EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R0830(01)

Regolament Finanzjarju Applikabbli għall-Eurojust

ĠU L 226, 30.8.2007, p. 30–48 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/11/2009; Mibdul minn 32009D1120(01)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_financ/2007/830/oj

30.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 226/30


REGOLAMENT FINANZJARJU APPLIKABBLI GĦALL-EUROJUST

IL-KULLEĠĠ TA’ L-EUROJUST,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Frar 2002 li twaqqaf l-Eurojust bil-għan li ssaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità serja, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tagħha,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti d-derogi mitluba mill-Eurojust għar-Regolament tal-Kummussjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej

Billi

(1)

L-Eurojust għandu personalità ġuridika u responsabbiltà sħiħa biex ifassal u jimplimenta l-baġit tiegħu stess.

(2)

Huwa meħtieġ li jiġu ddefiniti r-regoli dwar it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-baġit ta’ l-Eurojust, kif ukoll ir-regoli li jirregolaw il-preżentazzjoni u l-verifika finanzjarja tal-kontijiet.

(3)

Huwa meħtieġ ukoll li jiġu ddefiniti s-setgħat u r-responsabbiltajiet tal-Kulleġġ ta’ l-Eurojust, l-Uffiċjal ta’ Awtorizzazzjoni, l-uffiċjal tal-kontabilità, l-amministratur tal-flus akkont u l-awditur intern.

(4)

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti sistemi ta’ kontroll effettivi għall-ħarsien ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea.

(5)

Peress li l-Eurojust huwa ffinanzjat minn sussidju annwali mħallas mill-baġit tal-Komunità, l-iskeda għall-istabbiliment tal-baġit, il-preżentazzjoni tal-kontijiet u l-għoti ta’ kwittanza għandha tiġi allinjata mad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tar-Regolament Finanzjarju ġenerali.

(6)

Għall-istess raġuni, l-Eurojust għandu josserva l-istess rekwiżit bħall-istituzzjonijiet tal-Komunità fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u grants; f’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li ssir referenza għad-dispożizzjonijiet relevanti tar-Regolament Finanzjarju ġenerali.

(7)

Ir-Regolament Finanzjarju għandu jirrifletti l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ l-Eurojust bħala unità ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja. Dan għandu jikkunsidra bi sħiħ in-natura sensittiva ta’ l-operazzjonijiet imwettqa mill-Eurojust, b’mod partikolari fir-rigward ta’ investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet.

(8)

Ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ta’ l-Eurojust għandu jiġi adottat b’mod unanimu mill-Kulleġġ wara lit kun ġiet ikkonsultata l-Kummissjoni.

(9)

Il-Kummissjoni tat il-kunsens tagħha għal dan ir-Regolament inkluż it-tluq mir-Regolament Finanzjarju strutturali,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

MATERJA TAS-SUĠĠETT

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi b’mod ċar il-prinċipju u r-regoli ewlenin li jirregolaw l-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit ta’ l-Eurojust.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

1.

“Deċiżjoni ta’ l-Eurojust” tfisser id-Deċiżjoni tal-Kunsill(2002/187/ĠAI) tat-28 ta’ Frar 2002 li twaqqaf il-Eurojust bil-għan li ssaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità serja (1);

2.

“Eurojust” tfisser l-unità ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja mwaqqfa mid-Deċiżjoni ta’ l-Eurojust bħala korp ta’ l-Unjoni Ewropea;

3.

“Kulleġġ” tfisser l-unità msemmija fl-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni ta’ l-Eurojust;

4.

“Direttur Amministrattiv” tfisser il-persuna msemmija fl-Artikoli 29 u 36(1) tad-Deċiżjoni ta’ l-Eurojust;

5.

“Personal” tfisser id-Direttur Amministrattiv kif ukoll il-personal imsemmi fl-Artikolu 30 tad-Deċiżjoni ta’ l-Eurojust;

6.

“Baġit” tfisser il-baġit ta’ l-Eurojust kif imsemmi fl-Artikolu 34 tad-Deċiżjoni ta’ l-Eurojust;

7.

“Awtorità tal-Baġit” tfisser il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea.

8.

“Regolament Finanzjarju Ġenerali” tfisser ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2);

9.

“Regolament Finanzjarju Strutturali” tfisser ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-korpi msemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3);

10.

“Regoli li jimplimentaw ir-Regolament Finanzjarju ġenerali” tfisser ir-regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej kif stabbilit fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 (4);

11.

“Regoli ta’ Implimentazzjoni Finanzjarji ta’ l-Eurojust” tfisser ir-regoli li jimplimentaw dan ir-Regolament Finanzjarju;

12.

“Regoli Finanzjarji ta’ l-Eurojust” tfisser id-Deċiżjoni ta’ l-Eurojust, dan ir-Regolament Finanzjarju u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni Finanzjarji ta’ l-Eurojust;

13.

“Regolamenti tal-Personal” tfisser ir-regolamenti u r-regoli applikabbli għal uffiċjali u qaddejja oħra tal-Komunitajiet Ewropej.

TITOLU II

PRINĊIPJI TAL-BAĠIT

Artikolu 3

L-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit (“il-baġit” minn hawn ’il quddiem) trid tħares il-prinċipji ta’ l-unità u l-eżatezza tal-baġit, annwalità, ekwilibriju, unità tal-kontijiet, universalità, speċifikazzjoni, treġija finanzjarja tajba u trasparenza kif previst f’dan ir-Regolament.

KAPITOLU 1

Prinċipji ta’ unità u eżattezza tal-baġit

Artikolu 4

Il-baġit huwa l-istrument li, għal kull sena finanzjarja, ibassar u jawtorizza d-dħul u l-infiq meqjus meħtieġ għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ l-Eurojust.

Artikolu 5

Il-baġit ikun fih:

(a)

id-dħul proprju ġej mid-drittijiet u l-ispejjeż u, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 51, l-imgħaxijiet li l-Eurojust jista’ jirċievi għal servizzi supplimentari bis-saħħa tal-kompiti fdati lilu, u kull dħul ieħor;

(b)

dħul magħmul mill-kontribuzzjonijiet finanzjarji ta’ l-Istati Membri li qed jilqgħuha;

(ċ)

sussidju konċess mill-Komunitajiet Ewropej;

(d)

dħul assenjat lill-infiq speċifiku skond l-Artikolu 19(1);

(e)

l-ispejjez ta’ l-Eurijust, inkluzi spejjeż ta’ amministrazzjoni.

Artikolu 6

1.   Ma jsirx dħul jew infiq qabel ma dan jitniżżel taħt intestatura fil-baġit.

2.   Appropjazzjoni ma tiddaħħalx fil-baġit sakemm mhux għal spiża meqjusa meħtieġa.

3.   L-ebda nefqa li tkun ikbar mill-appropjazzjonijiet awtorizzati mill-baġit ma tista’ tkun marbuta jew awtorizzata.

KAPITOLU 2

Prinċipju ta’ annwalità

Artikolu 7

L-appropjazzjonijiet mdaħħlin fil-baġit ikunu awtorizzati għal sena finanzjarja waħda li tkun tgħodd mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru.

Artikolu 8

1.   Il-baġit ikun fih appropjazzjonijiet ddiferenzati u mhux, li jkunu magħmulin minn appropjazzjonijiet ta’ impenn u appropjazzjonijiet ta’ pagament.

2.   Appropjazzjonijiet ta’ impenn ikopru l-prezz ta’ impenni legali mibdijin tul is-sena finanzjarja kurrenti.

3.   Approprjazzjonijiet ta’ pagament ikopru pagamenti magħmula biex ikunu onorati impenni legali mibdijin fis-sena finanzjarja kurrenti u/jew snin finanzjarji ta’ qabel.

4.   Appropjazzjonijiet amministrativi ma jkunux iddifferenzati. Infiq amministrattiv ġej minn appalti li jkopru perjodi li jestendu għal qabel is-sena finanzjarja, jew skond prattika lokali jew rigward fornitura ta’ tagħmir, jitħallsu mill-baġit tas-sena finanzjarja li tkun sar fiha.

Artikolu 9

1.   Id-dħul ta’ l-Eurojust msemmi fl-Artikolu 5 jiddaħħal fil-kontijiet tas-sena finanzjarja skond l-ammonti miġbura matul is-sena finanzjarja.

2.   Id-dħul ta’ l-Eurojust iqajjem ammont daqsu ta’ appropjazzjonijiet għall-pagamenti.

3.   L-appropjazzjonijiet awtorizzati fil-baġit għal sena jistgħu jintużaw biss biex jagħmlu tajjeb għall-infiq allokat u mħallas f’dik is-sena finanzjarja, u biex ikopri ammonti dovuti minn appropjazzjonijiet minn snin finanzjarji ta’ qabel.

4.   L-impenni jiddaħħlu fil-kontijiet fuq il-bażi ta’ l-impenni legali li jkunu saru sal-31 ta’ Diċembru.

5.   Pagamenti jiddaħħlu fil-kontijiet għal sena finanzjarja fuq il-bażi ta’ pagamenti li għamel l-uffiċjal tal-kontabilità sal-31 ta’ Diċembru, l-iktar tard, ta’ dik is-sena.

Artikolu 10

1.   Approprjazzjonijiet li ma jkunux intużaw sa’ l-aħħar tas-sena finanzjarja li jkunu ddaħħlu għaliha, jitħassru.

Madankollu, b’deċiżjoni tal-kulleġġ li trid tittieħed sal-15 ta’ Frar, jistgħu jinġarru biss għas-sena finanzjarja li jmiss, skond il-paragrafi 2 sa 7.

2.   Approprjazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ spejjeż ta’ personal ma jistgħux jinġarru.

3.   Appropjazzjonijiet biex jintrabtu appropjazzjonijiet iddifferenzati u appropjazzjonijiet mhux iddefferenzati li għadhom mhux marbutin sa għeluq is-sena finanzjarja jistgħu jinġarru, rigward l-ammonti li jikkorispondu ma’ appropjazzjonijiet ta’ impenn li l-biċċa l-kbira ta’ l-istadji preparatorji tal-proċedura ta’ l-irbit tagħhom, li tkun iddefinita fir-Regoli ta’ Implimentazzjoni Finanzjarji ta’ l-Eurojust, ikunu tlestew sal-31 ta’ Diċembru; dawn l-ammonti mbagħad jistgħu jiġu marbuta sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara.

4.   Appropjazzjonijiet biex jitħallsu l-appropjazzjonijiet iddifferenzati jistgħu jinġarru rigward l-ammonti meħtieġa biex jagħmlu tajjeb għal impenni eżistenti jew impenni li għandhom x’ jaqsmu ma’ appropjazzjonijiet ta’ impenn li jkunu nġarru, meta l-appropjazzjonijiet pprovduti għall-intestaturi relevanti fil-baġit għas-sena finanzjarja ta’ wara ma jlaħħqux mal-ħtiġijiet. L-Eurojust l-ewwel għandu juża l-appropjazzjonijiet awtorizzati għas-sena finanzjarja kurrenti u ma jużax l-appropjazzjonijiet li jkunu nġarru qabel ma jkunu eżawriti l-appropjazzjonijiet imsemmija qabel.

