata allokazzjoni xierqa tal-ispejjeż, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn dawk l-ispejjeż li jkunu relatati mat-traffiku, jiġifieri dawk l-ispejjeż kollha fissi u varjabbli li jogħlew mal-livelli li jiżdiedu tat-traffiku, u dawk l-ispejjeż li mhumiex relatati mat-traffiku, jiġifieri dawk l-ispejjeż kollha li ma jogħlewx mal-livelli li jiżdiedu tat-traffiku. Biex jiġu identifikati l-ispejjeż li jistgħu jiġu evitati li huma rilevanti għat-terminazzjoni ta’ telefonati bl-ingrossa, wieħed ma jridx jagħti każ tal-ispejjeż li ma jkunux relatati mat-traffiku. Imbagħad, jista’ jkun xieraq li l-ewwel jiġu allokati l-ispejjeż relatati mat-traffiku lil servizzi oħra (pereżempju minn fejn toriġina t-telefonata, SMS, MMS, broadband, linji mikrija, eċċ.) filwaqt li t-terminazzjoni bl-ingrossa ta’ telefonati bil-vuċi tkun is-servizz finali li jiġi kkunsidrat. B’hekk l-ispiża allokata għas-servizz bl-ingrossa ta’ terminazzjoni ta’ telefonati għandha tkun biss ugwali għall-ispiża addizzjonali li ssir biex jiġi pprovdut is-servizz. Konsegwentement, il-kontabilità tal-ispejjeż imsejsa fuq approċċ LRIC għas-servizzi bl-ingrossa ta’ terminazzjoni ta’ telefonati fis-swieq tas-servizzi fissi u ċellulari għandha tippermetti biss l-irkupru ta’ spejjeż li jiġu evitati jekk is-servizz bl-ingrossa ta’ terminazzjoni ta’ telefonati ma jibqax ikun ipprovdut lill-terzi.

(15)

Jidher li t-terminazzjoni tat-telefonati hija servizz li jiġġenera benefiċċji kemm lill-partijiet li jagħmlu t-telefonati kif ukoll li dawk li jirċevuhom (jekk min jirċievi it-telefonata ma akkwistax benefiċċju huwa ma jaċċettax it-telefonata), li min-naħa l-oħra jissuġġerixxi li ż-żewġ partijiet għandhom parti fil-ħolqien tal-ispejjeż. L-użu tal-prinċipji tal-kawżalità tal-ispejjeż biex jiġu stabbiliti prezzijiet orjentati skont l-ispejjeż jissuġġerixxi li min joħloq l-ispejjeż għandu jagħmel tajjeb għalihom. Billi wieħed jirrikonoxxi n-natura b’żewġ faċċati tas-swieq ta’ terminazzjoni tat-telefonati bl-ispejjeż ikkaġunati minn żewġ naħat, mhux l-ispejjeż relatati kollha jeħtieġu li jiġu rkuprati permezz tat-tariffa rregolat tat-terminazzjoni bl-ingrossa. Madankollu, għall-iskopijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, l-ispejjeż kollha li jistgħu jiġu evitati biex jiġi pprovdut is-servizz bl-ingrossa ta’ terminazzjoni ta’ telefonati jistgħu jiġu rkuprati permezz tat-tariffa bl-ingrossa, jiġifieri l-ispejjeż kollha li jiżdiedu bir-riżultat ta’ żieda fit-traffiku ta’ terminazzjoni bl-ingrossa.

(16)

Meta jiġu stabbiliti rati ta’ terminazzjoni, kull devjazzjoni minn livell waħdieni effiċjenti ta’ spejjeż għandha tkun ibbażata fuq differenzi oġġettivi ta’ spejjeż lil hinn mill-kontroll tal-operaturi. F’netwerks fissi, ma ġewx identifikati dawn id-differenzi oġġettivi ta’ spejjeż lil hinn mill-kontroll tal-operatur. F’netwerks ċellulari, assenjazzjoni irregolari ta’ frekwenzi tista’ tiġi kkunsidrata bħala fattur eżoġenu li jkun kawża ta’ differenzi f’kull unità ta’ spiża bejn l-operaturi tas-servizz ċellulari. Differenzi eżoġeni fl-ispejjeż jistgħu jinħolqu meta ma jsirux assenjazzjonijiet ta’ frekwenzi permezz ta’ mekkaniżmi bbażati fuq is-swieq, iżda fuq il-bażi ta’ proċess sekwenzjali ta’ liċenzji. Meta l-assenjazzjoni ta’ frekwenzi sseħħ permezz ta’ makkinarju bbażat fuq is-swieq bħalma huwa l-irkant, jew fejn jeżisti suq sekondarju, id-differenzi fl-ispejjeż li jirriżultaw mill-frekwenzi jiġu ddeterminati b’mod aktar endoġenu u x’aktarx li jonqsu b’mod sinifikattiv jew li jiġu eliminati.

