EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0755

2007/755/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tad- 19 ta’ Novembru 2007 dwar il-ħatra tal-Koordinatur Speċjali tal-Patt ta’ Stabbilità għax-Xlokk ta’ l-Ewropa

ĠU L 305, 23.11.2007, p. 28–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2008

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/755/oj

23.11.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 305/28


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Novembru 2007

dwar il-ħatra tal-Koordinatur Speċjali tal-Patt ta’ Stabbilità għax-Xlokk ta’ l-Ewropa

(2007/755/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1080/2000 tat-22 ta’ Mejju 2000 dwar l-appoġġ għall-Missjoni Temporanja tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo (UNMIK) u għall-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli fil-Bożnja u Ħerzegovina (OHR) u l-Patt ta’ Stabbilità għax-Xlokk ta’ l-Ewropa (SP) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Fl-10 ta’ Ġunju 1999 il-Ministri ta’ l-Affarijiet Barranin ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, flimkien mal-parteċipanti fil-Patt ta’ Stabbilità għax-Xlokk ta’ l-Ewropa, qablu li jwaqqfu Patt ta’ Stabbilità għax-Xlokk ta’ l-Ewropa, minn issa ‘l quddiem imsejjaħ “il-Patt ta’ Stabbilità”.

(2)

L-Artikolu 1a tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1080/2000 jipprovdi għall-Koordinatur Speċjali tal-Patt ta’ Stabbilità li jinħatar fuq bażi annwali.

(3)

Jeħtieġ li jkun stabbilit, flimkien mal-ħatra, mandat għall-Koordinatur Speċjali. Il-mandat stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (KE) Nru 2006/921/KE tal-11 ta’ Diċembru 2006 dwar il-ħatra tal-Koordinatur Speċjali tal-Patt ta’ Stabbiltà għax-Xlokk ta’ l-Ewropa (2) għall-2006 hu adatt. Skond il-konklużjonijiet tal-Laqgħa Reġjonali għall-Patt ta’ Stabbilità li saret f’Żagreb fl-10 ta’ Mejju 2007, il-laqgħat Ministerjali u s-Summits għall-Proċess ta’ Kooperazzjoni għax-Xlokk ta’ l-Ewropa (SEECP) li saru fl-10 u l-11 ta’ Mejju 2007, kif ukoll il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Mejju 2007 li ħeġġew lill-Koordinatur Speċjali tal-Patt ta’ Stabbilità, is-Segretarju-Ġenerali l-ġdid u l-President Bulgaru fil-Kariga tas-SEECP biex jiżguraw bidla bla xkiel u f’waqtha mill-Patt ta’ Stabbilità għall-istrutturi l-ġodda, dan il-mandat jinkludi enfasi speċjali fuq il-ħtiġiet tat-transizzjoni għall-proprjetà reġjonali u l-ħtieġa li tkun żgurata mogħdija bla xkiel u f’waqtha lis-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali (RCC) sa l-aħħar tal-mandat.

(4)

Huwa xieraq li jkunu stabbiliti linji ċari ta’ responsabbiltà kif ukoll linji ta’ gwida dwar il-koordinazzjoni u r-rappurtaġġ,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Dr Erhard BUSEK b’dan qed jinħatar Koordinatur Speċjali tal-Patt ta’ Stabbilità għax-Xlokk ta’ l-Ewropa.

Artikolu 2

Il-Koordinatur Speċjali għandu jwettaq il-funzjonijiet li jipprovdi għalihom il-punt 13 tal-Patt ta’ Stabbilità ta’ l-10 ta’ Ġunju 1999.