5.   Appropjazzjonijiet mhux iddifferenzjati li jikkorrispondu ma’ obbligi kkuntrattati kif suppost f’għeluq is-sena finanzjarja jinġarru awtomatikament għas-sena finanzjarja ta’ wara biss.

6.   Approprjazzjonijiet li jkunu nġarru u li ma jkunux intrabtu sal-31 ta’ Marzu tas-sena n + 1 jitħassru awtomatikament.

Approprjazzjonijiet li jkunu nġarru b’dan il-mod iridu jkunu identifikati fil-kontjiiet.

7.   L-approprjazzjonijiet disponibbli fil-31 ta’ Diċembru li jkunu ġejjin mid-dħul assenjat imsemmi fl-Artikolu 19 jinġarru awtomatikament.

L-approprjazzjonijiet disponibbli li jikkorispondu mad-dħul assenjat li jkun inġarr iridu jintużaw l-ewwel.

Artikolu 11

Meta jinħallu l-ammonti, minħabba li ma tkunx saret implimentazzjoni jew ma tkunx saret implimentazzjoni sħiħa ta’ azzjonijiet li dawn l-ammonti kienu allokati għalihom, f’sena finanzjarja wara dik li l-appropjazzjonijiet intrabtu, l-appropjazzjonijiet kkonċernati jitħassru.

Artikolu 12

L-approprjazzjonijiet imdaħħlin fil-baġit jistgħu jintrabtu mill-1 ta’ Jannar, malli l-baġit ikun definittiv.

Artikolu 13

1.   Mill-15 ta’ Novembru ta’ kull sena, spejjeż amministrattivi ta’ rutina jistgħu jkunu allokati bil-quddiem ma’ l-appropjazzjonijiet ipprovduti għas-sena finanzjarja ta’ wara. Irbit hekk madankollu ma jistax ikunu ikbar minn kwart ta’ l-appropjazzjonijiet fl-intestatura korrispondenti tal-baġit għas-sena finanzjarja kurrenti. Ma jistgħux jgħoddu għal spejjeż ġodda ta’ tip li ma jkunx għadu approvat fil-prinċipju fl-aħħar baġit adottat kif suppost.

2.   Infiq li jrid jitħallas bil-quddiem, per eżempju kera, jista’ jagħti lok għal pagamenti mill-1 ta’ Diċembru ’l quddiem li jitħallsu mill-appropjazzjonijiet għas-sena finanzjarja ta’ wara.

Artikolu 14

1.   Jekk il-baġit ta’ l-Eurojust ma jkunx adottat għal kollox fil-bidu tas-sena finanzjarja, ir-regoli li ġejjin ikunu jgħoddu għall-irbit u l-ħlas ta’ nfiq li setgħu kienu mniżżlin taħt intestatura speċifika tal-baġit bħala parti mill-implimentazzjoni ta’ l-aħħar baġit adottat kif suppost.

2.   L-irbit jista’ jsir għal kull Kapitolu sa mhux iktar minn kwart ta’ l-appropjazzjonijiet totali awtorizzati fil-kapitolu kkonċernat għas-sena finanzjarja ta’ qabel, u parti minn kull tnax għal kull xahar li jkun għadda.

Pagamenti jistgħu jsiru kull xahar għal kull kapitolu sa mhux iktar minn parti minn kull tnax ta’ l-appropjazzjonijiet awtorizzati fil-kapitolu kkonċernat għas-sena finanzjarja ta’ qabel.

Il-limitu ta’ l-appropjazzjonijiet previst fir-rendikont ta’ l-istimi tad-dħul u l-infiq ma’ jistax jinqabeż.

3.   Fuq talba tad-Direttur Amministrattiv, jekk ikun meħtieġ mill-azzjoni ta’ l-Eurojust u t-treġija, il-Kulleġġ jista’ jawtorizza fl-istess ħin żewġ partijiet jew iktar minn kull tnax, provviżorjament, kemm għal impenni kif ukoll għal pagamenti, barra minn dawk li huma awtomatikament disponibbli bid-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2.

Il-partijiet minn tnax l-oħrajn ikunu awtorizzati bis-sħiħ u ma jistgħux jinqasmu.

KAPITOLU 3

Prinċipju ta’ l-ekwilibriju

Artikolu 15

1.   Id-dħul mill-baġit u appropjazzjonijiet għall-pagamenti jridu jibbilanċjaw lil xulxin.

2.   Appropjazzjonijiet għall-impenni ma jistgħux jaqbżu l-ammont ta’ sussidju tal-Komunità, id-dħul proprju u kull dħul ieħor imsemmi fl-Artikolu 5.

3.   L-Eurojust ma jistax jissellef.

4.   Fondi li jitħallsu lill-Eurojust iridu jkunu ta’ sussidju biex jibbilanċja, fil-baġit tagħha stess, li jgħodd bħala finanzjament minn qabel fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1)(b)(i) tar-Regolament Finanzjarju ġenerali.

Artikolu 16

1.   Jekk il-bilanċ tal-kont tal-kwantitajiet maħdumin fis-sens ta’ l-Artikolu 81 ikun pożittiv irid jerġa’ jitħallas lill-Kummissjoni sakemm jintlaħaq l-ammont tas-sussidju tal-Komunità li jkun tħallas matul is-sena. Il-parti tal-bilanċ li tkun qabżet l-ammont tas-sussidju mħallas mill-Komunità matul dik is-sena trid tiddaħħal fil-baġit għas-sena finanzjarja ta’ wara bħala dħul.

Id-differenza bejn is-sussidju tal-Komunità li jkun iddaħħal fil-baġit u dik li tassew tħallset lill-entità titħassar.

2.   Jekk il-bilanċ tal-kont tal-kwantitajiet maħdumin fis-sens ta’ l-Artikolu 81 ikun negattiv, jerġa jiddaħħal fil-baġit tas-sena finanzjarja ta’ wara.

3.   Id-dħul jew appropjazzjonijiet għall-pagament jiddaħħlu fil-baġit waqt il-proċedura tal-baġit bl-ittra tal-proċedura li tagħmel l-emenda jew, jekk l-implimentazzjoni tal-baġit tkun fis-seħħ, permezz ta’ baġit li jagħmel emendi.

KAPITOLU 4

Prinċipju ta’ l-unità ta’ kontijiet

Artikolu 17

Il-baġit jitħejja u jkun implimentat f’ewro u l-kontijiet ikunu ppreżentati f’euro.

Madankollu, għall-iskop ta’ likwidità, l-uffiċjal tal-kontabilità u, fil-każ ta’ kontijiet ta’ flus akkont, l-amministraturi tal-flus akkont, ikunu awtorizzati biex jagħmlu operazzjonijiet f’muniti nazzjonali kif preskritt fir-Regoli ta’ Implimentazzjoni Finanzjarji ta’ l-Eurojust.

KAPITOLU 5

Prinċipju ta’ l-universalità

Artikolu 18

Id-dħul totali jrid jagħmel tajjeb għat-total ta’ l-appropjazzjonijiet ta’ pagament, bla ħsara għall-Artikolu 19. Id-dħul u l-infiq kollu jiddaħħal kollu mingħajr ma wieħed jaġġusta lill-ieħor, bla ħsara għall-Artikolu 21.

Artikolu 19

1.   Il-partiti ta’ dħul li ġejjin iridu jintużaw biex iħallsu oġġetti speċifiċi ta’ nfiq:

(a)

dħul allokat għal skop speċifiku, bħal dħul minn fondazzjonijiet, sussidji, rigali u legati;

(b)

kontribuzzjonijiet għall-attivitajiet ta’ l-Eurojust minn Stati Membri, pajjiżi mhux membri jew entitajiet mixxelanji, sakemm dan hu previst fil-ftehim milħuq bejn l-Eurojust u l-Istati Membri, pajjiżi mhux membri jew korpi in kwistjoni.

2.   Il-partiti kollha ta’ dħul fis-sens tal-paragrafu 1 ikopru l-infiq dirett jew indirett li jinqala’ mill-attivita jew skop ikkonċernati.

3.   Il-baġit ikollu intestaturi biex jakkomoda l-kategorji ta’ dħul assenjat imsemmijin fil-paragrafu 1 u kull fejn jista’ jkun irid juri l-ammont.

Artikolu 20

1.   Id-Direttur Amministrattiv jista’ jilqa’ kull donazzjoni li ssir lill-Eurojust, bħalma huma fondazzjonijiet, sussidji, rigali u legati.

2.   Aċċettjazzjoni ta’ donazzjonijiet li jistgħu jinvolvu xi prezz finanzjarju jkunu suġġetti għall-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kulleġġ, li jrid jiddeċiedi fi żmien xahrejn mid-data li tingħatalu t-talba. Jekk il-Kulleġġ ma jiħux deċiżjoni f’dak iż-żmien id-donazzjoni titqies milqugħa.

Artikolu 21

1.   Ir-Regoli ta’ Implimentazzjoni Finanzjarji ta’ l-Eurojust jispeċifikaw il-każijiet meta xi ammonti jistgħu jitnaqqsu minn talbiet għall-ħlas, fatturi jew rendikonti, li mbagħad jitgħaddew għall-ħlas ta’ l-ammont nett.

Skont, rifużjonijiet u tnaqqis fuq fatturi u talbiet għall-ħlas ma jiddaħħalx bħala dħul ta’ l-Eurojust.

2.   Il-prezz ta’ merkanzija, prodotti oħrajn jew servizzi mogħtija lill-Eurojust jitħallsu mill-baġit għall-ammont sħiħ eskluża t-taxxa, meta jkun jinkorpora t-taxxi rimborżati:

(a)

jew mill-Istati Membri skond il-Protokoll dwar il-Privileġġi u Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, mill-Istat Ospitu fuq il-bażi tal-Ftehim dwar is-Sede, jew fuq il-bażi ta’ ftehimiet oħra relevanti;

(b)

jew minn Stat Membru jew pajjiż mhux membru fuq bażi ta’ ftehim rilevanti ieħor.

Kull taxxa nazzjonali li trid titħallas temporanjament mill-Eurojust taħt l-ewwel subparagrafu tiddaħħal f’kont sospiż sakemm jingħataw lura mill-Istat ikkonċernat.

3.   Kull bilanċ negattiv jiddaħħal fil-baġit bħala nfiq.

4.   Jistgħu jsiru aġġustamenti għal differenzi ta’ tibdil li jiġru waqt l-implimentazzjoni tal-baġit. Il-qliegħ jew telf finali iridu jkunu inklużi fil-bilanċ għas-sena.

KAPITOLU 6

Prinċipju ta’ speċifikazzjoni

Artikolu 22

L-appropjazzjonijiet jkunu allokati għal skopijiet speċifiċi fl-intier tagħhom bit-titolu u l-kapitolu; il-kapitoli jerġgħu jinqasmu f’artikoli u partiti.

Artikolu 23

1.   Id-Direttur Amministrattiv jista’ jagħmel trasferimenti minn artiklu għal ieħor f’kull kapitolu.

Huwa għandu jinforma lill-Kulleġġ mill-aktar fis dwar it-trasferimenti li saru skond l-ewwel subparagrafu.

