EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009L0013

Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE tas- 16 ta’ Frar 2009 li timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, u li temenda d-Direttiva 1999/63/KE

ĠU L 124, 20.5.2009, p. 30–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 15/02/2018

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/13/oj

20.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 124/30


DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2009/13/KE

tas-16 ta’ Frar 2009

li timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, u li temenda d-Direttiva 1999/63/KE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u, b’mod partikolari l-Artikolu 139(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1)

It-tmexxija intraprenditorjali u l-ħaddiema, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-imsieħba soċjali”, jistgħu, taħt l-Artikolu 139(2) tat-Trattat, jitolbu flimkien li kull ftehimkonkluż minnhom fuq livell Komunitarju jiġu implimentati b’deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni.

(2)

Fit-23 ta’ Frar 2006, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol adottat il-Konvenzjoni tal-2006 dwar ix-Xogħol Marittimu, bix-xewqa li jinħoloq strument wieħed u koerenti li possibbilment jiġbor fih l-istandards aġġornati kollha tal-Konvenzjonijiet u r-Rakkomandazzjonijiet tax-xogħol marittimu, kif ukoll il-prinċipji fundamentali li jinsabu f’Konvenzjonijiet internazzjonali oħrajn dwar ix-xogħol.

(3)

Il-Kummissjoni ikkonsultat mat-tmexxija intraprenditorjali u l-ħaddiema, taħt l-Artikolu 139(2) tat-Trattat, dwar jekk hux vijabbli li jiġi żviluppat l-acquis Komunitarju eżistenti billi dan jiġi adattat, ikkonsolidat jew issupplimentat bil-ħsieb tal-Konvenzjoni tal-2006 dwar ix-Xogħol Marittimu.

(4)

Fid-29 ta’ Settembru 2006, l-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) infurmaw lill-Kummissjoni dwar ix-xewqa tagħhom li jidħlu f’negozjati taħt l-Artikolu 138(4) tat-Trattat.

(5)

Fid-19 ta’ Mejju 2008, l-organizzazzjonijiet imsemmija, xewqana li joħolqu kondizzjonijiet ekwivalenti globali fl-industrija marittima kollha, ikkonkludew Ftehim dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Ftehim”. Dan il-Ftehim u l-Anness tiegħu jinkludu talba miż-żewġ naħat lill-Kummissjoni biex jiġu implimentati permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, taħt l-Artikolu 139(2) tat-Trattat.

(6)

Il-Ftehim japplika għall-baħħara abbord bastimenti reġistrati fi Stat Membru u/jew li jtajru bandiera ta’ Stat Membru.

(7)

Il-Ftehim jemenda l-Ftehim Ewropew dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tal-baħħara konkluż fi Brussell fit-30 ta’ Settembru 1998 mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni tal-Unjons tal-Ħaddiema tat-Trasport fl-Unjoni Ewropea (FST).

(8)

Għall-finijiet tal-Artikolu 249 tat-Trattat, l-istrument adatt għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ikun Direttiva.

(9)

Il-Ftehim jidħol fis-seħħ fl-istess żmien li tidħol fis-seħħ il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, u l-imsieħba soċjali jixtiequ li l-miżuri nazzjonali li jimplimentaw din id-Direttiva jidħlu fis-seħħ mhux qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ tali Konvenzjoni.

(10)

Rigward kwalunkwe terminu użat fil-Ftehim u li mhuwiex speċifikament definit fih, din id-Direttiva tħalli lill-Istati Membri liberi li jiddefinixxuh taħt il-liġi u l-prattika nazzjonali, kif inhu l-każ ta’ Direttivi oħra ta’ politika soċjali li jużaw termini simili, dejjem jekk dawn id-definizzjonijiet jirrispettaw il-kontenut tal-Ftehim.

(11)

Il-Kummissjoni fasslet il-proposta tagħha għal Direttiva, konformement mal-Komunikazzjoni tagħha tal-20 ta’ Mejju 1998 dwar l-adattament u l-promozzjoni tad-djalogu soċjali fil-livell Komunitarju, b’kont meħud tal-istatus rappreżentattiv tal-Partijiet firmatarji u l-legalità ta’ kull klawżola tal-Ftehim.

(12)

L-Istati Membri jistgħu jafdaw f’idejn it-tmexxija intraprenditorjali u l-ħaddiema, fuq talba miż-żewġ naħat, biex jimplimentaw din id-Direttiva, sakemm l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li f’kull ħin jistgħu jiggarantixxu r-riżultati imposti minn din id-Direttiva.

(13)

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni eżistenti li tkun aktar speċifika u/jew tiggarantixxi livell ogħla ta’ protezzjoni lill-baħħara, u partikolarment dawk inklużi fil-leġiżlazzjoni Komunitarja.

(14)

Għandha tkun żgurata l-konformità mal-prinċipju ġenerali ta’ responsabbiltà ta’ min iħaddem kif previst fid-Direttiva Qafas 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (1), u partikolarment fl-Artikolu 5(1) u (3) tagħha.

(15)

Din id-Direttiva ma għandhiex tintuża biex tiġġustifika tnaqqis fil-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema fl-oqsma koperti mill-Ftehim anness magħha.

(16)

Din id-Direttiva u l-Ftehim jistabbilixxu standards minimi. L-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali għandhom ikunu jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet aktar favorevoli.

(17)

Il-Kummissjoni infurmat lill-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, konformement mal-Komunikazzjoni tagħha tal-14 ta’ Diċembru 1993 dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar il-Politika Soċjali, billi bagħtetilhom it-test tal-proposta tagħha għal Direttiva li fiha l-Ftehim.

(18)

Dan l-istrument jikkonforma mad-drittijiet u l-prinċipji fundamentali stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari mal-Artikolu 31 tagħha li jistipula li l-ħaddiema kollha għandhom id-dritt għal kondizzjonijiet ta’ xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità, li jkollhom limitu għall-ħin ta’ xogħol massimu tagħhom u għal perijodi ta’ mistrieħ fil-ġimgħa u kuljum u perijodu annwali ta’ vaganzi bi ħlas.

(19)

Ladarba l-għanijiet ta’ din id-Direttiva ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tistà tadotta miżuri, konformement mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(20)

Konformement mal-paragrafu 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar ta’ liġijiet (2), l-Istati Membri se jkunu mħeġġa jfasslu, għalihom stess u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom stess li jkunu juru, sa fejn hu possibbli, il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni u jagħmluhom pubbliċi.

(21)

Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/63/KE tal-21 ta’ Ġunju 1999 dwar il-Ftehim dwar l-organizzazzjoni tal-ħin ta’ xogħol tal-baħħara konkluż mill-Assoċjazzjoni tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u mill-Federazzjoni tal-Unjons tal-Ħaddiema tat-Trasport fl-Unjoni Ewropea (FST) (3) li tinkludi l-Ftehim Ewropew dwar l-organizzazzjoni tal-ħin ta’ xogħol tal-baħħara fl-Anness tagħha għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ.

(22)

L-implimentazzjoni tal-Ftehim tikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet taħt l-Artikolu 136 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Din id-Direttiva timplimenta l-Ftehim dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, konkluż fid-19 ta’ Mejju 2008 bejn l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw it-tmexxija intraprenditorjali u l-ħaddiema fis-settur tat-trasport marittimu (Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea, ECSA, u Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport, ETF) li jinsab fl-Anness.

Artikolu 2

L-Anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/63/KE huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

Fil-Klawżola 1, jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3.

F’każ ta’ dubju dwar jekk kwalunkwe kategorija ta’ persuni għandhiex tiġi meqjusa bħala baħħara għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, il-kwistjoni għandha tiġi determinata mill-Awtorità kompetenti f’kull Stat Membru wara konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-bastimenti u tal-baħħara kkonċernati b’din il-kwistjoni. F’dan il-kuntest għandu jittieħed kont debitu tar-Riżoluzzjoni tal-94 Sessjoni (Marittima) tal-Konferenza Ġenerali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol li tikkonċerna informazzjoni dwar gruppi ta’ xogħol.”

(2)

Fil-Klawżola 2, il-punti (c) u (d) jinbidlu b’dan li ġej:

“(c)

it-terminu ‘baħħar’ ifisser kwalunkwe persuna li hija impjegata jew ingaġġata jew taħdem f’kwalunkwe kapaċità fuq bastiment li għalih japplika dan il-Ftehim;

(d)

it-terminu ‘sid ta’ bastiment’ ifisser is-sid tal-bastiment jew organizzazzjoni jew persuna oħra, bħall-maniġer, l-aġent jew il-bareboat charterer, li jkun assuma r-responsabbiltà għat-tħaddim tal-bastiment mis-sid u li, kif jassumi din ir-responsabbiltà, ikun qabel li jassumi d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet imposti fuq is-sidien tal-bastiment taħt dan il-Ftehim, indipendentement jekk kwalunkwe organizzazzjoni jew persuna oħra tissodisfax ċerti minn dawn id-dmirijiet jew responsabbiltajiet f’isem sid il-bastiment.”

(3)

Il-Klawżola 6 tinbidel b’dan li ġej:

“1.

Ix-xogħol billejl ta’ baħħara taħt it-18-il sena għandu jkun ipprojbit. Għall-finijietn ta’ din il-Klawżola, ‘billejl’ għandu jiġi definit taħt il-liġi u l-prattika nazzjonali. Għandu jkopri perijodu ta’ mill-inqas disa’ sigħat li jibdew mhux iktar tard minn nofsillejl u jispiċċa mhux qabel il-ħamsa ta’ filgħodu.

2.

Tista’ ssir eċċezzjoni għall-konformità stretta mar-restrizzjoni dwar xogħol billejl mill-awtorità kompetenti meta:

(a)

it-taħriġ effettiv tal-baħħara kkonċernati, taħt il-programmi u l-iskedi stabbiliti, jiġi preġudikat; jew

(b)

in-natura speċifika tal-obbligu jew programm ta’ taħriġ rikonoxxut jirrikjedi li l-baħħara koperti mill-eċċezzjoni jagħmlu xogħol billejl u l-awtorità tiddetermina, wara konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-bastimenti u tal-baħħara kkonċernati, li x-xogħol ma jkunx ta’ dannu għas-saħħa u l-benessri tagħhom.

3.

L-impjieg, l-ingaġġ jew ix-xogħol tal-baħħara taħt it-18-il sena għandu jkun ipprojbit meta x-xogħol x’aktarx jaffettwa ħażin is-saħħa u s-sigurtà tagħhom. It-tipi ta’ xogħol bħal dan għandhom jiġu deċiżi bil-liġijiet jew regolamenti nazzjonali jew mill-awtorità kompetenti, wara konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-bastimenti u tal-baħħara kkonċernati, konformement mal-istandards internazzjonali rilevanti.”

(4)

Il-Klawżola 13 tinbidel b’dan li ġej:

“1.

Il-baħħara ma għandhomx jaħdmu fuq bastiment qabel ma jkunu ċertifikati bħala f’kondizzjoni medika tajba biex iwettqu dmirijiethom.

2.

Huma permessi biss eċċezzjonijiet kif preskritti f’dan il-Ftehim.

3.