(17)

Parteċipanti ġodda fis-swieq taċ-ċellulari jistgħu ikunu soġġetti wkoll għal spejjeż ogħla kull unità għal perjodu tranżizzjonali qabel ma tkun intlaħqet l-iskala effiċjenti minima. F’sitazzjonijiet bħal dawn, l-NRAs jistgħu, wara li jkunu ddeterminaw li jeżistu impedimenti fis-suq tal-bejgħ bl-imnut għad-dħul fis-suq u għall-espansjoni, jippermettulhom jirkupraw l-ispejjeż inkrementali ogħla tagħhom imqabbla ma' dawk ta' operatur ta' mudell għal perjodu tranżizzjonali sa erba′ snin wara d-dħul fis-suq. Abbażi tal-Pożizzjoni Komuni tal-ERG, huwa raġonevoli li wieħed jipprevedi skeda ta' żmien ta' erba′ snin għat-tneħħija gradwali ta' asimmetriji bbażati fuq il-premessa li fis-suq taċ-ċellulari wieħed jista' jistenna li jdum bejn tliet u erba’ snin wara d-dħul biex jintlaħaq sehem fis-suq ta' bejn 15 u 20 %, b'hekk jiġi avviċinat il-livell ta' skala minima effiċjenti. Dan huwa differenti mis-sitwazzjoni tal-parteċipanti ġodda fis-swieq fissi li għandhom l-opportunità li jiksbu spejjeż baxxi kull unità billi jiffokaw in-netwerks tagħhom fuq rotot b'densità għolja b'mod partikolari żoni ġeografiċi u/jew billi jikru inputs ta' netwerks relevanti minn operaturi diġà stabbiliti.

(18)

L-approċċ ippreferut huwa metodu ta’ deprezzament li jirrifletti l-valur ekonomiku ta’ assi. Jekk, madankollu, l-iżvilupp ta’ mudell ekonomiku ta’ deprezzament b’saħħtu ma jkunx fattibbli, huma possibbli approċċi oħra inklużi deprezzament fuq il-bażi ta’ linja dritta, annwalitajiet, u annwalitajiet imxeqilba. Il-kriterju tal-għażla bejn l-approċċi alternattivi jkun kemm l-aktar pjuttost iqarrbu lejn il-miżura ekonomika ta’ deprezzament. Għalhekk, jekk l-iżvilupp ta’ mudell ekonomiku ta’ deprezzament ma jkunx fattibbli, il-profil ta’ deprezzament ta’ kull assi prinċipali fil-mudell axxendenti għandu jiġi eżaminat separatament, u għandu jintgħażel l-approċċ li jiġġenera profil ta’ deprezzament li jixbah lil dak ta’ deprezzament ekonomiku.

(19)

Rigward l-iskala effiċjenti, japplikaw kunsiderazzjonijiet differenti fis-swieq tat-telefonija fissa u ċellulari. L-iskala effiċjenti minima tista’ tintlaħaq f’livelli differenti fis-setturi tat-telefonija fissa u ċellulari għaliex dan jiddependi mill-ambjenti regolatorji u kummerċjali differenti applikabbli għal kull wieħed.

(20)

Meta jirregolaw il-ħlas ta’ terminazzjoni bl-ingrossa, l-NRAs m’għandhomx iżommu u lanqas jipprojbixxu lill-operaturi milli jagħżlu fil-futur arranġamenti alternattivi għall-iskambju ta’ traffiku ta’ terminazzjoni, sakemm dawn l-arranġamenti jkunu konformi ma’ suq kompetittiv.