2.   Id-Direttur Amministrattiv jista’ jagħmel trasferimenti minn titolu għal ieħor u minn kapitolu għal ieħor sa limitu ta’ 10 % ta’ l-appropjazzjonijiet għas-sena finanzjarja. Huwa għandu jinforma lill-Kulleġġ mill-aktar fis dwar it-trasferimenti li saru bejn titoli u kapitoli. Lil hinn mil-limitu ta’ 10 % ta’ l-appropjazzjonijiet, jista’ jipproponi lill-Kulleġġ trasferimenti ta’ appropjazzjonijiet minn titolu għal ieħor jew minn kapitolu għal ieħor f’titolu. Il-Kulleġġ ikollu xahar biex jopponi dawn it-trasferimenti; wara dan it-terminu ta’ żmien jitqiesu li ġew adottati.

3.   Proposti għal trasferimenti u trasferimenti li jkunu saru taħt dan l-Artikolu jrid ikollhom magħhom dokumenti ta’ sostenn xierqa u ddettaljati li juru l-implimentazzjoni ta’ appropjazzjonijiet u stimi ta’ ħtiġijiet sat-tmiem tas-sena finanzjarja, għall-intestamenti li jridu jkunu kkreditati u għal dawk li jridu jsiru l-appropjazzjonijiet minnhom.

Artikolu 24

1.   L-approprjazzjonijiet jistgħu jkunu ttrasferiti biss f’intestaturi tal-baġit li għalihom il-baġit għandu appropjazzjonijiet awtorizzati jew għandu annotazzjoni nominali (p.m.).

2.   Approprjazzjonijiet li jikkorrispondu mad dħul assenjat jistgħu jkunu ttrasferiti biss jekk jintużaw għall-iskop li kien assenjat id-dħul.

KAPITOLU 7

Prinċipju ta’ treġija finanzjarja tajba

Artikolu 25

1.   Appropjazzjonijiet tal-baġit jintużaw skond il-prinċipju ta’ treġija finanzjarja tajba, jiġifieri, skond il-prinċipji ta’ ekonomija, effiċenza u effettività.

2.   Il-prinċipju ta’ l-ekonomija jitlob li r-riżorsi li juża l-Eurojust għall-attivitajiet tiegħu jridu jkunu disponibbli fiż-żmien dovut, fi kwantitajiet u kwalità xierqa u bl-aħjar prezz.

Il-prinċipju ta’ l-effiċenza jitlob l-aqwa relazzjoni bejn ir-riżorsi użati u r-riżultati milħuqa.

Il-prinċipju ta’ l-effettività jirrigwarda l-kisba ta’ l-għanijiet speċifiċi stabbiliti u li jintlaħqu r-riżultati mixtieqa.

3.   Għanijiet speċifiċi li jistgħu jitkejlu, li jistgħu jintlaħqu u li wieħed jista’ jara kemm jieħdu żmien iridu jkunu stabbiliti għall-oqsma kollha ta’ l-attività koperta mill-baġit. Kemm u kif jintlaħqu dawn l-għanijiet ikun issorveljat minn indikaturi ta’ prestazzjoni għal kull attività u d-Direttur Amministrattiv jagħti tagħrif lill-Kulleġġ. Dan it-tagħrif jingħata kull sena u l-iktar tard mad-dokument li jkun ma’ l-abbozz preliminari tal-baġit.

4.   Biex id-deċiżjonijiet jittieħdu b’mod aħjar, l-Eurojust irid jagħmel evalwazzjonijiet tal-programmi jew attivitajiet qabel ma jsiru u wara li jkunu saru. Dawn l-evalwazzonijiet isiru għall-programmi u l-attivitajiet kollha li jirrikjedu nfiq kbir u r-riżultati ta’ l-evalwazzjoni jintbagħtu lill-Kulleġġ.

5.   L-għanijiet u miżuri stabbiliti fil-paragrafi 3 u 4 ma japplikawx għal ħidma relatata ma’ każijiet.

KAPITOLU 8

Prinċipju tat-trasparenza

Artikolu 26

1.   Il-baġit jitħejja u jkun implimentat u l-kontijiet ikunu ppreżentati b’osservanza għall-prinċipju ta’ trasparenza.

2.   Il-baġit u l-baġits li jemendaw, kif adottati finalment, għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunità Ewropea fi żmien xahrejn minn meta jkunu ġew adottati.

TITOLU III

STABBILIMENT U STRUTTURA TAL-BAĠIT

KAPITOLU 1

Stabbiliment tal-baġit

Artikolu 27

1.   Il-baġit ikun stabbilit skond id-Deċiżjoni ta’ l-Eurojust.

2.   Kull sena, id-Direttur Amministrattiv għandu jabbozza u jissottometti lill-Kulleġġ għall-approvazzjoni tiegħu, abbozz ta’ stima tad-dħul u l-infiq ta’ l-Eurojust għas-sena finanzjarja li jmiss.

3.   Il-Kulleġġ għandu jipproduċi stima tad-dħul u l-infiq għall-Eurojust, inklużi l-linji gwida ġenerali li fuqhom tkun ibbażata dik l-istima, fuq il-bażi ta’ l-abbozz imfassal mid-Direttur Amministrattiv. Il-Kulleġġ għandu jibgħat l-istima u l-linji gwida lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu.

4.   L-istima ta’ dħul u nfiq ta’ l-Eurojust għandha tinkludi:

(a)

pjan ta’ stabbiliment li jispeċifika l-għadd ta’ postijiet temporanji u permanenti awtorizzati fil-limiti ta’ l-appropjazzjonijiet tal-baġit, bil-grad u bil-kategorija;

(b)

meta jkun hemm żieda fl-għadd ta’ postijiet, dikjarazzjoni li tiġġustifika t-talba għal postijiet ġodda;

(ċ)

stima kull tlett xhur ta’ pagamenti bi flus u riċevuti;

5.   Fuq il-bażi ta’ l-istima, il-Kummissjoni għandha tipproponi fl-abbozz preliminari tal-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea l-ammont tas-sussidju annwali kif ukoll il-postijiet ta’ natura permanenti jew temporanja u tissottometti din il-proposta lill-awtorità tal-baġit skond l-Artikolu 272 tat-Trattat.

6.   L-awtorità tal-baġit għandha tadotta l-pjan ta’ stabbiliment ta’ l-Eurojust u kull emenda li ssirlu skond l-Artikolu 32(1).

7.   Qabel il-bidu tas-sena tal-baġit, il-Kulleġġ għandu jadotta l-baġit, inklużi il-pjan ta’ stabbilitment kif defint fit-tielet sentenza ta’ l-Artikolu 34(1) tad-Deċiżjoni ta’ l-Eurojust, fuq il-bażi tas-sussidju annwali u l-postijiet awtorizzati mill-awtorità tal-baġit skond il-paragrafu 6, waqt li jaġġustah għad-diversi kontribuzzjonijiet mogħtija lill-Eurojust u l-fondi minn sorsi oħrajn.

Artikolu 28

Kull emenda fil-baġit, inkluż il-pjan ta’ stabbiliment, għandha ssir fil-forma ta’ baġit ta’ emenda adottat bl-istess proċedura tal-baġit inizzjali, skond id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni ta’ l-Eurojust u l-Artikolu 27.

KAPITOLU 2

Struttura u preżentazzjoni tal-baġit

Artikolu 29

Il-baġit jikkonsisti f’rendikont ta’ dħul u rendikont ta’ nfiq.

Artikolu 30

Sakemm ikun iġġustifikat bin-natura ta’ l-attivitajiet ta’ l-Eurojust, ir-rendikont ta’ l-infiq irid ikun imqassam fuq bażi ta’ nomenklatura bi klassifikazzjoni skond l-iskop. Din in-nomenklatura tkun iddeterminata mill-Eurojust u tagħmel distinzjoni ċara bejn appropjazzjonijiet amministrattivi u appropjazzjonijiet operattivi.

Artikolu 31

Il-baġit irid juri:

1.

fir-rendikont tad-dħul:

(a)

stima tad-dħul ta’ l-Eurojust għas-sena finanzjarja kkonċernata;

(b)

id-dħul stmat għas-sena finanzjarja ta’ qabel u d-dħul għas-sena n – 2;

(ċ)

rimarki xierqa fuq kull linja ta’ dħul;

2.

fir-rendikont ta’ l-infiq:

(a)

l-appropjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament għas-sena finanzjarja kkonċernata;

(b)

l-appropjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament għas-sena finanzjarja ta’ qabel, u l-ispejjeż allokati u l-ispejjeż minfuqa fis-sena n – 2;

(ċ)

rendikont fil-qosor ta’ kif se jsiru l-pagamenti dovuti fis-snin finanzjarji ta’ wara biex jintlaħqu l-impenni tal-baġit mibdijin fi snin finanzjarji ta’ qabel;

(d)

rimarki xierqa f’kull sottodiviżjoni.

Artikolu 32

1.   Il-pjan ta’ stabbiliment imsemmi fl-Artikolu 27 għandu juri, ħdejn l-għadd ta’ postijiet awtorizzati għas-sena finanzjarja, l-għadd awtorizzat fis-sena ta’ qabel u l-għadd ta’ postijiet tassew mimlijin.

Dan ikun limitu assolut għall-Eurojust; ma jistgħux isiru ħatriet wara li jinqabeż dan il-limitu. Madankollu, ħlief fil-każ ta’ gradi A*16, A*15 u A*14, il-Kulleġġ jista’ jibdel il-pjan ta’ stabbiliment b’sa 10 % tal-postijiet awtorizzati, b’dawn iż-żewġ kondizzjonijiet:

(a)

li ma jintlaqatx id-daqs ta’ l-appropjazzjonijiet tal-personal li jiġi daqs sena finanzjarja sħiħa;

(b)

li l-limitu ta’ l-għadd totali tal-postijiet awtorizzati mill-pjan ta’ stabbiliment ma jinqabiżx.

2.   B’deroga għat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, l-effetti ta’ xogħol part-time awtorizzat mill-awtorità li taħtar skond ir-Regolamenti tal-personal jistgħu jkunu kkompensati b’ħatriet oħrajn.

TITOLU IV

IMPLIMENTAZZJONI TAL-BAĠIT

KAPITOLU 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 33

Id-Direttur Amministrattiv għandu jaqdi d-dmirijiet ta’ l-uffiċjal li jawtorizza. Huwa għandu jimplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skond ir-Regoli Finanzjarji ta’ l-Eurojust, fuq responsabbilta’ tiegħu stess u fil-limiti ta’ l-appropjazzjonijiet awtorizzati.

Artikolu 34

1.   Id-Direttur Amministrattiv jista’ jiddelega l-poteri tiegħu ta’ implimentazzjoni tal-baġit lill-personal ta’ l-Eurojust li jaqa’ taħt ir-“Regolamenti tal-Personal”, skond il-kondizzjonijiet preskritti fir-Regoli Finanzjarji ta’ l-Eurojust. Dawk li għandhom dawn il-poteri jistgħu jaġixxu biss fil-limiti tal-poteri li ngħataw espressament.

2.   Id-delegat jista’ jiddelega l-poteri mogħtia lilu lil ħaddieħor, kif previst fir-Regoli ta’ Implimentazzjoni Finanzjarji ta’ l-Eurojust. Kull att ta’ sottodelegazzjoni jeħtieġ l-approvazzjoni espliċita tad-Direttur Amministrattiv.

