EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006E0419

Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2006/419/PESK tat- 12 ta’ Ġunju 2006 b'appoġġ għall-implementazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1540 (2004) tan-Nazzjonijiet Uniti u fil-qafas ta' l-implementazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Distruzzjoni Massiva

ĠU L 165, 17.6.2006, p. 30–34 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 294M, 25.10.2006, p. 223–227 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 12/06/2008

ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2006/419/oj

25.10.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

223


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2006/419/PESK

tat-12 ta’ Ġunju 2006

b'appoġġ għall-implementazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1540 (2004) tan-Nazzjonijiet Uniti u fil-qafas ta' l-implementazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Distruzzjoni Massiva

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-12 ta' Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Distruzzjoni Massiva, li l-Kapitolu III tagħha fih lista ta' miżuri sabiex tiġi miġġielda tali proliferazzjoni li jeħtieġ li jittieħdu kemm fi ħdan l-UE kif ukoll f'pajjiżi terzi.

(2)

L-UE qiegħda attivament timplementa din l-Istrateġija u tagħti effett lill-miżuri elenkati fil-Kapitolu III tagħha, b'mod partikolari permezz tar-rilaxx ta' riżorsi finanzjarji b'sostenn għal proġetti speċifiċi mmexxijin minn istituzzjonijiet multilaterali, ta' l-għoti ta' għajnuna u kompetenza teknika lill-Istati li jeħtieġu firxa wiesgħa ta' miżuri ta' non-proliferazzjoni, u permezz tal-promozzjoni tar-rwol tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU).

(3)

Fit-28 ta' April 2004, il-KSNU unanimament adotta r-Riżoluzzjoni 1540, li hija l-ewwel strument internazzjonali li jindirizza b'manjiera integrata u komprensiva l-armi ta' distruzzjoni massiva, il-mezzi kif jitwasslu u materjali relatati. Din tistabbilixxi obbligi li jorbtu lill-Istati kollha maħsubin sabiex jimpedixxu u jiskoraġġixxu lill-atturi li mhumiex Stati milli jkollhom aċċess għal tali armi u tali materjali relatati magħhom.

(4)

Ir-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-KSNU issejjaħ lill-Istati sabiex jippreżentaw rapport lill-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà stabbilit mir-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-KSNU (minn hawn 'il quddiem il-“Kumitat 1540”) dwar il-passi li ħadu jew li bi ħsiebhom jieħdu sabiex jimplementaw ir-Riżoluzzjoni. Konsegwentement, fit-28 ta' Ottubru 2004 il-Presidenza ppreżentat, f'isem l-UE, ir-Rapport ta' l-Unjoni Ewropea dwar l-implementazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-KSNU, waqt li l-Istati Membri ta' l-UE ppreżentaw ir-rapporti tagħhom individwalment.

(5)

L-UE wettqet manuvri diplomatiċi fi Stati terzi sabiex tippromwovi l-preżentazzjoni ta' rapporti nazzjonali taħt ir-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-KSNU. It-tħejjija tar-rapporti nazzjonali teħtieġ sforz konsiderevoli u tagħrif tekniku f'isem dawn l-Istati. Għalhekk l-għajnuna teknika u l-iskambju ta' l-esperjenza miksuba mill-proċess ta' l-abbozzar ta' rapporti nazzjonali u mill-adozzjoni ta' miżuri sabiex tiġi implementata r-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-KSNU jistgħu jikkontribwixxu direttament għal konformità ikbar ma' l-obbligu ta' rapportar skond ir-Riżoluzzjoni u għall-implementazzjoni effettiva tagħha.