L-awtorità kompetenti għandha teħtieġ li, qabel ma jibdew jaħdmu fuq bastiment, il-baħħara jkollhom ċertifikat mediku validu li jgħid li huma f’kondizzjoni medika tajba biex iwettqu d-dmirijiet li għandhom iwettqu meta jkunu qed ibaħħru.

4.

Sabiex ikun żgurat li ċ-ċertifikati mediċi jirriflettu ġenwinament l-istat ta’ saħħa tal-baħħara, fid-dawl tad-dmirijiet li jridu jwettqu, l-awtorità kompetenti għandha, wara konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-bastimenti u tal-baħħara kkonċernati, u wara konsiderazzjoni debita tal-linji gwida internazzjonali applikabbli, tippreskrivi l-għamla tal-eżami u ċ-ċertfikat mediċi.

5.

Dan il-Ftehim huwa mingħajr preġudizzju għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Istandards tat-Taħriġ, iċ-Ċertifikazzjoni u s-Servizz ta’ Għassa tal-Baħħara, tal-1978, kif emendata (“STCW”). Ċertifikat mediku maħruġ konformement ma’r-rekwiżiti tal-STCW għandu jkun aċċettat mill-awtorità kompetenti, għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2 ta’ din il-Klawżola. Ċertifikat mediku li jilħaq is-sustanza ta’ dawn ir-rekwiżiti, f’każ ta’ baħħara mhux koperti bl-STCW, għandu jkun aċċettat ukoll.

6.

Ċertifikat mediku għandu jinħareġ minn tabib debitament kwalifikat jew, f’każ ta’ ċertifikat li jikkonċerna biss il-vista, minn persuna rikonoxxuta mill-awtorità kompetenti li hija kwalifikata biex toħroġ tali ċertifikat. It-tobba għandhom ikollhom indipendenza professjonali sħiħa meta jeżerċitaw il-ġudizzju mediku tagħhom meta jwettqu proċeduri ta’ eżami mediku.

7.

Il-baħħara li ġew rifjutati ċertifikat jew kellhom limitazzjoni imposta fuq l-abbilità tagħhom għax-xogħol, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħin, qasam tax-xogħol jew qasam tal-kummerċ, għandhom jingħataw l-oppurtunità biex ikollhom eżami ulterjuri minn tabib indipendenti ieħor jew minn arbitru mediku indipendenti.

8.

Kull ċertifikat mediku għandu jiddikjara b’mod partikolari li:

(a)

is-smigħ u l-vista tal-baħħar ikkonċernat, u l-vista tal-kuluri f’każ ta’ baħħar li ser ikun impjegat f’xogħol fejn il-kapaċità għal dan ix-xogħol tistà tkun affettwata minn difett fil-vista tal-kuluri, huma kollha sodisfaċenti; u

(b)

il-baħħar ikkonċernat mhux qed isofri minn xi kondizzjoni medika li x’aktarx tkun aggravata bix-xogħol fuq il-baħar jew li tistà tirrendi lill-baħħar mhux kapaċi għal dan ix-xogħol jew li tistà tipperikola s-saħħa ta’ persuni oħra abbord.

9.

Sakemm ma jkunx meħtieġ perijodu iqsar minħabba d-dmirijiet speċifiċi li għandhom jitwettqu mill-baħħar ikkonċernat jew rikjest taħt l-STCW:

(a)

ċertifikat mediku għandu jkun validu għal perijodu massimu ta’ sentejn sakemm il-baħħar mhuwiex taħt it-18-il sena, f’liema każ il-perijodu massimu tal-validità għandu jkun ta’ sena;

(b)

ċertifikazzjoni tal-vista tal-kuluri għandha tkun valida għal perijodu massimu ta’ sitt snin.

10.

F’każijiet urġenti l-awtorità kompetenti tista’ tippermetti li baħħar jaħdem mingħajr ċertifikat mediku validu sakemm jaslu fil-port li jmiss fejn il-baħħar jista’ jikseb ċertifikat mediku minn tabib kwalifikat, dment li:

(a)

il-perijodu ta’ tali permess ma jaqbiżx it-tliet xhur; u

(b)

il-baħħar ikkonċernat għandu f’idejh ċertifikat mediku skadut ta’ data reċenti.

11.

Jekk il-perijodu ta’ validità ta’ ċertifikat jiskadi matul vjaġġ, iċ-ċertifikat għandu jibqa’ japplika sakemm jasal fil-port li jmiss fejn il-baħħar jista’ jikseb ċertifikat mediku minn tabib kwalifikat, dment li l-perijodu ma jaqbiżx it-tliet xhur.

12.

Iċ-ċertifikati mediċi għall-baħħara li jaħdmu fuq bastimenti normalment ingaġġati fuq vjaġġi internazzjonali għandhom bħala minimu jkunu pprovduti bl-Ingliż.

13.

L-għamla tal-valutazzjoni tas-saħħa li għandha ssir u d-dettalji li għandhom jkunu inklużi fiċ-ċertifikat mediku għandha tkun stabbilità wara konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-bastimenti u tal-baħħara kkonċernati.

14.

Il-baħħara kollha għandha ssirilhom b’mod regolari valutazzoni ta’ saħħithom. L-għassiesa li jsofru minn problemi tas-saħħa ċċertifikati minn tabib li dawn il-problemi huma riżultat tal-fatt li jaħdmu billejl, għandhom ikunu trasferiti, kull fejn possibbli, għal xogħol ta’ matul il-ġurnata li huma jkunu tajjeb għalih.

15.

Il-valutazzjoni tas-saħħa msemmija fil-paragrafi 13 u 14 għandha tkun bla ħlas u tikkonforma mal-kunfidenzjalità medika. Tali valutazzjonijiet tas-saħħa jistgħu jsiru fi ħdan is-sistema nazzjonali tas-saħħa.”

(5)

Il-Klawżola 16 tinbidel b’dan li ġej:

“Kull baħħar għandu jkun intitolat għal vaganzi annwali bi ħlas. L-intitolament għal vaganzi annwali bi ħlas għandu jkun ikkalkulat abbażi ta’ minimu ta’ 2.5 ġranet kalendarji kull xahar ta’ impjieg u abbażi ta’ pro rata għal xhur mhux kompluti.Il-perijodu minimu ta’ vaganzi annwali bi ħlas ma jistax ikun sostitwit b’allowance in lieu, ħlief meta r-relazzjoni tal-impjieg tiġi terminata.”

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet aktar favorevoli minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.

2.   L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma tistax tikostitwixxi taħt l-ebda ċirkostanza bażi suffiċjenti li tiġġustifika tnaqqis fil-livell ġenerali ta’ protezzjoni lill-ħaddiema fl-oqsma koperti minn din id-Direttiva. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-Istati Membri u/jew it-tmexxija intraprenditorjali u l-ħaddiema li jistabbilixxu, fid-dawl ta’ ċirkostanzi li jinbidlu, arranġamenti leġiżlattivi, regolatorji jew kuntrattwali differenti minn dawk li jkunu jipprevalu fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, dejjem jekk ikunu sodisfatti r-rekwiżiti minimi stabbiliti f’din id-Direttiva.

3.   L-applikazzjoni u/jew l-interpretazzjoni ta’ din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe provvediment, użanza jew prattika Komunitarja jew nazzjonali li tipprevedi kondizzjonijiet aktar favorevoli għall-baħħara kkonċernati.

4.   Id-dispożizzjoni tal-Istandard A4.2 paragrafu 5 b) m’għandhiex tafettwa il-prinċipju tar-responsabbiltà ta’ min iħaddem kif previst fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/391/KEE.

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw liema penali huma applikabbli meta jinkisru dispożizzjonijiet nazzjonali li jiġu promulgati konformement ma’ din id-Direttiva. Il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 5

1.   L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex tkun sodisfatta din id-Direttiva jew għandhom jiżguraw li t-tmexxija intraprenditorjali u l-ħaddiema jkunu introduċew bi ftehim il-miżuri meħtieġa, mhux iktar tard minn tnax-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

2.   Meta l-Istati Membri jadottaw dispożizzjonijiet, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif issir tali referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 6

L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalenza sostanzjali kif imsemmi fil-Preambolu tal-Ftehim hija mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri li jirriżultaw minn din id-Direttiva.

Artikolu 7

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006.

Artikolu 8

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 16 ta’ Frar 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

O. LIŠKA


(1)  ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1.

(2)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

(3)  ĠU L 167, 2.7.1999, p. 33.


ANNESS

FTEHIM

konkluż mill-ECSA u l-ETF dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006

IL-PARTIJIET FIRMATARJI

Billi l-Konvenzjoni tal-ILO tal-2006 dwar ix-Xogħol Marittimu (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-Konvenzjoni”) teħtieġ li kull Membru jissodisfa ruħu li d-dispożizzjonijiet tal-liġijiet u r-regolamenti tiegħu jirrispettaw, fil-kuntest tal-Konvenzjoni, id-drittijiet fundamentali tal-libertà tal-assoċjazzjoni u r-rikonoxximent effettiv tad-dritt tan-negozjar kollettiv, l-eliminazzjoni ta’ kull forma ta’ xogħol furzat jew obbligatorju, l-abolizzjoni effettiva tax-xogħol magħmul mit-tfal u l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni fir-rigward tal-impjieg u x-xogħol;

Billi il-Konvenzjoni tipprevedi li kull baħħar għandu dritt għal post tax-xogħol sigur u sikur li jikkonforma ma’ standards ta’ sigurtà, għal kondizzjonijiet ġusti ta’ impjieg, għal kondizzjonijiet diċenti ta’ xogħol u għajxien u għal protezzjoni tas-saħħa, kura medika, miżuri ta’ għajnuna soċjali u forom oħra ta’ protezzjoni soċjali;

Billi l-Konvenzjoni teħtieġ lill-Membri li jiżguraw, fil-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħha, li d-drittijiet tal-impjieg u soċjali tal-baħħara mniżżla fil-paragrafu preċedenti ta’ dan il-Preambolu ikunu implimentati bis-sħiħ konformement mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-Konvenzjoni, tali implimentazzjoni tista tintlaħaq permezz ta’ liġijiet u regolamenti nazzjonali, permezz ta’ ftehim ta’ negozjar kollettiv applikabbli jew permezz ta’ miżuri oħra jew fil-prattika;

Billi l-Partijiet Firmatarji jixtiequ jiġbdu attenzjoni partikolari għan-“Nota ta’ Tifsir għar-Regolamenti u l-Kodiċi tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu”, li tistabbilixxi l-format u l-istruttura tal-Konvenzjoni;

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “it-Trattat”) u b’mod partikolari l-Artikoli 137, 138 u 139 tiegħu;

Billi l-Artikolu 139 (2) tat-Trattat jipprevedi li strumenti ta’ ftehim konklużi fil-livell Ewropew jistgħu jiġu implimentati fuq talba miż-żewġ naħat tal-Partijiet firmatarji b’Deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni;

Billi l-Partijiet firmatarji qegħdin b’dan jagħmlu tali talba;

Billi l-istrument adatt għall-implimentazzjoni tal-Ftehim hija Direttiva, fil-kuntest tal-Artikolu 249 tat-Trattat, li jorbot lill-Istati Membri għal dak li hu r-riżultat li jrid jintlaħaq, waqt li jħalli għall-awtoritajiet nazzjonali l-għażla tal-forma u l-metodi; l-Artikolu VI tal-Konvenzjoni jippermetti lill-Membri tal-ILO li jimplimentaw miżuri li huma għas-sodisfazzjon tagħhom sostanzjalment ekwivalenti għall-Istandards tal-Konvenzjoni li hija mmirata kemm għall-ksib totali tal-objettiv u għan ġenerali tal-Konvenzjoni u kemm biex tagħti effett lid-dispożizzjonijiet msemmija tal-Konvenzjoni; l-implimentazzjoni tal-Ftehim b’Direttiva u l-prinċipju ta’ “Ekwivalenza Sostanzjali” fil-Konvenzjoni huma għalhekk immirati biex jagħtu lill-Istati Membri l-ħila li jimplimentaw id-drittijiet u l-prinċipji b’mod previst fl-Artikolu VI paragrafi 3 u 4 tal-Konvenzjoni.

