EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009L0039

Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 6 ta' Mejju 2009 dwar l-oġġetti tal-ikel għal użu ta’ nutriment partikolari (Tfassil mill-ġdid) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 124, 20.5.2009, p. 21–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 19/07/2016; Imħassar b' 32013R0609

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/39/oj

20.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 124/21


DIRETTIVA 2009/39/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-6 ta' Mejju 2009

dwar l-oġġetti tal-ikel għal użu ta’ nutriment partikolari

(Tfassil mill-ġdid)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Waqt li jaġixxu konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2)

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/398/KEE tat-3 ta’ Mejju 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar l-oġġetti tal-ikel għal użu ta’ nutriment partikolari (3) ġiet emendata b’mod sostanzjali diversi drabi (4). Ladarba għandhom isiru emendi ulterjuri, hija għandha tiġi mfassla mill-ġdid għal raġunijiet ta' ċarezza.

(2)

Id-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali dwar l-oġġetti ta’ ikel għal użu ta’ nutriment partikolari jfixklu l-moviment liberu tagħhom, jistgħu jkawżaw kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni mhux ugwali u għalhekk ikollhom impatt dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern.

(3)

L-approssimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali tippresupponi t-tfassil ta’ definizzjoni komuni, id-determinazzjoni ta’ miżuri li jippermettu lill-konsumatur li jkun protett kontra l-frodi dwar in-natura ta’ dawn il-prodotti u l-adozzjoni ta' regoli li għandhom jiġu osservati fl-ittikkettar tal-prodotti in kwistjoni.

(4)

Il-prodotti koperti b’din id-Direttiva huma oġġetti tal-ikel li l-komposizzjoni u l-preparazzjoni tagħhom għandhom ikun maħsuba speċifikament biex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ nutriment partikolari tal-persuni li għalihom huma prinċipalment maħsuba. Jista’ jkun meħtieġ, għalhekk, li jsir provvediment għal derogi mid-dispożizzjonijiet ġenerali u speċifiċi applikabbli għall-oġġetti tal-ikel biex jinkiseb l-objettiv speċifiku ta’ nutriment.

(5)

Għalkemm l-oġġetti tal-ikel maħsuba għal użu ta’ nutriment partikolari li huma s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi jistgħu jkunu monitorjati b’mod effiċjenti fuq il-bażi tar-regoli ġenerali għall-monitoraġġ tat-tipi kollha ta’ oġġetti tal-ikel, dan mhux dejjem ikun il-każ għal dawk l-oġġetti tal-ikel li dwarhom ma jeżistu ebda dispożizzjonijiet speċifiċi.

(6)

Għal dawn tal-aħħar il-mezzi normalment disponibbli għall-korpi ta' monitoraġġ jistgħu f’ċerti każi ma jippermettulhomx li jivverifikaw jekk oġġett tal-ikel attwalment għandux il-karatteristiċi ta’ nutriment partikolari attribwiti lilu. Huwa meħtieġ għalhekk li jsir provvediment sabiex, fejn meħtieġ, il-persuna responsabbli għat-tqegħid fis-suq ta’ dak l-oġġett tal-ikel ikollha tgħin lill-korp ta’ monitoraġġ fit-twettiq tal-attivitajiet tiegħu.

(7)

Huwa meħtieġ li jsir provvediment għal dispożizzjonijiet speċifiċi applikabli għall-gruppi ta’ oġġetti tal-ikel permezz ta’ Direttivi speċifiċi.

(8)

Huwa meħtieġ li jsir provvediment għal proċedura li tippermetti li l-oġġetti tal-ikel li jirriżultaw minn innovazzjonijiet teknoloġiċi jitqiegħdu fis-suq fuq bażi temporanja biex ikun jista’ jinkiseb benefiċċju xieraq mix-xogħol tar-riċerka industrijali sa meta jsir l-emendament tad-Direttiva speċifika konċernata. Madankollu, fuq il-bażi tal-protezzjoni tas-saħħa tal-konsumatur, l-awtorizzazzjoni tat-tqegħid fis-suq tista’ tingħata biss wara konsultazzjonijiet ma’ l-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza tal-Ikel.