(21)

Perjodu ta’ tranżizzjoni sal-31 ta' Diċembru 2012 għandu jitqies twil biżżejjed biex jippermetti lill-NRAs jistabbilixxu l-mudell tal-ispejjeż u għall-operaturi biex jadattaw il-pjanijiet tan-negozju tagħhom skont dan il-mudell filwaqt, min-naħa l-oħra, li tiġi rikonoxxuta l-ħtieġa urġenti li jkun żgurat li l-konsumaturi jiksbu l-ogħla benefiċċji fil-kuntest ta’ rati ta’ terminazzjoni effiċjenti bbażati fuq l-ispejjeż.

(22)

Għall-NRAs li jkollhom riżorsi limitati jista' jkun hemm il-ħtieġa eċċezzjonali ta' perjodu ta' tranżizzjoni addizzjonali sabiex iħejju l-mudell rakkomandat tal-ispejjeż fil-ħin. F’dawn iċ-ċirkostanzi, jekk NRA tkun kapaċi turi li metodoloġija (eż. punti ta' riferimenti), li ma tkunx mudell LRIC axxendenti, ibbażata fuq l-ispejjeż kurrenti jkollha riżultati konsistenti ma’ din ir-Rakkomandazzjoni u tiġġenera riżultati effiċjenti konsistenti ma’ dawk f’suq kompetittiv, tista’ tikkunsidra li tiffissa prezzijiet interim ibbażati fuq approċċ alternattiv sal-1 ta' Lulju 2014. Fejn jirriżulta li jkun oġġettivament sproporzjonat li dawk l-NRAs b'riżorsi limitati japplikaw il-metodoloġija tal-ispejjeż rakkomandata wara din id-data, NRAs bħal dawn jistgħu jkomplu japplikaw metodoloġija alternattiva sad-data tar-reviżjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni, sakemm il-korp stabbilit għall-kooperazzjoni fost l-NRAs u l-Kummissjoni, inklużi l-grupp ta' ħidma relatati tagħha, jipprovdi appoġġ prattiku suffiċjenti u gwida kif din il-limitazzjoni ta' riżorsi u, b'mod partikolari, l-ispiża tal-implimentazzjoni tal-metodoloġija rakkomandata tista' tingħeleb. Kwalunkwe riżultat ta' dan it-tip li joħroġ minn metodoloġiji alternattivi m’għandux ikun ogħla mill-medja tar-rati ta’ terminazzjoni ffissati mill-NRAs li jimplimentaw il-metodoloġija tal-ispejjeż rakkomandata.

(23)

Din ir-Rakkomandazzjoni hija soġġetta għal konsultazzjoni pubblika.

B’DAN QED TIRRAKKOMANDA LI:

(1)

Meta jiġu imposti obbligi dwar kontroll ta’ prezzijiet u dwar kontabilità tal-ispejjeż skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/19/KE fuq l-operaturi nnominati mill-Awtorijijiet Regolatorji Nazzjonali (NRAs) li jkollhom setgħa sinifikanti fis-suq fis-swieq ta’ terminazzjoni bl-ingrossa ta’ telefonati bil-vuċi fin-netwerks pubbliċi individwali tat-telefonija (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “swieq ta’ terminazzjoni fissi u ċellulari”) bħala riżultat ta’ analiżi tas-swieq li twettqet skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/21/KE, l-NRAs għandhom jiffissaw rati ta’ terminazzjoni bbażati fuq l-ispejjeż li jkollu operatur effiċjenti. Dan jimplika li huma wkoll jridu jkunu simetriċi. Biex jagħmlu dan, l-NRAs għandhom jipproċedu kif jidher hawn taħt.

(2)

Huwa rakkomandat li l-evalwazzjoni ta’ spejjeż effiċjenti tkun ibbażata fuq l-ispejjeż kurrenti u l-użu tal-approċċ ta’ mudell axxendenti bl-applikazzjoni tal-ispejjeż inkrementali fuq medda ta’ żmien twil (LRIC) bħala l-metodoloġija rilevanti tal-ispejjeż.

(3)

L-NRAs jistgħu jqabblu r-riżultati tal-approċċ axxendenti ma' dawk ta' mudell dixxendenti li juża dejta verifikata bil-għan li l-affidabbiltà soda tar-riżultati tiġi vverifikata u mtejba u jistgħu jagħmlu aġġustamenti skont dan.