Qablu dwar dan li ġej:

DEFINIZZJONIJIET U AMBITU TA’ APPLIKAZZJONI

1.

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim u sakemm mhux previst mod ieħor f’dispożizzjonijiet partikolari, it-terminu:

(a)

awtorità kompetenti tfisser il-Ministru, id-dipartiment tal-Gvern jew awtorità oħra magħżula minn Stat Membru li għandha s-setgħa li toħroġ u tinforza regolamenti, ordnijiet jew struzzjonijiet oħra li għandhom il-forza tal-liġi fir-rigward tas-suġġett tad-dispożizzjoni kkonċernata;

(b)

tunnellaġġ gross jfisser it-tunnellaġġ gross kkalkulat konformement mar-regolamenti tal-kejl tat-tunnellaġġ li jinsabu fl-Anness I tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Kejl tat-Tunnellaġġ tal-Bastimenti, 1969, jew kwalunkwe Konvenzjoni li ġiet wara; għall-bastimenti koperti bl-iskema temporanja tal-kejl tat-tunnellaġġ adottata mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, it-tunnellaġġ gross huwa dak li huwa inkluż fil-kolonna tar-RIMARKI taċ-Ċertifikat Internazzjonali tat-Tunnellaġġ (1969);

(c)

baħħar ifisser kwalunkwe persuna li hija impjegata jew ingaġġata jew taħdem fi kwalunkwe kapaċità fuq bastiment li għalih japplika dan il-Ftehim;

(d)

ftehim dwar l-impjieg ta’ baħħara tinkludi kemm kuntratt ta’ impjieg u artikoli tal-ftehim;

(e)

bastiment ifisser bastiment minbarra wieħed li jbaħħar esklussivament f’ilmijiet interni jew ilmijiet ġo, jew qrib, ibħra protetti jew postijiet fejn japplikaw ir-regolamenti portwali;

(f)

sid ta’ bastiment tfisser is-sid ta’ bastiment jew organizzazzjoni jew persuna oħra, bħall-maniġer, l-aġent jew il-bareboat charterer, li jkun assuma r-responsabbiltà għat-tħaddim tal-bastiment mis-sid u li, kif jassumi din ir-responsabbiltà, ikun qabel li jassumi d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet imposti fuq is-sidien tal-bastimenti konformement ma’ dan il-Ftehim, indipendentement minn jekk xi organizzazzjoni jew persuna oħra tissodisfax ċerti minn dawn id-dmirijiet jew responsabbiltajiet f’isem sid il-bastiment.

2.

Ħlief jekk ikun previst mod ieħor, dan il-Ftehim japplika għall-baħħara kollha.

3.

F’każ ta’ dubju dwar jekk xi kategorija ta’ persuni għandhiex tkun meqjusa bħala baħħara għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, il-kwistjoni għandha tiġi determinata mill-awtorità kompetenti f’kull Stat Membru wara konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-bastimenti u tal-baħħara kkonċernati b’din il-kwistjoni. F’dan il-kuntest għandu jittieħed kont debitu tar-Riżoluzzjoni tal-94 Sessjoni (Marittima) tal-Konferenza Ġenerali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol li tikkonċerna informazzjoni dwar gruppi ta’ xogħol.

4.

Minbarra fejn huwa espressament previst mod ieħor, dan il-Ftehim japplika għall-bastimenti kollha kemm jekk tal-gvern u kemm jekk tal-privat, normalment ingaġġati f’attivitajiet kummerċjali, minbarra bastimenti ingaġġati fis-sajd jew f’attivitajiet simili u bastimenti ta’ għamla tradizzjonali bħal iġfna u ġanks. Dan il-Ftehim ma japplikax għall-bastimenti tal-gwerra jew tagħmir għal mal-bastimenti.

5.

F’każ ta’ dubju dwar jekk il-Ftehim japplikax għal bastiment jew kategorija partikolari ta’ bastimenti, il-kwistjoni għandha tkun deċiża mill-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru wara konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet ikkonċernati tas-sidien tal-bastimenti u tal-baħħara.

IR-REGOLAMENTI U L-ISTANDARDS

TITOLU 1.

REKWIŻITI MINIMI GĦALL-BAĦĦARA BIEX JAĦDMU FUQ BASTIMENT

Regolament 1.1 – Età Minima

1.

L-ebda persuna taħt l-età minima ma għandha tkun impjegata jew ingaġġata biex taħdem fuq bastiment.

2.

Età minima superjuri għandha tkun meħtieġa fiċ-ċirkostanzi imniżżla f’dan il-Ftehim.

Standard A1.1 – Età Minima

L-età minima hija rregolata bid-Direttiva tal-Kunsill 1999/63/KE tal-21 ta’ Ġunju 1999 (għandha tiġi emendata) dwar il-Ftehim dwar l-organizzazzjoni tal-ħin ta’ xogħol tal-baħħara (għandha tiġi emendata konformement mal-Anness A ma’ dan il-Ftehim).

Regolament 1.2 – Ċertifikat Mediku

Iċ-ċertifikati mediċi huma regolati bid-Direttiva tal-Kunsill 1999/63/KE tal-21 ta’ Ġunju 1999 (għandha tiġi emendata) dwar il-Ftehim dwar l-organizzazzjoni tal-ħin ta’ xogħol tal-baħħara (għandha tiġi emendata konformement mal-Anness A ma’ dan il-Ftehim).

Regolament 1.3 – Taħriġ u kwalifiki

1.

Il-baħħara ma għandhomx jaħdmu fuq bastiment jekk mhumiex imħarrġa jew iċċertifikati bħala kompetenti jew inkella kwalifikati biex iwettqu dmirijiethom.

2.

Il-baħħara ma għandhomx jingħataw permess jaħdmu fuq bastiment jekk ma jkunux lestew b’suċċess taħriġ dwar is-sigurtà personali fuq bastiment.

3.

It-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni konformement mal-istrumenti obbligatorji adottati mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali għandhom jitqiesu li jissodisfaw r- rekwiżiti tal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan ir-Regolament.

TITOLU 2.

KONDIZZJONIJIET TAL-IMPJIEG

Regolament 2.1 – Ftehim dwar l-impjieg tal-baħħara

1.

It-termini u l-kondizzjonijiet għall-impjieg ta’ baħħar għandhom jitniżżlu jew ikun hemm refernza għalihom fi ftehim miktub b’mod ċar li jista’ jiġi infurzat legalment u għandhom ikunu konsistenti mal-istandards imniżżla f’dan il-Ftehim.

2.

L-istrumenti ta’ ftehim dwar l-impjieg tal-baħħara għandhom jiġu aċċettati mill-baħħar taħt kondizzjonijiet li jiżguraw li l-baħħar ikollu opportunità li jeżamina u jieħu parir dwar it-termini u l-kondizzjonijiet tal-ftehim u jaċċettahom liberament qabel ma jiffirma.

3.

Sa fejn hu kompatibbli mal-liġi u l-prattika nazzjonali tal-Istat Membru, l-istrumenti ta’ ftehim dwar l-impjieg tal-baħħara għandhom ikunu kkunsidrati bħala li jinkorporaw kwalunkwe ftehim ta’ negozjar kollettiv applikabbli.

Standard A2.1 – Strumenti ta’ ftehim dwar l-impjieg tal-baħħara

1.

Kull Stat Membru għandu jadotta liġijiet u regolamenti li jeħtieġu lill-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu jikkonformaw mal-ħtiġeit li ġejjin:

(a)

il-baħħara li jaħdmu fuq bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu għandhom ikollhom ftehim dwar l-impjieg tal-baħħara ffirmat mill-baħħar u mis-sid tal-bastiment jew rappreżentant tas-sid tal-bastiment (jew, fejn mhumiex impjegati, evidenza ta’ ftehim kontrattwali jew simili) li jipprovdilhom kondizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ għajxien deċenti fuq il-bastiment kif meħtieġ minn dan il-Ftehim;

(b)

il-baħħara li jiffirmaw ftehim dwar l-impjieg tal-baħħara għandhom jingħataw l-opportunità li jeżaminaw u jieħdu parir dwar il-ftehim qabel jiffirmaw, kif ukoll rigward faċilitajiet oħra kif meħtieġ biex ikun żgurat li huma jkunu daħlu liberament fil-ftehim u fehmu sew id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom;

(c)

is-sid tal-bastiment u l-baħħar ikkonċernati għandhom ikollhom, kull wieħed, ftehim dwar l-impjieg tal-baħħara oriġinali u ffirmat;

(d)

għandhom jittieħdu miżuri biex ikun żgurat li informazzjoni ċara dwar il-kondizzjonijiet tal-impjieg tagħhom tkun faċilment miksuba abbord mill-baħħara, inkluż mill-kaptan tal-bastiment, u li din l-informazzjoni, inkluża kopja tal-ftehim dwar l-impjieg tal-baħħar, tkun ukoll aċċessibbli għall-eżami minn uffiċjali ta’ awtorità kompetenti, inklużi dawk fil-portijiet li ser ikum hemm żjara fihom; u

(e)

il-baħħara għandhom jingħataw dokument li jkun fih ir-rekord tal-impjieg tagħhom fuq il-bastiment.

2.

Fejn ftehim ta’ negozjar kollettiv jifforma b’mod sħiħ jew parzjali l-ftehim dwar l-impjieg tal-baħħara, kopja ta’ dan il-ftehim għandha tkun disponibbli abbord. Fejn il-lingwa tal-ftehim dwar l-impjieg tal-baħħara u kwalunkwe ftehim ta’ negozjar kollettiv applikabbli ma tkunx l-Ingliż, dan li ġej għandu jkun disponibbli bl-Ingliż (minbarra għal bastimenti ingaġġati biss fuq vjaġġi domestiċi):

(a)

kopja ta’ formola standard tal-ftehim; u

(b)

il-partijiet tal-ftehim ta’ negozjar kollettiv li huma suġġetti għal spezzjoni mill-Istat tal-port.

3.

Id-dokument imsemmi fil-paragrafu 1(e) ta’ dan l-Istandard ma għandu jkollu l-ebda dikjarazzjoni dwar il-kwalità tax-xogħol tal-baħħara jew dwar il-pagi tagħhom. L-għamla tad-dokument, id-dettalji li għandhom jitniżżlu u l-mod ta’ kif dawn id-dettalji għandhom jiddaħħlu, għandhom ikunu determinati bil-liġi nazzjonali.