(9)

Ladarba mhuwiex ċar jekk teżistix bażi adegwata biex jiġu adottati dispożizzjonijiet speċifiċi għall-grupp ta' ikel maħsub għall-persuni li jbatu minn disordnijiet tal-metaboliżmu tal-karboidrati (dijabete), il-Kummissjoni għandha tkun permessa tadotta jew tipproponi d-dispożizzjonijiet rilevanti fi stadju ulterjuri, wara konsultazzjoni ma’ l-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza tal-Ikel.

(10)

Għadu possibbli li, fil-livell tal-Komunità, jiġu armonizzati r-regoli applikabbli għall-gruppi oħra ta’ oġġetti tal-ikel għall-użi partikolari ta’ nutriment, fl-interessi tal-protezzjoni tal-konsumatur u tal-moviment liberu ta’ dawk l-oġġetti tal-ikel.

(11)

It-tfassil ta' Direttivi speċifiċi li jimplimentaw il-priċipji bażiċi tar-regoli Komunitarji u l-emendi tagħhom huma miżuri ta' implimentazzjoni ta' natura teknika. L-adozzjoni tagħhom għandha tkun fdata lill-Kummissjoni sabiex tissimplifika u tħaffef il-proċedura.

(12)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deciżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (5).

(13)

B'mod partikolari, l-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta ċerti Direttivi speċifiċi, lista ta' sustanżi b'għanijiet speċifiċi ta' nutrimenti bħal vitamini u ta' sustanżi oħra maħsuba biex jiżdiedu ma' oġġetti ta' l-ikel maħsuba għal użu ta' nutriment partikolari, flimkien mal-kriterji ta' purità applikabbli għalihom, u, fejn xieraq, il-kondizzjonijiet li taħthom għandhom jintużaw, dispożizzjonijiet li jippermettu l-indikazzjoni fuq l-oġġetti ta' l-ikel għall-konsum normali li huma jkunu adegwati għal użu ta' nutriment partikolari, dispożizzjonijiet speċjali għall-ikel għall-persuni li jbatu minn diżordni fil-metaboliżmu tal-karboidrati (dijabete), regoli għall-użu ta' termini dwar it-tnaqqis jew nuqqas ta' kontenut ta' sodju jew melħ (sodium chloride, melħ tal-mejda) jew in-nuqqas ta' gluten, li jistgħu jintużaw biex jiġu deskritti l-prodotti, kif ukoll kondizzjonijiet li taħthom tista' ssir referenza fl-ittikettar, preżentazzjoni u reklamar għal xi dieta jew għal xi kategorija ta' persuni. Billi dawn il-miżuri huma ta' ambitu ġenerali u huma mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva, inter alia billi jissupplimentawha b’elementi ġodda mhux essenzjali, dawn jeħtieġ li jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(14)

Meta, għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza, ma jkunx possibbli li jiġu osservati il-limiti ta' żmien normalment applikabbli għal proċedura regolatorja bi skrutinju, il-Kummissjoni għandha jkollha l-possibbiltà li tapplika l-proċedura ta' urġenza prevista fl-Artikolu 5a(6) tad-deċiżjoni 1999/468/KE għall-adozzjoni u l-emendament tal-lista ta' sustanzi b'għanijiet speċifiċi ta' nutriment u ta' sustanzi oħra maħsuba biex jiżdiedu ma' oġġetti ta' l-ikel maħsuba għal użu ta' nutriment partikolari, flimkien mal-kriterji ta' purità applikabbli għalihom, u, fejn xieraq, il-kondizzjonijiet li taħthom għandhom jintużaw, kif ukoll għall-adozzjoni ta' emendi għal din id-Direttiva jew għal Direttivi speċifiċi meta jiġi stabbilit li oġġett ta' l-ikel maħsub għal użu partikolari ta' nutriment ikun jipperikola saħħet il-bniedem għalkemm ikun jikkonforma mad-Direttiva speċifika rilevanti.