(4)

Il-mudell tal-ispejjeż għandu jkun ibbażat fuq teknoloġiji effiċjenti disponibbli fil-qafas ta’ żmien ikkunsidrat għall-mudell. Għaldaqstant il-parti ewlenija tan-netwerks kemm fissi kif ukoll ċellulari għalhekk tista' fil-prinċipju tkun ibbażata fuq Netwerk tal-Ġenerazzjoni li Jmiss (NGN). Il-parti tal-aċċess tan-netwerks ċellulari għandha tkun ibbażata wkoll fuq taħlita ta’ telefonija 2G u 3G.

(5)

Il-kategoriji differenti tal-ispejjeż imsemmija hawnhekk għandhom jiġu ddefiniti kif ġej:

(a)

“L-ispejjeż inkrementali” huma dawk l-ispejjeż li jistgħu jiġu evitati jekk inkrement speċifiku ma jibqax ikun ipprovdut (magħrufa wkoll bħala spejjeż li jistgħu jiġu evitati).

(b)

“L-ispejjeż relatati mat-traffiku” huma dawk l-ispejjeż kollha fissi u varjabbli mġarrba minħabba ż-żieda fil-livelli tat-traffiku.

(6)

Fil-mudell LRIC, l-inkrement rilevanti għandu jiġi ddefinit bħala s-servizz bl-ingrossa ta’ terminazzjoni ta’ telefonati bil-vuċi pprovdut lil terzi. Dan jimplika li bl-evalwazzjoni tal-ispejjeż inkrementali l-NRAs għandhom jistabbilixxu d-differenza bejn l-ispejjeż totali fuq medda ta’ żmien twil ta’ operatur li jipprovdi l-firxa sħiħa ta’ servizzi tiegħu u l-ispejjeż totali fuq medda ta’ żmien twil ta’ dan l-operatur fin-nuqqas tas-servizz bl-ingrossa ta’ terminazzjoni tat-telefonati pprovdut lil terzi. Jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn spejjeż relatati mat-traffiku u spejjeż mhux relatati mat-traffiku, fejn dawn l-ispejjeż tal-aħħar m’għandhomx jitqiesu għall-iskop tal-kalkolu tar-rati ta’ terminazzjoni bl-ingrossa. L-approċċ rakkomandat biex jiġu identifikati l-ispejjeż inkrementali rilevanti jkun li l-ewwel jiġu attribwiti l-ispejjeż relatati mat-traffiku lis-servizzi minbarra lil dawk ta’ terminazzjoni ta’ telefonati bil-vuċi bl-ingrossa, biex fl-aħħar l-ispejjeż li jifdal biss mill-ispejjeż relatati mat-traffiku jkunu allokati lis-servizz bl-ingrossa ta’ terminazzjoni ta’ telefonati bil-vuċi. Dan jimplika li dawk l-ispejjeż biss li jkunu evitati jekk ma jibqax jiġi pprovdut lil terzi s-servizz bl-ingrossa ta’ terminazzjoni ta’ telefonati bil-vuċi għandhom jiġu allokati għas-servizzi rregolati ta’ terminazzjoni ta’ telefonati bil-vuċi. Il-prinċipji għall-kalkolu tal-inkrement tas-servizz bl-ingrossa ta’ terminazzjoni ta’ telefonati bil-vuċi fin-netwerks ta’ terminazzjoni fissi u ċellulari rispettivament huma elaborati aktar fl-Anness.

(7)

L-approċċ rakkomandat għad-deprezzament tal-assi huwa d-deprezzament ekonomiku meta dan ikun jista’ jsir.

(8)

Meta jiddeċiedu dwar l-iskala xierqa u effiċjenti tal-operatur mudell, l-NRAs għandhom jikkunsidraw il-prinċipji għad-definizzjoni tal-iskala xierqa u effiċjenti għan-netwerks ta’ terminazzjoni fissi u ċellulari kif jidher fl-Anness.

