EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004R1976

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1976/2004 tal- 15 ta' Novembru 2004 li jestendi t-taxxa kompensatorja definittiva, li kienet ġiet imposta bir-Regolament (KE) Nru 2597/1999 fuq l-importazzjonijiet ta' film tal-polyethylene terephthalate (PET) li joriġina mill-Indja, għall-importazzjonijiet ta' film tal-polyethylene terephthalate (PET) ikkunsinnati mill-Brażil u mill-Iżrael, kemm jekk dawn ikunu ddikjarati bħala li joriġinaw mill-Brażil jew mill-Iżrael u kemm jekk le

ĠU L 342, 18.11.2004, p. 8–14 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 115–121 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 11/12/2004

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/1976/oj

7.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

115


IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1976/2004

tal-15 ta' Novembru 2004

li jestendi t-taxxa kompensatorja definittiva, li kienet ġiet imposta bir-Regolament (KE) Nru 2597/1999 fuq l-importazzjonijiet ta' film tal-polyethylene terephthalate (PET) li joriġina mill-Indja, għall-importazzjonijiet ta' film tal-polyethylene terephthalate (PET) ikkunsinnati mill-Brażil u mill-Iżrael, kemm jekk dawn ikunu ddikjarati bħala li joriġinaw mill-Brażil jew mill-Iżrael u kemm jekk le

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2026/97 tas-6 ta' Ottubru 1997 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1)(“ir-Regolament bażiku”), u l-aktar l-Artikolu 23 miġjub fih,

Wara li kkunsidra l-proposta sottomessa mill-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mill-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   IL-PROĊEDURA

1.   IL-MIŻURI EŻISTENTI

(1)

Bir-Regolament (KE) Nru 2597/1999 (1) (“ir-Regolament oriġinali”), il-Kunsill kien impona taxxi kompensatorji fuq l-importazzjonijiet ta' film tal-polyethylene terephthalate (PET) (“film tal-PET”) li joriġinaw mill-Indja. Ir-rati tat-taxxi kompensatorji kienu jvarjaw minn 3,8 % sa 19,1 %.

(2)

L-importazzjonijiet ta' film tal-PET li joriġinaw mill-Indja huma wkoll suġġetti għad dazji kontra d-dumping, liema dazji jvarjaw bejn 0 % sa 62,6 %; dawn id-dazji kienu ġew imposti bir-Regolament (KE) Nru 1676/2001 (2).

2.   L-ISTĦARRIĠ LI QED ISIR

(3)

Fit-28 ta' Ġunju 2002, il-Kummissjoni ħabbret b'avviż ta' bidu li kien ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (3), li kien ingħata bidu għal reviżjoni interim parzjali skond l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku. It-talba hija limitata fil- kamp ta' applikazzjoni tagħha għall-għamla tal-miżura u, l-aktar, għall-istħarriġ ta' l-aċċettibbiltà ta' negozju li kien offrut mill-applikant. Din ir-reviżjoni għadha qed issir.

(4)

Fit-22 ta' Novembru 2003, il-Kummissjoni ħabbret b'avviż ta' bidu li kien ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea  (4), li kien ingħata bidu għal reviżjoni interim parzjali skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kumsill (KE) Nru 384/96 (5). Din hija limitata fl-għan tagħha għall-miżuri ta' kontra d-dumping. Din ir-reviżjoni għadha qed issir.

(5)

Fid-19 ta' Frar 2004, il-Kummissjoni ħabbret b'avviż ta' bidu li kien ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea  (6) , li kien ingħata bidu għal reviżjoni interim skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96. Din hija limitata għal dumping li qed iwettaq il-produttur esportatur Indjan Jindal Polyester Limited. Din ir-reviżjoni għadha qed issir.

3.   IT-TALBA

(6)

Fis-6 ta' Jannar 2004, il-Kummissjoni rċeviet talba skond l-Artikolu 23(2) tar-Regolament bażiku (“it-talba”) mill-produtturi tal-Komunità DuPont Teijin Films, Mitsubishi Polyester Film GmbH u Nuroll SpA (“l-applikanti”) biex din tistħarreġ l-allegat tidwir mal-miżuri kompensatorji li kienu ġew imposti fuq l-importazzjonijiet tal-film tal-PET li kienu ġejjin mill-Indja. L-applikanti ppreżentaw proporzjon akbar tal-produzzjoni tal-Komunità tal-film tal-PET.