Artikolu 35

1.   L-atturi finanzjarji kollha fis-sens tal-Kapitoli 2 ta’ dan it-Titolu huma pprojbiti li jieħdu kull miżura ta’ implimentazzoni tal-baġit li jistgħu jpoġġu l-interessi tagħhom f’kunflitt ma’ dawk ta’ l-Eurojust. Jekk jinqala’ każ hekk, l-attur ikkonċernat irid joqgħod lura milli jieħu l-miżura u jirreferi l-każ lill-awtorità kompetenti.

2.   Ikun hemm kunflitt ta’ interessi jekk it-twettiq imparzjali u oġġettiv tal-funzjonijiet ta’ attur fl-implimentazzjoni tal-baġit jew ta’ awditur intern ikun kompromess għal raġunijiet familjari, ħajja emotiva, affinità politika jew nazzjonali, interess ekonomiku jew kull interess ieħor komuni mal-benefiċjarju.

3.   L-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 hija s-superjur immedjat tal-membru tal-personal ikkonċernat. Jekk il-membru tal-personal ikun id-Direttur Amministrattiv, l-awtorità kompetenti tkun il-Kulleġġ.

Artikolu 36

1.   Il-baġit ikun implimentat mid-Direttur Amministrattiv fid-dipartmenti mpoġġija taħt l-awtorità tiegħu.

2.   Kompiti ta’ kompetenza teknika u kompiti amminstrattivi, preparatorji jew anċillarji li la jeħtiġu l-eżerċitazzjoni ta’ awtorità pubblika u lanqas l-użu ta’ poteri ta’ ġudizzju diskrezjonali jistgħu jingħataw b’appalt lil entitajiet esterni tal-qasam privat, fejn ma jistax isir mod ieħor.

KAPITOLU 2

Atturi finanzjarji

Sezzjoni 1 –   Prinċipju tas-segregazzjoni tad-dmirijiet

Artikolu 37

Id-dmirijet ta’ l-uffiċjal li jawtorizza u ta’ l-uffiċjal tal-kontabilità g]andhom ikunu segregrati u reċiprokament inkumpatibbli

Sezzjoni 2 –   Uffiċjal li jawtorizza

Artikolu 38

1.   L-uffiċjal li jawtorizza jkollu r-responsabbiltà li jimplimenta d-dħul u l-infiq skond il-prinċipju ta’ treġija finanzjarja tajba u li jiżgura li l-ħtiġijiet ta’ legalità u regolarità jkunu mħarsa.

2.   Biex jimplimenta l-infiq, l-uffiċjal li jawtorizza jrid jagħmel impenni fil-baġit u legali, irid jivvalida n-nefqa u jawtorizza pagamenti u jagħmel ix-xogħol ta’ tħejjija għall-implimentazzjoni ta’ l-appropjazzjonijiet.

3.   L-implimentazzjoni tad-dħul issir billi jsiru stimi ta’ ammonti li għandhom jitħallsu, ikunu stabbiliti l-intitolamenti li jridu jkunu rkuprati u l-ħruġ ta’ ordnijiet ta’ rkupru. Tinvolvi t-tneħħija ta’ intitolamenti stabbiliti.

4.   L-uffiċjal li jawtorizza għandu jistabbilixxi l-istandards minimi kif speċifikati fir-Regoli ta’ Implimentazzjoni Finanzjarji ta’ l-Eurojust. Dawn l-istandards minimi għandhom jiġu mfassla fuq il-bażi ta’ l-istandards li l-Kummissjoni tippreskrivi għad-dipartimenti tagħha stess, b’attenzjoni xierqa għar-riskji marbuta ma’ l-ambjent ta’ treġija u n-natura ta’ l-azzjoni ffinanzjata, l-istruttura organizzattiva u s-sistemi u proċeduri interni ta’ treġija u kontroll adattati għad-dmirjiet tiegħu, inklużi verifiki ex post meta dan ikun propizju.

L-uffiċjal li jawtorizza għandu jistabbilixxi fi ħdan id-dipartimenti tiegħu funzjoni ta’ ħila esperta u konsulenza maħsuba biex tgħinu jikkontrolla r-riskji involuti fl-attivitajiet tiegħu.

5.   Qabel ma tiġi awtorizzata operazzjoni, l-aspetti operattivi u finanzjarji jridu jkunu vverifikati minn membri tal-personal li mhumiex min beda l-operazzjoni. Il-bidu ta’ operazzjoni u l-verifiki ta’ qabel ma tibda u ta’ li jkun sar huma funzjonijiet separati.

6.   L-uffiċjal li jawtorizza jżomm id-dokumenti ta’ sostenn li għandhom x’jaqsmu ma’ l-operazzjonijiet li jkunu saru fuq medda ta’ ħames snin mid-data tad-deċiżjoni li tat il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit.

Artikolu 39

1.   Il-bidu ta’ operazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 38(5) għandu jinftiehem bħala l-operazzjonijiet kollha ta’ tħejjija għall-addozzjoni ta’ l-atti li jimplimentaw il-baġit magħmula mill-uffiċjali li jawtorizzaw responsabbli msemmijin fl-Artikoli 33 u 34.

2.   Verifikazzjoni ex ante ta’ operazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 38(5) għandu jinftiehem bħala l-kontrolli minn qabel li l-uffiċjal li jawtorizza jagħmel biex jivverifika l-aspetti operattivi u finanzjarji.

3.   Trid issir mill-inqas verifika ex ante waħda għal kull operazzjoni. L-iskop ta’ din il-verifika hu li taċċerta li:

(a)

in-nefqa saret kif suppost u taqbel mad-dispożizzjonijiet rilevanti;

(b)

kien applikat il-prinċipju tat-treġija finanzjarja tajba msemmi fl-Artikolu 25.

4.   L-iskop tal-verifika ex post tad-dokumenti u, fejn xieraq, verifiki għal għarrieda, hu li jkun ivverifikat li l-operazzjonijiet imħallsa mill-baġit saru sew u b’mod partikolari li l-kriterji msemmijin fil-paragrafu 3 kienu mħarsa. Dawn il-verifiki jistgħu jkunu organizzati fuq bażi ta’ kampjun permezz ta’ analiżi tar-riskju.

5.   L-uffiċjali jew personal ieħor li huma responsabbli għall-verifiki msemmijin fil-paragrafi 2 u 4 jkunu differenti minn dawk li jagħmlu l-kompiti msemmijin fil-paragrafu 1 u ma jiġux taħthom.

6.   Il-personal bir-responsabbilta li jeżaminaw bir-reqqa t-treġija ta’ l-operazzjonijiet finanzjarji irid ikollhom il-ħiliet professjonali meħtieġa. Iridu jżommu kodiċi speċifiku ta’ standards professjonali adottat mill-Eurojust u bbażat fuq standards preskritti mill-Kummissjoni għad-dipartimenti tagħha stess.

Artikolu 40

1.   L-uffiċjal li jawtorizza jirraporta lill-Kulleġġ dwar il-qadi ta’ dmirijietu/ha fl-għamla ta’ rapport ta’ attività annwali (“ir-rapport ta’ l-uffiċjal li jawtorizza” minn hawn ‘il quddiem) Dan ir-rapport juri r-riżultati ta’ l-operazzjonijiet tiegħu b’referenza għall-għanijiet stabbiliti għal operazzjonijiet mhux relatati ma’ każijiet, ir-riskji marbuta ma’ dawn l-operazzjonijiet, kif intużaw ir-riżorsi mogħtija u kif taħdem is-sistema ta’ kontroll interna. L-awditur intern fis-sens ta’ l-Artikolu 71 jieħu nota tar-rapport ta’ l-attività annwali u kull biċċa tagħrif oħra identifikata.

2.   Sa mhux iktar tard mil-15 ta’ Ġunju ta’ kull sena, il-Kulleġġ jibgħat analiżi u evalwazzjoni tar-rapport annwali ta’ l-uffiċjal li jawtorizza dwar is-sena finanzjarja ta’ qabel, lill-awtorità tal-baġit u lill-Qorti ta’ l-Awdituri. Din l-analiżi u evalwazzjoni tkun inkluża fir-rapport annwali ta’ l-Eurojust, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-istrumenti kostitwivi.

Artikolu 41

Kull membru tal-personal involut fit-treġija finanzjarja u kontroll ta’ transazzjonijiet li jidhirlu li xi deċiżjoni li huwa meħtieġ japplika jew japprova mis-superjur tiegħu hi irregolari jew kontra l-prinċipji ta’ treġija finanzjarja tajba jew ir-regoli professjonali li jrid iħares, huwa jrid jinforma lid-Direttur Amministrattiv bil-miktub u, jekk dan ma jagħmel xejn fi żmien raġjonevoli, lill-panel imsemmi fl-Artikolu 47(4) u lill-Kulleġġ. Jekk ikun hemm attività illegali, frodi jew korruzzjoni li tista’ tħassar l-interessi tal-Komunità għandu jgħarraf lill-awtorità u l-korpi nnominati mil-leġiżlazzjoni applikabbli.

Artikolu 42

Meta l-poteri għall-implimentazzjoni tal-baġit ikunu ddelegati jew sottodelegati skond l-Artikolu 34, l-Artikolu 38(1), (2) u (3) għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-uffiċjali b’delegazzjoni jew sottodelegazzjoni li jawtorizzaw.

Sezzjoni 3 –   Uffiċjal tal-kontabilità

Artikolu 43

1.   Il-Kulleġġ għandu jaħtar uffiċjal tal-kontabilità, skond ir-Regolamenti tal-Personal, li fi ħdan l-Eurojust ikollu r-responsabbiltà għal:

(a)

implimentazzjoni tajba ta’ dħul u rkupru ta’ ammonti stabbiliti li għandhom jittieħdu;

(b)

preparazzjoni u preżentazzjoni tal-kontijiet skond it-Titolu VII;

(ċ)

kontabilità skond it-titolu VII;

(d)

implimentazzjoni, skond it-Titolu VII, ir-regoli u l-metodi tal-kontabilità u l-karta tal-kontijiet skond id-dispożizzjonijiet adottati mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni;

(e)

l-istabbiliment u l-validazzjoni tas-sistemi ta’ kontabilità u fejn xieraq, sistemi ta’ validazzjoni stabbiliti mill-uffiċjal li jawtorizza biex jagħtu jew jiġġustifikaw tagħrif ta’ żamm ta’ kotba;

(f)

treġija tat-teżor.

2.   L-uffiċjal tal-kontabilità jikseb it-tagħrif meħtieġ biex isiru l-kontijiet li jagħtu stampa veru ta’ l-assi ta’ l-Eurojust u ta’ l-implimentazzjoni tal-baġit, mingħand l-uffiċjal li jawtorizza, li jiggarantixxi li dan it-tagħrif ta’ min joqgħod fuqu.

3.   Bla ħsara għall-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 44, l-uffiċjal tal-kontabilità waħdu għandu l-poter li jamministra flejjes u assi oħrajn. Huwa responsabbli għaż-żamma tagħhom.

4.   L-uffiċjal tal-kontabilità jista’ jiddelega xi kompiti lil ta’ taħtu bla ħsara għar-Regolamenti tal-Persunal, meta ma jistax isir mod ieħor għall-qadi ta’ dmirijietu. L-uffiċjal tal-kontabilità għandu jinnotifika lill-uffiċjal li jawtorizza minn qabel meta din tkun l-azzjoni ppjanata.