(6)

Fis-27 ta' April 2006, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU unanimament adotta r-Riżoluzzjoni 1673 (2006), li estendiet il-mandat tal-Kumitat 1540 għal perjodu ta' sentejn u ddeċidiet li l-Kumitat għandu jintensifika l-isforzi tiegħu sabiex jippromwovi l-implementazzjoni sħiħa tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-KSNU permezz ta' programm ta' ħidma, komunikazzjoni, għajnuna u koperazzjoni. Il-Kumitat 1540 ġie mistieden ukoll mill-Kunsill tas-Sigurtà sabiex jistudja ma' l-Istati u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali u sub-reġjonali l-possibbiltà ta' l-iskambju ta' l-esperjenzi miksuba, inklużi dawk li kienu istruttivi, u d-disponibbiltà tal-programmi li jistgħu jiffaċilitaw l-implementazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-KSNU.

(7)

Ir-Rapport tal-Kumitat 1540 rrakkomanda li l-attivitajiet ta' komunikazzjoni reġjonali u sub-reġjonali jitwessgħu u jiġu intensifikati bil-ħsieb li tingħata lill-Istati, b'manjiera strutturata, gwida għall-implementazzjoni ta' l-obbligi skond ir-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, b'kont meħud tal-fatt li tnejn u sittin Stat għadhom meħtieġa jippreżentaw l-ewwel rapport nazzjonali tiegħu u ħamsa u ħamsin Stat li ppreżentaw l-ewwel rapport nazzjonali tagħhom għadhom meħtieġa jippreżentaw aktar informazzjoni u kjarifika mitluba mill-Kumitat 1540.

(8)

Ir-Rapport tal-Kumitat 1540 ikkonkluda wkoll li barra l-Istati li ma ppreżentawx, tnejn u tletin Stat fir-rapporti nazzjonali tagħhom talbu l-għajnuna għall-implementazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-KSNU.

(9)

Fid-9 ta' Ġunju 2004, il-Kunsill tas-Sigurtà inkariga lid-Dipartiment għall-Affarijiet tad-Diżarm tan-NU (Segretarjat tan-NU) bil-kompitu li jipprovdi sostenn sostantiv u loġistiku lill-Kumitat 1540 u lill-esperti tiegħu.

(10)

Il-Ftehim Kwadru Finanzjarju u Amministrattiv, konkluż bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u n-NU, min-naħa l-oħra, jistabbilixxi qafas għan-NU u l-Komunità Ewropea sabiex isaħħu l-koperazzjoni bejniethom, inkluża sħubija programmatika. Dan il-Ftehim Kwadru għandu jiġi implementat mill-ftehim speċifiku għall-kontributi, kif speċifikat f'din l-Azzjoni Konġunta.

(11)

Il-Kummissjoni hija fdata bis-superviżjoni ta' l-implementazzjoni korretta tal-kontribut finanzjarju ta' l-UE,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

1.   Konformement ma' l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Distruzzjoni Massiva, li tistabbilixxi l-objettiv tal-promozzjoni tar-rwol tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u tat-tisħiħ tal-kompetenzi tagħha sabiex tiffaċċja l-isfidi tal-proliferazzjoni, l-UE għandha ssostni l-implementazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-KSNU.

2.   Il-proġetti li jsostnu r-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-KSNU, korrispondenti għall-miżuri ta' l-Istrateġija ta' l-UE, għandhom l-għan li:

tiġi sensibilizzata l-opinjoni pubblika dwar il-ħtiġijiet relatati mar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-KSNU u l-importanza ta' dan l-istrument internazzjonali ta' non-proliferazzjoni,

jingħata kontribut għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' l-amministrazzjonijiet nazzjonali ta' Stati terzi fi tliet reġjuni (l-Asja-Paċifiku, l-Afrika u l-Amerika Latina-Karibew) fl-abbozzar ta' rapporti nazzjonali dwar l-implementazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-KSNU.

Fl-Anness tinsab deskrizzjoni dettaljata tal-proġetti.

Artikolu 2

1.   Il-Presidenza, megħjuna mis-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill/Rappreżentant Għoli għall-PESK, għandha tkun responsabbli għall-implementazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta. Il-Kummissjoni għandha tkun assoċjata b'mod sħiħ.