(15)

L-elementi ġodda introdotti f'din id-Direttiva jikkonċernaw biss il-proċeduri tal-kumitati. Għalhekk m'hemmx bżonn li jiġu trasposti mill-Istati Membri.

(16)

Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' l-Istati Membri rigward il-limiti ta' żmien għat-trażpożizzjoni u applikazzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttiva elenkati fl-Anness II, Parti B,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1.   Din id-Direttiva tikkonċerna oġġetti tal-ikel għal użu ta’ nutriment partikolari.

2.   L-oġġetti tal-ikel għal użu ta’ nutriment partikolari li, minħabba l-komposizzjoni speċjali jew proċess ta’ manifattura tagħhom, jintgħarfu b’mod ċar minn oġġetti tal-ikel għall-konsum normali, li huma adegwati għall-għanijiet espressi tagħhom ta’ nutriment u li huma mqiegħda fis-suq b’tali mod li jindikaw tali adegwatezza.

3.   L-użu ta’ nutriment partikolari għandu jissodisfa r-rekwiżiti ta’ nutriment partikolari:

(a)

ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni li l-proċessi diġestivi jew metaboliżmi tagħhom huma disturbati; jew

(b)

ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni li huma f’kondizzjoni psikoloġika speċjali u li huma għalhekk kapaċi li jiksbu benefiċċju speċjali mill-konsum kontrollat ta’ ċerti sustanzi fl-oġġetti tal-ikel; jew

(c)

ta’ trabi jew tfal żgħar b’saħħithom.

Artikolu 2

1.   Il-prodotti koperti mill-punti (a) u (b) tal-Artikolu 1(3) jistgħu jiġu karatterizzati bħala “dijetetiċi” jew “tad-dieta”.

2.   Fl-ittikkettar, preżentazzjoni u reklamar ta’ oġġetti tal-ikel għall-konsum normali dan li ġej għandu jkun projbit:

(a)

l-użu tal-aġġettivi “dijetetiku” jew “tad-dieta” weħidhom jew ma’ kliem ieħor, biex jindikaw dawk l-oġġetti tal-ikel;

(b)

markaturi oħra kollha jew kull preżentazzjoni li x’aktarx jagħtu l-impressjoni li wieħed mill-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 ikun involut.

Madankollu, taħt dispożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni, għandu jkun possibbli għal oġġetti tal-ikel għall-konsum normali li jkunu adegwati għal użu ta’ nutriment partikolari li tiġi indikata dik l-adegwatezza.

L-imsemmija dispożizzjonijiet jistgħu jistabbilixxu l-arranġamenti għall-indikazzjoni ta’ dik l-adegwatezza.

Il-miżuri msemmija fit-tieni subparagrafu, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 15(3).

Artikolu 3

1.   In-natura jew komposizzjoni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun tali li l-prodotti jkunu adegwati għal użu maħsub ta’ nutriment partikolari.

2.   Il-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 għandhom ukoll jikkonformaw ma’ kull dispożizzjoni obbligatorja applikabbli għall-oġġetti tal-ikel għall-konsum normali, ħlief fir-rigward ta’ bidliet magħmula lilhom biex tiġi żgurata l-konformità mad-definizzjonijiet mogħtija fl-Artikolu 1.

Artikolu 4

1.   Id-dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-gruppi ta’ ikel għal użu ta’ nutriment partikolari li jidhru fl-Anness I għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ Direttivi speċifiċi.