(9)

Għal kull determinazzjoni ta’ livelli ta’ spejjeż effiċjenti li tiddevja mill-prinċipji li jidhru hawn fuq għandhom jeżistu differenzi oġġettivi ta’ spejjeż li jiġġustifikawha li jkunu barra mill-kontroll tal-operaturi kkonċernati. Dawn id-differenzi oġġettivi fl-ispejjeż jistgħu jitfaċċaw fis-swieq ta’ terminazzjoni taċ-Ċellulari minħabba assenjazzjoni irregolari ta’ frekwenzi. Sal-punt li jkunu inklużi fil-mudell tal-ispejjeż frekwenzi addizzjonali akkwistati biex jipprovdu terminazzjoni ta’ telefonati bl-ingrossa, l-NRAs għandhom jirrevedu regolarment id-differenzi oġġettivi kollha, filwaqt li jikkunsidraw inter alia jekk fuq bażi li tħares ’il quddiem, frekwenzi addizzjonali jistgħux b’ċerta probabbiltà jsiru disponibbli permezz ta’ proċessi ta’ assenjazzjoni bbażati fuq is-swieq li jistgħu jxejnu d-differenzi tal-ispejjeż kollha li joħorġu mill-assenjazzjonijiet eżistenti jew jekk dan l-iżvantaġġ relattiv fl-ispejjeż biż-żmien jonqosx, hekk kif jiżdiedu l-volumi tal-parteċipanti ġodda.

(10)

Fil-każ li jkun hemm prova li parteċipant ġdid fis-suq taċ-ċellulari li jopera taħt l-iskala minima effiċjenti jġarrab spejjeż inkrementali kull unità ogħla mill-operatur tal-mudell wara li jkun iddetermina li hemm impedimenti fis-suq tal-bejgħ bl-imnut għad-dħul fis-suq u għall-espansjoni, l-NRAs jistgħu jippermettu li dawn l-ispejjeż ogħla jiġu rkuprati matul perjodu ta' tranżizzjoni permezz ta' rati ta' terminazzjoni regolati. Kwalunkwe perjodu bħal dan m'għandux jaqbeż l-erba′ snin wara d-dħul fis-suq.

(11)

Din ir-Rakkomandazzjoni hija mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet regolatorji preċedenti li ttieħdu mill-NRAs dwar kwistjonijiet imqajma hawnhekk. Minkejja dan, l-NRAs għandhom jiżguraw li r-rati ta’ terminazzjoni jiġi implimentati f’livell simetriku u effiċjenti rigward spejjeż sal-31 ta' Diċembru 2012, soġġetti għad-differenzi oġġettivi fl-ispejjeż identifikati konformi mal-punti (9) u (10).

(12)

F′ċirkostanzi eċċezzjonali meta NRA ma tkunx f’pożizzjoni, b'mod partikolari minħabba riżorsi limitati, li tiffinalizza fil-ħin il-mudell tal-ispejjeż irrakkomandat, u jekk tkun tista’ turi li metodoloġija, differenti minn dik ta’ mudell LRIC axxendenti, ibbażata fuq spejjeż kurrenti tagħti riżultati konsistenti ma’ din ir-Rakkomandazzjoni, u tiġġenera riżultati effiċjenti konsistenti ma’ dawk f’suq kompetittiv, l-NRA tista’ tikkunsidra li tiffissa prezzijiet interim ibbażati fuq approċċ alternattiv sal-1 ta' Lulju 2014. Fejn jirriżulta li jkun oġġettivament sproporzjonat li dawk l-NRAs b'riżorsi limitati japplikaw il-metodoloġija tal-ispejjeż rakkomandata wara din id-data, NRAs bħal dawn jistgħu jkomplu japplikaw metodoloġija alternattiva sad-data tar-reviżjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni, sakemm il-korp stabbilit għall-kooperazzjoni fost l-NRAs u l-Kummissjoni, inklużi l-grupp ta' ħidma relatati tagħha, jipprovdi appoġġ prattiku suffiċjenti u gwida kif din il-limitazzjoni ta' riżorsi u, b'mod partikolari, l-ispiża tal-implimentazzjoni tal-metodoloġija rakkomandata tista' tingħeleb. Kwalunkwe riżultat ta' dan it-tip li joħroġ minn metodoloġiji alternattivi m’għandux ikun ogħla mill-medja tar-rati ta’ terminazzjoni li jkunu stabbilixxew l-NRAs bl-implimentazzjoni tal-metodoloġija tal-ispejjeż irrakkomandata.

(13)

Din ir-Rakkomandazzjoni ser tiġi riveduta mhux aktar tard minn erba’ snin mid-data meta tiġi applikata.

(14)

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 7 ta’ Mejju 2009.

Għall-Kummissjoni

Viviane REDING

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33.

(2)  ĠU L 200, 30.7.2002, p. 38.

(3)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 7.

(4)  ĠU L 266, 11.10.2005, p. 64.