5.   L-istrument tad-delegazzjoni jippreskrivi l-kompiti fdati lid-delegati u d-drittijiet u l-obbligi tagħhom.

Sezzjoni 4 –   Amministratur tal-flus akkont

Artikolu 44

Meta, biex isir ħlas ta’ somom żgħar u biex jinġabar dħul ieħor imsemmi fl-Artikolu 5, ma jistax isir mod ieħor, jistgħu jinfetħu kontijiet ta’ flus akkont li jimtlew mill-uffiċjal tal-kontabilità u jitpoġġew taħt ir-responsabbilta ta’ amministraturi tal-flus akkont li j/tinnomina hu/hi.

L-ogħla ammont ta’ kull oġġett ta’ nfiq jew dħul li jista’ jitħallas mill-aministratur tal-flus akkont ma jistax jaqbeż ċertu ammont speċifikat fir-Regoli ta’ Implimentazzjoni Finanzjarji ta’ l-Eurojust għal kull oġġett ta’ nfiq jew dħul.

KAPITOLU 3

Responsabbiltà Ta’ L-Atturi Finanzjarji

Sezzjoni 1 –   Regoli Ġenerali

Artikolu 45

1.   Mingħajr preġudizzju għal azzjoni dixxiplinari, l-awtorità li ħatret lill-uffiċjali bid-delegazzjoni jew sottodelegazzjoni li jawtorizzaw tista’ tneħħilhom id-delegazzjoni jew is-sottodelegazzjoni temporanjament jew għal kollox.

L-uffiċjal li jawtorizza jista’, f’kull żmien, jirtira l-qbil tiegħu għal sottodelegazzjoni speċifika.

2.   Mingħajr preġudizzju għal azzjoni dixxiplinari, il-Kulleġġ jista’, f’kull żmien, jissospendi lill-uffiċjal tal-kontabilità milli jaqdi dmirijietu temporanjament jew għal kollox.

F’dan il-każ, il-Kulleġġ għandu jaħtar uffiċjal tal-kontabilità temporanju.

3.   Mingħajr preġudizzju għal azzjoni dixxiplinari, l-uffiċjal tal-kontabilità jista’, f’kull żmien, jissospendi lill-amministratur tal-flus akkont milli jaqdi dmirijietu temporanjament jew għal kollox.

Artikolu 46

1.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu huma mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà quddiem il-liġi kriminali, li għandhom l-uffiċjal tal-kontabilità u l-persuni msemmijin fl-Artikolu 45, kif previst fil-liġi nazzjonali li tkun tgħodd u fid-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet u dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet jew uffiċjali ta’ l-Istati Membri.

2.   Tista’ tittieħed azzjoni dixxiplinari fuq kull uffiċjal li jawtorizza, uffiċjal tal-kontabilità, jew amministratur ta’ l-flus akkont u jistgħu jintalbu jħallsu kumpens kif stabbilit fir-regolamenti tal-personal, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 47, 48 u 49. Fil-każ ta’ attività illegali, frodi jew korruzzjoni li jistgħu jagħmlu ħsara lill-interessi tal-Komunità, il-każ jittieħed għand l-awtoritajiet u korpi nnominati mil-leġiżlazzjoni applikabbli.

Sezzjoni 2 –   Regoli li jgħoddu għall-uffiċjali bid-delegazzjoni jew sottodelegazzjoni li jawtorizzaw

Artikolu 47

1.   L-uffiċjal li jawtorizza jista’ jintalab iħallas kumpens kif stabbilit fir-regolament tal-personal. F’dan ir-rigward, jista’ jintalab jagħmel tajjeb, għad-dannu li jkunu sofrew il-Komunitajiet, kollu jew parti minnu, minħabba mġieba serjament ħażina min-naħa tiegħu fil-qadi ta’ dmirijietu jew f’konnessjoni mal-qadi ta’ dmirijietu, b’mod partikolari jekk tiddetermina li jridu jkunu rkuprati intitolamenti jew joħroġ ordnijiet għall-irkupru, jorbot nefqa jew jiffirma ordni għall-ħlas mingħajr ma jħares dan ir-Regolament Finanzjarju u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni Finanzjarji ta’ l-Eurojust.

L-istess jgħodd meta, b’mġieba serjament ħażina, jonqos milli jagħmel dokument li jistabbilixxi ammont li għandu jiddaħħal jew jekk jonqos milli joħroġ ordni ta’ rkupru jew, mingħajr ġustifikazzjoni, joħroġha tard jew jekk jonqos milli joħroġ ordni għall-pagament jew joħroġha tard, li minħabba f’hekk l-aġenzija tkun soġġetta għal azzjonijiet ċivili minn partijiet terzi.

2.   Uffiċjal bid-delegazzjoni jew sottodelegazzjoni li jawtorizza li jqis li deċiżjoni li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu hi irregolari jew tmur kontra l-prinċipji tat-treġija finanzjarja tajba irid jgħarraf lill-awtorità li tkun iddelegatu bil-miktub. Jekk l-awtorità li tkun għamlet id-delegazzjoni tagħti struzzjoni rraġunata bil-miktub lill-uffiċjal bid-delegazzjoni jew sottodelegazzjoni li jawtorizza biex jimplimenta d-deċiżjoni kkonċernata, dan/din i/trid jimplimentaha u ma j/tistax jinżamm responsabbli.

3.   Fil-każ ta’ delegazzjoni, l-uffiċjal li jawtorizza jibqa’ responsabbli li jara li t-treġija interna u li s-sistemi ta’ kontrol stabbiliti għadhom effettivi, u li jagħżel l-uffiċjal b’delegazzjoni li jawtorizza.

4.   Il-panel stabbilit mill-Kummissjoni biex jara saritx irregolarita finanzjarja u x’għandhom ikunu l-konsekwenzi, jekk ikun hemm, skond l-Artikolu 66(4) tar-Regolament Finanzjarju ġenerali, jista’ jeserċita l-istess poteri għall-Eurojust li jeserċita għad-dipartimenti tal-Kummisjoni, jekk il-Kulleġġ hekk jiddeċiedi.

Jekk ma jiddeċidix hekk, il-Kulleġġ għandu jistabbilixxi panel funzjonalment indipendenti li jkun speċjalizzat f’dan il-qasam.

Fuq il-bażi tal-fehma ta’ dan il-panel, id-Direttur Amministrattiv jiddeċiedi jibdiex il-proċeduri dixxiplinari jew proċeduri biex jitħallas il-kumpens. Jekk il-panel isib problemi sistemiċi, jibgħat rapport bir-rakkomandazzjonijiet lill-uffiċjal li jawtorizza u lill-awditur intern tal-Kummissjoni. Jekk il-fehma timplika lid-Direttur Amministrattiv, il-panel jibgħatha lill-Kulleġġ u lill-awditur intern tal-Kummissjoni.

5.   Kull membru tal-personal jista’ jintalab jagħmel tajjeb għad-dannu, kollu jew parti minnu, li tkun sofriet l-Eurojust minħabba mġieba serjament ħażina minn naħa tiegħu matul jew f’konnessjoni mal-qadi ta’ dmirijietu, skond ir-Regolamenti tal-Personal.

L-awtorità li taħtar tieħu deċiżjoni rraġunata wara li tlesti l-formalitajiet preskritti mir-regolamenti tal-personal rigward kwistjonijiet dixxiplinari.

Sezzjoni 3 –   Regoli li jgħoddu għall-uffiċjali tal-kontijiet u għall-amministraturi tal-flus akkont.

Artikolu 48

Uffiċjal tal-kontabilità jista’ jkun suġġett għal azzjoni dixxiplinarja u ħlas ta’ kumpens, skond ir-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari meta:

(a)

jitlef jew jagħmel ħsara lil flus, assi u dokumenti li jkunu għandu jew li b’negliġenza tiegħu jintilfu jew issirilhom ħsara;

(b)

jibdel kontijiet tal-bank jew kontijiet ġiro f’uffiċċju postali mingħajr ma jgħarraf lill-uffiċjal li jawtorizza minn qabel;

(ċ)

jirkupra jew iħallas ammonti li ma jaqblux ma’ l-ordnjiet korrispondenti ta’ rkupru jew ħlas;

(d)

jonqos milli jiġbor dħul dovut.

Artikolu 49

Amministratur tal-flus akkont jista’ jkun suġġett għal azzjoni dixxiplinarja u ħlas ta’ kumpens, skond ir-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari meta:

(a)

jitlef jew jagħmel ħsara lil flus, assi u dokumenti li jkunu għandu jew li b’negliġenza tiegħu jintilfu jew issirilhom ħsara;

(b)

ma jkollux dokumenti ta’ sostenn xierqa għall-pagamenti li jkun għamel;

(ċ)

iħallas lil persuni li mhumiex dawk intitolati;

(d)

jonqos milli jiġbor dħul dovut.

KAPITOLU 4

Operazzjonijiet ta’ dħul

Sezzjoni 1 –   Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 50

L-Eurojust għandu jippreżenta talbiet lill-Kummissjoni għal ħlas tas-sussidju, kollu jew parti minnu, tal-Komunità, sostnut bi tbassir tad-likwidità, skond termini u f’intervalli miftehma mal-Kummissjoni.

Artikolu 51

Il-fondi li l-Kummissjoni tħallas lill-Eurojust b’sussidju iridu jagħtu imgħax għall-benefiċċju tal-baġit ġenerali.

Sezzjoni 2 –   Stimi ta’ amonti li għandhom jiddaħħlu

Artikolu 52

L-istimi ta’ l-ammonti li għandhom jiddaħħlu l-ewwel jagħmilhom l-uffiċjal li jawtorizza responsabbli għal kull miżura jew sitwazzjoni li tista’ toħloq jew tibdel ammont li jrid jingħata lill-Eurojust.

Sezzjoni 3 –   Stabbiliment ta’ l-ammonti li għandhom jiddaħħlu

Artikolu 53

1.   Permezz ta’ stabbiliment ta’ ammont li għandu jiddaħħal, l-uffiċjal li jawtorizza jew l-uffiċjal b’delegazzjoni li jawtorizza:

(a)

jivverifika li hemm dejn;

(b)

jiddetermina jew jivverifika l-verità u l-ammont tad-dejn;

(ċ)

jivverifika l-kondizzjonijiet li fihom dovut id-dejn

2.   Kull ammont dovut identifikat b’ċertezza, ta’ ammont fiss u dovut irid ikun stabbilit b’ordni ta’ rkupru mogħtija lill-uffiċjal tal-kontabilità, flimkien ma’ nota ta’ debitu li tintbagħat lid-debitur. Dawn iż-żewġ dokumenti jridu jsiru u jintbagħtu mill-uffiċjal li jawtorizza responsabbli.

3.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet preskritti fir-regoli, appalt, jew ftehim li jkun jgħodd, kull dejn mhux imħallas fid-data meta għandu jitħallas kif miktuba fin-nota tad-debitu jeħel imgħax skond ir-Regoli ta’ Implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju ġenerali.

4.   F’każijiet sostanzjati kif suppost, xi oġġetti ta’ dħul ta’ rutina jistgħu jkunu stabbiliti proviżorjament.

Stabbiliment provviżorju jkopri l-irkupru ta’ diversi ammonti individwali li b’hekk ma jkunx hemm bżonn li jkunu stabbiliti individwalment.