Dawk id-Direttivi speċifiċi jistgħu jkopru b’mod partikolari:

(a)

rekwiżiti essenzjali fir-rigward tan-natura jew komposizzjoni tal-prodotti;

(b)

dispożizzjonijiet dwar il-kwalità ta’ materja prima;

(c)

rekwiżiti ta’ iġjene;

(d)

bidliet permessi fis-sens tal-Artikolu 3(2);

(e)

lista ta’ addittivi;

(f)

dispożizzjonijiet dwar l-ittikkettar, preżentazzjoni u reklamar;

(g)

proċeduri ta’ kampjunament u metodi ta’ analiżi meħtieġa għall-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti tad-Direttivi speċifiċi.

Dawk id-Direttivi speċifiċi għandhom jiġu adottati:

fil-każ tal-punt (e), konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 95 tat-Trattat,

fil-każ tal-punti l-oħra, mill-Kummissjoni. Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 15(3).

Id-dispożizzjonijiet li x’aktarx ikollhom effett fuq is-saħħa pubblika għandom jiġi adottati wara konsultazzjoni ma’ l-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza tal-Ikel.

2.   Sabiex l-oġġetti tal-ikel maħsuba għall-użu ta’ nutriment partikolari u li jirriżultaw minn progress xjentifiku u teknoloġiku ikunu jistgħu jitqiegħdu fis-suq malajr kemm jista’ jkun, il-Kummissjoni tista’, wara li tikkonsulta ma' l-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza tal-Ikel, tawtorizza, għal perijodu ta’ sentejn, it-tqegħid fis-suq ta’ oġġetti tal-ikel li ma jikkonformawx mar-regoli f’dik li hi l-komposizzjoni stipulata mid-Direttivi speċifiċi għal gruppi ta’ oġġetti tal-ikel għall-użi ta’ nutriment partikolari msemmija fl-Anness I. Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 15(3).

Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni tista’ żżid, fid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, regoli ta’ tikkettar li jirrelataw mal-bidla fil-komposizzjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta lista tas-sustanzi b’għanijiet speċifiċi ta’ nutriment bħal vitamini, melħ minerali, amino acids u ta' sustanzi oħra maħsuba li jiżdiedu ma’ oġġetti tal-ikel maħsuba għal użu ta’ nutriment partikolari, flimkien mal-kriterji ta’ purità applikabbli għalihom, u, fejn xieraq, il-kondizzjonijiet li taħthom għandhom jintużaw.

Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 15(3).

Għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza, il-Kummissjoni tista' tirrikorri għall-proċedura ta' urġenza msemmija fl-Artikolu 15(4).

Artikolu 5

Il-Kummissjoni għandha tadotta regoli għall-użu ta' termini dwar it-tnaqqis jew nuqqas ta’ kontenut ta’ sodju jew melħ (sodium chloride, melħ tal-mejda) jew in-nuqqas ta’ gluten, li jistgħu jintużaw biex jiġu deskritti l-prodotti msemmija fl-Artikolu 1.

Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 15(3).

Artikolu 6

Qabel it-8 ta’ Lulju 2002, il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta ma’ l-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza tal-Ikel, tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar il-ħtieġa ta’ dispożizzjonijiet speċjali għall-ikel għall-persuni li jbatu minn disturbi fil-metaboliżmu tal-karboidrati (dijabete).

Fid-dawl tal-konklużjonijiet ta’ dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha

(a)

tipproċedi bit-tħejjija tad-dispożizzjonijiet speċjali konċernati, jew

(b)

tippreżenta, konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 95 tat-Trattat, kwalunkwe proposta xierqa għall-emendament ta’din id-Direttiva.

Il-miżuri, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva, billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 15(3).

Artikolu 7

Il-Kummissjoni tista' tadotta kondizzjonijiet li taħthom tista’ ssir referenza fl-ittikkettar, preżentazzjoni u reklamar għal xi dieta jew għal xi kategorija ta’ persuna li għaliha jkun maħsub prodott imsemmi fl-Artikolu 1.

Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva, billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 15(3).

Artikolu 8

1.   L-ittikkettar u l-metodi ta’ ttikkettar użati, il-preżentazzjoni u r-reklamar tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 m’għandhomx jattribwixxu kwalitajiet ta' prevenzjoni, trattament jew kura ta’ mard uman lil dawk il-prodotti jew jimplikaw tali kwalitajiet.

Jista' jsir provvediment għal derogi mill-ewwel subparagrafu f’każijiet eċċezzjonali u definiti b’mod ċar. Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 15(3). Id-derogi jistgħu jitkomplew sa meta dik il-proċedura titlesta.

2.   Il-paragrafu 1 m’għandux jipprevjeni d-disseminazzjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni utili jew rakkomandazzjonijiet esklużivament maħsuba għal persuni li jkollhom kwalifiki fil-mediċina, fin-nutrizzjoni jew fil-farmaċija.

Artikolu 9

1.   Id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 Marzu 2000 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' tikkettar, preżentazzjoni u riklamar ta' oġġetti ta' l-ikel (6) għandha tapplika għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Id-deskrizzjoni li taħtha jinbiegħ prodott għandha tkun akkumpanjata minn indikazzjoni tal-karatteristiċi partikolari ta’ nutriment. Iżda, fil-każ ta’ prodotti koperti mill-punt (c) tal-Artikolu1(3), dik ir-referenza għandha tinbidel b’referenza għall-iskop li għalih kienu maħsuba.

3.   It-tikkettar ta’ prodotti li għalihom ebda Direttiva speċifika ma tkun ġiet adottata taħt l-Artikolu 4 għandu jinkludi wkoll:

(a)

l-elementi partikolari tal-komposizzjoni kwalitattiva u kwantitattiva jew il-proċess speċjali ta’ manifattura li jagħti lill-prodott il-karatteristiċi partikolari ta’ nutriment;

(b)

il-valur ta’ enerġija disponibbli espress f’kilojoules u kilokaloriji u l-kontenut ta’ karboidrati, proteini u xaħam kull 100 gramma jew 100 millilitru tal-prodott kif kummerċjalizzat u, fejn xieraq, kull kwantità speċifikata tal-prodott kif propost għall-konsum.

Iżda jekk, il-valur ta’ enerġija jkun anqas minn 50 kilojoules (12 kilokaloriji) kull 100 gramma jew 100 millilitru tal-prodott kif kummerċjalizzat, dawk il-partikolaritajiet jistgħu jiġu mibdula bil-kliem “valur ta’ enerġija anqas minn 50 kilojoules (12 kilokaloriji) kull 100 gramma” jew bil-kliem “valur ta’ enerġija anqas minn 50 kilojoules (12 kilokaloriji) kull 100 millilitru”.

4.   Ir-rekwiżiti partikolari ta' tikkettar ta’ dawk il-prodotti li għalihom tkun ġiet adottata Direttiva speċifika għandhom jiġu stabbiliti f’dik id-Direttiva.

Artikolu 10

1.   Il-prodotti imsemmi fl-Artikolu 1 għandhom ikunu permessi biss fis-suq tal-bejgħ bl-imnut f’forma ta’imballaġġ minn qabel, u l-imballaġġ għandu jkopri l-prodotti kompletament.

2.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu derogi mill-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għall-finijiet tal-kummerċ bl-imnut sakemm il-prodott ikun akkumpanjat mid-dettalji previsti fl-Artikolu 9 fiż-żmien li jitqiegħed għall-bejgħ.

