EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004R2133

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2133/2004 tat- 13 ta' Diċembru 2004 dwar ir-rekwiżit għall-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri li jittimbraw sistematikament id-dokumenti ta' l-ivvjaġġar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi meta jaqsmu l-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri u li jemenda d-diposizzjonijiet tal-Konvenzjoni li timplimenta l-ftehim ta' Schengen u l-manwali komuni għal dan l-għan

ĠU L 369, 16.12.2004, p. 5–10 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 268–273 (MT)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 12/10/2006; Imħassar b' 32006R0562

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/2133/oj

7.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

268


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) NRU 2133/2004

tat-13 ta' Diċembru 2004

dwar ir-rekwiżit għall-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri li jittimbraw sistematikament id-dokumenti ta' l-ivvjaġġar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi meta jaqsmu l-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri u li jemenda d-diposizzjonijiet tal-Konvenzjoni li timplimenta l-ftehim ta' Schengen u l-manwali komuni għal dan l-għan

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(2)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Il-Kunsill Ewropew li nżamm f'Sevilja fil-21 u t-22 ta' Ġunju 2002 għamel sejħa għal koperazzjoni iżjed mill-qrib fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u għamel sejħa lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu passi operattivi biex jiżguraw livell ekwivalenti ta' kontroll u sorveljanza tal-fruntieri esterni.

(2)

Id-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 (2), u tal-manwali komuni (3) dwar il-qsim tal-fruntieri esterni jonqoshom ċarezza u preċiżjoni fir-rigward ta' l-obbligu li jitwaħħlu timbri fuq dokumenti ta' l-ivvjaġġar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi meta jaqsmu l-fruntieir esterni. B'konsegwenza ta' dan, huma jwasslu għal prattiċi diverġenti fl-Istati Membri u jagħmluha diffiċli li jiġi verifikat jekk il-kondizzjonijiet relatati mad-dewmien ta' waqfiet qosra għal tali ċittadini ta' pajjiżi terzi fuq it-territorju ta' l-Istati Membri humiex sodisfatti, jiġifieri massimu ta' tliet xhur fi kwalunkwe perijodu ta' sitt xhur.

(3)

Fil-laqgħa tiegħu tas-27 u t-28 ta' Frar 2003, il-Kunsill esprima sostenn għall-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiċċara r-regoli eżistenti f'dan il-qasam, prinċipalment billi tispeċifika, permezz ta' proposta għal Regolament tal-Kunsill, l-obbligu għall-Istati Membri li jittimbraw sistematikament id-dokumenti ta' l-ivvjaġġar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi mad-dħul u l-ħruġ fil-postijiet fejn jinqasmu l-fruntieri esterni.

(4)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta' Mejju 2003, il-Kunsill għamel sejħa għal passaġġi ta' kontroll separati għal nazzjonalitajiet differenti, differenzjati b'sinjali. Regoli Komunitarji speċifiċi fuq it-traffiku tal-fruntiera lokali itejjbu l-amministrazzjoni ta' fruntieri esterni mis-servizzi responsabbli, u b'hekk jagħmluha iktar faċli li jingħelbu kwalunkwe diffikultajiet prattiċi li jirriżultaw mir-rekwiżit li jiġu ttimbrati sistematikament id-dokumenti ta' l-ivvjaġġar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi. Dawn il-miżuri ser jgħinu wkoll biex jiġi żgurat li kwalunkwe miżuri li jillaxkaw il-kontrolli fuq persuni fil-fruntieri esterni huma eċċezzjonali.

(5)

L-obbligu fuq l-Istati Membri li jittimbraw sistematikament id-dokumenti ta' l-ivvjaġġar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi meta jidħlu fit-territorju ta' l-Istati Membri jipprovdi, flimkien mal-limitazzjoni dwar iċ-ċirkostanzi li fihom miżuri li jillaxkaw il-kontrolli fuq persuni fil-fruntieri esterni jistgħu jiġu adottati, il-possibbiltà li ssir il-presunzjoni, fl-assenza ta' timbru fuq tali dokumenti ta' l-ivvjaġġar, li d-detentur tagħhom mhux qed jirrispetta, jew m'għadux qed jirrispetta l-kondizzjonijiet dwar id-dewmien ta' waqfa qasira.