(7)

L-applikanti allegaw u ppreżentaw xhieda biżżejjed li turi li wara l-impożizzjoni tal-miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-film tal-PET li ġej mill-Indja, kien hemm bidliet sostanzjali fl-għamliet tal-kummerċ li kienu jinvolvu l-esportazzjoni tal-film tal-PET mill-Indja, il-Brażil u l-Iżrael lejn il-Komunità. Kien allegat ukoll li dawn il-bidliet fl-għamliet tal-kummerċ kienu qed jibdew mill-ġarr ta' film tal-PET li ġej mill-Indja permezz tal-Brażil u l-Iżrael. Kien allegat ukoll li ma kienx hemm raġuni biżżejjed jew ġustifikazzjoni ekonomika għal dawn il-bidliet għajr l-impożizzjoni tad-dazju fuq l-importazzjonijiet tal-film tal-PET mill-Indja.

(8)

Fl-aħħarnett, l-applikanti allegaw u ppreżentaw xhieda prima facie li l-effetti tar-rimedju ta' dan id-dazju kienu qed jiddgħajfu kemm f'termini ta' kwantitajiet u kemm ta' prezzijiet. Kien iddikjarat ukoll li volumi sostanzjali ta' importazzjonijiet ta' film tal-PET li kienu ġejjin mill-Brażil u l-Iżrael x'aktarx ħadu post dawk l-importazzjonijiet ta' film tal-PET li kienu ġejjin mill-Indja. Barra minn hekk, l-applikanti ppreżentaw xhieda prima facie li l-film tal-PET li ġej mill-Indja kien għadu qed igawdi mis-sussidji li kienu kompensatorji fl-istħarriġ tal-bidu.

4.   IL-BIDU

(9)

Bir-Regolament (KE) Nru 284/2004 (7)(“ir-Regolament tal-Bidu ta' l-Istħarriġ”), il-Kummissjoni bdiet stħarriġ dwar it-tidwir possibbli mal-miżuri kompensatorji fuq l-importazzjonijiet ta' film tal-PET li kienu ġejjin mill-Indja, b'importazzjonijiet ta' film tal-PET li kienu qed jiġu kkunsinnati mill-Brażil u mill-Iżrael, kemm jekk dawn kienu ddikjarati li ġejjin mill-Brażil jew mill-Iżrael jew le. Skond l-Artikoli 23(2) u 24(5) tar-Regolament bażiku, din ordnat lill-awtoritajiet tad-dwana biex mill-20 ta' Frar 2004 dawn jibdew jirreġistraw l-importazzjonijiet ta' film tal-PET li kienu qed jiġu kkunsinnati mill-Brażil u mill-Iżrael, kemm jekk dawn ikunu ġejjin mill-Brażil jew mill-Iżrael jew le. Il-Kummissjoni avżat lill-awtoritajiet ta' l-Indja, il-Brażil u l-Iżrael dwar il-bidu ta' l-istħarriġ. Fl-istess ħin, bir-Regolament (KE) Nru 284/2004 (8) il-Kummissjoni bdiet ukoll stħarriġ dwar it-tidwir possibbli mal-miżuri ta' kontra d-dumping fuq l-importazzjonijiet ta' film tal-PET li kienu ġejjin mill-Indja, permezz ta' importazzjonijiet ta' film tal-PET li qed jiġu kkunsinnati mill-Brażil u mill-Iżrael, kemm jekk dawn kienu ddikjarati li ġejjin mill-Brażil jew mill-Iżrael jew le. Ir-riżultati ta' dak l-istħarriġ kienu ppreżentati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru –-/2004 (9).

(10)