2.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-implementazzjoni korretta tal-kontribut finanzjarju msemmi fl-Artikolu 3.

3.   L-implementazzjoni teknika tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandha tkun fdata f'idejn is-Segretarjat tan-NU (Dipartiment għall-Affarijiet tad-Diżarm) (minn hawn 'il quddiem is-Segretarjat tan-NU (DAD)). F'din il-kapaċità, dan għandu jwettaq dan l-inkarigu taħt ir-responsabbiltà tal-Presidenza u taħt il-kontroll tas-SĠ/RGħ. Għal dan l-iskop, is-SĠ/RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mas-Segretarjat tan-NU (DAD).

Artikolu 3

1.   L-ammont finanzjarju ta' referenza għall-implementazzjoni tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta' EUR 195 000.

2.   L-amministrazzjoni tan-nefqa ffinanzjata mill-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea speċifikata fil-paragrafu 1 għandha tkun suġġetta għall-proċeduri u r-regoli tal-Komunità li japplikaw għall-affarijiet tal-budget bil-kondizzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament m'għandux jibqa' l-proprjetà tal-Komunità.

3.   Għall-fini ta' l-implementazzjoni tan-nefqa msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehim speċifiku għall-kontributi mas-Segretarjat tan-NU (DAD) skond ir-Regolamenti u r-Regoli ta' l-Organizzazzjoni. Dan għandu jistipula li s-Segretarjat tan-NU (DAD) għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribut ta' l-UE, b'mod adatt għad-daqs tiegħu.

Artikolu 4

Il-Presidenza, megħjuna mis-Segretarjat-Ġenerali tal-Kunsill/Rappreżentant Għoli għall-PESK, għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-implementazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta abbażi ta' rapporti regolari mħejjija mis-Segretarjat tan-NU (DAD). Il-Kummissjoni għandha tkun assoċjata b'mod sħiħ u għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji ta' l-implementazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 5

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tiskadi fit-12 ta’ Ġunju 2008.

Artikolu 6

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, nhar it-12 ta’ Ġunju 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

U. PLASSNIK


ANNESS

SOSTENN MILL-UE GĦALL-IMPLEMENTAZZJONI TAR-RIŻOLUZZJONI 1540 (2004) TAL-KUNSILL TAS-SIGURTÀ TAN-NAZZJONIJIET UNITI

1.   Deskrizzjoni

Fit-28 ta' April 2004, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti unanimament adotta r-Riżoluzzjoni 1540 bħala l-ewwel strument internazzjonali li jindirizza b'manjiera integrata u komprensiva l-armi ta' distruzzjoni massiva, il-mezzi kif jitwasslu u l-materjali relatati. L-Istati Membri kollha ta' l-UE kienu jaqblu bil-qawwa ma' dan l-istrument ta' non-proliferazzjoni. Ir-Riżoluzzjoni pprevediet l-istabbiliment tal-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà li ġie fdat sabiex jirrapporta lill-Kunsill tas-Sigurtà dwar l-implementazzjoni tar-Riżoluzzjoni billi jieħu minn rapporti nazzjonali. Ir-rapporti nazzjonali għandhom ikopru l-passi li l-Istati ħadu jew bi ħsiebhom jieħdu sabiex jimplementaw ir-Riżoluzzjoni.

L-UE wettqet manuvri diplomatiċi fi Stati terzi sabiex tippromwovi l-preżentazzjoni ta' rapporti nazzjonali skond ir-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-KSNU. Dik ir-Riżoluzzjoni tirrikonoxxi li xi Stati jistgħu jeħtieġu l-għajnuna fl-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha. Għalhekk l-għajnuna teknika u l-iskambju ta' l-esperjenza miksuba mill-proċess ta' l-abbozzar ta' rapporti nazzjonali u mill-adozzjoni ta' miżuri sabiex tiġi implementata r-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-KSNU jistgħu jikkontribwixxu direttament għal konformità ikbar ma' l-obbligu ta' rapportar skond ir-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-KSNU u ma' l-implementazzjoni effettiva tagħha.