Qabel it-tmiem tas-sena finanzjarja, l-uffiċjal li jawtorizza jemenda l-ammonti stabbiliti provviżorjament biex jiżgura li jaqblu ma’ l-ammonti li jridu jitħallsu tabilħaqq stabbiliti.

Sezzjoni 4 –   Awtorizzazzjoni għall-irkupru

Artikolu 54

Permezz ta’ l-awtorizzazzjoni għall-irkupru l-uffiċjal li jawtorizza jagħti struzzjonijiet lil-uffiċjal tal-kontabilità, billi joħroġ ordni ta’ rkupru, biex jirkupra ammont li għandu jiddaħħal li jkun stabbilixxa/iet.

Sezzjoni 5 –   Irkupru

Artikolu 55

1.   Ammonti mħallsin għalxejn għandhom jiġu rkuprati.

2.   L-uffiċjal tal-kontabilità jaġixxi fuq ordnijiet ta’ rkupru għal ammonti li għandhom jiddaħħlu stabbiliti kif suppost mill-uffiċjal li jawtorizza jew l-uffiċjal li jawtorizza responsabbli. Huwa għandu jeżerċita d-diliġenza dovuta biex jiżgura li l-Eurojust jirċievi d-dħul tiegħu u jara li d-drittijiet tiegħu jiġu salvagwardjati.

3.   Meta l-uffiċjal li jawtorizza responsabbli jkun qed jaħseb li jneħħi l-irkupru ta’ ammont li għandu jiddaħħal, itrid jiżgura li r-rinunzja tkun f’lokha u taqbel mal-prinċipju ta’ treġija finanzjarja tajba.

Din ir-rinunzja għandha ssir b’deċiżjoni ta’ l-uffiċjal li jawtorizza, u trid tkun issostanzjata. L-uffiċjal li jawtorizza ma jistax jiddelega din id-deċiżjoni.

Id-deċiżjoni tar-rinunzja trid tiddikjara x’azzjoni saret biex l-irkupru jkun żgurat u l-punti ta’ dritt u ta’ fatt li fuqhom hi bbażata.

4.   L-uffiċjal li jawtorizza responsabbli għandu jħassar l-ammont stabbilit li jrid jiddaħħal meta żball rigward punt ta’ liġi jew fatt juri li l-ammont ma kienx stabbilit sew. Kanċellazzjoni hekk issir fuq deċiżjoni ta’ l-uffiċjal li jawtorizza responsabbli u trid tkun issostanzjata kif jixraq.

5.   L-uffiċjal li jawtorizza responsabbli irid iżid jew inaqqas l-ammont ta’ dejn stabbilit meta s-sejba ta’ żball ta’ fatt tinneċessita bidla fl-ammont tad-dejn, sakemm din il-korrezzjoni ma tinvolvix telf mill-intitolament stabbilit ta’ l-Eurojust. Aġġustament hekk isir b’deċiżjoni ta’ l-uffiċjal li jawtorizza responsabbli u jrid ikun issostanzjat kif jixraq.

Artikolu 56

1.   Malli l-irkupru tas-somma dovuta jsir tassew, l-uffiċjal tal-kontabilità jagġmel annotazzjoni fil-kontijiet u jgħarraf lill-uffiċjal li jawtorizza responsabbli.

2.   Tinħareġ riċevuta għall-pagamenti kollha bi flus li jkunu saru lill-uffiċjal tal-kontabilità.

Artikolu 57

1.   Jekk l-irkupru attwali ma jkunx sar sad-data stipulata fin-nota tad-debitu, l-uffiċjal tal-kontabilità jrid jgħarraf lill-uffiċjal li jawtorizza responsabbli u jibda mill-ewwel il-proċedura biex jagħmel irkupru bil-mezzi offerti mil-liġi, inkluż, fejn xieraq, permezz ta’ kumpens, u jekk dan ma jistax isir, b’irkupru sfurzat.

2.   L-uffiċjal tal-kontabilità jirkupra l-ammonti billi jikkumpensa bi drittijiet ekwivalenti li l-Eurojust għandha fuq debituri li huma stess għandhom drittijiet aċċertati fuq l-Eurojust, għal ammont fiss u dovut, sakemm il-kumpens hu legalment possibbli.

Artikolu 58

L-uffiċjal tal-kontabilità, b’kollaborazzjoni ma’ l-uffiċjal li jawtorizza responsabbli, jista’ jagħti iktar żmien għall-pagament biss fuq talba bil-miktub mingħand id-debitur, b’indikazzjoni tar-raġunijiet, b’dawn iż-żewġ kondizzjonijiet:

(a)

id-debitur iwiegħed li jħallas imgħax bir-rata speċifikata fir-Regoli ta’ Implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju ġenerali għaż-żmien permess kollu, mid-data ta’ meta kien dovut oriġinarjament il-pagament;

(b)

biex ikunu ssalvagwardjati d-drittijiet ta’ l-Eurojust, id-debitur irid jagħti garanzija finanzjarja li tagħmel tajjeb kemm għas-somma kif ukoll għall-imgħax.

Sezzjoni 6 –   Dispożizzjonijiet speċifiċi li jgħoddu għad-drittijiet u spejjeż.

Artikolu 59

Meta l-Eurojust jiġbor id-drittijiet u l-ħlasijiet imsemmijin fl-Artikolu 5(a), stima totali proviżorja ta’ dawn id-drittijiet u ħlasijiet issir fil-bidu ta’ kull sena finanzjarja. L-ammonti li għandhom jiġu rċevuti u rkuprati għandhom jiġu stabbiliti skond l-Artikoli 53 sa 58.

KAPITOLU 5

Operazzjonijiet ta’ nfiq

Artikolu 60

1.   Kull oġġett tan-nefqa għandu jkun allokat, ivvalidat, awtorizzat u mħallas.

2.   Kull impenn ta’ ħlas irid jiġi wara deċiżjoni ta’ finanzjament. Dan ma japplikax għal xogħol relatat ma’ każijiet.

3.   Il-programm ta’ xogħol ta’ l-Eurojust ikun jgħodd daqs deċiżjoni ta’ finanzjament għall-attivitajiet li jkopri, sakemm dawn huma identifikati b’mod ċar u l-kriterja li huma mibnijin fuqhom magħmulin ċari ħafna.

4.   Approprjazzjonijiet amministrattivi jistgħu isiru mingħajr ma ssir deċiżjoni ta’ finanzjament qabel.

Sezzjoni 1 –   Rabta ta’ nfiq

Artikolu 61

1.   L-irbit tal-baġit huwa l-operazzjoni li twarrab l-appropjazzjonijiet meħtieġa biex ikopru pagamenti sussegwenti biex ikun onorat impenn legali.

2.   Impenn legali huwa l-att fejn l-uffiċjal li jawtorizza responsabbli jidħol f’obbligu jew jistabbilixxi obbligu li jirriżulta f’nefqa għall-baġit.

3.   Ir-rabta tal-baġit tkun individwali ladarba jkunu magħrufin il-benefiċjarju u l-ammont tan-nefqa.

4.   Ir-rabta tal-baġit tkun globali meta mhux magħruf mill-inqas element wieħed minn dawk meħtieġa biex ikun identifikat l-impenn individwali.

5.   Ir-rabta tal-baġit tkun provviżorja meta tkun maħsuba biex tkopri nfiq amministrativ ta’ rutina u mhux magħrufin definittivament l-ammont jew il-benefiċjarju finali.

L-irbit provviżorju tal-baġit isir jew bil-konklużjoni ta’ impenn legali individwali jew iktar li jagħtu intitolament għal pagamenti sussegwenti jew, f’każi eċċezzjonali li għandhom x’jaqsmu ma’ nfiq għal treġija ta’ personal, direttament bil-pagamenti.

Artikolu 62

1.   Għal kull miżura li tirriżulta f’nefqa li trid titħallas mil-baġit, l-uffiċjal li jawtorizza responsabbli jagħmel rabta tal-baġit qabel ma jidħol f’obbligu legali ma’ partijiet terzi.

2.   Impenni legali individwali li għandhom x’jaqsmu ma’ rbit tal-baġit individwali jew proviżorji iridu jingħalqu sal-31 ta’ Diċembru tas-sena n.

Fit-tmiem tal-perjodi msemmijin fl-ewwel subparagrafu, il-bilanċ minn dan l-irbit tal-baġit li ma ntużax jinħall mill-uffiċjal li jawtorizza responsabbli.

3.   L-impenni legali mibdijin għal azzjonijiet li jdumu iktar minn sena finanzjarja u l-irbit tal-baġit korrispondenti, ħlief għal infiq ta’ personal, irid ikollhom data finali għall-implimentazzjoni li tkun stabbilita skond il-prinċipju ta’ treġija finanzjarja tajba.

Kull parti minn dan l-irbit li ma tkunx saret sa sitt xhur wara dik id-data finali tinħall skond l-Artikolu 11.

Artikolu 63

Meta jadotta rabta tal-baġit, l-uffiċjal li jawtorizza responsabbli irid jiżgura li:

(a)

in-nefqa tħallset mill-oġġett it-tajjeb fil-baġit;

(b)

l-approprjazzjonijiet huma disponibbli;

(ċ)

l-infiq jikkonforma mar-Regoli Finanzjarji ta’ l-Eurojust:

(d)

konformità mal-prinċipju tat-treġija finanzjarja tajba.

Sezzjoni 2 –   Validazzjoni tan-nefqa

Artikolu 64

Il-validazzjoni tan-nefqa hija l-att li permezz tiegħu l-uffiċjal li jawtorizza responsabbli:

(a)

jivverifika l-intitolament tal-kreditur;

(b)

jivverifika l-kondizzjonijiet ta’ l-intitolament għall-ħlas;

(ċ)

jiddetermina jew jivverifika l-eżistenza u l-ammont tal-pretensjoni.

Artikolu 65

1.   Validazzjoni ta’ kull nefqa tkun ibbażata fuq dokumenti ta’ sostenn li jaffermaw l-intitolament tal-kreditur, fuq il-bażi ta’ rendikont tas-servizzi mogħtija tabilħaqq, provvisti tassew ikkonsenjati jew xogħol li sar tabilħaqq, jew fuq il-bażi ta’ dokumenti oħrajn li jiġġustifikaw il-ħlas.

2.   Id-deċiżjoni ta’ validazzjoni issir magħrufa billi l-uffiċjal li jawtorizza responsabbli jiffirma voucher ta’ “mgħoddi għall-pagament”.

3.   F’sistema mhux komputerizzata, “mgħoddi għall-pagament” tkun timbru li jkun jinkorpora il-firma ta’ l-uffiċjal li jawtorizza responsabbli. F’sistema kkompjuterizzata, “mgħoddi għall-pagament” tkun validazzjoni permezz ta’ kelma sigrieta li jkun jafha biss l-uffiċjal li jawtorizza responsabbli.

Sezzjoni 3 –   Awtorizzazzjoni ta’ nfiq

Artikolu 66

1.   Permezz ta’ l-awtorizzazzjoni ta’ nfiq, l-uffiċjal li jawtorizza responsabbli, billi joħroġ ordni ta’ pagament, jgħid lill-uffiċjal tal-kontabilità iħallas oġġett ta’ nefqa li jkun ivvalida.

2.   L-uffiċjal li jawtorizza responsabbli jikteb id-data u jiffirma l-ordni ta’ pagament, imbagħad jgħaddiha lill-uffiċjal tal-kontabilità. L-uffiċjal li jawtorizza responsabbli Iżomm id-dokumenti ta’ sostenn skond l-Artikolu 38(6).