L-awtoritajiet ta' l-Indja wrew li huma kienu qed iqisu l-istħarriġ għal kontra dan l-allegat tidwir bħala wieħed li ma setax isir skond il-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni ta' l-Artikolu 6 tal-Ftehim Ġenerali fuq it-Tariffi u l-Kummerċ ta' l-1994 jew il-Ftehim fuq is-Sussidji u l-Miżuri Kompensatorji. Din it-talba nċaħdet fuq il-bażi li d-dispożizzjonijiet ta' kontra l-qerq bil-liġi li hemm fir-Regolament bażiku mhumiex kumpatibbli mal-Ftehim fuq l-Implimentazzjoni ta' l-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali fuq it-Tariffi u l-Kummerċ ta' l-1994 u l-Ftehim fuq is-Sussidji u l-Miżuri Kompensatorji. Fil-fatt, l-Att Finali li Jiġbor fih ir-Riżultati tal-Laqgħa li saret fl-Urugwaj dwar in-Negozjati Multilaterali fuq il-Kummerċ fih Deċiżjoni kontra l-Tidwir (10) li tirreferi din il-materja lill-Kumitat fuq il-Prattiċi ta' Kontra d-Dumping, fin-nuqqas ta' ftehim fuq test speċifiku. Minħabba li din id-Deċiżjoni kienet saret, waqt li kien magħruf li diversi Membri tad-WTOkellhom diġà l-leġislazzjoni tagħhom kontra l-qerq bil-liġi, il-Komunità Ewropea tinterpreta dan bħala mod kif Stati Membri individwali jkunu jistgħu jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet f'dan id-dawl, waqt li jiddependu mill-adozzjoni ta' regoli li dwarhom ikun hemm ftehim multilaterali. L-istess prinċipji għandhom loġikament japplikaw għall-investigazzjonijiet kontra s-sussidji.

5.   L-ISTĦARRIĠ

(11)

Kienu ntbagħtu kwestjonarji lil dawk l-esportaturi/produtturi fl-Indja, il-Brażil u l-Iżrael li kienu kkooperaw fl-istħarriġ tal-bidu u li kienu ssemmew fit-talba jew li saru magħrufa wara lill-Kummissjoni. Kienu ntbagħtu wkoll kwestjonarji lill-importaturi fil-Komunità li ssemmew fit-talba jew li kkooperaw fl-istħarriġ tal-bidu li wassal għall-miżuri li hemm bħalissa. Il-partijiet kollha kienu mgħarrfa li n-nuqqas ta' kooperazzjoni seta' jwassal għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku u għal riżultati li, waqt li kienu qed jiġu bbażati fuq il-fatti magħrufa, setgħu jkunu inqas vantaġġjużi milli kieku dik il-parti kellha tikkoopera.

(12)

It-tweġibiet għall-kwestjonarju waslu minn sitt esportaturi/produtturi mill-Indja, minn esportatur/produttur wieħed fil-Brażil u minn kumpanija waħda ta' pproċessar mill-Iżrael li kienet involuta fil-qtugħ, fil-produzzjoni ta' folji u fil-konverżjoni tal-film tal-PET u li kienet tesporta l-film tal-PET lejn il-Komunità. Kumpanija oħra fl-Iżrael spjegat li din kienet tipproċessa l-film tal-PET iżda l-prodotti li kienu jirriżultaw ma kinux ġew esportati taħt il-kodiċi tan-NM li taħthom il-film tal-PET kien ikklassifikat. Minħabba f'hekk, din il-kumpanija ma weġbitx il-kwestjonarju.

(13)

Wara li rċevew il-kwestjonarji, ħames importaturi fil-Komunità taw ukoll it-tweġiba tagħhom. Tlieta minn dawn irrappurtaw li huma qatt ma kienu impurtaw film tal-PET jew mill-Brażil jew mill-Iżrael. Iż-żewġ impurtaturi l-oħrajn qalu li huma ma impurtawx film tal-PET Indjan mill-Brażil jew mill-Iżrael matul il-perjodu ta' l-istħarriġ. Għalhekk, ħadd minn dawn il-kumpaniji ma wieġeb għall-kwestjonarji.

(14)

Il-Kummissjoni għamlet żjajjar ta' verifika fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

 

Il-produttur esportatur Brażiljan:

Terphane Ltda. BR 101, km 101, fil-Belt ta' Cabo de Santo Agostinho, fl-Istat ta' Pernambuco, il-Brażil (“Terphane”)

 

Il-proċessur Iżraeljan:

Jolybar Filmtechnic Converting Ltd (1987), Hacharutsim str. 7, Ind. Park Siim 2000, Natania South, 42504. Kaxxa Postali 8380, l-Iżrael (“Jolybar”)

 

Il-produtturi esportaturi Indjani

Ester Industries Limited, 75-76, Amrit Nagar, Behind South Extension Part –I, New Delhi – 100 003, l-Indja;

Flex Industries Limited, A-1, Sector 60, Noida 201301 (U.P.), l-Indja;

Jindal Polyester Limited, 56 Hanuman Road, new Delhi 100 001, l-Indja;

Polyplex Corporation Limited, B-37, Sector-1, Noida 201 301, Dist. Gautam Budh Nagar, Uttar Pradesh, l-Indja.