4.

Kull Stat Membru għandu jadotta liġijiet u regolamenti li jispeċifikaw il-materji li għandhom ikunu inklużi fil-ftehim dwar l-impjieg tal-baħħara kollha li jaqgħu taħt il-liġi nazzjonali tiegħu. F’kull każ, kull ftehim dwar l-impjieg tal-baħħara għandu jkollu d-dettalji li ġejjin:

(a)

l-isem sħiħ, id-data tat-twelid u l-età, u l-post tat-twelid tal-baħħar;

(b)

l-isem u l-indirizz tas-sid tal-bastiment;

(c)

il-post fejn u d-data meta sar il-ftehim dwar l-impjieg tal-baħħara;

(d)

il-kapaċità li fiha ser ikun impjegat il-baħħar;

(e)

l-ammont tal-pagi tal-baħħar jew, fejn applikabbli, il-formula użata biex dawn jiġu kkalkulati;

(f)

l-ammont ta’ vaganzi annwali bi ħlas jew, fejn applikabbli, il-formula użata biex dan jiġi kkalkulat;

(g)

it-tmiem tal-ftehim u l-kondizzjonijiet tiegħu, inkluż:

(i)

jekk il-ftehim ikun sar għal perijodu indefinit, il-kondizzjonijiet li jintitolaw waħda mill-partijiet biex itemmu, kif ukoll il-perjodu ta’ notifika meħtieġ, li ma għandux ikun inqas għas-sid tal-bastiment minn dak għall-baħħar;

(ii)

jekk il-ftehim ikun sar għal perijodu definit, id-data ffissata għall-iskadenza tiegħu; u

(iii)

jekk il-ftehim ikun sar għal vjaġġ, il-port tad-destinazzjoni u l-ħin li jrid jiskadi wara l-wasla qabel il-baħħar jiġi rilaxxat;

(h)

il-benefiċċji tal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà soċjali li għandhom jiġu pprovduti lill-baħħar mis-sid tal-bastiment;

(i)

l-intitolament tal-baħħar għal ripatrijazzjoni;

(j)

referenza għall-ftehim tan-negozjar kollettiv, jekk applikabbli; u

(k)

kwalunkwe dettalji oħra li l-liġi nazzjonali tista’ teħtieġ.

5.

Kull Stat Membru għandu jadotta liġijiet u regolamenti li jistabbilixxu perijodi minimi ta’ notifika li għandhom jingħataw mill-baħħara u mis-sidien tal-bastimenti għat-tmiem qabel iż-żmien ta’ ftehim dwar l-impjieg tal-baħħar. Id-durata ta’ dawn il-perijodi minimi għandu jkun determinat wara konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-bastimenti u tal-baħħar ikkonċernati, iżda ma għandux ikun inqas minn sebat ijiem.

6.

Jista’ jingħata perijodu ta’ notifika iqsar mill-minimu f’ċirkostanzi rikonoxxuti taħt il-liġi jew regolamenti nazzjonali jew taħt strumenti ta’ ftehim ta’ negozjar kollettivi applikabbli li jiġġustifikaw it-tmiem ta’ ftehim ta’ impjieg b’notifika iqsar jew mingħajr notifika. Biex jiġu deċiżi dawn iċ-ċirkostanzi, kull Stat Membru għandu jiżgura li jittieħed kont tal-ħtieġa tal-baħħar li jtemm, mingħajr penali, il-ftehim tal-impjieg b’notifika iqsar jew mingħajr notifika għal raġunijiet ta’ kumpassjoni jew raġunijiet urġenti oħrajn.

Regolament 2.3 – Ħinijiet ta’ xogħol u ħinijiet ta’ mistrieħ

Il-ħinijiet tax-xogħol u tal-mistrieħ tal-baħħara huma regolati bid-Direttiva tal-Kunsill 1999/63/KE tal-21 ta’ Ġunju 1999 (għandha tiġi emendata) dwar il-Ftehim dwar l-organizzazzjoni tal-ħin ta’ xogħol tal-baħħara (għandha tiġi emendata konformement mal-Anness A ma’ dan il-Ftehim).

Regolament 2.4 – Intitolament għal vaganzi

1.

Kull Stat Membru għandu jeħtieġ li l-baħħara li huma impjegati fuq bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu jingħataw vaganzi annwali bi ħlas taħt kondizzjonijiet xierqa konformement ma’ dan il-Ftehim u d-Direttiva tal-Kunsill 1999/63/KE tal-21 ta’ Ġunju 1999 (għandha tiġi emendata) dwar il-Ftehim dwar l-organizzazzjoni tal-ħin ta’ xogħol tal-baħħara (għandha tiġi emendata konformement mal-Anness A ma’ dan il-Ftehim).

2.

Il-baħħara għandhom jingħataw vaganzi biex jinżlu l-art għall-benefiċċju ta’ saħħithom u l-benessri tagħhom u bir- rekwiżiti operattivi tal-pożizzjonijiet tagħhom.

Regolament 2.5 – Ripatrijazzjoni

1.

Il-baħħara għandhom dritt ikunu ripatrijati mingħajr ma jsofru spejjeż.

2.

Kull Stat Membru għandu jeħtieġ li l-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu jipprovdu sigurtà finanzjarja biex ikun żgurat li l-baħħara jiġu ripatrijati kif suppost.

Standard A2.5 – Ripatrijazzjoni

1.

Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-baħħara fuq bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu huma intitolati għar-ripatrijazzjoni fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

jekk il-ftehim dwar l-impjieg tal-baħħara jiskadi waqt li jkunu barra;

(b)

meta l-ftehim dwar l-impjieg tal-baħħara jkun mitmum:

(i)

mis-sid tal-bastiment; jew

(ii)

mill-baħħar għal raġunijiet ġustifikati; kif ukoll

(c)

meta l-baħħara ma jkunux jistgħu iktar iwettqu d-dmirijiet tagħhom taħt il-ftehim tagħhom dwar l-impjieg jew ma jkunux mistennijin iwettqu d-dmirijiet tagħhom fiċ-ċirkostanzi speċifiċi.

2.

Kull Stat Membru għandu jiżgura li jkun hemm dispożizzjonijiet adegwati previsti fil-liġijiet u r-regolamenti tiegħu jew miżuri oħra jew fil-ftehim ta’ negozjar kollettiv, li jippreskrivu:

(a)

iċ-ċirkostanzi li fihom il-baħħara jkunu intitolati għar-ripatrijazzjoni taħt il-paragrafu 1(b) u (c) ta’ dan l-Istandard;

(b)

id-durata massima tal-perijodi ta’ servizz abbord wara liema baħħar ikun intitolat għar-ripatrijazzjoni – tali perijodi għandhom ikunu inqas minn tnax-il xahar; u

(c)

l-intitolamenti preċiżi li għandhom jingħataw mis-sidien tal-bastimenti għar-ripatrijazzjoni, inklużi dawk relatati mad-destinazzjonijiet tar-ripatrijazzjoni, it-tip ta’ trasport, l-ispejjeż li jridu jkunu koperti u arranġamenti oħra li jridu jsiru mis-sidien tal-bastimenti.

3.

Kull Stat Membru għandu jipprojbixxi lis-sidien tal-bastimenti milli jitolbu li l-baħħara jagħmlu ħlas minn qabel għall-ispejjeż ta’ ripatrijazzjoni fil-bidu tal-impjieg tagħhom, u ukoll milli jirkupraw l-ispejjeż ta’ ripatrijazzjoni mill-pagi jew intitolamenti oħra tal-baħħara ħlief f’każijiet fejn il-baħħar, taħt il-liġijiet u regolamenti nazzjonali jew miżuri oħra jew ftehim ta’ negozjar kollettiv applikabbli, instab ħati ta’ nuqqas serju fl-obbligi tal-impjieg tiegħu.

4.

Il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali ma għandhom jippreġudikaw l-ebda dritt tas-sid tal-bastiment li jirkupra l-ispejjeż ta’ ripatrijazzjoni taħt arranġamenti kuntrattwali ma’ terzi persuni.

5.

Jekk sid ta’ bastiment jonqos milli jagħmel arranġamenti għal jew li jkopri l-ispejjeż ta’ ripatrijazzjoni tal-baħħara li huma intitolati għar-ripatrijazzjoni:

(a)

l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li l-bastiment itajjar il-bandiera tiegħu għandha tirranġa għar-ripatrijazzjoni tal-baħħara kkonċernati; jekk tonqos milli tagħmel dan, l-Istat li minnu l-baħħara għandhom jiġu ripatrijati jew l-Istat li tiegħu huma ċittadini jista’ jirranġa għar-ripatrijazzjoni tagħhom u jirkupra l-ispejjeż mill-Istat Membru li l-bastiment itajjar il-bandiera tiegħu;

(b)

l-ispejjeż imġarrba għar-ripatrijazzjoni tal-baħħara għandhom ikunu jistgħu jiġu rkuprati mis-sid tal-bastiment mill-Istat Membru li l-bastiment itajjar il-bandiera tiegħu;

(c)

l-ispejjeż ta’ ripatrijazzjoni ma għandhom fl-ebda każ jinġarrbu mill-baħħara, ħlief kif previst fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Istandard.

6.

B’kont meħud tal-istrumenti internazzjonali applikabbli, inkluż il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Arrest ta’ Bastimenti, 1999, Stat Membru li jkun ħallas l-ispejjeż ta’ ripatrijazzjoni jista’ jżomm, jew jitlob iż-żamma tal-bastimenti tas-sid ikkonċernat sakemm isir ir-rimborż taħt il-paragrafu 5 ta’ dan l-Istandard.

7.

Kull Stat Membru għandu jiffaċilita r-ripatrijazzjoni tal-baħħara li jaħdmu fuq bastimenti li jaslu fil-portijiet tiegħu jew jgħaddu minn ġol-ibħra territorjali jew interni tiegħu, kif ukoll is-sostituzzjoni tagħhom abbord.

8.

B’mod partikolari, Stat Membru ma għandux jirrifjuta d-dritt ta’ ripatrijazzjoni lil kwalunkwe baħħar minħabba ċ-ċirkostanzi finanzjarji ta’ sid ta’ bastiment jew minħabba l-inkapaċità jew in-nuqqas ta’ rieda tas-sid tal-bastiment li jissostitwixxi baħħar.

9.

Kull Stat Membru għandu jitlob li bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu jġorru u jkollhom għad-dispożizzjoni tal-baħħara kopja tad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli li jirrigwardaw ir-ripatrijazzjoni miktuba b’lingwa adegwata.

Regolament 2.6 – Kumpens lill-baħħar għat-telf jew l-għarqa tal-bastiment

Il-baħħara huma intitolati għal kumpens adegwat f’każ ta’ ferimenti, telf, jew qgħad minħabba t-telf jew l-għarqa tal-bastiment.

Standard A2.6 – Kumpens lill-baħħar għat-telf jew l-għarqa tal-bastiment

1.

Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi regoli li jiżguraw li, f’kull każ ta’ telf jew għarqa tal-bastiment, is-sid tal-bastiment għandu jħallas lil kull baħħar abbord indennità għall-qgħad li jirriżulta mit-telf jew l-għarqa tal-bastiment.

2.

Ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Istandard għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt ieħor li baħħar jista’ jkollu taħt il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat għat-telf jew il-ferimenti li jirriżultaw mit-telf jew l-għarqa tal-bastiment.

Regolament 2.7 – Numru ta’ Persunal

Id-dispożizzjonijiet dwar in-numru suffiċjenti, sigur u effiċjenti ta’ persunal tal-bastimenti jinsabu fid-Direttiva tal-Kunsill 1999/63/KE tal-21 ta’ Ġunju 1999 (li għandha tiġi emendata) dwar il-Ftehim Ewropew dwar l-organizzazzjoni tal-ħin ta’ xogħol tal-baħħara (li għandha tiġi emendata konformement mal-Anness A ma’ dan il-Ftehim).

Regolament 2.8 – Żvilupp tal-karriera u tal-kapaċitajiet u opportunitajiet għall-impjieg tal-baħħara

Kull Stat Membru għandu jkollu politika nazzjonali għall-promozzjoni tal-impjiegi fis-settur marittimu u biex iħeġġeġ l-iżvilupp tal-karriera u tal-kapaċitajiet u l-opportunitajiet ta’ impjieg akbar għall-baħħara domiċiljati fit-territorju tiegħu.

Standard A2.8 – Żvilupp tal-karriera u tal-kapaċitajiet u opportunitajiet għall-impjieg tal-baħħara

1.

Kull Stat Membru għandu jkollu politika nazzjonali li tħeġġeġ l-iżvilupp tal-karriera u tal-kapaċitajiet u l-opportunitajiet ta’ impjieg akbar għall-baħħara, b’mod li jipprovdi lis-settur marittimu b’forza tax-xogħol stabbli u kompetenti.

2.

L-għan tal-politika msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Istandard għandu jkun biex jgħin lill-baħħara jsaħħu l-kompetenzi, il-kwalifiki u l-opportunitajiet ta’ impjieg tagħhom.

3.

Kull Stat Membru għandu, wara konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-bastimenti u tal-baħħara kkonċernati, jistabbilixxi objettivi ċari għall-gwida, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali tal-baħħara li d-doveri tagħhom abbord il-bastimenti primarjament jirrelataw mat-tħaddim sigur u n-navigazzjoni tal-bastiment, inkluż it-taħriġ kontinwu.

TITOLU 3.

AKKOMODAZJONI, FAĊILITAJIET RIKREATTIVI, IKEL U SERVIZZ TA’ IKEL U XORB

Standard A3.1 – Akkomodazzjoni u faċilitajiet rikreattivi

1.

Bastimenti li jagħmlu kummerċ regolari ma’ portijiet infestati bin-nemus għandhom ikunu mgħammra b’tagħmir xieraq kif mitlub mill-awtorità kompetenti.

2.

Faċilitajiet rikreattivi, kumditajiet u servizzi adegwati għall-baħħara, kif adattati biex jissodisfaw il-bżonnijiet speċjali tal-baħħara li jridu jgħixu u jaħdmu fuq il-bastimenti, għandhom ikunu pprovduti abbord għall-benefiċċju tal-baħħara kollha, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tas-saħħa u sigurtà u l-prevenzjoni tal-inċidenti.

3.

L-awtorità kompetenti għandha titlob li jsiru spezzjonijiet frekwenti abbord il-bastimenti, mill-kaptan jew taħt l-awtorità tiegħu, biex tiżgura li l-akkomodazzjoni tal-baħħara tkun nadifa, li wieħed jista’ jgħix b’mod deċenti fiha u miżmuma f’kundizzjoni tajba. Ir-riżultati ta’ kull spezzjoni għandha tiġi mniżżla u tkun għad-dispożizzjoni għall-analiżi.

4.

F’każ ta’ bastimenti fejn jeħtieġ li jittieħdu f’kont, mingħajr diskriminazzjoni, l-interessi tal-baħħara li għandhom prattiċi reliġjużi u soċjali differenti u distinti, l-awtorità kompetenti tistà, wara konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-bastimenti u tal-baħħara kkonċernati, tippermetti varjazzjonijiet applikati b’mod ġust għal dan l-Istandard dment li tali varjazzjonijiet ma jirriżultawx f’faċilitajiet ġeneralment inqas favorevoli minn dawk li kieku jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ dan l-Istandard.

Regolament 3.2 – Ikel u forniment ta’ ikel u xorb

1.

Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu jġorru abbord u jservu ikel u ilma għax-xorb ta’ kwalità tajba, b’valur nutrittiv u bi kwantità li tkopri adegwament ir-rekwiżiti tal-bastiment u li tieħu kont tal-isfondi kulturali u reliġjużi differenti.

2.

Baħħara abbord bastiment għandhom ikunu pprovduti b’ikel bla ħlas matul il-perijodu tal-ingaġġ.

3.

Il-baħħara impjegati bħala koki fuq il-bastimenti b’responsabbiltà għall-preparazzjoni tal-ikel għandhom ikunu mħarrġa u kwalifikati għall-pożizzjoni tagħhom abbord il-bastiment.

Standard A3.2 – Ikel u forniment ta’ ikel u xorb

1.

Kull Stat Membru għandu jadotta liġijiet u regolamenti jew miżuri oħra li jipprovdu standards minimi għall-kwantità u l-kwalità tal-ikel u l-ilma għax-xorb, u għall-istandards tal-forniment tal-ikel u x-xorb li japplikaw għall-ikliet ipprovduti lill-baħħara fuq bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu, u għandu jwettaq attivitajiet edukattivi għall-promozzjoni ta’ għarfien u l-implimentazzjoni tal-istandards imsemmija f’dan il-paragrafu.

2.

Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu jilħqu l-istandards minimi li ġejjin:

(a)

il-fornimenti ta’ ikel u ilma għax-xorb, b’kunsiderazzjoni tan-numru ta’ baħħara abbord, ir-rekwiżiti reliġjużi u l-prattiċi kulturali tagħhom relatati mal-ikel, u t-tul u n-natura tal-vjaġġ, għandhom ikunu adattati fir-rigward tal-kwantità, il-valur nutrittiv, il-kwalità u l-varjetà;

(b)

l-organizzazzjoni u t-tagħmir tad-dipartiment tal-forniment ta’ ikel u xorb għandhom ikunu tali li jippermettu l-provvista, lill-baħħara, ta’ ikliet adegwati, varjati u nutrittivi preparati u servuti f’kondizzjonijiet iġjeniċi; u

(c)

il-persunal tal-forniment ta’ ikel u xorb għandu jkun imħarreġ u mgħallem adegwatament għall-pożizzjoni tiegħu.

3.

Is-sidien tal-bastimenti għandhom jiżguraw li l-baħħara ingaġġati bħala koki fuq il-bastiment ikunu mħarrġa, kwalifikati u misjuba kompetenti għall-pożizzjoni tagħhom konformement ma’r-rekwiżiti stabbiliti fil-liġijiet u regolamenti tal-Istat Membru ikkonċernat.

4.

Ir-rekwiżiti taħt paragrafu 3 ta’ dan l-Istandard għandhom jinkludu t-tlestija ta’ kors ta’ taħriġ approvat jew rikonoxxut mill-awtorità kompetenti, li jkopri tisjir prattiku, iġjene alimentari u personali, ħażna tal-ikel, kontroll tal-istokk, u protezzjoni ambjentali u saħħa u sigurtà relatata mal-fornikent ta’ ikel u xorb.

5.

Fuq bastimenti li joperaw b’ekwipaġġ ta’ inqas minn għaxra min-nies li, minħabba d-daqs tal-ekwipaġġ jew it-tip ta’ kummerċ, jistgħu ma jkunux meħtieġa, mill-awtorità kompetenti, li jkollhom kok kwalifikat, kull min jipproċessal-ikel fil-kċina abbord għandu jkun imħarreġ jew mgħallem f’oqsma li jinkludu l-iġjene alimentari u personali kif ukoll il-ġestjoni u l-ħażna tal-ikel abbord il-bastiment.

6.

F’ċirkostanzi ta’ neċessità eċċezzjonali, l-awtorità kompetenti tistà toħroġ dispensa li tippermetti kok mhux għal kollox kwalifikat biex iservi f’bastiment speċifiku għal perjodu speċifiku limitat, sakemm jaslu fil-port l-aktar konvenjenti li jmiss jew għal perijodu li ma jaqbiżx xahar, dment li l-persuna li għaliha nħarġet id-dispensa tkun imħarrġa jew mgħallma f’oqsma li jinkludu l-iġjene alimentari u personali kif ukoll il-ġestjoni u l-ħażna tal-ikel abbord il-bastiment.

7.

L-awtorità kompetenti għandha titlob li jsiru spezzjonijiet dokumentati frekwenti abbord il-bastimenti, mill-kaptan jew taħt l-awtorità tiegħu, għal dak li jirrigwarda:

(a)

il-provvisti tal-ikel u l-ilma għax-xorb;

(b)

l-ispazji u t-tagħmir kollu użat għall-ħażna u l-ġestjoni tal-ikel u l-ilma għax-xorb; u

(c)

il-kċina u tagħmir ieħor għall-preparazzjoni u s-servizz ta’ ikliet.

8.

L-ebda baħħar taħt l-età ta’ 18-il sena ma għandu jkun impjegat jew ingaġġat jew jaħdem bħala kok fuq bastiment.

TITOLU 4.

PROTEZZJONI TAS-SAĦĦA, KURA MEDIKA U BENESSRI

Regolament 4.1 – Kura medika abbord bastiment u fuq l-art

1.

Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-baħħara kollha fuq bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu huma koperti b’miżuri adegwati għall-protezzjoni tas-saħħa tagħhom u li għandhom aċċess għal kura medika adegwata u minnufih waqt li jaħdmu abbord.

2.

Kull Stat Membru għandu jiżgura li baħħara abbord bastimenti fit-territorju tiegħu li jeħtieġu kura medika immedjata jingħataw aċċess għall-faċilitajiet mediċi tal-Istat Membru fuq l-art.

3.

Ir-rekwiżiti għall-protezzjoni tas-saħħa u l-kura medika abbord jinkludu standards għal miżuri mmirati biex jipprovdu lill-baħħara protezzjoni tas-saħħa u kura medika komparabbli kemm jista’ jkun għal dik li hija ġeneralment disponibbli għall-ħaddiema fuq l-art.

Standard A4.1 – Kura medika abbord bastiment u fuq l-art

1.

Kull Stat Membru għandu jiżgura li jiġu adottati miżuri li jipprovdu għall-protezzjoni tas-saħħa u l-kura medika, inkluża l-kura dentali essenzjali, għal baħħara li jaħdmu abbord bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu, u li:

(a)

jiżguraw l-applikazzjoni, għall-baħħara, ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ġenerali dwar il-protezzjoni tas-saħħa fuq ix-xogħol u l-kura medika rilevanti għad-doveri tagħhom, kif ukoll dispożizzjonijiet speċjali speċifiċi għax-xogħol abbord bastiment;

(b)

jiżguraw li l-baħħara jingħataw protezzjoni tas-saħħa u kura medika komparabbli kemm jista’ jkun għal dik li hija ġeneralment disponibbli għall-ħaddiema fuq l-art, inkluż aċċess pront għall-mediċini neċessarji, tagħmir u faċilitajiet mediċi għad-dijanjosi u t-trattament u għall-informazzjoni u l-opinjoni esperta medika;

(c)

li jagħtu lill-baħħara d-dritt li jagħmlu viżta lil tabib jew dentist kwalifikat mingħajr dewmien fil-port fejn jieqfu, fejn dan huwa prattikabbli;

(d)

mhumiex limitati għat-trattament ta’ baħħara morda jew feruti iżda li jinkludu wkoll miżuri ta’ natura preventiva bħall-promozzjoni tas-saħħa u programmi ta’ edukazzjoni dwar is-saħħa.