(6)

Madankollu, irid ikun possibbli għaċ-ċittadin ta' pajjiż terz konċernat li jegħleb din il-preżunzjoni bi kwalunkwe forma ta' prova rilevanti u kredibbli. F'tali każijiet, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiċċertifikaw id-data u l-post tal-qsim tal-fruntiera rilevanti biex b'hekk jipprovdu liċ-ċittadin ta' pajjiż terz konċernat bl-evidenza tar-rispett tal-kondizzjonijiet relatati mad-dewmien tal-waqfa.

(7)

L-ittimbrar tad-dokument ta' l-ivvjaġġar jagħmilha possibbli li jiġu stabbiliti, b'ċertezza, id-data u l-post tal-qsim tal-fruntiera, mingħajr ma jiġi stabbilit fil-każijiet kollha li l-miżuri kollha meħtieġa għall-kontroll tad-dokument ta' l-ivvjaġġar ġew imwettqa.

(8)

Dan ir-Regolament għandu jiddefinixxi wkoll il-kategoriji ta' persuni li d-dokumenti tagħhom m'għandhomx għalfejn jiġu ttimbrati sistematikament meta jaqsmu l-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri. F'dan il-kuntest, għandu jiġi emfasizzat li r-regoli Komunitarji dwar it-traffiku fil-fruntieri lokali, inkluż ir-regoli dwar l-ittimbrar ta' dokumenti ta' l-ivvjaġġar ta' residenti tal-fruntieri, qed jiġu ppreparati. Sakemm jiġu adottati regoli Komunitarji dwar it-traffiku fil-fruntieri lokali, il-possibbiltà ta' l-eżenzjoni tad-dokumenti ta' l-ivvjaġġar ta' residenti tal-fruntieri mill-obbligu ta' ttimbrar għandha tinżamm f'konformità ma' ftehim bilaterali eżistenti dwar it-traffiku fil-fruntieri lokali.

(9)

Id-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen u l-manwali komuni jridu jiġu emendati f'dan is-sens.

(10)

Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-Posizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, u mhix marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Peress li dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta' Schengen taħt id-disposizzjonijiet tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka għandha, skond l-Artikolu 5 tal-Protokoll imsemmi, tiddeċiedi fi żmien perijodu ta' sitt xhur wara li l-Kunsill ikun adotta dan ir-Regolament jekk hijiex ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

(11)

Fir-rigward ta' l-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen, fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawk iż-żewġ Stati ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis (4) ta' Schengen, li jaqa' fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1(A) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim (5).

(12)

Fir-rigward ta' l-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen, fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni ta' l-Isvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni ta' l-Isvizzera ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen (6), li jaqa' fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1(A) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 li jinqara flimkien ma' l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2004 dwar l-iffirmar f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-iffirmar f'isem il-Komunità Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja ta' ċerti disposizzjonijiet ta' dak il-Ftehim (1).

(13)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen li fih ir-Renju Unit ma tieħux sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex tieħu sehem f'xi wħud mid-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen (7). Għalhekk ir-Renju Unit mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhux marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(14)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen li fih l-Irlanda ma tieħux sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 dwar it-talba ta' l-Irlanda biex tieħu sehem f'xi wħud mid-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen (8). Għalhekk l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhix marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-għan ta' dan ir-Regolament hu:

li jtenni l-obbligu għall-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri li jittimbraw sistematikament id-dokumenti ta' l-ivvjaġġar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi meta jaqsmu l-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri;

li jispeċifika l-kondizzjonijiet li taħthom l-assenza ta' timbru tad-dħul fuq dokumenti ta' l-ivvjaġġar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jista' jikkostitwixxi presunzjoni li d-dewmien awtorizzat ta' waqfa qasira minn tali ċittadini fit-territorju ta' l-Istati Membri ġie maqbuż.