6.   IL-PERJODU TA' L-ISTĦARRIĠ

(15)

Il-perjodu ta' l-istħarriġ kopra l-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2003 sal-31 ta' Diċembru 2003 (“il-PS”). It-tagħrif inġabar mis-sena 1998 sat-tmiem tal-PS biex ikun mistħarreġ l-allegat bdil fl-għamla tal-kummerċ.

B.   IR-RIŻULTATI TA' L-ISTĦARRIĠ

1.   IL-GRAD TA' KOOPERAZZJONI

(16)

Kif intqal fil-punt 12, sitt esportaturi/produtturi tal-film tal-PET fl-Indja kkooperaw fl-istħarriġ billi wieġbu għall-kwestjonarju. It-tagħrif inkiseb ukoll minn produttur esportatur wieħed tal-film tal-PET fil-Brażil u minn kumpanija waħda ta' l-ipproċessar fl-Iżrael li tqatta', tipproduċi f'folji u tikkonverti l-film tal-PET. Dawn il-kumpaniji Brażiljani u Iżraeljani kienu jammontaw għal parti żgħira (inqas minn 1 % u madwar 5 %, rispettivament), kemm fil-volum u fil-valur, ta' l-importazzjonijiet kollha tal-film tal-PET minn dawk il-pajjiżi lejn il-Komunità matul il-PS, kif kien irrappurtat mill-Eurostat.

(17)

L-awtoritajiet Indjani għamlu sottomissjoni bil-miktub, f'żieda mal-bidu ta' l-istħarriġ, u taw tagħrif statistiku dwar l-esportazzjonijiet ta' film tal-PET mill-Indja lejn, inter alia, il-Komunità. It-tagħrif statistiku dwar l-esportazzjonijiet ta' film tal-PET mill-Brażil lejn il-Komunità nkiseb ukoll mill-bażi tat-tagħrif nazzjonali tal-Brażil. Il-Gvern Indjan bagħat ukoll tagħrif li jidentifika l-iskemi li ntużaw mill-kumpaniji li kienu suġġetti għall-miżuri li kienu għadhom fis-seħħ.

2.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT LI JIXXIEBAH

(18)

Il-prodott ikkonċernat huwa, kif iddefinit fl-istħarriġ tal-bidu, il-film tal-polyethylene terephthalate (PET) li ġej mill-Indja, normalment iddikjarat taħt il-kodiċis tan-NM ex 3920 62 19 u ex 3920 62 90 (“il-prodott ikkonċernat”).

(19)

Qed jitqies li l-film tal-PET esportat lejn il-Komunità mill-Indja u l-film tal-PET ikkunsinnat mill-Brażil u mill-Iżrael lejn il-Komunità għandhom l-istess karatteristiċi bażiċi u l-istess użi. Għalhekk, dawn qed jitqiesu bħala prodotti li jixxiebħu fit-tifsira ta' l-Artikolu 1(5) tar-Regolament bażiku.

3.   IL-BIDLA FL-GĦAMLA TAL-KUMMERĊ

L-Indja

(20)

Fil-perjodu 1999-2003, l-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat 96,5 % ta' l-importazzjonijiet totali mill-Indja taħt il-kodiċi tan-NM rilevanti. Stħarriġ tas-suq għalhekk sar bis-saħħa tad-data Eurostat fuq il-livell tal-kodiċi NM. Fl-1999 kienu ġew imposti taxxi kompensatorji fuq l-importazzjonijiet fil-Komunità ta' film tal-PET li joriġinaw mill-Indja, liema dazji kienu wasslu għal tnaqqis fil-volumi ta' dawn l-importazzjonijiet minn 11 700 tunnellata fl-1998 għal 10 600 tunnellata fl-1999. Fis-sena 2000 l-importazzjonijiet rkupraw għal 11 600 tunnellata, iżda dan kien segwit mid-dħul fis-seħħ fis-sena 2001 ta' miżuri kontra d-dumping, liema dazji wasslu għal tnaqqis fl-importazzjonijiet għal 6 100 tunnellata. Minn hemm 'il quddiem l-importazzjonijiet rkupraw gradwalment u matul il-perjodu ta' l-istħarriġ kienu ta' 11 500 tunnellata.