ANNESS

Prinċipji għall-kalkolu ta’ rati ta’ terminazzjoni bl-ingrossa f’netwerks fissi

L-ispejjeż inkrementali rilevanti (jiġifieri l-ispejjeż li jistgħu jiġu evitati) tas-servizz bl-ingrossa ta’ terminazzjoni ta’ telefonati huma d-differenza bejn l-ispejjeż totali fuq medda ta’ żmien twil ta’ operatur li jipprovdi l-firxa sħiħa ta’ servizzi tiegħu u l-ispejjeż totali fuq medda ta’ żmien twil ta’ dak l-operatur li ma jipprovdix lil terzi servizz bl-ingrossa ta’ terminazzjoni ta’ telefonati.

Jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn spejjeż relatati mat-traffiku u spejjeż mhux relatati mat-traffiku biex tiġi żgurata l-allokazzjoni ġusta ta’ dawk l-ispejjeż. L-ispejjeż li mhumiex relatati mat-traffiku ma jridux jitqiesu għall-iskop ta’ kalkolu tar-rati ta’ terminazzjoni bl-ingrossa. Mill-ispejjeż relatati mat-traffiku għandhom jiġu allokati biss lill-inkrement rilevanti għat-terminazzjoni, dawk l-ispejjeż li jiġu evitati jekk ma jkunx jeżisti servizz bl-ingrossa ta’ terminazzjoni ta’ telefonati. Dawn l-ispejjeż li jistgħu jiġu evitati jistgħu jiġu kkalkolati billi l-ewwel jiġu allokati l-ispejjeż relatati mat-traffiku għas-servizzi minbarra s-servizz bl-ingrossa ta’ terminazzjoni ta’ telefonati (pereżempju minn fejn toriġina t-telefonata, servizzi tad-dejta, IPTV, eċċ.) u biss dak li jibqa’ mill-ispejjeż relatati mat-traffiku jiġu allokati għas-servizz bl-ingrossa ta’ terminazzjoni ta’ telefonati.

Il-punt ta’ demarkazzjoni bejn spejjeż relatati mat-traffiku u dawk mhux relatati mat-traffiku tipikament ikun fejn isir l-ewwel punt ta’ konċentrazzjoni tat-traffiku. Normalment f’netwerk PSTN dan jittieħed li jkun fuq in-naħa ta’ fuq tal-line card fil-konċentratur (remot). Il-broadband ekwivalenti NGN huwa l-line card fid-DSLAM/MSAN (1). Fil-każ li d-DSLAM/MSAN ikun lokalizzat f’kaxxa fit-triq, allura wieħed jeħtieġ jikkunsidra jekk il-loop ta’ qabel bejn il-kaxxa u l-exchange/MDF ikunx mezz komuni u jkollu jiġi ttrattat bħala parti tal-kategorija tal-ispejjeż sensittiva għat-traffiku; f’dan il-każ il-punt ta’ demarkazzjoni relatat mat-traffiku/mhux relatat mat-trafffiku jkun lokalizzat fil-kaxxa fit-triq. Jekk kapaċità ddedikata tiġi allokata għas-servizz ta’ terminazzjoni tat-telefonati bil-vuċi irrispettivament mit-teknoloġija użata, allura l-punt ta’ demarkazzjoni jibqa’ fil-livell tal-konċentratur (remot).

Jekk jissegwa l-approċċ deskritt hawn fuq, eżempji ta' spejjeż li jiddaħħlu fl-inkrement tas-servizz ta' terminazzjoni ikunu jinkludu l-kapaċità addizzjonali tan-netwerk meħtieġa għat-trasport ta' traffiku addizzjonali ta' terminazzjoni bl-ingrossa (e.g. infrastruttura tan-netwerk addizzjonali sakemm din tkun xprunata mill-ħtieġa li tiżdied il-kapaċità bil-għan li tkun tista' tiflaħ għat-traffiku addizzjonali ta' terminazzjoni bl-ingrossa) kif ukoll ta' spejjeż kummerċjali addizzjonali relatati direttament mal-forniment tas-servizz ta' terminazzjoni bl-ingrossa lil partijiet terzi.