Artikolu 2

Id-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen huma b'dan emendati kif ġej:

1)

L-Artikolu 6(2)(e) għandu jinbidel bit-test li ġej:

“(e)

Jekk f'ċirkostanzi eċċezzjonali u mhux previsti li jeħtieġu miżuri immedjati tali kontrolli ma jistgħux jiġu mwettqa, għandhom jiġu stabbiliti prijoritajiet. F'dak il-każ, il-kontrolli tad-dħul għandhom bħala regola jieħdu prijorità fuq il-kontrolli tal-ħruġ”;

2)

L-Artikolu 6 li ġej għandu jiddaħħal:

“Artikolu 6a

Id-dokumenti ta' l-ivvjaġġar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 5(1)a), għandhom jiġu ttimbrati sistematikament fid-dħul u l-ħruġ.

Artikolu 6b

1.   Jekk id-dokument ta' l-ivvjaġġar ta' ċittadin ta' pajjiż terz ma jkollux timbru tad-dħul, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jippreżumu li d-detentur ma jissodisfax, jew m'għadux jissodisfa, l-kondizzjonijiet ta' dewmien tal-waqfa applikabbli fi ħdan l-Istat Membru kkonċernat.

2.   Din il-presunzjoni tista' tiġi ribattuta fejn iċ-ċittadin tal-pajjiż terz jipprovdi, bi kwalunkwe mezz, evidenza kredibbli bħal biljetti tat-trasport jew prova tal-presenza tiegħu jew tagħha fit-territorju ta' l-Istati Membri, li turi li hu jew hi irrispetta/t l-kondizzjonijiet li jirrelataw mad-dewmien ta' waqfa qasira.

F'tali każijiet:

(a)

fejn iċ-ċittadin ta' pajjiż terz jinstab fuq it-territorju ta' l-Istati Membri li japplikaw l-acquis ta' Schengen b'mod sħiħ, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jindikaw, b'konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali, fid-dokument ta' l-ivvjaġġar taċ-ċittadin ta' pajjiż terz id-data li fiha, u l-post fejn, il-persuna qasmet il-fruntiera esterna ta' wieħed minn dawn l-Istati Membri;

(b)

fejn iċ-ċittadin ta' pajjiż terz jinstab fit-territorju ta' Stat Membru fir-rigward ta' liema d-deċiżjoni kontemplata fl-Artikolu 3(2) ta' l-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003 ma ġietx meħuda, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jindikaw, b'konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali, fid-dokument ta' l-ivvjaġġar taċ-ċittadin ta' pajjiż terz id-data li fiha, u l-post fejn, il-persuna qasmet il-fruntiera esterna ta' dak l-Istat Membru;

(ċ)

barra l-indikazzjoni kif imsemmija f'(a) u (b), formola kif murija fl-Anness tista' tingħata liċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat;

(d)

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin u lill-Kummissjoni u s-Segretarjat tal-Kunsill dwar il-prattiki nazzjonali tagħhom fir-rigward ta' l-indikazzjoni msemmija f'dan l-Artikolu.

3.   Fil-każ li l-presunzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tiġiex ribattuta, iċ-ċittadin ta' pajjiż terz jista' jiġi espuls mill-awtoritajiet kompetenti mit-territorju ta' l-Istati Membri kkonċernati.”.

Artikolu 3

Il-Parti II tal-manwal komuni hi emendata kif ġej:

1)

Il-Punt 1.3.5 hugħandu jinbidel b'dan li ġej:

“1.3.5.