Artikolu 11

1.   Sabiex ikun possibbli monitoraġġ uffiċjali effikaċi tal-oġġetti tal-ikel maħsuba għal użu ta’ nutriment partikolari li ma jkunux jagħmlu sehem minn wieħed mill-gruppi ta’ prodotti elenkati fl-Anness I, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet speċifiċi li ġejjin:

(a)

meta prodott kif msemmi hawn fuq jitqiegħed fis-suq għall-ewwel darba, il-manifattur jew, fejn prodott ikun ġie manifatturat fi Stat terz, l-importatur, għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn il-prodott jitqiegħed fis-suq billi jibgħatlu mudell tat-tikketta wżata għall-prodott;

(b)

meta l-istess prodott sussegwentement jitqiegħed fis-suq ta’ Stat Membru ieħor il-manifattur jew, fejn ikun il-każ, l-importatur, għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru bl-istess informazzjoni, flimkien ma’ indikazzjoni tad-destinatarju tal-ewwel notifika;

(c)

fejn meħtieġ, l-awtorità kompetenti għandha jkollha s-setgħa li tesiġi mill-manifattur jew, fejn ikun il-każ, mill-importatur, li jipproduċi x-xogħol xjentifiku u l-informazzjoni li tistabbilixxi l-konformità tal-prodott ma’ l-Artikolu 1(2) u (3) flimkien mal-informazzjoni prevista fil-punt (a) tal-Artikolu 9(3). Jekk tali xogħol ikun jinstab f’pubblikazzjoni faċilment disponibbli, ir-referenza biss għal dik il-pubblikazzjoni għandha tkun biżżejjed.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-identità tal-awtoritajiet kompetenti fis-sens tal-paragrafu 1u kull informazzjoni oħra utili dwarhom.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika din l-informazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

3.   Ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-paragrafu 2 jistgħu jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 15(2).

4.   Kull tliet snin, u għall-ewwel darba qabel it-8 ta' Lulju 2002, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 12

1.   L-Istati Membri m’għandhomx, għal raġunijiet li jirrelataw mal-komposizzjoni, speċifikazzjonijiet ta’ manifattura, preżentazzjoni jew tikkettar, jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-kummerċ fil-prodotti imsemmija fl-Artikolu 1 li jikkonformaw ma’ din id-Direttiva u, fejn ikun il-każ, mad-Direttivi adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

2.   Il-paragrafu 1 m’għandux jinċidi fuq id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jkunu applikabbli fin-nuqqas ta’ Direttivi adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 13

1.   Fejn Stat Membru jkollu raġunijiet dettaljati biex jistabbilixxi li xi oġġett tal-ikel maħsub għal użu ta’ nutriment partikolari li ma jkunx jagħmel sehem minn wieħed mill-gruppi elenkati fl-Anness I ma jkunx jikkonforma mal-Artikolu 1(2) u (3) jew jipperikola saħħet il-bniedem, għalkemm ikun f’ċirkolazzjoni libera fi Stat Membru wieħed jew aktar, dak l-Istat Membru jista’ temporanjament jissospendi jew jirrestrinġi l-kummerċ f’dak il-prodott fit-territorju tiegħu. Għandu minnufih javża lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’dan waqt li jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu.

2.   Il-Kummissjoni għandha teżamina, kemm jista’ jkun malajr, ir-raġunijiet mogħtija mill-Istat Membru konċernat, għandha tikkonsulta ma’ l-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 15(1), u għandha mbagħad tagħti l-opinjoni tagħha mingħajr dewmien u tieħu l-miżuri adatti.

3.   Jekk il-Kummissjoni tikkonsidra li l-miżura nazzjonali għandha titneħħa jew tiġi modifikata, għandha tadotta l-miżuri adatti konformement mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 15(2).

Artikolu 14

1.   Fejn Stat Membru, bħala riżultat ta’ xi informazzjoni ġdida jew minħabba rivalutazzjoni ta’ informazzjoni eżistenti magħmula minn mindu waħda mid-Direttivi speċifiċi ġiet adottata, ikollha raġunijiet dettaljati biex tistabbilixxi li xi oġġett tal-ikel maħsub għal użu partikolari ta’ nutriment ikun jipperikola saħħet il-bniedem, għalkemm ikun jikkonforma mad-Direttiva speċifika relevanti, dak l-Istat Membru jista’ temporanjament jissospendi jew jirrestrinġi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni fit-territorju tiegħu. Għandu minnufih javża lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b’dan waqt li jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu.

