EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R1000

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1000/2007 tad- 29 ta’ Awwissu 2007 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 831/2002 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 dwar l-Istatistika Komunitarja, rigward l-aċċess għal data kunfidenzjali għal għanijiet xjentifiċi (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 226, 30.8.2007, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 07/07/2013; Imħassar b' 32013R0557

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/1000/oj

30.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 226/7


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1000/2007

tad-29 ta’ Awwissu 2007

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 831/2002 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 dwar l-Istatistika Komunitarja, rigward l-aċċess għal data kunfidenzjali għal għanijiet xjentifiċi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta’ Frar 1997 dwar l-Istatistika Komunitarja (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 831/2002 (2) jistabbilixxi, bl-għan li jintlaħqu konklużjonijiet statistiċi għal skopijiet xjentifiċi, il-kundizzjonijiet li bihom jista’ jingħata l-aċċess għal data kunfidenzjali mgħoddija lill-awtorità tal-Komunità. Dan jelenka l-kategoriji ta’ korpi li r-riċerkaturi tagħhom jistgħu jingħataw aċċess tali, filwaqt li jagħmel distinzjoni bejn korpi li huma direttament ammissibbli u korpi li saru ammissibbli wara li rċevew l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Kunfidenzjalità ta’ l-Istatistika. Jelenka wkoll l-istħarriġ u għejun ta’ data differenti li għalihom huwa japplika.

(2)

Ir-riċerka xjentifika sikwit titwettaq minn unitajiet jew dipartimenti f’istituti nazzjonali ta’ l-istatistika u fil-banek ċentrali nazzjonali ta’ l-Istati Membri u fil-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Dawn il-korpi jipprovdu l-garanziji xierqa rigward it-trattament kunfidenzjali u l-ħarsien tad-data u l-għan strettament xjentifiku ta’ l-aċċess. Għalhekk għandhom jitqiesu wkoll bħala korpi li huma direttament ammissibbli.

(3)

Hemm talba dejjem tikber minn riċerkaturi u mill-komunità xjentifika b’mod ġenerali biex ikun hemm aċċess ukoll għal skopijiet xjentifiċi għal data kunfidenzjali mill-Istħarriġ dwar l-Edukazzjoni ta’ l-Adulti (SEA). Is-SEA jkopri t-tagħrif dwar it-tendenzi kumplessi ta’ parteċipazzjoni mill-adulti fl-edukazzjoni u t-taħriġ, l-aċċess għal tagħrif dwar opportunitajiet ta’ tagħlim u l-profil ta’ parteċipanti u dawk mhux parteċipanti (eż. sfond soċjo-ekonomiku, raġuni għat-tagħlim, ostakli, attitudnijiet, awtovalutazzjoni tal-ħiliet fil-lingwi u fit-TIK). Għalhekk dan l-istħarriġ għandu jiżdied mal-lista fir-Regolament (KE) Nru 831/2002.

(4)

Il-kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament (KE) Nru 831/2002 saru wkoll applikabbli għall-aċċess għal skopijiet xjentifiċi għal data kunfidenzjali mill-Istatistika ta’ l-Unjoni Ewropea dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet ta’ l-Għajxien (UE-SILC), mir-Regolament (KE) Nru 1177/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2003 rigward l-istatistika Komunitarja dwar id-dħul u l-kundizzjonijiet ta’ l-għajxien (UE-SILC) (3). Madankollu l-UE-SILC ma jissemmiex fir-Regolament (KE) Nru 831/2002. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, l-UE-SILC għandu għalhekk jiżdied mal-lista fir-Regolament (KE) Nru 831/2002.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 831/2002 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan.

(6)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Kunfidenzjalità ta’ l-Istatistika,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 831/2002 huwa emendat kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 3, il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“1.   L-aċċess għal data kunfidenzjali jista’ jingħata mill-awtorità Komunitarja lil riċerkaturi ta’ korpi li jaqgħu fil-kategoriji li ġejjin:

(a)

universitajiet u organizzazzjonijiet oħra ta’ edukazzjoni ogħla stabbiliti skond il-liġi Komunitarja jew il-liġi ta’ Stat Membru;

(b)

organizzazzjonijiet jew istituzzjonijiet għal riċerka xjentifika stabbiliti skond il-liġi Komunitarja jew il-liġi ta’ Stat Membru;

(ċ)

istituti nazzjonali ta’ l-istatistika ta’ l-Istati Membri;

(d)

il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali ta’ l-Istati Membri;

(e)

aġenziji, organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet oħra, wara li jkunu rċevew l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Kunfidenzjalità ta’ l-Istatistika, skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 20(2) tar-Regolament (KE) Nru 322/97.”

2.

Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“1.   L-awtorità Komunitarja tista’ tagħti aċċess fil-post tagħha għal data kunfidenzjali miksuba mill-istħarriġ jew mill-għejun ta’ data ta’ statistika li ġejjin:

Bord dwar l-Affarijiet Domestiċi tal-Komunità Ewropea,

Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol,

Stħarriġ dwar l-Innovazzjoni Komunitarja,

Stħarriġ dwar it-Taħriġ Vokazzjonali Kontinwu,

Stħarriġ dwar l-Istruttura tal-Qligħ,

Statistika ta’ l-Unjoni Ewropea dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet ta’ l-Għajxien,

Stħarriġ dwar l-Edukazzjoni ta’ l-Adulti.

Madankollu, fuq it-talba ta’ l-awtorità nazzjonali li pprovdiet id-data, l-aċċess għad-data minn din l-awtorità nazzjonali m’għandux jingħata għal proġett speċifiku ta’ riċerka.”

3.

Fl-Artikolu 6, il-paragrafu 1 huwa mibdul b’dan li ġej:

“1.   L-awtorità Komunitarja tista’ toħroġ settijiet ta’ mikrodata anonimizzata miksuba mill-istħarriġ jew mill-għejun ta’ data ta’ statistika li ġejjin:

Bord dwar l-Affarijiet Domestiċi tal-Komunità Ewropea,

Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol,

Stħarriġ dwar l-Innovazzjoni Komunitarja,

Stħarriġ dwar it-Taħriġ Vokazzjonali Kontinwu,

Stħarriġ dwar l-Istruttura tal-Qligħ,

Statistika ta’ l-Unjoni Ewropea dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet ta’ l-Għajxien,

Stħarriġ dwar l-Edukazzjoni ta’ l-Adulti.

Madankollu, fuq it-talba ta’ l-awtorità nazzjonali li pprovdiet id-data, l-aċċess għad-data minn din l-awtorità nazzjonali m’għandux jingħata għal proġett speċifiku ta’ riċerka.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 29 ta’ Awwissu 2007.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 52, 22.2.1997, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(2)  ĠU L 133, 18.5.2002, p. 7. Ir-Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1104/2006 (ĠU L 197, 19.7.2006, p. 3).

(3)  ĠU L 163, 3.7.2003, p. 1.


Top