EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004R1995

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1995/2004 tad- 19 ta' Novembru 2004 li jaċċetta garanziji offruti b’konnessjoni mal-proċess ta’ l- anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjoni ta’ ċerti pjanċi elettriċi orjentati skond il-vina u strippi ta’ l-azzar tas- silicon elettriċi b’wisa’ ta’ aktar minn 500mm li joriġinaw mil-Federazzjoni tar-Russja u jkompli jissoġġetta l-importazzjoni ta’ pjanċi elettriċi orjentati skond il-vina li joriġinaw mil-Federazzjoni tar-Russja għar-reġistrazzjoni.

ĠU L 344, 20.11.2004, p. 21–23 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 183M, 5.7.2006, p. 329–331 (MT)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/05/2005

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/1995/oj

5.7.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea

329


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1995/2004

tad-19 ta' Novembru 2004

li jaċċetta garanziji offruti b’konnessjoni mal-proċess ta’ l-anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjoni ta’ ċerti pjanċi elettriċi orjentati skond il-vina u strippi ta’ l-azzar tas-silicon elettriċi b’wisa’ ta’ aktar minn 500mm li joriġinaw mil-Federazzjoni tar-Russja u jkompli jissoġġetta l-importazzjoni ta’ pjanċi elettriċi orjentati skond il-vina li joriġinaw mil-Federazzjoni tar-Russja għar-reġistrazzjoni.

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjoni ta’ oġġetti li jkunu dumped minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikoli 8, 21 and 22 (ċ) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat ta’ Konsulenza,

Billi:

A.   PROĊEDURA

(1)

Bir-Regolament (KE) Nru 990/2004 (2), wara reviżjonijiet interim, il-Kunsill emenda r-Regolament (KE) Nru 151/2003 (3) (“il-miżuri”) u impona dazju definittiv ta’ l-anti-dumping fuq l-importazzjoni ta’ ċerti pjanċi elettriċi orjentati skond il-vina b’wisa’ ta’ aktar minn 500mm (“il-prodott konċernat”) li joriġinaw fil-Federazzjoni tar-Russja (“Russja”).

(2)

F’Marzu 2004, il-Kummissjoni ħabbret permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea  (4) il-bidu tar-reviżjoni parzjali interim tal-miżuri fuq l-importazzjoni tal-prodott konċernat fir-Russja biex teżamina jekk għandhomx jiġu adattati biex jieħdu kont ta’ ċerti konsegwenzi tat-tkabbir ta’ l-Unjoni Ewropea għal 25 Stati Membri (“tkabbir”).

(3)

Il-Kunsill ikkonkluda li kien fl-interess tal-Komunità li tipprovdi għal adattament temporanju tal-miżuri eżistenti sabiex tevita impatt f’daqqa u eċċessivament negattiv fuq l-impurtaturi u l-utenti fl-għaxar Pajjiżi Membri li se jidħlu fl-Unjoni Ewropea (“l-UE10”) immedjatament wara t-tkabbir. Kien ikkunsidrat li l-aħjar mezzi biex jintlaħaq dan hu permezz ta’ l-aċċettazzjoni tal-garanziji offruti mill-partijiet li kkoperaw, b’element ta’ limiti kwantittativi.

(4)

Għalhekk, bir-Regolament (KE) Nru 1000/2004 (5) il-Kummissjoni aċċettat bħala miżura speċjali l-garanziji għal terminu qasir offruti minn (i) produttur li jesporta l-prodott konċernat fir-Russja, Novolipetsk Iron & Steel Corporation flimkien ma’ kumpanija fl-Isvizzera (Stinol A.G.) u (ii) it-tieni produttur li jesporta l-prodott konċernat fir-Russja, OOO Viz Stal flimkien mall-kumpanija relatata miegħu fl-Isvizzera (Duferco S.A).

(5)

Sabiex jipprovdi għal eżenzjoni mid-dazji anti-dumping maħluqa bl-aċċettazzjoni tal-garanziji, ir-Regolament (KE) Nru 151/2003 kien emendat bir-Regolament (KE) Nru 989/2004 (6).

(6)

Kien stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1000/2004 li l-aċċettazzjoni tal-garanziji ser tkun limitata għal perjodu inizjali ta’ sitt xhur (“il-perjodu oriġinali”) mingħajr preġudizzju għad-dewmien normali tal-miżuri u li dawn jieqfu wara dan il-perjodu, sakemm il-Kummissjoni ma tikkunsidrax li jkun xieraq li testendi l-perjodu ta’ l-applikazzjoni tagħhom.