2.   Il-Kummissjoni għandha teżamina kemm jista’ jkun malajr ir-raġunijiet mogħtija mill-Istat Membru konċernat, tikkonsulta ma’ l-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 15(1), u għandha mbagħad tagħti l-opinjoni tagħha mingħajr dewmien u tieħu l-miżuri adatti.

3.   Jekk il-Kummissjoni tikkonsidra li jkunu meħtieġa emendi f'din id-Direttiva jew f'xi Direttivi speċifiċi biex tirrimedja d-diffikultajiet imsemmija fil-paragrafu 1 u biex tiżgura l-protezzjoni tas-saħħa umana, għandha tadotta dawk l-emendi.

Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 15(3). Għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza, il-Kummissjoni tista' tirrikorri għall-proċedura ta' urġenza msemmija fl-Artikolu 15(4).

L-Istat Membru li jkun adotta miżuri ta' salvagwardja jista' f'dak il-każ iżommhom sa meta l-emendi jkunu ġew adottati.

Artikolu 15

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejuna mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali, stabbilit bl-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-disposizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ tliet xhur.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

4.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1), (2), (4) u (6) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 16

Id-Direttiva 89/398/KEE, kif emendata mill-atti elenkati fl-Anness II, Parti A, hija mħassra, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u għall-applikazzjoni tad-Direttivi stipulati fl-Anness II, Parti B.

Ir-referenzi magħmula għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness III.

Artikolu 17

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 18

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, 6 ta’ Mejju 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

J. KOHOUT


(1)  ĠU C 211, 19.8.2008, p. 44.

(2)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Settembru 2008 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Marzu 2009.

(3)  ĠU L 186, 30.6.1989, p. 27.

(4)  Ara l-Anness II, Parti A.

(5)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(6)  ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29.

(7)  Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà ta' l-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).


ANNESS I

A.

Gruppi ta’ oġġetti tal-ikel għal użu partikolari ta’ nutriment li għalihom ser jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċjali f’Direttivi speċifiċi (1):

1.

formoli tat-trabi u formoli tat-tip “follow-on”;

2.

ikel proċessat, b’bażi ta’ ċereali u ikel tat-trabi għall-infanzja u għal tfal żgħar;

3.

ikel maħsub għall-użu f’dieti ta’ enerġija ristretta għat-tnaqqis fil-piż;

4.

ikel tad-dieta għal skopijiet mediċi speċjali;

5.

ikel maħsub biex jikkumpensa għal sforz muskolari intens, speċjalment għall-isportivi.

B.

Gruppi ta’ oġġetti tal-ikel għal użu partikolari ta’ nutriment li għalihom ser jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi f’Direttiva speċifika (1), abbażi tar-riżultat tal-proċedura deskritta fl-Artikolu 6:

Ikel għall-persuni li jbatu minn disturbi fil-metaboliżmu tal-karboidrati (dijabete).


(1)  Huwa mifhum li l-prodotti li jkunu diġà fis-suq meta tiġi adottata Direttiva speċifika ma jkunux affettwati minnha.