2.

L-awtorità kompetenti għandha tadotta formola standard ta’ rapport mediku għall-użu mill-kaptani tal-bastiment u l-personal mediku rilevanti kemm fuq l-art kif ukoll abbord. Il-formola, meta kkompletata, u l-kontenuti tagħha għandhom jibqgħu kunfidenzjali u jistgħu jintużaw biss biex jiffaċilitaw it-trattament tal-baħħara.

3.

Kull Stat Membru għandu jadotta l-liġijiet u r-regolamenti li jistabbilixxu r-rekwiżiti għal faċilitajiet u tagħmir ta’ sptar u ta’ kura medika abbord u taħriġ fuq bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu.

4.

Il-liġijiet u regolamenti nazzjonali għandhom bħala minimu jipprovdu għar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

il-bastimenti kollha għandhom iġorru armarju tal-mediċina, tagħmir mediku u gwida medika, li l-ispeċifikazzjonijiet tagħhom għandhom jiġu preskritti u jkunu suġġetti għal spezzjoni regolari mill-awtorità kompetenti; ir-rekwiżiti nazzjonali għandhom iqisu t-tip ta’ bastiment, in-numru ta’ persuni abbord u n-natura, id-destinazzjoni u t-tul tal-vjaġġi u l-istandards mediċi rilevanti rakkomandati fil-livell nazzjonali u internazzjonali;

(b)

il-bastimenti li jġorru 100 persuna jew iktar u li huma ġeneralment ingaġġati fuq vjaġġi internazzjonali li jdumu iktar minn 72 siegħa għandhom ikollhom tabib kwalifikat li jkun responsabbli biex jipprovdi l-kura medika; il-liġijiet jew regolamenti nazzjonali għandhom jispeċifikaw ukoll liema bastimenti oħrajn għandhom ikunu mitluba jkollhom tabib, b’kont meħud, inter alia, ta’ fatturi bħat-tul, in-natura u l-kondizzjonijiet tal-vjaġġ u n-numru ta’ baħħara abbord;

(c)

il-bastimenti li ma jkollhomx tabib għandhom ikunu mitluba jkollhom mill-inqas baħħar wieħed abbord li jieħu ħsieb il-kura medika u li jagħti l-mediċini bħala parti mid-doveri regolari tiegħu jew mill-inqas baħħar wieħed abbord kompetenti biex jipprovdi l-ewwel għajnuna medika; il-persuni inkarigati mill-kura medika abbord li mhumiex tobba għandhom ikunu lestew b’mod sodisfaċenti taħriġ fil-kura medika li jilħaq ir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa tal-Baħħara, 1978, kif emendat (“STCW”); il-baħħara magħżula biex jipprovdu l-ewwel għajnuna medika għandhom ikunu lestew b’mod sodisfaċenti taħriġ fl-ewwel għajnuna medika li jilħaq ir-rekwiżiti tal-STCW; il-liġijiet jew regolamenti nazzjonali għandhom jispeċifikaw il-livell ta’ taħriġ approvat meħtieġ billi jittieħdu f’kont, inter alia, fatturi bħat-tul, in-natura u l-kondizzjonijiet tal-vjaġġ u n-numru ta’ baħħara abbord; u

(d)

l-awtorità kompetenti għandha tiżgura, b’sistema miftiehma minn qabel, li jkunu disponibbli 24 siegħa kuljum, pariri mediċi bil-komunikazzjoni bir-radju jew bis-satellita għall-bastimenti fuq il-baħar, inkluż pariri speċjalizzati; il-pariri mediċi, inkluż it-trasmissjoni ta’ messaġġi mediċi bil-komunikazzjoni bir-radju jew bis-satellita bejn bastiment u dawk fuq l-art li jagħtu l-pariri, għandhom jingħataw bla ħlas lill-bastimenti kollha irrispettivament mill-bandiera li jtajru.

Regolament 4.2 – Responsabbiltà tas-sid tal-bastiment

1.

Kull Stat Membru għandu jiżgura li jkunu fis-seħħ miżuri fuq il-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu li jipprovdu lill-baħħara impjegati fuq il-bastimenti d-dritt għall-assistenza u l-appoġġ materjali mis-sid tal-bastiment għal dak li jirrigwarda l-konsegwenzi finanzjarji ta’ mard, ferimenti jew mewt li jseħħu waqt li jkunu qegħdin jaħdmu taħt ftehim dwar l-impjieg tal-baħħara jew li jirriżultaw mill-impjieg tagħhom taħt tali ftehim.

2.

Dan ir-Regolament ma jaffettwax kwalunkwe rimedju legali ieħor li baħħar jista’ jfittex.

Standard A4.2 – Responsabbiltà tas-sid tal-bastiment

1.

Kull Stat Membru għandu jadotta l-liġijiet u r-regolamenti li jeħtieġu li s-sidien ta’ bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu jkunu responsabbli għall-protezzjoni tas-saħħa u l-kura medika tal-baħħara kollha li jaħdmu abbord il-bastiment konformement mal-istandards minimi li ġejjin:

(a)

is-sidien tal-bastimenti għandhom ikunu responsabbli għall-ispejjeż tal-baħħara li jaħdmu fuq il-bastimenti tagħhom għal dak li jirrigwarda l-mard u l-ferimenti tal-baħħara li jseħħu bejn id-data ta’ meta jibdew jaħdmu u d-data meta jitqiesu ripatrijati debitament, jew li jirriżultaw mill-impjieg tagħhom bejn dawn id-dati;

(b)

is-sidien tal-bastimenti għandhom jipprovdu s-sigurtà finanzjarja biex jiżguraw kumpens fil-każ ta’ mewt jew diżabbiltà fit-tul tal-baħħara minħabba ferimenti, mard jew periklu fuq ix-xogħol, kif imniżżel fil-liġi nazzjonali, il-ftehim dwar l-impjieg tal-baħħara jew il-ftehim kollettiv;

(c)

is-sidien tal-bastimenti għandhom ikunu responsabbli għall-ispejjeż tal-kura medika, inkluż it-trattament mediku u l-provvista ta’ mediċini neċessarji u l-apparat terapewtiku, kif ukoll l-ikel u l-alloġġ meta jkunu ‘l bogħod mid-dar sakemm il-baħħar marid jew ferut ikun irkupra, jew sakemm il-mard jew l-inkapaċità jkunu dikjarati ta’ natura permanenti; u

(d)

is-sidien tal-bastimenti għandhom ikunu responsabbli għall-ħlas tal-ispejjeż tad-dfin f’każ ta’ mewt li jseħħ abbord jew fuq l-art matul il-perjodu tal-ingaġġ.

2.

Il-liġijiet jew regolamenti nazzjonali jistgħu jillimitaw ir-responsabbiltà tas-sid tal-bastiment li jħallas l-ispejjeż tal-kura medika u tal-ikel u l-alloġġ għal perjodu li ma għandux ikun inqas minn 16-il ġimgħa mid-data tal-feriment jew tal-bidu tal-mard.

3.

Fil-każ fejn il-mard jew il-feriment jirriżulta f’inkapaċità li wieħed jaħdem, is-sid tal-bastiment għandu jkun responsabbli:

(a)

li jħallas pagi sħaħ sakemm il-baħħara morda jew feruti jibqgħu abbord jew sa meta il-baħħara jkunu ripatrijati konformement ma’ dan il-Ftehim; u

(b)

li jħallas pagi sħaħ jew parti minnhom kif preskritt mill-liġijiet jew ir-regolamenti nazzjonali jew kif previst fil-ftehim kollettiv miż-żmien meta l-baħħara jkunu ġew ripatrijati jew imniżżla l-art sakemm jirkupraw jew, jekk qabel, sakemm ikunu intitolati għal benefiċċji fi flus taħt il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat.

4.

Il-liġijiet jew ir-regolamenti nazzjonali jistgħu jillimitaw ir-responsabbiltà tas-sid tal-bastiment li jħallas il-pagi sħaħ jew parti minnhom fir-rigward ta’ baħħar li ma għadux abbord għal perjodu li ma għandux ikun inqas minn 16-il ġimgħa mid-data tal-feriment jew tal-bidu tal-mard.

5.

Il-liġijiet jew ir-regolamenti nazzjonali jistgħu jeskludu lis-sid tal-bastiment mir-responsabbiltà fir-rigward ta’:

(a)

feriment li ma seħħx waqt is-servizz fuq il-bastiment;

(b)

feriment jew mard minħabba kondotta ħażina intenzjonata tal-baħħar marid, ferut jew mejjet; u

(c)

mard jew infermità moħbija intenzjonalment meta wieħed jidħol fl-ingaġġ.

6.

Il-iġijiet jew regolamenti nazzjonali jistgħu jeżentaw lis-sid tal-bastiment mir-responsabbiltà li jħallas l-ispejjeż tal-kura medika u l-ispejjeż għall-ikel, l-alloġġ u d-dfin, safejn tali responsabbiltà tittieħed mill-awtoritajiet pubbliċi.

7.

Is-sidien tal-bastimenti jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jieħdu miżuri biex jissalvagwardjaw il-proprjetà li titħalla abbord mill-baħħara morda, feruti jew mejta u biex jagħtuha lura lilhom jew lil minn jiġi minnhom mill-qrib.

Regolament 4.3 – Protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà u prevenzjoni tal-inċidenti

1.

Kull Stat Membru għandu jiżgura li baħħara fuq bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu jkollhom protezzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol u li jgħixu, jaħdmu u jitħarrġu abbord il-bastiment f’ambjent sikur u iġjeniku.

2.

Kull Stat Membru għandu jiżviluppa u jippromulga linji gwida nazzjonali għall-ġestjoni ta’ sigurtà u saħħa fuq il-post tax-xogħol abbord bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu, wara konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lis-sidien tal-bastimenti u lill-baħħara u billi jieħu f’kont il-kodiċijiet, il-linji gwida u l-istandards applikabbli rakkomandati mill-organizzazzjonijiet internazzjonali, l-amministrazzjonijiet nazzjonali u l-organizzazzjonijiet tal-industrija marittima.

3.

Kull Stat Membru għandu jadotta l-liġijiet u r-regolamenti u miżuri oħra li jindirizzaw il-kwistjonijiet speċifikati f’dan il-Ftehim billi jieħu f’kont l-istrumenti internazzjonali rilevanti, u jistabbilixxi standards għas-sigurtà u protezzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol u għall-prevenzjoni tal-inċidenti fuq il-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu.

Standard A4.3 – Protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà u prevenzjoni tal-inċidenti

1.