Kontrolli fil-fruntieri ta' l-art jistgħu jiġu llaxkati minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali u mhux previsti. Dan ser ikun il-każ fejn avvenimenti mhux previsti jwasslu għal tali intensità ta' traffiku li d-dewmien fi żmien meħud biex jintlaħqu l-postijiet ta' kontroll isir eċċessiv, u r-riżorsi kollha jkunu ntużaw fir-rigward ta' persunal, faċilitajiet u organizazzjoni.”.

2)

Il-punt 1.3.5.4 li ġej għandu jiżdied:

“1.3.5.4.

Anke fil-każ ta' kontrolli li jiġu llaxkati, l-uffiċjali li huma responsabbli lokalment għal kontrolli ta' fruntieri għandhom jittimbraw d-dokumenti ta' l-ivvjaġġar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi kemm fid-dħul kif ukoll fil-ħruġ.”.

3)

Il-punt 2.1.1 hu emendat kif ġej:

(a)

L-ewwel frażi tas-subparagrafu 1 għandha tinbidel b'dan li ġej:

“2.1.1.

Meta wieħed jidħol fit-territorju ta' Stat Membru jew joħroġ minnu, għandu jitwaħħal timbru fuq”;

(b)

It-tieni subparagrafu għandu jinbidel b' li ġej:

“L-ebda timbru tad-dħul jew tal-ħruġ m'għandu jitwaħħal fuq id-dokumenti ta' ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea, ċittadini ta' pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea, ċittadini tal-Konfederazzjoni Svizzera.

Barra minn hekk, timbri tad-dħul u tal-ħruġ m'għandhomx jitwaħħlu fuq dokumenti ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta' ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea, ta' ċittadini ta' pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea jew ċittadini tal-Konfederazzjoni Svizzera bil-kondizzjoni li jippreżentaw karta ta' residenza maħruġa minn Stat Membru jew minn wieħed minn dawn l-Istati terzi skond id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-dritt ta' ċittadini ta' l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqalqu u jirresjedu liberament fit-territorju ta' l-Istati Membri (9).

(9)  ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.”."

4.

L-inċiż li ġej għandu jiżdied mal-punt 2.1.5.:

“—

fuq id-dokumenti ta' l-ivvjaġġar ta' benefiċjarji ta' ftehim bilaterali dwar traffiku fil-fruntieri lokali li ma jipprovdux għall-ittimbrar ta' dawn id-dokumenti, jekk dawn il-ftehim bilaterali huma skond il-liġi Komunitarja”.

5.

Fil-punt 3.4.2.3, għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Anki fil-każ ta' l-illaxkar tal-kontrolli, l-uffiċjali responsabbli għandhom jipproċedu skond il-punt 1.3.5.4.”

Artikolu 4

It-test li jidher fl-Anness għandu jiġi anness mal-manwali komuni.

Artikolu 5

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-operazzjoni ta' dan ir-Regolament sa mhux aktar tard minn tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

Artikolu 6

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika minn (*)

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmul fi Brussel, nhar il-13 ta' Diċembru 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

B. R. BOT


(1)  Opinjoni mogħtija fil-21 ta' April 2004.

(2)  ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19. Konvenzjoni kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KE) Nru. 871/2004 (ĠU L 162, 30.4.2004, p. 29).

(3)  ĠU C 313, 16.12.2002, p. 97. Manwali kif l-aħħar emendat bid-Deċiżjoni 2004/574/KE (ĠU L 261, 6.8.2004, p. 36).

(4)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(5)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

(6)  Dokument tal-Kunsill 13054/04 aċċessibbli minn: http://register.consilium.eu.int.

(1)  Dokument tal-Kunsill 13464/04 u 13466/04 aċċessibbli minn: http://register.consilium.eu.int.

(7)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

(8)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

(*)  L-ewwel jum tax-xahar li jiġi wara l-jum tal-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament fil-Ġurnal Uffiċjali.


ANNESS

"ANNESS 16

Image

Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni

Top