(21)

Dwar l-għamla li ssemmiet fuq, wieħed għandu jinnota li kumpanija waħda biss kellha b'mod sostanzjali rata aktar baxxa ta' dazju kumulattiv (11) mill-produtturi l-oħrajn. L-għamla tal-kummerċ ta' din il-kumpanija segwiet xejra differenti ħafna minn dik tal-produtturi l-oħrajn, waqt li bejn id-dħul fis-seħħ tat-taxxi kompensatorji u l-perjodu ta' l-istħarriġ din żiedet sew is-sehem tagħha fl-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-Indja lejn il-Komunità. L-aktar, bejn is-sena 2000 u l-2001, meta l-miżuri ta' kontra d-dumping, din il-kumpanija żiedet sew is-sehem tagħha fl-esportazzjonijiet kollha li kienu qed isiru mill-Indja lejn il-Komunità. Jekk neliminaw din il-bixra irregolari, il-volum totali tal-prodott ikkonċernat importat fil-Komunità baqa' sew taħt dak ta' qabel l-impożizzjoni tal-miżuri kompensatorji.

(22)

L-awtoritajiet Indjani bagħtu tagħrif statistiku fuq l-esportazzjonijiet lejn, inter alia, il-Komunità. Dawn urew li kienu qed iqisu l-istatistiċi uffiċjali ta' l-Indja bħala li ma kienu qed juru l-ebda tidwir mal-miżuri kompensatorji eżistenti mill-produtturi Indjani tal-film tal-PET. Madankollu, it-tagħrif li ssemma mhuwiex wieħed konsistenti mat-tagħrif ta' l-esportazzjoni mogħti mill-esportaturi Indjani li kkooperaw, mill-inqas safejn għandhom x'jaqsmu l-esportazzjonijiet lejn l-Iżrael; dan it-tagħrif juri li kien hemm żieda qawwija fil-volumi tal-kummerċ mill-Indja lejn l-Iżrael mis-sena 2000 sas-sena 2003. Safejn għandu x'jaqsam il-Brażil, it-tagħrif uffiċjali ta' l-Indja dwar l-esportazzjonijiet diretti lejn il-Brażil juri li kien hemm żieda minn madwar 460 tunnellata fl-1998 għal aktar minn 1 500 tunnellata fis-sena 2000, u mbagħad kien hemm stabbiltà relattiva f'dan il-livell. Dan juri li kien hemm żieda sostanzjali, u l-istabbiltà ta' l-esportazzjonijiet minn hemm 'il quddiem ma tippruvax li ma kienx hemm qerq; dan minħabba l-fatt li dawn il-figuri ma jinkludux bejgħ indirett permezz ta' pajjiżi intermedjarji oħrajn. Fil-fatt, l-uniku produttur Brażiljan tal-film tal-PET ikkoopera fl-istħarriġ u l-esportazzjonijiet li huwa għamel lejn il-Komunità jirrappreżentaw biss parti żgħira ħafna (0,5 %) mill-bejgħ kollu li sar mill-Brażil lejn il-Komunità matul il-PS.

Il-Brażil

(23)

L-importazzjonijiet fil-Komunità tal-film tal-PET mill-Brażil, kif kien irrappurtat mill-Eurostat fuq livell ta' NM, meta wieħed inaqqas l-importazzjonijiet ta' merkanzija li kienet maħduma mill-kumpanija li kkooperat, żdiedu minn madwar 115-il tunnellata fl-1998 (0,2 % ta' l-importazzjonijiet kollha), għal aktar minn 650 tunnellata (0,6 %) fis-sena 2000, fis-sena ta' wara d-dħul fis-seħħ tal-miżuri kompensatorji. Aktar minn 1 200 tunnellata (1,4 %) kienu ġew impurtati fis-sena 2001 waqt li żdiedu għal aktar minn 2 500 tunnellata (3,2 %) fis-sena 2002 u baqgħu ftit aktar minn 2 000 tunnellata matul il-PS (2,4 % ta' l-importazzjonijiet kollha tal-film tal-PET).