Biex tiġi determinata l-iskala ta’ effiċjenza ta’ operatur għall-iskop tal-mudell tal-ispejjeż, l-NRAs għandhom jikkunsidraw li f’netwerks fissi l-operaturi għandhom l-opportunità li jibnu n-netwerks tagħhom f’żoni ġeografiċi partikolari u li jiffokaw fuq rotot b’densità għolja u/jew li jikru inputs rilevanti għan-netwerk mill-operaturi stabbiliti. Meta jiddefinixxu l-iskala minima effiċjenti u unika għall-operatur ta' mudell, l-NRAs għandhom għalhekk jikkunsidraw il-ħtieġa li jippromwovu dħul effiċjenti filwaqt li jirrikonoxxu wkoll li operaturi iżgħar, taħt ċerti kundizzjonijiet, jistgħu jipproduċu bi spejjeż unitarji aktar baxxi f’żoni ġeografiċi iżgħar. Barra dan, operaturi iżgħar li ma jistgħux ilaħħqu mal-vantaġġi ta’ skala tal-akbar operaturi f’żoni ġeografiċi usa’, jista’ jagħti il-każ li jixtru inputs bl-ingrossa aktar milli jipprovdu għalihom stess is-servizzi ta’ terminazzjoni.

Prinċipji għall-kalkolu ta’ rati ta’ terminazzjoni bl-ingrossa f’netwerks ċellulari

L-ispejjeż inkrementali rilevanti (jiġifieri l-ispejjeż li jistgħu jiġu evitati) tas-servizz bl-ingrossa ta’ terminazzjoni ta’ telefonati huma d-differenza bejn l-ispejjeż totali fuq medda ta’ żmien twil ta’ operatur li jipprovdi l-firxa sħiħa ta’ servizzi tiegħu u l-ispejjeż totali fuq medda ta’ żmien twil ta’ operatur li ma jipprovdix lil terzi servizz bl-ingrossa ta’ terminazzjoni ta’ telefonati.

Jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn spejjeż relatati mat-traffiku u spejjeż mhuix relatati mat-traffiku biex tiġi żgurata l-allokazzjoni ġusta ta’ dawk l-ispejjeż. L-ispejjeż li mhumiex relatati mat-traffiku ma jridux jitqiesu għall-iskop ta’ kalkolu tar-rati ta’ terminazzjoni bl-ingrossa. Mill-ispejjeż relatati mat-traffiku għandhom jiġu allokati biss lill-inkrement rilevanti għat-terminazzjoni, dawk l-ispejjeż li jiġu evitati jekk ma jkunx jeżisti servizz bl-ingrossa ta’ terminazzjoni ta’ telefonati. Dawn l-ispejjeż li jistgħu jiġu evitati jistgħu jiġu kkalkolati billi l-ewwel jiġu allokati l-ispejjeż relatati mat-traffiku għas-servizzi minbarra s-servizz bl-ingrossa ta’ terminazzjoni ta’ telefonati (pereżempju minn fejn toriġina t-telefonata, SMS, MMS, eċċ.) u biss dak li jibqa’ mill-ispejjeż relatati mat-traffiku jiġu allokati għas-servizz bl-ingrossa ta’ terminazzjoni ta’ telefonati bil-vuċi.

L-ispiża tal-handset u tas-SIM card mhumiex relatati mat-traffiku u m’għandhom jidħlu f’ebda mudell tal-ispejjeż għas-servizzi bl-ingrossa ta’ terminazzjoni ta’ telefonati bil-vuċi.

Il-kopertura tista’ tiġi deskritta bl-aħjar mod bħala l-kapaċità jew l-għażla biex issir telefonata waħda minn kwalunkwe punt fin-netwerk f’mument partikolari, u l-kapaċità tirrapreżenta l-ispejjeż addizzjonali tan-netwerk li jkunu meħtieġa biex tkun tiflaħ livelli li jiżdiedu ta’ traffiku. Il-bżonn li jiġu pprovduti kopertura bħal din lill-abbonati jwassal biex isiru spejjeż mhux relatati mat-traffiku li m’għandhomx jiġu allokati għall-inkrement tat-terminazzjoni tat-telefonati bl-ingrossa. Investimenti fis-swieq maturi taċ-Ċellulari huma mmexxija aktar minn żidiet fil-kapaċità u mill-iżvilupp ta’ servizzi ġodda u l-mudell tal-ispejjeż għandu jirrifletti dan. L-ispiża inkrementali tas-servizzi bl-ingrossa ta’ terminazzjoni tat-telefonati bil-vuċi għandha għalhekk teskludi l-ispejjeż ta’ kopertura, iżda għandha tinkludi spejjeż għal kapaċità addizzjonali sal-punt li dawn ikunu kkawżati mill-provvista ta’ servizzi bl-ingrossa ta’ terminazzjoni ta’ telefonati bil-vuċi.