3.   Fejn jixraq l-ordni ta’ pagament mibgħuta lill-uffiċjal tal-kontabilità ikollha magħha dokument li jiċċertifika li l-merkanzija ddaħħlet fl-inventarji msemmijin fl-Artikolu 90(1).

Sezzjoni 4 –   Ħlas ta’ nfiq

Artikolu 67

1.   Il-ħlas isir kif tintwera prova li l-azzjoni rilevanti saret skond id-dispposizzjonijiet ta’ l-att bażiku fis-sens ta’ l-Artikolu 49 tar-Regolament Finanzjarju ġenerali jew il-kuntratt jew ftehim tal-konċessjoni, u tkopri waħda mill-operazzjonijiet li ġejjin:

(a)

ħlas ta’ l-ammont dovut kollu;

(b)

ħlas ta’ l-ammont dovuti b’wieħed mill-modi li ġejjin:

(i)

finanzjament minn qabel, li jista’ jitqassam fuq għadd ta’ pagamenti;

(ii)

pagament jew iktar temporanju;

(iii)

pagament tal-bilanċ ta’ l-ammonti dovuti.

Finanzjament minn qabel jgħodd għall-pagamenti temporanji kollha jew għal parti.

Il-finanzjament minn qabel kollu u pagamenti temporanji jgħoddu għall-ħlas tal-bilanċi.

2.   Fil-kontijiet trid issir distinzjoni bejn it-tipi differenti ta’ pagament imsemmijin fil-paragrafu 1 meta dawn isiru.

Artikolu 68

Il-ħlas ta’ l-infiq isir mill-uffiċjal tal-kontabilità fil-limiti tal-fondi disponibbli.

Sezzjoni 5 –   Limiti ta’ żmien għal operazzjoni ta’ nfiq.

Artikolu 69

Il-validazzjoni, awtorizzazzjoni u ħlas ta’ nfiq irid isir fil-limiti ta’ żmien speċifikati fi, u skond id-dispożizzjonijiet tar-Regoli ta’ Implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju ġenerali.

KAPITOLU 6

Sistemi ta’ l-IT

Artikolu 70

Meta operazzjonijiet ta’ dħul u nfiq isiru permezz ta’ sistemi ta’ kompjuter, id-dokumenti jridu jkunu ffirmati bi proċedura kkompjuterizzata jew elettronika.

KAPITOLU 7

Awditur intern

Artikolu 71

L-Eurojust għandu jkollu funzjoni ta’ verifika interna. L-awditur intern għandu jiġi maħtur u jeżerċita l-poteri tiegħu skond l-Artikolu 38(2) u (3) tad-Deċiżjoni ta’ l-Eurojust.

Artikolu 72

1.   L-awditur intern għandu jagħti pariri indipendenti lill-Eurojust dwar kif jindirizza r-riskji, billi jagħti opinjonijiet dwar il-kwalità tas-sistemi ta’ treġija u kontrolli u billi joħroġ rakkomandazzjonijiet biex jirranġaw il-kondizzjonijiet ta’ implimentazzjoni ta’ l-operazzjonijiet u jġibu ‘l quddiem treġija finanzjarja tajba.

Huwa għandu jkun responsabbli li:

(a)

jagħmel stima ta’ kemm huma adattati u effettivi s-sistemi ta’ treġija interna u l-prestazzjoni tad-dipartimenti biex jimplimentaw il-programmi u l-azzjonijiet billi ssir referenza għar-riskji marbutin magħhom; u

(b)

jagħmel stima ta’ kemm huma adattati u tal-kwalità tas-sistemi ta’ kontroll interni li jgħoddu għal kull operazzjoni ta’ implimentazzjoni tal-baġit.

2.   L-awditur intern għandu jwettaq il-kompiti tiegħu fuq l-attivitajiet u d-dipartimenti kollha tal-korp Komunitarju. Huwa għandu jgawdi aċċess sħiħ u illimitat għall-informazzjoni meħtieġa biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu.

3.   L-awditur intern għandu jirrapporta lill-Kulleġġ u lid-Direttur Amministrattiv fuq is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu. Dawn għandhom jiżguraw li ssir azzjoni fuq ir-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mill-verifiki.

4.   L-awditur intern jagħti rapport annwali tal-verifika interna lill-Eurojust, li fost affarijiet oħrajn, jistabbilixxi l-għadd u t-tip ta’ verifiki interni li jkunu saru u l-azzjoni li ttieħdet fuq dawn ir-rakkomandazzjonijiet. Dan ir-rapport annwali jrid isemmi wkoll problemi sistemiċi li jinsabu mill-panel stabbilit skond l-Artikolu 66(4) tar-Regolament Finanzjarju ġenerali.

5.   Kull sena l-Eurojust għandu jibgħat rapport lill-Kummissjoni u lill-awtorità responsabbli għall-kwittanza, li jkun imħejji mid-Direttur Amministrattiv u li jiġbor l-għadd u t-tip ta’ verifiki interni li saru mill-awditur intern, ir-rakkomandazzjonijiet li saru u l-azzjonijiet li ttieħdu fuq dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

6.   Dan l-artikolu ma japplikax għal xogħol u dokumenti relatati ma’ każijiet.

Artikolu 73

Ir-responsabbiltà ta’ l-awditur intern għall-azzjoni li tittieħed fil-qadi ta’ dmirijietu għandha tiġi ddeterminat mir-Regoli ta’ Implimentazzjoni Finanzjarji ta’ l-Eurojust skond l-Artikolu 87 tar-Regolament Finanzjarju ġenerali.

TITOLU V

AKKWISTI

Artikolu 74

1.   Rigward l-akkwisti, ikunu jgħoddu d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju ġenerali u r-regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dak ir-regolament.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija, l- Eurojust huwa intitolat li jissieħeb ma’ jew jibbenefika minn proċeduri ta’ akkwisti organizzati mill-Istat Ospitu jew minn Korp tal-Komunità jew Organizzazzjoni Internazzjonali, kemm-il darba jawn japplikaw, fil-proċeduri ta’ akkwisti tagħhom, standards li joffru garanziji ekwivalenti għal standards aċċettati internazzjonalment, b’mod speċjali fir-rigward tat-trasparenza, in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u l-prevenzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi.

3.   Id-Direttur Amministrattiv biss għandu s-setgħa li jirrikonoxxi l-ekwivalenza tal-garanziji ma’ standards aċċettati internazzjonalment.

TITOLU VI

KONCESSJONIJIET MOGHTIJA MILL-EUROJUST

Artikolu 75

Meta l-Eurojust jagħti konċessjonijiet lil awtoritajiet pubbliċi għat-twettiq ta’ kompiti ta’ l-Eurojust skond l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ l-Eurojust jew għat-twettiq tal-kompiti tan-Netwerk Ġurizzjarja Ewropea skond l-Artikolu 26(2)(b) tad-Deċiżjoni ta’ l-Eurojust, għandhom japplikaw il-prinċipji relevanti tar-Regolament Finanzjarju ġenerali.

TITOLU VII

PREZENTAZZJONI TAL-KONTIJIET U KONTABILITA

KAPITOLU 1

Preżentazzjoni tal-kontijiet

Artikolu 76

Il-kontijiet annwali ta’ l-Eurojust għandhom jinkludu:

(a)

ir-rendikonti finanzjarji ta’ l-Eurojust;

(b)

ir-rapporti fuq l-implimentazzjoni tal-baġit. Il-kontijiet ta’ l-Eurojust ikollhom magħhom rapport fuq it-treġija tal-baġit u finanzjarja matul is-sena.

Artikolu 77

Il-kontijiet iridu jħarsu r-regoli u jkunu eżatti u komprensivi u jippreżentaw stampa veru u ġusta:

(a)

rigward ir-rendikonti finanzjarji, ta’ l-attiv u l-passiv, spejjeż u dħul, intitolamenti u obbligi li ma jidhrux bħala assi u piżijiet u likwidità;

(b)

rigward rapporti fuq implimentazzjoni tal-baġit, ta’ operazzjonijiet ta’ dħul u nfiq.

Artikolu 78

Ir-rendikonti finanzjarji jitħejjew skond il-prinċipji tal-kontabilità ġeneralment aċċettati li jkunu speċifikati fir-Regoli ta’ Implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju ġenerali, li huma:

(a)

bażi ta’ negozju:

(b)

prudenza;

(ċ)

metodi konsistenti ta’ kontabilità;

(d)

it-tagħrif ikun jista’ jitqabbel;

(e)

materjalità;

(f)

ma jkunx hemm innettjar;

(ġ)

il-verità aqwa mid-dehra;

(g)

kontabilità bbażata fuq l-akkumulazzjoni.

Artikolu 79

1.   Skond il-prinċipju tal-kontabilità bbażata fuq l-akkumulazzjoni, ir-rendikonti finanzjarji jridu juru l-ħlas u d-dħul għas-sena finanzjarja, irrilevanti mid-data ta’ ħlas jew ġbir.

2.   Il-valur ta’ l-attiv u l-passiv ikun iddeterminat skond ir-regoli tal-valutazzjoni preskritti mill-metodi għall-kontabilità previsti fl-Artikolu 132 tar-Regolament Finanzjarju ġenerali.

Artikolu 80

1.   Ir-rendikont finanzjarji jkunu ppreżentati f’euro u jkun fihom:

(a)

il-karta tal-bilanċ u l-kont ekonomiku tal-kwantitajiet li jkunu nħadmu, li jirrapreżentaw l-attiv u l-passiv u l-qagħda finanzjarja u l-kwantitajiet ekonomiċi li jkunu nħadmu fil-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel; ikunu ppreżentati skond l-istruttura preskritta mid-Direttiva tal-Kunsill fuq il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpaniji, u titqies ukoll in-natura speċifika ta’ l-attivitajiet ta’ l-Eurojust;

(b)

it-tabella tal-likwidità li juru l-ammonti li nġabru u ħarġu matul is-sena, u l-aħħar pożizzjoni tat-teżor;

(ċ)

rendikont tal-bidliet fil-kapital li juri bid-dettal iż-żiediet u t-tnaqqis matul is-sena f’kull oġġett fil-kontijiet tal-kapitali

2.   L-Anness tar-rendikonti finanzjarji jissuplimenta lil u jikkumenta dwar it-tagħrif mogħti fir-rendikonti msemmijin fil-paragrafu 1 u jagħti t-tagħrif ieħor kollu preskritt minn prattiċi li jkunj aċċettati internazzjonalment, meta dan it-tagħrif ikollu x’jaqsam ma’ l-attivitajiet ta’ l-Eurojust.

Artikolu 81

Ir-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit iridu jkunu ppreżentati f’euro. Ikun fihom:

(a)

Il-kont tal-baġit tal-kwantitajiet li jkunu nħadmu, li jistabbilixxi l-ħidmiet kollha tal-baġit għas-sena rigward dħul u nfiq; dan ikun ippreżentat bl-istess truttura tal-baġit innifsu;

(b)

L-Anness tal-kont tal-baġit tal-kwantitajiet li jkunu nħadmu, li jissupplimenta lil, u jikkumenta dwar, it-tagħrif mogħti f’dak il-kont.