Il-liġijiet u r-regolamenti u miżuri oħra li għandhom jiġu adottati konformement ma’r-Regolament 4.3, il-paragrafu 3, għandhom jinkludu s-suġġetti li ġejjin:

(a)

l-adozzjoni u l-implimentazzjoni effettiva u l-promozzjoni ta’ linji politiċi ta’ sigurtà u saħħa fuq il-post tax-xogħol u programmi fuq bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istat Membru, inkluż evalwazzjoni tar-riskju kif ukoll taħriġ u tagħlim tal-baħħara;

(b)

programmi abbord għall-prevenzjoni ta’ inċidenti, ferimenti u mard fuq il-post tax-xogħol u għat-titjib kontinwu tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol, li jinvolvu rappreżentanti tal-baħħara u l-persuni l-oħra kollha kkonċernati fl-implimentazzjoni tagħhom, b’kont meħud ta’ miżuri preventivi, inkluż il-kontroll tal-inġinerija u l-proġettazzjoni, is-sostituzzjoni ta’ proċessi u proċeduri għal kompiti kollettivi u individwali, u l-użu ta’ tagħmir protettiv personali; u

(c)

rekwiżiti għall-ispezzjoni, ir-rapurtar u l-korrezzjoni ta’ kondizzjonijiet mhux sikuri u għall-investigazzjoni u r-rapurtar abbord ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol.

2.

Id-dsipożizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Istandard għandhom:

(a)

jieħdu kont tal-istrumenti internazzjonali relevanti li jirrigwardaw is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u l-protezzjoni ġenerali tas-saħħa u r-riskji speċifiċi, u jindirizzaw is-suġġetti kollha rilevanti għall-prevenzjoni tal-inċidenti, il-ferimenti u l-mard fuq il-post tax-xogħol li jistgħu jkunu applikabbli għax-xogħol tal-baħħara u b’mod partikolari dawk li huma speċifiċi għall-impjieg marittimu;

(b)

jispeċifikaw l-obbligi tal-kaptan jew persuna magħżula mill-kaptan, jew it-tnejn, li jieħdu responsabbiltà speċifika għall-implimentazzjoni ta’ u l-konformità mal-politika u l-programma tal-bastiment rigward is-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol; u

(c)

jispeċifikaw l-awtorità tal-baħħara tal-bastiment maħtira jew eletti bħala rappreżentanti tas-sigurtà biex jipparteċipaw f’laqgħat tal-kumitat ta’ sigurtà tal-bastiment; tali kumitat għandu jkun stabbilit abbord bastiment li fuqu hemm ħames baħħara jew aktar.

3.

Il-liġijiet u r-regolamenti u miżuri oħra msemmija fir-Regolament 4.3, il-paragrafu 3, għandhom jiġu analizzati regolarment b’konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-bastimenti u l-baħħara u, jekk meħtieġ, riveduti biex jittieħdu f’kont it-tibdiliet fit-teknoloġija u fir-riċerka b’mod li jkun faċilitat titjib kontinwu fil-politika u l-programmi tas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol u jkun provdut ambjent sikur fuq il-post tax-xogħol għall-baħħara fuq il-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istat Membru.

4.

Il-konformità mar-rekwiżiti ta’ strumenti internazzjonali applikabbli dwar il-livelli aċċettabbli ta’ espożizzjoni għal perikli fuq il-post tax-xogħol abbord bastimenti u dwar l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politika u programmi tas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol għandha tkun ikkunsidrata bħala li tilħaq ir-rekwiżiti ta’ dan il-Ftehim.

5.

L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li:

(a)

l-inċidenti, il-ferimenti u l-mard fuq il-post tax-xogħol ikunu rappurtati adegwament;

(b)

l-istatistika dettaljata ta’ tali inċidenti u mard tkun miżmuma, analizzata u pubblikata u, kif jeħtieġ il-każ, ikunu segwiti minn riċerka dwar tendenzi ġenerali u l-perikli identifikati; u

(c)

l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol ikunu investigati.

6.

Ir-rappurtar u l-investigazzjoni dwar suġġetti ta’ sigurtà u saħħa fuq il-post tax-xogħol għandhom ikunu b’mod li jiżguraw il-protezzjoni tad-data personali tal-baħħara.

7.

L-awtorità kompetenti għandha tikkoopera mal-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-bastimenti u l-baħħara biex tieħu miżuri biex iġġib għall-attenzjoni tal-baħħara kollha informazzjoni li tikkonċerna perikli partikolari abbord bastimenti, pereżempju, permezz ta’ avviżi uffiċjali li fihom struzzjonijiet rilevanti.

8.

L-awtorità kompetenti għandha teħtieġ li s-sidien tal-bastimenti li jwettqu evalwazzjoni tar-riskju relatat mal-ġestjoni tas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol jirreferu għal informazzjoni statistika adegwata mill-bastimenti tagħhom u minn stastika ġenerali provduta mill-awtorità kompetenti.

Regolament 4.4 – Aċċess għal faċilitajiet ta’ benessri bbażati fuq l-art

Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-faċilitajiet ta’ benessri bbażati fuq l-art, fejn jeżistu, ikunu faċilment aċċessibbli. L-Istat Membru għandu jippromwovi wkoll l-iżvilupp ta’ faċilitajiet ta’ benessri f’portijiet magħżula biex jipprovdi lill-baħħara abbord il-bastimenti li jkunu fil-portijiet tiegħu aċċess għal faċilitajiet u servizzi ta’ benessri adegwati.

Standard A4.4 – Aċċess għal faċilitajiet ta’ benessri bbażati fuq l-art

1.

Kull Stat Membru għandu jitlob, fejn il-faċilitajiet ta’ benessri jeżistu fuq it-territorju tiegħu, li jkunu dipsonibbli għall-użu tal-baħħara kollha, irrispettivament min-nazzjonalità, ir-razza, il-kulur, is-sess, ir-reliġjon, l-opinjoni politika jew l-oriġini soċjali, u irrispettivament mill-Istat tal-bandiera tal-bastiment li fuqu huma impjegati, ingaġġati jew jaħdmu.

2.

Kull Stat Membru għandu jippromwovi l-iżvilupp ta’ faċilitajiet ta’ benessri f’portijiet adattati tal-pajjiż u jiddeċiedi, wara konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-bastimenti u l-baħħara kkonċernati, liema portijiet għandhom jitqiesu xierqa.

3.

Kull Stat Membru għandu jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta’ bordijiet tal-benessri li għandhom jagħmlu analiżi regolari ta’ faċilitajiet u servizzi ta’ benessri biex jiżguraw li huma adegwati fid-dawl ta’ tibdiliet fil-bżonnijiet tal-baħħara li jirriżultaw minn żviluppi tekniċi, operattivi u żviluppi oħrajn fl-industrija marittima.

TITOLU 5.

KONFORMITÀ U INFURZAR

Regolament 5.1.5 – Proċeduri ta’ ilmenti abbord

1.

Kull Stat Membru għandu jitlob li l-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu jkollhom proċeduri abbord għall-ġestjoni ġusta, effettiva u fil-pront ta’ ilmenti tal-baħħara li jallegaw ksur tar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni (inklużi d-drittijiet tal-baħħara).

2.

Kull Stat Membru għandu jipprojbixxi u jippenalizza kwalunkwe tip ta’ vittimizzazzjoni ta’ baħħar talli ressaq ilment.

3.

Id-dispożizzjonijiet f’dan ir-Regolament huma mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ baħħar li jitlob kumpens permezz ta’ kwalunkwe mezz legali li l-baħħar iqis adegwat.

Standard A5.1.5 – Proċeduri ta’ ilmenti abbord

1.

Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe ambitu wiesa’ li jista’ jingħata lil-liġijiet jew regolamenti nazzjonali jew ftehim kollettiv, il-proċeduri abbord jistgħu jintużaw mill-baħħara biex iressqu ilmenti relatati ma’ kwalunkwe kwistjoni li allegatament tikser ir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni (inklużi d-drittijiet tal-baħħara).

2.

Kull Stat Membru għandu jiżgura li, fil-liġijiet jew ir-regolamenti tiegħu, ikunu previsti proċeduri adegwati ta’ ilmenti abbord biex jilħqu r-rekwiżiti tar-Regolament 5.1.5. Tali proċeduri għandhom ifittxu li jsolvu ilmenti fl-iktar livell baxx possibbli. Iżda, f’kull każ, il-baħħara għandhom ikollhom dritt li jilmentaw direttament mal-kaptan u, fejn iqisu li jkun neċessarju, mal-awtoritajiet esterni xierqa.

3.

Il-proċeduri ta’ ilmenti abbord għandhom jinkludu d-dritt tal-baħħar li jkun akkumpanjat jew rappreżentat matul il-proċeduri ta’ ilment, kif ukoll salvagwardji kontra l-possibbiltà ta’ vittimizzazzjoni tal-baħħara għaliex iressqu l-ilment. It-terminu “vittimizzazzjoni” jkopri kwalunkwe azzjoni negattiva li ssir minn kwalunkwe persuna f’konfront ta’ baħħar għaliex ressaq ilment li ma jkunx magħmul b’mod manifestament vessatorju jew malizzjuż.

4.

Flimkien ma’ kopja tal-ftehim tagħhom dwar l-impjieg tal-baħħara, il-baħħara kollha għandhom jiġu pprovduti b’kopja tal-proċeduri ta’ ilmenti abbord applikabbli għall-bastiment. Din għandha tinkludi informazzjoni ta’ kuntatt għall-awtorità kompetenti fl-Istat tal-bandiera u, fejn mhux hekk, fil-pajjiż ta’ residenza tal-baħħar, u l-isem ta’ persuna jew persuni abbord il-bastiment li jistgħu, fuq bażi kunfidenzjali, jipprovdu lill-baħħara pariri imparzjali dwar l-ilment tagħhom jew inkella jgħinuhom biex isegwu l-proċeduri ta’ ilment disponibbli għalihom abbord il-bastiment.

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Sussegwentement għal kwalunkwe emenda għal kwalunkwe dispożizzjoni tal-Konvenzjoni tal-2006 dwar ix-Xogħol Marittimu, u jekk mitlub minn wieħed mill-Partijiet għall-Ftehim, għandha ssir analiżi tal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

L-Imsieħba Soċjali qed jagħmlu dan il-Ftehim bil-kondizzjoni li ma jidħolx fis-seħħ qabel id-data meta l-Konvenzjoni tal-2006 tal-ILO dwar ix-Xogħol Marittimu tidħol fis-seħħ, b’tali data tkun 12-il xahar wara d-data li fiha jkunu ġew reġistrati mal-Uffiċċju Internazzjonali tax-Xogħol ratifiki minn mill-imqas 30 Membru b’sehem totali ta’ 33 % tat-tunnellaġġ gross globali tal-bastimenti.

L-Istati Membri u/jew l-Imsieħba Soċjali jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet iktar favorevoli għall-baħħara minn dawn imniżżla fil-Ftehim.

Dan il-Ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe liġi Komunitarja eżistenti li tkun iktar restrittiva u/jew speċifika.

Dan il-Ftehim ma għandux jaffettwa kwalunkwe liġi, użanza jew ftehim li jipprevedi kondizzjonijiet iktar favorevoli għall-baħħara kkonċernati. Pereżempju, it-termini ta’ dan il-Ftehim huma mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Kunsill 1989/391 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq i-xogħol, għad- Direttiva tal-Kunsill 92/29 dwar rekwiżiti minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa għal trattament mediku mtejjeb abbord bastimenti u għad-Direttiva tal-Kunsill 1999/63 dwar il-Ftehim dwar l-organizzazzjoni ta’ ħin tax-xogħol tal-baħħara (li għandha tiġi emendata konformement mal-Anness A ma’ dan il-Ftehim).