Fis-27 ta' April 2006, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU unanimament adotta r-Riżoluzzjoni 1673 (2006) tal-KSNU, li ddeċidiet li l-Kumitat 1540 għandu jintensifika l-isforzi tiegħu sabiex jippromwovi l-implementazzjoni sħiħa tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-KSNU anke permezz ta' komunikazzjoni, għajnuna u koperazzjoni. Fir-Rapport tiegħu ta' April 2006, il-Kumitat 1540 ikkonkluda li billi tnejn u sittin Stat li għadhom meħtieġa jippreżentaw l-ewwel rapport nazzjonali tagħhom u ħamsa u ħamsin Stat li, minkejja li għamlu dan, għadhom meħtieġa jippreżentaw aktar informazzjoni u kjarifika huma kkonċentrati fi tliet żoni ġeografiċi (l-Afrika, il-Karibew u n-Nofsinhar tal-Paċifiku), u billi n-nuqqasijiet fir-rapporti nazzjonali jsegwu ċerti karatteristiċi reġjonali, l-attivitajiet ta' għajnuna lill-Istati sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' l-implementazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-KSNU għandhom jikkonċentraw fuq ir-reġjuni u ż-żoni fejn ġew identifikati bżonnijiet speċifiċi.

2.   Deskrizzjoni tal-Proġetti

Il-proġetti b'appoġġ ta' l-implementazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-KSNU jimmiraw li jindirizzaw tlitt aspetti ta' l-implementazzjoni - li tiġi sensibilizzata l-opinjoni pubblika dwar il-ħtiġijiet u l-obbligi taħt ir-Riżoluzzjoni, li jingħata kontribut għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet nazzjonali fit-tliet reġjuni indikati (l-Afrika, l-Amerika Latina u l-Karibew, l-Asja-Paċifiku) fl-abbozzar ta' rapporti nazzjonali dwar l-implementazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-KSNU u fl-iskambju ta' l-esperjenza mill-adozzjoni tal-miżuri nazzjonali meħtieġa għall-implementazzjoni tar-Riżoluzzjoni.

Il-proġetti għandhom jieħdu kont tal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport tal-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà stabbilit skond ir-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-KSNU, partikolarment fir-rigward tal-bżonnijiet reġjonali u n-nuqqasijiet fl-implementazzjoni tar-Riżoluzzjoni kif ukoll il-ħtieġa ta' xi Stati għall-għajnuna teknika, kif ikun applikabbli. Id-dikjarazzjoni uffiċjali ta' interess li tiġi ospitata l-attività ta' komunikazzjoni f'wieħed mir-reġjuni mmirati fil-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà għandha titqies bħala l-pre-kondizzjoni għas-sostenn mill-UE.

Il-proġett li jkopri l-Asja - Paċifiku

Il-Proġett jikkonsisti primarjament fl-organizzazzjoni ta' attività ta' komunikazzjoni, fil-forma ta' seminar, li jissensibilizza l-opinjoni pubblika dwar l-obbligi taħt ir-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-KSNU u li jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet nazzjonali sabiex tiġi implementata r-Riżoluzzjoni fl-Istati mmirati. Is-seminar jista' jirriżulta fl-identifikazzjoni tal-bżonnijiet ta' għajnuna, li jistgħu jkomplu jiġu indirizzati minn inizjattivi futuri ta' l-UE fil-qasam ta' l-għajnuna teknika. Fl-Istati benefiċjarji, għandha tingħata l-aktar attenzjoni għall-parteċipanti fil-livell tat-tfassil tal-politika. L-aġenda ta' l-attività ta' komunikazzjoni għandha tirrifletti l-partikolaritajiet reġjonali fl-implementazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-KSNU u għandha tirrispetta l-objettivi ġenerali ta' l-Azzjoni Konġunta.