Artikolu 3

Sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi fl-Artikolu 2, il-mandat tal-Kordinatur Speċjali għandu jkun:

(a)

il-promozzjoni tal-kisba ta’ l-għanijiet tal-Patt, fil-pajjiżi individwali u bejniethom, kulfejn il-Patt juri li għandu valur miżjud;

(b)

il-presidenza tal-Laqgħa Reġjonali ta’ l-Ewropa tax-Xlokk;

(ċ)

iż-żamma ta’ kuntatt mill-qrib mal-parteċipanti kollha u l-Istati, l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet faċilitanti tal-Patt ta’ Stabbilità, kif ukoll inizjattivi reġjonali u organizzazzjonijiet rilevanti, bil-għan li titrawwem kooperazzjoni reġjonali u titkabbar il-proprjetà reġjonali;

(d)

il-kooperazzjoni mill-viċin ma’ l-Istituzzjonijiet kollha ta’ l-Unjoni Ewropea u ma’ l-Istati Membri tagħha sabiex ikun promoss ir-rwol ta’ l-Unjoni Ewropea fil-Patt skond il-punti 18, 19 u 20 tal-Patt ta’ Stabbilità u sabiex tiġi żgurata kumplimentarjetà bejn ix-xogħol tal-Patt ta’ Stabbilità u l-Proċess ta’ Stabbilità u Assoċjazzjoni;

(e)

is-seħħ perjodiku ta’ laqgħat b’mod kollettiv kif xieraq mal-Presidenti tal-Gruppi ta’ Ħidma, biex tiġi żgurata koordinazzjoni strateġika ġenerali u titwettaq il-funzjoni ta’ segretarjat tal-Mejda Reġjonali tax-Xlokk ta’ l-Ewropa u l-istrumenti tagħha;

(f)

il-ħidma fuq il-bażi ta’ lista, li jkun hemm qbil dwarha minn qabel u b’konsultazzjoni mal-parteċipanti fil-Patt ta’ Stabbilità, ta’ azzjonijiet ta’ prijorità għall-Patt ta’ Stabbilità għal implimentazzjoni fl-ewwel parti ta’ l-2008, filwaqt li jiġu aġġustati l-metodi ta’ xogħol u l-istrutturi tal-Patt ta’ Stabbilità għall-bżonnijiet tat-transitu tal-pussess reġjonali, biex ikun żgurati l-konsistenza u l-użu effiċjenti tar-riżorsi;

(g)

l-iffaċilitar ta’ l-implimentazzjoni tat-transizzjoni għall-proprjetà reġjonali skond il-konklużjonijiet tal-Mejda Reġjonali fit-30 ta’ Mejju 2006 u għal dan l-iskop kooperazzjoni mill-qrib mal-Proċess ta’ Kooperazzjoni tax-Xlokk ta’ l-Ewropa, mal-Kunsill Reġjonali għall-Kooperazzjoni u mas-Segretarju Ġenerali tiegħu; għandha tingħata attenzjoni partikolari għat-twaqqif tal-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali u s-segretarjat tiegħu; għandu jkun hemm enfasi speċjali fuq l-effiċjenza tat-Task Forces varji u l-inizjattivi tal-Patt ta’ Stabbilità;

(h)

l-iżgurar ta’ bidla bla xkiel u f’waqtha lis-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali u l-għeluq ta’ l-operazzjonijiet amministrattivi tal-Patt ta’ Stabbilità li jkun baqa’.

Artikolu 4

Il-Koordinatur Speċjali għandu jikkonkludi ftehim finanzjarju mal-Kummissjoni.

Artikolu 5

L-attivitajiet tal-Koordinatur Speċjali għandhom ikunu kkoordinati ma’ dawk tas-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill/ir-Rappreżentant Għoli għall-PESK, il-Presidenza tal-Kunsill u l-Kummissjoni, notevolment fil-qafas tal-Kumitat Konsultattiv Informali. Fil-qasam, għandha tinżamm kooperazzjoni mill-qrib mal-Presidenza tal-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Kapijiet tal-Missjoni ta’ l-Istati Membri, ir-Rappreżentanti Speċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, kif ukoll ma’ l-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli fil-Bożnja u Ħerzegovina u l-Amministrazzjoni Ċivili tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo.

Artikolu 6

Il-Koordinatur Speċjali għandu jirrapporta, kif xieraq, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Għandu jibqa’ jinforma regolarment lill-Parlament Ewropew dwar l-attivitajiet tiegħu.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2008 sat-30 ta’ Ġunju 2008.

Magħmul fi Brussell, 19 ta’ Novembru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

L. AMADO


(1)  ĠU L 122, 24.5.2000, p. 27. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2098/2003 (ĠU L 316, 29.11.2003, p. 1).

(2)  ĠU L 351, 13.12.2006, p. 19.


Top