Artikolu 82

Sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara, l-uffiċjal tal-kontabilità irid jibgħat il-kontijiet proviżorji lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni, flimkien mar-rapport fuq it-treġija tal-baġit u finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja, msemmi fl-Artikolu 76(7) ta’ dan ir-Regolament, biex l-uffiċjal tal-kontabilità jkun jista’ jikkonsolida l-kontijiet kif previst fl-Artikolu 128 tar-Regolament Finanzjarju ġenerali.

Artikolu 83

1.   Il-Qorti ta’ l-Awdituri għandha, sa mhux iktar tard mill-15 ta’ Ġunju, tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-kontijiet proviżorji ta’ l-Eurojust.

2.   Id-Direttur Amministrattiv, malli jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti ta’ l-Awdituri dwar il-kontijiet proviżorji ta’ l-Eurojust, irid iħejji l-kontijiet finali ta’ l-Eurojust, b’responsabbiltà tiegħu stess, u jibgħathom lill-Kulleġġ, li jagħti fehma fuq dawn il-kontijiet.

3.   Id-Direttur Amministrattiv jibgħat il-kontijiet finali, flimkien mal-fehma tal-Kulleġġ, lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni, lill-Qorti ta’ l-Awdituri, lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew, sa mhux iktar tard mill-1 Lulju tas-sena ta’ wara; id-dokumenti hawn fuq imsemmija għandhom jintbagħtu fi żmien ġimgħatejn meta l-osservazzjonijiet tal-Qorti jaslu wara l-15 ta’ Ġunju.

4.   Il-kontijiet finali ta’ l-Eurojust jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fil-31 ta’ Ottubru tas-sena finanzjarja ta’ wara.

5.   Id-Direttur Amministrattiv għandu jibgħat risposta lill-Qorti ta’ l-Awdituri għall-osservazzjonijiet li jkunu għamlu sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Settembru.

KAPITOLU 2

Kontabilità

Sezzjoni 1 –   Dispożizzjonijiet komuni

Artikolu 84

1.   Is-sistema tal-kontabilità ta’ l-Eurojust hi sistema li tintuża għall-organizzazzjoni tat-tagħrif tal-baġit u finanzjarju b’mod li ċ-ċifri jkunu jistgħu jiddaħħlu, jkunu arkivjati u rreġistrati.

2.   Il-kontijiet ikunu magħmulin mill-kontijiet ġenerali u kontijiet tal-baġit. Dawn il-kontijiet isiru f’euro fuq il-bażi ta’ kull sena kalendarja.

3.   Iċ-ċifri fil-kontijiet ġenerali u l-kontijiet tal-baġit ikunu adottati f’għeluq is-sena tal-baġit sabiex il-kontijiet imsemmijin fil-Kapitolu wieħed ikunu jistgħu isiru.

4.   Minkejja l-paragrafi 2 u 3, l-uffiċjal li jawtorizza jista’ jżomm kontijiet analitiċi.

Artikolu 85

Ir-regoli u l-metodi tal-kontabilità u l-karta tal-kontijiet armonizzata li tkun applikata mill-Eurojust tkun adottata mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 133 tar-Regolament Finanzjarju ġenerali.

Sezzjoni 2 –   Kontijiet Ġenerali

Artikolu 86

Il-kontijiet ġenerali jżommu, b’ordni kronoloġika u bil-metodu ta’ double entry, l-avvenimenti u l-operazzjonijiet kollha li jolqtu l-qagħda ekonomika u finanzjarja u l-attiv u l-passiv ta’ l-Eurojust.

Artikolu 87

1.   Ċaqliq fil-kontijiet u l-bilanċi jiddaħħal fir-reġistri tal-kontijiet.

2.   L-annotazzjonijiet kollha tal-kontijiet, inklużi aġġustamenti lill-kontijiet, ikunu bbażati fuq dokumenti ta’ sostenn, u li jkunu jirreferu għalihom.

3.   Is-sistema tal-kontabilità trid tkun b’mod li l-annotazzjonijiet kollha tal-kontijiet ikunu jistgħu jissegwew.

Artikolu 88

L-uffiċjal tal-kontabilità ta’ l-Eurojust, wara għeluq is-sena tal-baġit u sad-data tal-preżentazzjoni tal-kontijiet finali, jista’ jagħmel aġġustamenti li ma jinvolvux ħruġ jew ġbir għal dik is-sena, li jkunu meħtieġa għal preżentazzjoni veru u ġusta tal-kontijiet skond ir-regoli.

Sezzjoni 3 –   Kontijiet tal-baġit

Artikolu 89

1.   Il-kontijiet tal-baġit jagħtu rekord iddettaljat ta’ l-implimentazzjoni tal-baġit.

2.   Għall-iskop tal-paragrafu 1, il-kontijiet tal-baġit iridu jżommu l-operazzjonijiet tad-dħul u nfiq tal-baġit previst fit-Titolu IV ta’ dan ir-regolament.

KAPITOLU 3

Inventarji tal-Proprjetà

Artikolu 90

1.   L-Eurojust għandu jżomm inventarji li jkun fihom il-kwantità u l-valur ta’ l-assi tanġibbli u mhux, u l-assi finanzjarji li jikkostitwixxu l-proprjetà ta’ l-Eurojust skond mudell imħejji mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni.

L-Eurojust għandu jivverifika li l-annotazzjonijiet fl-inventarju jaqblu mal-qagħda attwali.

2.   Il-bejgħ ta’ proprjetà mobbli għandu jiġi rreklamat b’mod xieraq.

TITOLU VIII

VERIFIKA ESTERNA U KWITTANZA

KAPITOLU 1

Verifika esterna

Artikolu 91

Il-Qorti ta’ l-Awdituri għandha teżamina bir-reqqa l-kontijiet ta’ l-Eurojust skond l-Artikolu 248 tat-Trattat tal-KE.

Artikolu 92

1.   L-Eurojust għandu jibgħat il-baġit lill-Qorti ta’ l-Awdituri malli jiġi finalment adottat. Huwa għandu jinnotifika lill-Qorti ta’ l-Awdituri, mill-aktar fis, b’kull deċiżjoni u bl-atti kollha li jkunu adottati skond l-Artikoli 10, 14, 19 u 23.

2.   L-Eurojust għandu jibgħat ir-regoli finanzjarji interni li jadotta lill-Qorti ta’ l-Awdituri.

3.   Il-Qorti ta’ l-Awdituri għandha tiġi mgħarrfa dwar il-ħatra ta’ uffiċjali li jawtorizzaw, uffiċjali tal-kontijiet u amministratur ta’ flus akkont u b’deċiżjonijiet ta’ delegazzjoni skond l-Artikolu 34, l-Artikolu 43(1) u (4) u l-Artikolu 44.

Artikolu 93

L-iskrutinju li tagħmel il-Qorti ta’ l-Awdituri jkun irregolat bl-Artikoli 139 sa 144 tar-Regolament Finanzjarju ġenerali. Dan l-iskrutinju għandu jsir b’mod li jissalvagwardja l-protezzjoni ta’ informazzjoni sensittiva relatata ma’ każ.

KAPITOLU 2

Kwittanza

Artikolu 94

1.   Il-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill, qabel it-30 ta’ April tas-sena n + 2, jagħti kwittanza lid-Direttur Amministrattiv għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena n.

2.   Jekk id-data prevista fil-paragrafu 1 ma tistax tintlaħaq, il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill għandu jgħarraf lid-Direttur Amministrattiv dwar ir-raġunijiet għad-differiment.

3.   Jekk il-Parlament Ewropew jiddiferixxi d-deċiżjoni li tagħti l-kwittanza, id-Direttur Amministrattiv irid jagħmel l-isforzi kollha biex mill-aktar fis jieħu miżuri biex ineħħi jew jgħin it-tneħħija ta’ l-ostakli għal dik id-deċiżjoni.

Artikolu 95

1.   Id-deċiżjoni ta’ kwittanza tkopri l-kontijiet tad-dħul u nfiq kollu ta’ l-Eurojust, u juri l-bilanċ li jirriżulta u l-attiv u l-passiv ta’ l-Eurojust.

2.   Bil-għan li jagħti l-kwittanza, il-Parlament Ewropew, wara li jkun għamel hekk il-Kunsill, għandu jeżamina l-kontijiet u r-rendikonti finanzjarji ta’ l-Eurojust. Għandu jeżamina wkoll ir-rapport annwali magħmul mill-Qorti ta’ l-Awdituri, flimkien mat-tweġibiet tad-Direttur Amministrattiv ta’ l-Eurojust, kull rapport speċjali tal-Qorti ta’ l-Awdituri li għandhom x’jaqsmu mas-sena finanzjarja kkonċernata u r-rendikont ta’ assigurazzjoni tal-Qorti ta’ l-Awditrui rigward kemm wieħed jista’ joqgħod fuq il-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-transazzjonijiet li huma mibnijin fuqhom.

3.   Fuq talba tal-Parlament Ewropew, id-Direttur Amministrattiv għandu jagħti kull tagħrif meħtieġ għall-applikazzjoni bla tfixkil tal-proċedura tal-kwittanza għas-sena kkonċernata, bl-istess mod kif previst fl-Artikolu 146(3) tar-Regolament Finanzjarju ġenerali.

Artikolu 96

1.   Id-Direttur Amministrattiv għandu jieħu l-passi xierqa kollha biex jaġixxi fuq l-osservazzjonijiet li jkunu mad-deċiżjoni ta’ kwittanza tal-Parlament Ewropew u fuq il-kummenti li jkunu mar-rakkomandazzjoni għal-kwittanza adottata mill-Kunsill, waqt li jiġu meqjusa l-kompiti ta’ l-Eurojust.

2.   Fuq talba tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, id-Direttur Amministrattiv għandu jirraporta fuq il-miżuri meħuda fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet u kummenti. Huwa għandu jibgħat kopja tagħhom lill-Kummissjoni u lill-Qorti ta’ l-Awdituri.

TITOLU IX

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI

Artikolu 97

1.   L-Artikoli 40 u 72 (5) għandhom japplikaw għall-ewwel darba għas-sena tal-baġit 2003.

2.   It-termini ta’ żmien msemmijin fl-Artikolu 83 għandhom japplikaw għall-ewwel darba għas-sena tal-baġit 2005.

Għal snin ta’ qabel dawn it-termini ta’ żmien għandhom ikunu:

(a)

il-15 ta’ Settembru għall-Artikolu 83(3);

(b)

it-30 ta’ Novembru għall-Artikolu 83(4);

(ċ)

il-31 ta’ Ottubru għall-Artikolu 83(5).

Artikolu 98

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jingħataw il-poteri li jiksbu kull tagħrif jew spjegazzjonijet meħtieġa dwar kwistjonijiet ta’ baġit fl-oqsma tal-kompetenza tagħhom.

Artikolu 99

Sa fejn meħtieġ, il-Kulleġġ għandu jadotta regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-regolament finanzjarju ta’ l-Eurojust, fuq proposta mid-Direttur Amministrattiv tiegħu.

Artikolu 100

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fl-Aja, 20 ta’ April 2006

Il-President tal-Kulleġġ

M. G. KENNEDY


(1)  ĠU L 63, 6.3.2002, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2003/659/ĠAI (ĠU L 245, 29.9.2003, p. 44).

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.


Top