(24)

L-unika kumpanija fil-Brażil li kkooperat, it-Terphane, hija, kif intqal fuq (fil-punt 22), l-unika produttur magħruf tal-film tal-PET fil-Brażil. Matul il-PS, din il-kumpanija esportat biss kunsinna waħda ta' 10,6 tunnellati ta' film tal-PET lejn il-Komunità. Barra minn kampjun li nbiegħ fis-sena 2002, din kienet l-ewwel esportazzjoni ta' film tal-PET li l-kumpanija għamlet lejn il-Komunità. Għalhekk, il-kumpanija ma tidhirx li kienet responsabbli għall-volumi ta' film tal-PET li kienu deħlin fil-Komunità mill-Brażil fil-perjodu ta' bejn l-1998 u l-2003 (il-punt (23) fuq). Il-film fornut lill-Komunità jinħadem mill-kumpanija f'faċilitajiet li kienu ġew stabbiliti qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżuri fuq il-film tal-PET Indjan. Għalhekk, ma nstabet l-ebda bidla fl-għamla tal-kummerċ ta' din il-kumpanija.

L-Iżrael

(25)

L-importazzjonijiet fil-Komunità ta' film tal-PET mill-Iżrael, kif kienu rrappurtati mill-Eurostat fuq livell ta' NM, meta wieħed inaqqas l-importazzjonijiet ta' oġġetti li kienu prodotti mill-kumpanija li kkooperat, naqsu bejn l-1998 u l-1999 minn 1 100 tunnellata għal ftit anqas minn 1 000 tunnellata fl-1999 (1,3 % ta' l-importazzjonijiet kollha ta' film tal-PET), iżda mbagħad żdiedu għal 3 000 tunnellata fis-sena 2000 (3,7 % ta' l-importazzjonijiet kollha) u għal 3 400 tunnellata fis-sena 2001 (4,1 % ta' l-importazzjonijiet kollha ta' film tal-PET). Il-volumi komplew jiżdiedu għal ftit aktar minn 4 200 tunnellata fis-sena 2002 (5,1 % ta' l-importazzjonijiet) u għal aktar minn 4 400 tunnellata fis-sena 2003 (5,3 % ta' l-importazzjonijiet). Għalkemm fl-Iżrael kien hemm numru żgħir ta' converters tal-film tal-PET, it-tagħrif li wasal fil-limiti ta' żmien stipulati wera li, anke b'mod kumulattiv, x'aktarx dawn ma kellhomx kapaċità biżżejjed biex ikunu responsabbli mill-volumi ta' film li kienu deħlin fil-Komunità mill-Iżrael fil-perjodu ta' bejn l-2000 u l-2003.

(26)

It-tagħrif uffiċjali Indjan fuq l-esportazzjoni juri li kien hemm tnaqqis inizjali fl-esportazzjoni lejn l-Iżrael minn 53 tunnellata fl-1998 għal 44 tunnellata fl-1999. 81 tunnellata kienu esportati fis-sena 2000, 395 tunnellata fis-sena 2001, 1 032 tunnellata fis-sena 2002 u 2 453 tunnellata fil-PS.

(27)

L-unika kumpanija fl-Iżrael li kkooperat kienet il-Jolybar. Din tqatta', tipproduċi f'folji u tikkonverti l-film tal-PET mixtri u tbigħu bħala prodotti li jaqgħu taħt l-istess kodiċis tan-NM bħall-prodott ikkonċernat. Iżda ġeneralment dan ma jkunx ġej mill-Indja, u għalhekk ma jistax jitqies bħala l-prodott ikkonċernat. Il-kumpanija ilha tipprovdi l-film tal-PET lill-Komunità sa mis-snin disgħin. Il-kwantitajiet ta' film tal-PET li ġew esportati mill-Jolybar lejn il-Komunità rduppjaw bejn is-snin 1999 u l-2003 (il-PS). Il-film fornut lill-Komunità jinħadem mill-kumpanija f'faċilitajiet li kienu ġew stabbiliti qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżuri fuq il-film tal-PET Indjan. Irrispettivament minn jekk dan l-iżvilupp ta' l-esportazzjonijiet jurix bidla fl-għamla tal-kummerċ ta' din il-kumpanija, dan il-punt ma kienx tqies aktar minħabba li, f'kull eventwalità, kien hemm ġustifikazzjoni ekonomika ċara għal din l-imġieba, kif stabbilit fil-punt 31.

(28)

Minħabba dan t'hawn fuq, u l-aktar minħabba l-koinċidenza bejn iż-żieda fl-importazzjonijiet mill-Brażil u l-Iżrael u d-dħul fis-seħħ fl-1999 tal-miżuri kompensatorji fuq il-film tal-PET li ġej mill-Indja, ġiet stabbilita bidla fl-għamla tal-kummerċ b'rabta ma' l-esportazzjonijiet tal-film tal-PET mill-Indja, l-Iżrael u l-Brażil.