Fil-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà, iċ-Ċina indikat interess li tospita, dejjem fl-ewwel nofs ta' l-2006, seminar reġjonali dwar l-implementazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-KSNU b'attenzjoni speċjali fuq kontrolli fuq l-esportazzjoni.

Il-proġett li jkopri l-Afrika

Il-Proġett jikkonsisti primarjament fl-organizzazzjoni ta' attività ta' komunikazzjoni, fil-forma ta' seminar, li jissensibilizza l-opinjoni pubblika dwar l-obbligi taħt ir-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-KSNU u jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet nazzjonali sabiex tiġi implementata r-Riżoluzzjoni fl-Istati indikati. Is-seminar jista' jirriżulta fl-identifikazzjoni tal-bżonnijiet ta' għajnuna, li jistgħu jkomplu jiġu indirizzati minn inizjattivi futuri ta' l-UE fil-qasam ta' l-għajnuna teknika. Fl-Istati benefiċjarji, għandha tingħata l-aktar attenzjoni għall-parteċipanti fil-livell tat-tfassil tal-politika. L-aġenda ta' l-attività ta' komunikazzjoni għandha tirrifletti l-partikolaritajiet reġjonali fl-implementazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-KSNU u għandha tirrispetta l-objettivi ġenerali ta' l-Azzjoni Konġunta.

Il-Ghana qieset b'mod pożittiv talba mill-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà sabiex tospita seminar reġjonali dwar l-implementazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-KSNU, l-aktar kmieni sa tmiem is-sena 2006.

Il-proġett li jkopri l-Amerika Latina u l-Karibew

Il-Proġett jikkonsisti l-aktar fl-organizzazzjoni ta' attività ta' komunikazzjoni, fil-forma ta' seminar, li jissensibilizza l-opinjoni pubblika dwar l-obbligi taħt ir-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-KSNU u jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet nazzjonali sabiex tiġi implementata r-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-KSNU fl-Istati mmirati. Is-seminar jista' jirriżulta fl-identifikazzjoni tal-bżonnijiet ta' għajnuna, li jistgħu jkomplu jiġu ttrattati minn inizjattiva futura ta' l-UE fil-qasam ta' l-għajnuna teknika. Fl-Istati benefiċjarji, għandha tingħata l-aktar attenzjoni għall-parteċipanti fil-livell tat-tfassil tal-politika. L-aġenda ta' l-attività ta' komunikazzjoni għandha tirrifletti l-partikolaritajiet reġjonali fl-implementazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-KSNU u għandha tirrispetta l-objettivi ġenerali ta' l-Azzjoni Konġunta.

Il-Perù stqarr li huwa lest li jorganizza seminar reġjonali dwar l-implementazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-KSNU sa tmiem l-2006.

Ir-riżultati tal-proġetti:

aktar sensibilizzazzjoni ta' l-opinjoni pubblika fost l-Istati u r-reġjuni indikati dwar l-obbligi tagħhom skond ir-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-KSNU u dwar il-possibbiltajiet għal għajnuna teknika;

kontribut għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet amministrattivi nazzjonali fl-Istati u r-reġjuni mmirati li jirrapportaw dwar l-implementazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-KSNU;

rapport dwar sommarju tal-proċedimenti ta' l-attivitajiet ta' komunikazzjoni, eż. seminars u dokument ta' valutazzjoni dwar il-bżonnijiet ta' għajnuna teknika.

3.   Tul ta' żmien

It-tul ta' żmien totali tal-proġetti hu stmat li jkun ta' 24 xahar.

4.   Benefiċjarji

Il-benefiċjarji tas-seminar ikunu primarjament l-Istati tat-tliet reġjuni mmirati li ma jkunux ippreżentaw ir-rapporti nazzjonali tagħhom dwar l-implementazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-KSNU. L-Istati li jkunu diġà ssodisfaw l-obbligu tagħhom tar-rapportar taħt ir-Riżoluzzjoni iżda ma ppreżentawx aktar informazzjoni jew kjarifiki kif mitluba mill-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà għandhom ukoll ikunu mmirati.