L-ispejjeż għall-użu tal-frekwenzi (l-awtorizzazzjoni biex jinżammu u jintużaw frekwenzi) li jkun hemm għall-provvista ta’ servizzi bl-imnut lill-abbonati tan-netwerk jiddependu fil-bidu min-numru ta’ abbonati u għalhekk ma jiddependux mit-traffiku u m’għandhomx jiġu kkalkolati bħala parti mill-inkrement tas-servizz bl-ingrossa ta’ terminazzjoni ta’ telefonati. Meta jkun possibbli, għandhom jiġu inklużi l-ispejjeż għall-akkwist ta’ frekwenzi addizzjonali biex tiżdied il-kapaċità (aktar mill-minimu neċessarju biex jiġu pprovduti servizzi bl-imnut lill-abbonati) għall-iskop li jiġi ttrasportat traffiku addizzjonali li jirriżulta mill-provvista ta’ servizz bl-ingrossa ta’ terminazzjoni ta’ telefonati bil-vuċi, fuq il-bażi ta’ spejjeż ta’ opportunità li jħarsu ’l quddiem.

Skont l-approċċ spjegat hawn fuq, eżempji ta' spejjeż li jiddaħħlu fl-inkrement tas-servizz ta' terminazzjoni ikunu jinkludu l-kapaċità addizzjonali tan-netwerk meħtieġa biex tittrasporta traffiku addizzjonali bl-ingrossa (pereżempju l-infrastruttura addizzjonali tan-netwerk safejn din tkun immexxija mill-ħtieġa li tiżdied il-kapaċità għall-iskop li jseħħ it-traffiku addizzjonali bl-ingrossa). Tali spejjeż relatati man-netwerk jistgħu jinkludu Mobile Switching Centres (MSCs) jew l-infrastruttura ta' qofol meħtieġa direttament biex iġġorr it-traffiku ta' terminazzjoni għal partijiet terzi. Barra minn hekk, fejn ċerti elementi tan-netwerk jinqasmu għall-iskopijiet tal-forniment ta' servizzi ta' oriġini u ta' terminazzjoni, bħas-siti taċ-ċellula jew Base Transceiver Stations (BTS), dawn l-elementi tan-netwerk se jiddaħħlu fil-mudell tal-ispiża ta' terminazzjoni safejn ikunu meħtieġa minħabba l-kapaċità addizzjonali meħtieġa biex tkun tista' tinġarr it-traffiku ta' terminazzjoni minn partijiet terzi. Barra minn hekk iridu jitqiesu wkoll l-ispejjeż addizzjonali tal-frekwenzi u l-ispejjeż addizzjonali kummerċjali relatati direttament mal-provvista tas-servizz ta’ terminazzjoni bl-ingrossa lil partijiet terzi. Dan jimplika li ma jkunux inklużi l-ispejjeż ta’ kopertura, l-ispejjeż tan-negozju li ma jistgħux jiġu evitati u l-ispejjeż kummerċjali bl-imnut.

Biex tiġi ddeterminata l-iskala effiċjenti għall-iskopijiet tal-mudell tal-ispejjeż, u filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi fis-sehem tas-suq f'għadd ta' Stati Membri tal-UE, l-approċċ rakkomandat għandu jistabbilixxi dik l-iskala fl-20 % tas-sehem tas-suq. Wieħed jistenna li wara li jkunu daħlu fis-suq, operaturi taċ-ċellulari jagħmlu ħilithom kollha biex iżidu kemm jista’ jkun l-effiċjenza u d-dħul taqgħhom u b’hekk ikunu f’pożizzjoni li jilħqu jakkwistaw sehem minimu tas-suq ta' 20 %. F'każ li NRA tkun tista' tipprova li l-kundizzjonijiet tas-suq fit-territorju ta dak l-Istat Membru jimplikaw skala minimi effiċjenti differenti, din tkun tista' tiddevja mill-approċċ rakkomandat.


(1)  Digital Subscriber Line Access Multiplexer/Multi-Service Access Node.


Top