(7)

Għalhekk, il-Kummissjoni eżaminat jekk il-kundizzjonijiet eċċezzjonali u negattivi għal utenti finali, distributuri u konsumaturi fl-UE10 li wasslet għal aċċettazzjoni tal-garanziji għadhiex teżisti. Bħala parti mill-apprezzament sħiħ, saret ukoll evalwazzjoni ta’ kemm il-kumpaniji konċernati huma konformi mal-garanziji mogħtija.

B.   APPREZZAMENT

1.   Il-Kontenut tal-garanziji preżenti

(8)

Il-garanziji eżistenti offruti mill-kumpaniji tobbigahom, inter alia, li jesportaw skond il-mudell tal-kummerċ tradizzjonali tagħhom lill-konsumaturi fl-UE10 fi ħdan il-qafas ta’ limiti kwantitattivi stabbiliti fuq il-bażi ta’ flussi tradizzjonali ta’ l-esportazzjoni preċedenti lejn l-UE10.

(9)

It-termini tal-garanziji jobbligaw ukoll lill-kumpaniji firmatarji biex jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni regolari u dettaljata, f’forma ta’ rapport kull xahar tal-bejgħ tagħhom fl-UE10 (jew il-bejgħ mill-ġdid minn partijiet relatati oħra fil-Komunità) u li jaċċettaw żjarat ta’ verifika mill-Kummissjoni. Sabiex, ukoll, tkun tista’ tissorvelja bis-sħiħ l-effiċjenza tal-garanziji, il-konsumaturi tradizzjonali ta’ l-esportaturi fl-UE10 irċevew ftehim bil-miktub li huma wkoll ser jippermettu żjarat ta’ verifika fuq il-post fil-bini tagħhom.

2.   Konformità mal-garanziji preżenti

(10)

Żjarat ta’ verifika lill-produtturi li jesportaw u ċertu konsumaturi tradizzjonali tagħhom fl-UE10, ikkonfermaw li l-volumi esportati lejn l-UE10 mill-kumpaniji kkonċernati ma qabżux il-livell tal-limiti kwantitattivi stipulati fil-garanziji mogħtija. Instab ukoll li l-kumpaniji kienu qegħdin fil-biċċa l-kbira jirrispettaw il-mudelli tal-kummerċ tradizzjonali tagħhom ma’ konsumaturi individwali fl-UE10. Inoltre, skond l-informazzjoni disponibbli, ma kienx hemm “spill-overs” apparenti mill-UE10 għal ġewwa l-UE15 ta’ importazzjonijiet tal-prodott konċernat li kien gawda mill-eżenzjoni tad-dazji ta’ l-anti-dumping li tirriżulta mill-garanziji.

3.   Analiżi tal-kundizzjonijiet għal aċċettazzjoni kontinwata tal-garanziji

(11)

Analiżi tar-rapporti ta’ kull xahar li l-kumpaniji kkonċernati jibgħatu lill-Kummissjoni, sostnuta minn data statistika uffiċjali disponibbli u mis-sejbiet taż-żjarat ta’ verifika fuq il-post, urew li l-volumi tal-prodott konċernat esportati lejn l-UE10 mill-kumpaniji kkonċernati, naqsu wara t-tkabbir u li l-kwantitajiet stabbiliti fil-garanziji ma ġewx użati. Dan in-nuqqas ta’ użu tal-limiti kwantitattivi fl-ewwel ftit xhur tal-perjodu oriġinali ta’ l-applikazzjoni tal-garanziji kien dovut parzjalment minħabba li wieħed miż-żewġ produtturi li jesportaw kienu qed jerġgħu jorganizzaw l-operazzjonijiet tal-bejgħ tagħhom. Madankollu, dan il-produttur li jesporta stqarr li kien qed jaħseb li juża’ l-volumi ta’ l-esportazzjoni stabbiliti għal-limitu kwantitattiv fil-parti aħħarija tal-perjodu oriġinali.

(12)

Ukoll, kif indikat fl-inċiż 23 tar-Regolament (KE) Nru 989/2004, instabu żidiet abnormali fil-volumi ta’ l-esportazzjoni lejn l-UE10 qabel it-tkabbir fl-2003 u fl-ewwel xhur ta’ l-2004. Huwa kkunsidrat li dan seta’ ikkontribwixxa ukoll għat-tnaqqis fil-kwantitajiet importati fl-UE10 wara t-tkabbir.