L-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim ma għandhiex tikkostitwixxix raġuni valida biex jitnaqqas il-livell ġenerali ta’ protezzjoni mogħti lill-baħħara fil-qasam tal-Ftehim.

FEDERAZZJONI EWROPEA TAL-ĦADDIEMA TAT-TRASPORT (ETF)

ASSOĊJAZZJONIJIET TAS-SIDIEN TA’ BASTIMENTI TAL-KOMUNITÀ EWROPEA (ECSA)

PRESIDENT TAL-KUMITAT TA’ DJALOGU SETTORJALI TAT-TRASPORT MARITTIMU

BRUSSELL, 19 TA’ MEJJU 2008

ANNESS A

EMENDI GĦALL-FTEHIM DWAR L-ORGANIZZAZZJONI TAL-ĦIN TAX-XOGĦOL GĦALL-BAĦĦARA KONKLUŻ FIT-30 TA’ SETTEMBRU 1998

Fid-diskussjonijiet tagħhom li wasslu għall-konklużjoni tal-Fethim tagħhom dwar il-Konvenzjoni tal-2006 dwar ix-Xogħol Marittimu, l-Imsieħba Soċjali analizzaw ukoll il-Ftehim dwar l-Organizzazzjoni tal-Ħini tax-Xogħol tal-Baħħara konkluż fit-30 ta’ Settembru 1998 biex jivverifikaw li kien konsistenti mad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Konvenzjoni u jaqblu dwar emendi neċessarji.

B’riżultat ta’ dan, l-Imsieħba Soċjali qablu mal-emendi li ġejjin għall-Ftehim dwar l-Organizzazzjoni tal-Ħin tax-Xogħol tal-Baħħara:

1.   Klawżola 1

Għandu jiddaħħal il-paragrafu ġdid 3:

“3.

F’każ ta’ dubju dwar jekk kwalunkwe kategorija ta’ persuni għandhiex tiġi meqjusa bħala baħħara għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, il-kwistjoni għandha tiġi determinata mill-Awtorità kompetenti f’kull Stat Membru wara konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-bastimenti u tal-baħħara kkonċernati b’din il-kwistjoni. F’dan il-kuntest għandu jittieħed kont debitu tar-Riżoluzzjoni tal-94 Sessjoni (Marittima) tal-Konferenza Ġenerali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol li tikkonċerna informazzjoni dwar gruppi ta’ xogħol.”

2.   Klawżola 2 (c)

Il-klawżola 2(c) għandha tiġi sostitwita bi:

“(c)

it-terminu baħħar tfisser kwalunkwe persuna li hija impjegata jew ingaġġata jew taħdem f’kwalunkwe kapaċità fuq bastiment li għalih japplika dan il-Ftehim;”

3.   Klawżola 2(d)

Il-klawżola 2(d) għandha tiġi sostitwita bi:

“(d)

it-terminu sid ta’ bastiment tfisser is-sid tal-bastiment jew organizzazzjoni jew persuna oħra, bħall-maniġer, l-aġent jew il-bareboat charterer, li jkun assuma r-responsabbiltà għat-tħaddim tal-bastiment mis-sid u li, kif jassumi din ir-responsabbiltà, ikun qabel li jassumi d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet imposti fuq is-sidien tal-bastiment konformement ma’ dan il-Ftehim, indipendentement jekk kwalunkwe organizzazzjoni jew persuna oħra tissodisfax ċerti minn dawn id-dmirijiet jew responsabbiltajiet f’isem sid il-bastiment.”

4.   Klawżola 6

Il-klawżola 6 għandha tiġi sostitwita bi:

“1.

Ix-xogħol billejl ta’ baħħara taħt it-18-il sena għandu jkun ipprojbit. Għall-finijietn ta’ din il-Klawżola, ‘billejl’ għandu jiġi definit taħt il-liġi u l-prattika nazzjonali. Għandu jkopri perijodu ta’ mill-inqas disa’ sigħat li jibda mhux iktar tard minn nofsillejl u jispiċċa mhux qabel il-ħamsa ta’ filgħodu.

2.

Tista’ ssir eċċezzjoni għall-konformità stretta mar-restrizzjoni dwar xogħol billejl mill-awtorità kompetenti meta:

(a)

it-taħriġ effettiv tal-baħħara kkonċernati, taħt il-programmi u l-iskedi stabbiliti, jiġi preġudikat; jew

(b)

in-natura speċifika tal-obbligu jew programm ta’ taħriġ rikonoxxut jirrikjedi li l-baħħara koperti mill-eċċezzjoni jagħmlu xogħol billejl u l-awtorità tiddetermina, wara konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-bastimenti u tal-baħħara kkonċernati, li x-xogħol ma jkunx ta’ dannu għas-saħħa u l-benessri tagħhom.

3.

L-impjieg, l-ingaġġ jew ix-xogħol tal-baħħara taħt it-18-il sena għandu jkun projbit meta x-xogħol x’aktarx iqiegħed fil-periklu s-saħħa u s-sigurtà tagħhom. It-tipi ta’ xogħol bħal dan għandhom jiġu deċiżi bil-liġijiet jew ir-regolamenti nazzjonali jew mill-awtorità kompetenti, wara konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-bastimenti u tal-baħħara kkonċernati, konformement mal-istandards internazzjonali rilevanti.”

5.   Klawżola 13

L-ewwel sentenza tal-Klawżola 13(1) għandha tiġi sostitwita bi:

“1.

Il-baħħara ma għandhomx jaħdmu fuq bastiment qabel ma jkunu ċertifikati bħala f’kondizzjoni medika tajba biex iwettqu dmirijiethom.

2.

Huma permessi biss eċċezzjonijiet kif preskritti f’dan il-Ftehim.

3.

L-awtorità kompetenti għandha teħtieġ li, qabel ma jibdew jaħdmu fuq bastiment, il-baħħara jkollhom ċertifikat mediku validu li jixhed li huma f’kondizzjoni medika tajba biex iwettqu d-dmirijiet li għandhom iwettqu meta jkunu qed ibaħħru.

4.

Sabiex ikun żgurat li ċ-ċertifikati mediċi jirriflettu ġenwinament l-istat ta’ saħħa tal-baħħara, fid-dawl tad-dmirijiet li jridu jwettqu, l-awtorità kompetenti għandha, wara konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-sidien tal-bastimenti u tal-baħħara kkonċernati, u wara konsiderazzjoni debita tal-linji gwida internazzjonali applikabbli, tippreskrivi l-għamla tal-eżami u ċ-ċertfikat mediċi.

5.

Dan il-Ftehim huwa mingħajr preġudizzju għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Istandards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa tal-Baħħara, tal-1978, kif emendata (“STCW”). Ċertifikat mediku maħruġ konformement ma’r-rekwiżiti tal-STCW għandu jkun aċċettat mill-awtorità kompetenti, għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2 ta’ din il-Klawżola. Ċertifikat mediku li jilħaq is-sustanza ta’ dawn ir-rekwiżiti, f’każ ta’ baħħara mhux koperti bl-STCW, għandu jkun aċċettat ukoll.

6.

Iċ-ċertifikat mediku għandu jinħareġ minn tabib debitament kwalifikat jew, f’każ ta’ ċertifikat li jikkonċerna biss il-vista, minn persuna rikonoxxuta mill-awtorità kompetenti li hija kwalifikata biex toħroġ tali ċertifikat. It-tobba għandhom ikollhom indipendenza professjonali sħiħa meta jeżerċitaw il-ġudizzju mediku tagħhom meta jwettqu proċeduri ta’ eżami mediku.

7.

Il-baħħara li ġew rifjutati ċertifikat jew kellhom limitazzjoni imposta fuq l-abbilità tagħhom għax-xogħol, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħin, qasam tax-xogħol jew qasam tal-kummerċ, għandhom jingħataw l-oppurtunità biex ikollhom eżami ulterjuri minn tabib indipendenti ieħor jew minn arbitru mediku indipendenti.

8.

Kull ċertifikat mediku għandu jiddikjara b’mod partikolari li:

(a)

is-smigħ u l-vista tal-baħħar ikkonċernat, u l-vista tal-kuluri f’każ ta’ baħħar li ser ikun impjegat f’xogħol fejn il-kapaċità għal dan ix-xogħol tistà tkun affettwata minn difett fil-vista tal-kuluri, huma kollha sodisfaċenti; u

(b)

il-baħħar ikkonċernat mhux qed isofri minn xi kondizzjoni medika li x’aktarx tkun aggravata bix-xogħol fuq il-baħar jew li tistà tirrendi lill-baħħar mhux kapaċi għal dan ix-xogħol jew li tistà tipperikola s-saħħa ta’ persuni oħra abbord.

9.

Sakemm ma jkunx meħtieġ perijodu iqsar minħabba d-dmirijiet speċifiċi li għandhom jitwettqu mill-baħħar ikkonċernat jew rikjest taħt l-STCW:

(a)

ċertifikat mediku għandu jkun validu għal perijodu massimu ta’ sentejn sakemm il-baħħar mhuwiex taħt it-18 -il sena, f’liema każ il-perijodu massimu tal-validità għandu jkun ta’ sena;

(b)

ċertifikazzjoni tal-vista tal-kuluri għandha tkun valida għal perijodu massimu ta’ sitt snin.

10.

F’każijiet urġenti l-awtorità kompetenti tista’ tippermetti li baħħar jaħdem mingħajr ċertifikat mediku validu sakemm jaslu fil-port li jmiss fejn il-baħħar jista’ jikseb ċertifikat mediku minn tabib kwalifikat, dment li:

(a)

il-perijodu ta’ tali permess ma jaqbiżx it-tliet xhur; u

(b)

il-baħħar ikkonċernat għandu f’idejh ċertifikat mediku skadut ta’ data reċenti.

11.

Jekk il-perijodu ta’ validità ta’ ċertifikat jiskadi matul vjaġġ, iċ-ċertifikat għandu jibqa’ japplika sakemm jasal fil-port li jmiss fejn il-baħħar jista’ jikseb ċertifikat mediku minn tabib kwalifikat, dment li l-perijodu ma jaqbiżx it-tliet xhur.

12.

Iċ-ċertifikati mediċi għall-baħħara li jaħdmu fuq bastimenti normalment ingaġġati fuq vjaġġi internazzjonali għandhom bħala minimu jkunu pprovduti bl-Ingliż.”

Is-sentenzi sussegwenti tal-Klawżola 13(1) u l-paragrafu 13(2) għandhom isiru l-paragrafi 13 sa 15.

6.   Klawżola 16:

L-ewwel sentenza għandha tiġi sostitwita bi:

“Kull baħħar għandu jkun intitolat għal vaganzi annwali bi ħlas. L-intitolament għal vaganzi annwali bi ħlas għandu jkun ikkalkulat abbażi ta’ minimu ta’ 2.5 ġranet kalendarji kull xahar ta’ impjieg u abbażi ta’ pro rata għal xhur mhux kompluti.”


Top