L-għażla finali tal-benefiċjarji ser issir mill-Presidenza megħjuna mis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli permezz tar-Rappreżentant Personali tiegħu għan-non-proliferazzjoni ta' Armi ta' Distruzzjoni Massiva, li jaġixxi fuq proposti mill-entità ta' l-implementazzjoni skond l-Artikolu 2(3) ta' din l-Azzjoni Konġunta.

Id-donaturi potenzjali, kemm reġjonali kif ukoll mhux reġjonali, ta' għajnuna teknika kif ukoll l-organizzazzjonijiet relevanti internazzjonali, reġjonali u sub-reġjonali ser ikunu wkoll mistiedna jattendu.

5.   L-entità ta' implementazzjoni

Is-Segretarjat tan-NU (Dipartiment għall-Affarijiet tad-Diżarm) ser ikun fdat bl-implementazzjoni teknika tal-proġetti, fil-qafas tal-koordinazzjoni politika mis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli permezz tar-Rappreżentant Personali tiegħu għan-non-proliferazzjoni ta' Armi ta' Distruzzjoni Massiva. Is-Segretarjat tan-NU (DAD) ser jiffirma ftehim ta' Sostenn tan-Nazzjon Ospitanti ma' l-Istati li jiġu identifikati bħala Stati ospitanti. L-Istat ospitanti jipparteċipa fl-implementazzjoni tal-proġett. L-akkwist ta' kwalunkwe prodotti, xogħlijiet jew servizzi mis-Segretarjat tan-NU (DAD) mill-Istati ospitanti fil-kuntest ta' din l-Azzjoni Konġunta jitwettaq skond ir-regoli u l-proċeduri applikabbli tan-NU, kif spjegat fid-dettall fil-ftehim speċifiku għall-kontributi ta' l-UE mas-Segretarjat tan-NU (DAD).

6.   Stima tal-kontribut finanzjarju ta' l-UE

Il-proġetti huma ko-finanzjati mill-UE u donaturi oħrajn. L-UE għandha tiffoka fuq infiq relatat mal-parteċipazzjoni ta' Stati mmirati fis-seminars, ma' l-ispejjeż tal-konferenzi u ma' l-ispejjeż għall-esperti. L-infiq mill-organizzazzjonijiet relevanti reġjonali u sub-reġjonali jista' wkoll ikun kopert, sa fejn dan ikun relatat direttament mal-parteċipazzjoni fi, u l-organizzazzjoni ta', attivitajiet taħt il-proġetti. Is-Segretarjat tan-NU (DAD) ser ikun responsabbli għall-koordinazzjoni ġenerali tal-kontributi minn donaturi oħrajn, li ser jiffinanzjaw l-ispejjeż li jifdal tal-proġetti. Xi donaturi jistgħu jikkontribwixxu għall-implementazzjoni tal-proġett direttament lill-pajjiż ospitanti. L-ispiża totali tal-kontribut ta' l-UE għall-implementazzjoni tal-proġetti fl-Asja-Paċifiku, fl-Afrika u fl-Amerika Latina u l-Karibew hija stmata għal EUR 195 000. Jistgħu jsiru trasferimenti ta' kontributi bejn proġetti jekk ikunu ġustifikati minn ħtiġijiet speċifiċi fir-reġjuni magħżula.

Barra minn dan, hija inkluża riżerva ta' kontinġenza ta' madwar 3 % ta' l-ispejjeż eliġibbli (għal ammont totali ta' EUR 3 395) għal spejjez mhux previsti.

7.   L-ammont finanzjarju ta' referenza sabiex tiġi koperta l-ispiża tal-proġetti

L-ispiża totali tal-proġetti hija ta' EUR 195 000.


Top