ANNESS II

PARTI A

Id-Direttiva mħassra bl-lista tal-emendi suċċessivi tagħha

(imsemmija fl-Artikolu 16)

Direttiva tal-Kunsill 89/398/KEE

(ĠU L 186, 30.6.1989, p. 27)

 

Direttiva 96/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 48, 19.2.1997, p. 20)

 

Direttiva 1999/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 172, 8.7.1999, p. 38)

 

Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1)

Il- punt 15 tal-Anness III biss

PARTI B

Limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u applikazzjoni

(imsemmija fl-Artikolu 16)

Direttiva

Limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni

Permess għal-kummerċ ta’ prodotti konformi ma’ din id-Direttiva

Projbizzjoni tal-kummerċ ta’ prodotti mhux konformi ma’ din id-Direttiva

89/398/KEE

16 ta’ Mejju 1990 (1)

16 ta’ Mejju 1991 (1)

96/84/KE

30 ta’ Settembru 1997

1999/41/KE

8 ta’ Lulju 2000

8 ta’ Lulju 2000 (2)

8 ta’ Jannar 2001 (2)


(1)  Taħt l-Artikolu 15 ta’ Direttiva 89/398/KEE:

“1.   L-Istati Membri għandhom jemendaw il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom b’tali mod li:

jippermettu n-negozju fi prodotti li jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mis-16 ta’ Mejju 1990,

jipprojbixxu n-negozju fi prodotti li ma jikkonformawx ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mis-16 ta’ Mejju 1990,

Għandhom javżaw minnufih b’dan lill-Kummissjoni.

2   Il-paragrafu 1 m’għandux jaffettwa d-dispożizzjonijiet nazzjonali li fin-nuqqas tad-Direttivi li għalihom jirriferi Artikolu 4 japplikaw għal ċerti gruppi ta’ oġġetti ta’ ikel maħsuba għal użu ta’ nutriment partikolari.”

(2)  Taħt l-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/41/KE:

“L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard mit-8 ta’ Lulju 2000. Għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni bihom.

Dawn il-miżuri għandhom jiġu applikati b’dak il-mod illi:

jippermettu n-negozju fi prodotti li jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sat-8 ta’ Lulju 2000;

jipprobixxu negozju fi prodotti li ma jikkonformawx ma’ din id-Direttiva sat-8 ta’ Jannar 2001.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'dik ir-referenza fl-okkazzjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif għandha ssir ir-referenza għandhom jitniżżlu mill-Istati Membri.”.


ANNESS III

TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Id-Direttiva 89/398/EEC

Din id-Direttiva

Artikolu 1(1)

Artikolu 1(1)

Artikolu 1(2), punt (a)

Artikolu 1(2)

Artikolu 1(2), punt (b)

Artikolu 1(3)

Artikolu 1(2), punt (b)(i), (ii) u (iii)

Artikolu 1(3), punti (a), (b) u (c)

Artikolu 2(1)

Artikolu 2(1)

Artikolu 2(2)

Artikolu 2(2), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 2(3)

Artikolu 2(2), it-tieni u t-tielet subparagrafi

Artikolu 2(2), ir-raba' subparagrafu

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4(1)

Artikolu 4(1)

Artikolu 4(1a)

Artikolu 4(2)

Artikolu 4(2)

Artikolu 4(3)

Artikolu 4a

Artikolu 5

Artikolu 4b

Artikolu 6

Artikolu 5

Artikolu 7

Artikolu 6

Artikolu 8

Artikolu 7

Artikolu 9

Artikolu 8

Artikolu 10

Artikolu 9, il-kliem introduttorju

Artikolu 11(1), il-kliem introduttorju

Artikolu 9, il-punti 1, 2 u 3

Artikolu 11(1)(a), (b) u (c)

Artikolu 9, il-punt 4, l-ewwel u t-tieni sentenza

Artikolu 11(2)

Artikolu 9, il-punt 4, it-tielet sentenza

Artikolu 11(3)

Artikolu 9, il-punt 5

Artikolu 11(4)

Artikolu 10

Artikolu 12

Artikolu 11

Artikolu 13

Artikolu 12

Artikolu 14

Artikolu 13 (1) u (2)

Artikolu 15 (1) u (2)

Artikolu 13(3)

Artikolu 15(3) u (4)

Artikoli 14 u 15

Artikoli 16 u 17

Artikolu 16

Artikolu 18

Anness I

Anness I

Anness II

Annessi II u III


Top