4.   RAĠUNI JEW ĠUSTIFIKAZZJONI EKONOMIKA MHUX SUFFIĊJENTI

Il-Brażil

Il-produtturi esportaturi li ma kkooperawx

(29)

Fin-nuqqas ta' kull kooperazzjoni oħra u meta wieħed iqis il-bidla li ssemmiet fl-għamla tal-kummerċ tal-Brażil, li seħħet minnufih wara li daħlu fis-seħħ it-taxxi kompensatorji, wieħed jista' jikkonkludi li fuq il-bażi tat-tagħrif disponibbli u fin-nuqqas ta' kull spjegazzjoni oħra, il-bidla li kien hemm fl-għamla tal-kummerċ kienet bdiet mid-dħul fis-seħħ tad-dazju aktar milli minħabba xi raġuni jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti oħra fit-tifsira ta' l-Artikolu 23 (1) tar-Regolament bażiku.

L-Iżrael

Il-produtturi esportaturi li ma kkooperawx

(30)

Fin-nuqqas ta' kooperazzjoni u minħabba l-bidla msemmija fuq fl-għamla tal-kummerċ li seħħet wara d-dħul fis-seħħ tat-taxxi kompensatorji, wieħed jista' jagħlaq billi jgħid li, fuq il-bażi tat-tagħrif disponibbli u fin-nuqqas ta' kull spjegazzjoni oħra, il-bidla li kien hemm fl-għamla tal-kummerċ kienet bdiet mid-dħul fis-seħħ tad-dazju aktar milli minħabba xi raġuni jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti oħra fit-tifsira ta' l-Artikolu 23 (1) tar-Regolament bażiku.

Il-produttur esportatur li kkoopera

(31)

L-istħarriġ wera li l-kummerċ ta' l-esportazzjoni tal-Jolybar lejn il-Komunità kien ilu stabbilit għal żmien twil u li l-film fornut lill-Komunità kien qed jinħadem mill-kumpanija f'faċilitajiet stabbiliti qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżuri fuq il-film tal-PET Indjan. Il-kumpanija spjegat li bħala regola ġenerali din ma tfornix film Indjan lill-konsumaturi tal-Komunità. Dan għaliex dawn jippreferu l-kwalitajiet tal-film Ewropew bħala materjal ta' bażi għat-trattament li jsir mill-Jolybar. B'mod mhux tas-soltu, matul il-PS, kwantità ta' madwar tunnellata ta' film Indjan kienet intbagħtet lil konsumatur wieħed fil-Komunità bħala parti minn kunsinna akbar li l-konsumatur kien jeħtieġ b'mod urġenti. Għalhekk, wieħed jikkonkludi li hemm ġustifikazzjoni ekonomika biżżejjed għall-iżvilupp ta' l-esportazzjonijiet tal-Jolybar, li huwa skond il-ħidmiet tagħha fis-suq tal-Komunità b'rabta mal-film tal-PET maħdum minnha.

5.   ID-DGĦUFIJA TA' L-EFFETTI TAR-RIMEDJU F'TERMINI TA' PREZZIJIET U/JEW KWANTITAJIET TAL-PRODOTT LI JIXXIEBAH

Il-produtturi esportaturi li ma kkooperawx

(32)

Il-figuri li dehru fil-punti (20) sa (28) juru li mad-dħul fis-seħħ tal-miżuri fl-1999 kien hemm bidla kwantitattiva ċara fl-għamla ta' l-importazzjonijiet tal-Komunità tal-prodott ikkonċernat. Kien hemm tnaqqis fil-importazzjonijiet mill-Indja lejn il-Komunità meta daħlu fis-seħħ il-miżuri, jiġifieri minn 11 700 tunnellata fl-1998 għal 10 600 tunnellata fis-sena 1999 (9 %). Iż-żiediet fl-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat lejn il-Komunità mill-Brażil u l-Iżrael għolew mill-1999 sas-sena 2000, minn livell kumulattiv ta' inqas minn 1 000 tunnellata għal aktar minn 3 500 tunnellata. It-tagħrif ta' l-Eurostat juri li, mill-1998 sat-tmiem tal-PS iż-żidiet fl-importazzjonijiet lejn il-Komunità telgħu għal 1 900 tunnellata mill-Brażil u għal 3 500 tunnellata mill-Iżrael. L-esportazzjonijiet mill-Indja, li waqgħu wara li daħlu fis-seħħ il-miżuri kompensatorji u reġgħu waqgħu wara d-dħul fis-seħħ tal-miżuri ta' kontra d-dumping, reġgħu rkupraw għal-livelli ta' qabel ma kienu daħlu fis-seħħ il-miżuri kompensatorji. Għalhekk, tqies li parti mill-andament tal-kummerċ ta' l-esportazzjoni mill-Indja kienet l-ewwel ġiet ikkumpensata, u aktar tard imsaħħa, mill-andamenti ta' l-esportazzjoni mill-Brażil u l-Iżrael; dan dgħajjef l-effetti tar-rimedju tal-miżuri f'termini ta' kwantitajiet impurtati lejn is-suq tal-Komunità.

