EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004R1767

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1767/2004 tat- 13 ta' Ottubru 2004 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2318/2001 fir-rigward ta’ l-għarfien ta’ organizzazzjoniet produtturi fl-oqsma tas-sajd u l-akwakultura

ĠU L 315, 14.10.2004, p. 28–29 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 183M, 5.7.2006, p. 257–258 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32013R1420

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/1767/oj

5.7.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea

257


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1767/2004

tat-13 ta' Ottubru 2004

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2318/2001 fir-rigward ta’ l-għarfien ta’ organizzazzjoniet produtturi fl-oqsma tas-sajd u l-akwakultura

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabilixxi il-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 tas-17 ta’ Diċembru 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti tas-sajd u l-akwakultura, u b’mod partikulari l-Artikolu 6(7) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2318/2001, li jistipola regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 fir-rigward ta’ l-għarfien ta’ organizzazzjonijiet produtturi fl-oqsma tas-sajd u l-akwakultura fih kriterji partikolari għall-għarfien ta’ l-assoċjazzjonijiet ta’ l-organizazzjonijiet produtturi rikonoxxuti fi Stat Membru wieħed. Dawn il-kriterji mhumiex biżżejjed biex ikopru l-għarfien ta’ assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi rikonoxxuti fi Stati Membri differenti.

(2)

Huwa meħtieġ li jiġu stipolati l-kondizzjonijiet u l-proċeduri għall-għoti ta’ l-għarfien mill-Istati Membri lil, u għall-irtir ta’ l-għarfien minn, assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti fl-Istati Membri differenti b’tali mod li jiggarantixxu applikazzjoni konsistenti tar-regoli li jiggvernaw l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti tal-ħut u l-akwakultura.

(3)

It-twaqqif ta’ assoċjazzonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti fi Stati Membri differenti jista’ jikkontribwixxi għall-għan ġenerali tal-kisba ta’ sfruttament razzjonali u sostenibbli tar-riżorsi li jaqgħu taħt il-Politika Komuni tas-Sajd u li jassiguraw viabilità għal żmien twil fil-qasam tas-sajd.

(4)

Ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Komunità huma applikabbli għall-produzzjoni ta’ u n- negozju fi prodotti tas-sajd sakemm l-applikazzjoni tagħhom ma xxekkilx regolamenti espliċiti li jistabilixxu l-organizzazzjoni tas-suq komuni fil-prodotti tas-sajd u ta’ l-akwakultura jew li jipperikolaw il-ksib ta’ l-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd.

(5)

Id-dispożizzjonijiet għal estensjoni lil dawk li mhumiex membri ta’ regoli li ġew introdotti minn organizzazzjoni ta’ produttur mniżżla fi Artikoli 7 u 8 ta’ Regolament (KE) Nru 104/2000 mhumiex applikabbli lil assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi fi Stati Membri differenti.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 2318/2001 irid, għalhekk, jiġi emendat.

(7)

[Il-miżuri pprovduti għal dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni tal-Prodotti tas-Sajd].

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2318/2001 jiġi emendat hekk kif ġej:

(1)

Fit-titlu il-kliem “li jistipola regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 fir-rigward ta’ l-għarfien ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi fl-oqsma tas-sajd u ta’ l-akwakultura” jiġu sostitwiti b’li ġej:

“li jistipola regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 fir-rigward ta’ l-għarfien ta’ l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi u assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi fl-oqsma tas-sajd u l-akwakultura.”

(2)

Artikolu 2 jiġi sostitwit b’li ġej:

“Artikolu 2

1.   Stat Membru jista jagħti għarfien lil assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi rikonoxxuti f’dak l-Istat Membru biss bil-kundizzjoni li:

(a)

li jkollha proporzjon minimu tan-numru totali ta’ organizzazzjonijiet rikonoxxuti mill-Istat Membru ikkonċernat f’ fergħa partikolari; u

(b)

il-valur tal-produzzjoni ta’ l-assoċjazzjoni mqiegħda fuq is-suq tirrapreżenta almenu 20% tal-valur tal-produzzjoni nazzjonali f’din il-fergħa.

2.   Stat Membru jista jagħti għarfien lil assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi rikonoxxuti fi Stati Membri differenti, bil-kundizzjoni li:

(a)

l-assoċjazzjoni jkollha l-kwartieri ġenerali tagħha fuq it-territorju ta’ dak l-Istat Membru;

(b)

il-valur tal-produzzjoni ta’ l-assoċjazzjoni mqiegħda fuq is-suq tirrapreżenta proporzjon minimu tal-produzzjoni ta’ ċertu prodotti tas-sajd f’ fergħa partikolari;

(c)

l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi li jiffurmaw l-assoċjazzjoni jkollhom x’jaqsmu mas-sajd, il-produzzjoni u n-negozju tar-riżorsi tas-sajd li jisfruttaw flimkien; u

(d)

l-assoċjazzjoni tagħmel xogħolha bla ħsara għad-dispożizzjonijiet li jiggvernaw l-allokazzjoni ta’ l-opportunitajiet ta’ sajd fost l-Istati Membri fi qbil ma’ l-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 2371/2002 ta' l-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd li jaqgħu taħt il-Politika Komuni tas-Sajd.

3.   L-Istat Membru li jilqa’ l-Kwartieri Ġenerali ta’ l-assoċjazzjoni ser iwaqqaf, b’kollaborazzjoni ma l-Istati Membri l-oħra kkonċernati, il-kooperazzjoni amministrattiva meħtieġa biex tiżgura li l-kondizzjonijiet għall-għarfien huma rrispettati u biex jitwettqu kontrolli fuq l-attivitajiet ta’ l-assoċjazzjoni. Tali kooperazzjoni amministrativa ser tkopri ukoll l-irtirar ta’ l-għarfien.

4.   Assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet produtturi ma jistax ikollha pożizzjoni dominanti f’suq partikolari sakemm mhux neċessarju għat-twettiq ta’ l-għanijiet ta’ l-Artikolu 33 tat-Trattat.

5.   L-Artikoli 3, 4, 5, 6 u 7 tar-Regolament (KE) Nru 2318/2001 ser japplikaw mutatis mutandis lill-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi rikonoxxuti f'wieħed u aktar minn Stat Membru wieħed.”

6.   L-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 908/2000 mhux ser japplika lill-assoċjazzjonijiet ta’ l-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti fi Stati Membri differenti.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament ser jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara il-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament ser jorbot fl-intier tiegħu u jkun applikabli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, nhar it-13 ta' Ottubru 2004.

Għall-Kummissjoni

Franz FISCHLER

Membru tal-Kummissjoni


Top