Ċ.   KONKLUŻJONI

1.   Aċċettazzjoni tal-garanziji

(13)

Minħabba dak li ntqal qabel, u l-ammont limitat ta’ l-importazzjoni lejn l-UE10, huwa kkunsidrat kmieni wisq biex wieħed jasal għall-konklużjoni li l-miżuri transitorji laħqu r-riżultati mistennija u li l-kundizzjonijiet negattivi li ġabu l-bżonn tal-garanziji m’għadhomx jeżistu. Għal din ir-raġuni, u peress illi l-kumpaniji konċernati osservaw it-termini tal-garanziji matul il-perjodu inizjali ta’ l-applikazzjoni tagħhom, huwa konkluż li hija ġustifikata l-aċċettazzjoni tal-garanziji offruti mill-kumpaniji konċernati għal perjodu ulterjuri.

(14)

F’dak li għandu x’jaqsam mat-tul ta’ dan il-perjodu ulterjuri, huwa kkunsidrat li l-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ aktar minn sitt xhur imur kontra l-idea li garanzija għandha natura transitorja, għaldaqstant, l-aċċettazzjoni tagħhom se tkun biss mill-21 ta’ Novembru 2004 sa l-20 ta’ Mejju 2005 (“il-perjodu finali”).

(15)

Dwar il-livelli tal-limiti kwantitattivi li għandhom japplikaw għall-perjodu finali, irid jiġi osservat li dawn ġew kalkolati skond l-istess metodoloġija li kienet użata biex jiġu stabbiliti l-limiti kwantitattivi għall-perjodu oriġinali (madankollu, filwaqt li fil-perjodu oriġinali sar tnaqqis mill-volumi tradizzjonali biex jittieħdu in kunsiderazzjoni il-volumi ta’ importazzjoni abnormali qabel it-tkabbir, dawn l-aġġustamenti ma sarux biex jiddeterminaw il-limiti kwantitattivi għal perjodu finali).

(16)

Skond ir-Regolament (KE) 989/2004, il-garanziji jobbligaw kull produttur individwali li jesporta biex jirrispetta l-limiti ta’ l-importazzjoni u, sabiex tkun tista’ issir sorveljanza tal-garanziji, il-produtturi li jesportaw kkonċernati qablu wkoll biex fil-biċċa l-kbira jirrispettaw il-mudelli tal-bejgħ tradizzjonali tagħhom lil konsumaturi individwali fl-UE10. Il-produtturi li jesportaw jafu wkoll li jekk jinstab li dawn il-mudelli ta’ bejgħ inbidlu b’mod sinifikanti, jew li s-sorveljanza tal-garanziji saret diffiċli jew impossibbli, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tirtira l-aċċettazzjoni tal-garanzija mogħtija mill-kumpannija, li jwassal biex minfloka jiġu mposti dazji definittivi ta’ l-anti-dumping, jew tista’ tirranġa l-livell tal-limiti, jew tista’ tieħu azzjoni oħra rimedjali

(17)

Hija ukoll kundizzjoni tal-garanziji, li l-ksur tagħhom fi kwalunkwe mod jintitola lill-Kummissjoni li tirtira l-aċċettazzjoni tagħhom li jwassal għall-impożizzjoni ta’ dazji definittivi ta’ l-anti-dumping minflokhom.

(18)

Il-kumpaniji ser jipprovdu wkoll lill-Kummissjoni b’informazzjoni regolari u dettaljata dwar l-esportazzjoni tagħhom lejn il-Komunità, u dan ifisser li l-Kummissjoni tkun tista’ tissorvelja l-garanziji b’mod effettiv.

(19)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tissorvelja b’mod effettiv kemm il-kumpaniji jkunu konformi mal-garanziji tagħhom, meta skond il-garanzija ssir talba lill-awtoritajiet doganali rilevanti sabiex jingħata permess għaċ-ċirkulazzjoni libera, l-eżenzjoni mid-dazju tkun tiddependi mill-preżentazzjoni ta’ riċevuta li jkollha għall-inqas l-punti ta’ informazzjoni mniżżla fl-Anness tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 989/2004. Dan il-livell ta’ informazzjoni huwa neċessarju ukoll biex l-awtoritajiet doganali jkunu f’pożizzjoni li jaċċertaw b’mod preċiż kemm jista’ jkun li l-konsenja tikkorrispondi mad-dokumenti kummerċjali. Meta din ir-riċevuta ma tiġix preżentata, jew meta din ma tikkorrispondix mall-prodott preżentat lid-dwana, minflok għandu jitħallas id-dazju xieraq ta’ l-anti-dumping.

