EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0019

2009/19/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 9 ta' Jannar 2009 li temenda d-Deċiżjoni 2008/655/KE fir-rigward tal-approvazzjoni tal-pjanijiet ta’ tilqim ta’ emerġenza kontra l-bluetongue ta’ ċerti Stati Membri u li tiffissa l-livell tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għall-2007 u l-2008 (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 8966)

ĠU L 8, 13.1.2009, p. 31–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021; Imħassar b' 32020R0687

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/19(2)/oj

13.1.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 8/31


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-9 ta' Jannar 2009

li temenda d-Deċiżjoni 2008/655/KE fir-rigward tal-approvazzjoni tal-pjanijiet ta’ tilqim ta’ emerġenza kontra l-bluetongue ta’ ċerti Stati Membri u li tiffissa l-livell tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għall-2007 u l-2008

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 8966)

(It-testi bil-Franċiż, bid-Daniż, biċ-Ċek, bl-Olandiż, bil-Ġermaniż, bl-Ispanjol, bit-Taljan, bil-Portugiż u bl-Iżvediż biss huma awtentiċi)

(2009/19/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/75/KE tal-20 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-kontroll u l-eradikazzjoni tal-bluetongue (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-qasam veterinarju (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3), (4) u t-tieni inċiż tal-punt (5) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/655/KE tal-24 ta’ Lulju 2008 li tapprova l-pjanijiet ta’ tilqim ta’ emerġenza kontra l-bluetongue ta’ ċerti Stati Membri u li tiffissa l-livell tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għall-2007 u l-2008 (3) approvat il-pjanijiet ta’ tilqim tal-Belġju, tar-Repubblika Ċeka, tad-Danimarka, tal-Ġermanja, ta’ Spanja, ta’ Franza, tal-Italja, tal-Lussemburgu, tal-Olanda u tal-Portugall u stabbilixxiet l-ammont massimu tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità.

(2)

Fit-tieni semestru tal-2008 faqqgħet il-marda tal-bluetongue f’diversi Stati Membri. B’mod partikolari, fl-2008, għall-ewwel darba kien hemm tifqigħat ta’ bluetongue tas-serotip 8 fl-Awstrija u l-Iżvezja. Tifqigħ ġdid ta’ bluetongue tas-serotip 8 ġie identifikat fid-Danimarka u Spanja. Barra minn hekk, il-bluetongue tas-serotip 1 kompla jinfirex fi Franza, Spanja u l-Portugall.

(3)

Peress li t-tifqigħ fl-Awstrija u fl-Iżvezja seħħ wara l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/655 (KE), dawn iż-żewġ Stati Membri ressqu l-pjanijiet ta’ tilqim tagħhom tard wisq biex jilħqu d-data tal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 4(2) ta’ dik id-deċiżjoni. Għalhekk dispożizzjonijiet relatati mar-rapporti intermedji, inkluż dawk dwar it-tnaqqis tal-kontribuzzjoni mill-Komunità ma għandhomx jiġu applikati għal dawk l-Istati Membri.

(4)

L-Istati Membri għarrfu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar it-tifqigħ tal-marda. L-Istati Membri ppreżentaw il-pjanijiet ġodda jew emendati tagħhom għat-tilqim ta’ emerġenza u fihom indikaw in-numru approssimattiv ta’ dożi ta’ tilqim li għandhom jintużaw fl-2007 u fl-2008 u stima tal-ispejjeż biex isir dan it-tilqim. Il-Kummissjoni evalwat il-pjanijiet il-ġodda imressqa mill-Awstrija u l-Iżvezja u l-pjanijiet emendati mressqa mid-Danimarka, Spanja, Franza, l-Olanda u l-Portugall, kemm mill-aspett veterinarju u kif ukoll minn dak finanzjarju, u kkonkludiet li l-pjanijiet huma konformi mal-leġiżlazzjoni veterinarja relevanti tal-Komunità. It-tilqim tal-annimali kontra l-bluetongue fl-Istati Membri kkonċernati għandhu għalhekk jiġi approvat skont l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2000/75/KE.

(5)

L-eliġibbltà tan-nefqa hija bħalissa ristretta għal spejjeż imħallsa fil-perjodu bejn l-1 ta’ Novembru 2007 u l-31 ta’ Diċembru 2008. Madankollu, l-pjanijiet ta’ tilqim ta’ emerġenza jibqgħu sejrin sal-aħħar tal-2008. Għalhekk, l-avveniment operattiv biex isseħħ it-tilqim għandu jiddetermina l-eliġibbiltà tan-nefqa. Miżuri b’avveniment operattiv li jaqgħu fil-perijodu imsemmi hawn fuq huma eleġibbli għal kofinanzjament.

(6)

Id-Deċiżjoni 2008/655/KE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

(7)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2008/655/KE hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1, l-ewwel subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

“Il-pjanijiet għat-tilqim, magħmula minn dispożizzjonijiet tekniċi u finanzjarji, ippreżentati mill-Belġju, mir-Repubblika Ċeka, mid-Danimarka, mill-Ġermanja, minn Spanja, minn Franza, mill-Italja, mil-Lussemburgu, mill-Olanda, mill-Awstrija, mill-Portugall u mill-Iżvezja huma b’dan approvati għall-perjodu mill-1 ta’ Novembru 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2008.”

(2)

Fl-Artikolu 2, l-ewwel paragrafu, l-ewwel subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

“Fil-kuntest tal-miżuri ta’ emerġenza meħuda kontra l-bluetongue fl-2007 u l-2008, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, l-Awstrija, l-Portugall u l-Iżvezja se jkunu intitolati għal kontribut speċifiku mill-Komunità għall-pjanijiet ta’ tilqima ta’ emerġenza kontra l-bluetongue imsemmi fl-Artikolu 1 li jammonta għal:”

(3)

Fl-Artikolu 4, l-ewwel paragrafu, l-ittra (d) tinbidel b’dan li ġej:

“(d)

rapport finanzjarju finali, f’għamla kompjuterizzata skont l-Anness, dwar l-ispejjeż minfuqa mill-Istat Membru matul il-perjodu bejn l-1 ta’ Novembru 2007 u l-31 ta’ Diċembru 2008 u mħallsa qabel is-sottomissjoni tar-rapport;”

(4)

Fl-Artikolu 4, l-ewwel paragrafu, is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied:

“Madankollu, il-paragrafu 1(a) u (b) u l-paragrafu 2 ma għandhomx japplikaw għall-pjanijiet imressqa mill-Awstrija u l-Iżvezja”.

Artikolu 2

Id-destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika Ċeka, lir-Renju tad-Danimarka, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Renju ta’ Spanja, lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika Taljana, lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, lir-Renju tal-Olanda, lir-Repubblika tal-Awstrija, lir-Repubblika Portugiża u lir-Renju tal-Iżvezja.

Magħmula fi Brussell, 9 ta’ Jannar 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 74.

(2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19.

(3)  ĠU L 214, 9.8.2008, p. 66.


Top