2.   Għotja ta’ informazzjoni lill-partijiet interessati

(20)

Il-partijiet interessati kollha li għamlu lilhom infushom magħrufa minn qabel ġew mgħarrfa bl-intenzjoni li jkunu aċċettati l-garanziji. L-industrija tal-Komunità ma esprimietx xi kummenti negattivi dwar l-aċċettazzjoni tal-garanziji. Ma waslu l-ebda kummenti mingħand xi partijiet interessati oħra li wasslu lill-Kummissjoni biex tbiddel l-ideat tagħha fuq is-suġġett.

D.   REĠISTRAZZJONI TA’ L-OĠĠETTI IMPURTATI

(21)

Fir-Regolament (KE) Nru 1000/2004, l-awtoritajiet doganali ngħataw istruzzjonijiet biex jirreġistraw l-oġġetti importati fil-Komunità tal-prodott konċernat li joriġina fir-Russja esportat mill-kumpaniji li li garanziji tagħhom ġew aċċettati u li għalihom intalbet eżenzjoni mid-dazji ta’ l-anti-dumping imposti bir-Regolament (KE) Nru 151/2003.

(22)

Peress illi l-aċċettazzjoni tal-garanziji għall-perjodu oriġinali bdiet fil-21 ta’ Mejju 2004, u peress illi l-aċċettazzjoni tal-garanziji għall-perjodu finali ser ikomplu direttament mill-perjodu oriġinali, dawn iż-żewġ perjodi għadhom jitqiesu bħala perjodu kontinwu. Madankollu, skond l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, il-perjodu massimu għar-reġistrazzjoni hu ta’ disa’ xhur, għalhekk l-awtoritajiet doganali għandhom jirreġistraw dawn l-affarijiet importati sa l-20 ta’ Frar 2005 biss.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Il-garanziji offruti mill-produtturi li jesportaw msemmija hawn taħt, in konnessjoni mal-proċediment ta’ l-anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjoni ta’ pjanċi mdawwrin bil-kesħa skond il-vina u strippi ta’ l-azzar tas-silicon elettiriċi b’wisa’ ta’ aktar minn 500mm li joriġinaw fil-Federazzjoni tar-Russja huma b’dan aċċettati:

Pajjiż

Kumpannija

Kodiċi Addizzjonali Taric

Federazzjoni tar-Russja

Prodott minn Novolipetsk Iron & Steel Corporation, Lipetsk, Russja, u mibjugħ minn Stinol A.G., Lugano, Svizzera, lill-ewwel klijent fil-Komunità li jservi ta’ importatur

A524

Federazzjoni tar-Russja

Prodott minn OOO Viz Stal, Ekaterinburg, Russja, u mibjugħ minn Duferco S.A., Lugano, Żvizzera, lill-ewwel klijent indipendenti fil-Komunità li jservi ta’ importatur

A525

2.   L-awtoritajiet doganali huma b’dan mitluba, skond l-Artikolu 14(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, biex ikomplu jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw sa l-20 ta’ Frar 2005 l-oġġetti importati fil-Komunità ta’ pjanċi mdawwrin bil-kesħa skond il-vina u strippi ta’ l-azzar tas-silicon elettiriċi b’wisa’ ta’ aktar minn 500mm li joriġinaw fil-Federazzjoni tar-Russja u li jaqgħu fil-kodiċi CN 7225 11 00 (pjanċi ta’ wisa’ ta’ akar minn 500mm imma inqas minn 600mm) prodotti u mibjugħa mill-kumpaniji mniżżla f’paragrafu 1.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-ġurnata wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea u jibqa’ fis-seħħ sa l-20 ta’ Mejju 2005.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, nhar id-19 ta' Novembru 2004.

Għall-Kummissjoni

Pascal LAMY

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p.1. Regolament kif emendat l-aħħar b’regolament (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77, 13.3.2004, p.12).

(2)  ĠU L 182, 19.5.2004, p. 5.

(3)  ĠU L 25, 30.1.2003, p.7.

(4)  ĠU C 70, 20.3.2004, p.15.

(5)  ĠU L 183, 20.5.2004, p.10.

(6)  ĠU L 182, 19.5.2004, p.1.


Top