(33)

Dwar il-prezzijiet tal-prodotti kkonċernati li ġew ikkunsinnati mill-Brażil u l-Iżrael, minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni li kien hemm, kien jeħtieġ li ssir referenza għat-tagħrif ta' l-Eurostat, li huwa l-aħjar xhieda disponibbli.

(34)

Il-prezz medju ta' l-importazzjonijiet tal-film tal-PET mill-Brażil matul il-PS, aġġustat għall-ispejjeż ta' wara l-importazzjoni, kien madwar 67 % tal-livell tat-tneħħija tal-ħsara, li kien stabbilit fl-istħarriġ li wassal għall-impożizzjoni miżuri kompensatorji. Fuq din il-bażi, jidher li f'termini ta' prezzijiet il-films tal-PET ikkunsinnati mill-Brażil ukoll dgħajfu l-effetti tar-rimedju tad-dazju li kien ġie impost.

(35)

Il-prezz medju ta' l-importazzjonijiet tal-film tal-PET mill-Iżrael matul il-PS, aġġustat għall-ispejjez ta' wara l-importazzjoni, kien madwar 75 % tal-livell tat-tneħħija tal-ħsara, li kien stabbilit fl-istħarriġ tal-bidu ta' kontra s-sussidju. Fuq din il-bażi, jidher li f'termini ta' prezzijiet l-importazzjonijiet mill-Iżrael ukoll dgħajfu l-effetti tar-rimedju tad-dazju li kien ġie impost.

(36)

Għalhekk, wieħed jista' jagħlaq billi jgħid li l-importazzjonijiet ta' film tal-PET mill-Brażil u mill-Iżrael dgħajfu l-effetti tar-rimedju tal-miżuri kompensatorji, kemm f'termini ta' kwantitajiet kif ukoll ta' prezzijiet.

6.   XHIEDA TA' SUSSIDJU SSUKTAT B'RABTA MAL-PRODOTT IKKONĊERNAT

(37)

L-istħarriġ tal-bidu kien wera li l-kumpaniji Indjani kienu qed igawdu mis-sussidji li ġejjin: il-Ktieb tal-Pass ta' l-Intitolament tad-Dazju (qabel l-esportazzjoni), il-Ktieb tal-Pass ta' l-Intitolament tad-Dazju (wara l-esportazzjoni) (“DEPB”), l-Iskema ta' Promozzjoni ta' l-Esportazzjoni tal-Merkanzija ta' Kapital (“EPCG”) u l-iskemi taż-Żoni ta' Promozzjoni ta' l-Esportazzjoni/l-Unitajiet Orjentati lejn l-Esportazzjoni (“EPZ/EOU”) kif ukoll ċerti skemi reġjonali. Il-Gvern Indjan bagħat tagħrif li kien juri li l-KPID (ta' wara l-esportazzjoni) u l-iskemi tal-DEPB komplew jintużaw, iżda l-kumpaniji kkonċernati ma kinux jinstabu f'inħawi li fihom setgħu igawdu miż-SEZ/EPZ, l-iskema li ġiet wara dik taż-EPZ/EOU. L-ebda tagħrif ma wasal dwar l-iskemi reġjonali. Ħamsa mis-sitt kumpaniji li kkooperaw ikkonfermaw li kienu rċevew fondi mill-iskemi DEPB u EPCG. Il-kumpanija l-oħra ddeċidiet li ma tagħti l-ebda tagħrif jekk il-Kummissjoni ma taqbilx li taħdem mill-ġdid il-livell ta' sussidju. Waħda mill-kumpaniji qieset li s-sussidji ma kinux kompensatorji. Għandu jiġi nnutat li l-Artikolu 23(1) tar-Regolament bażiku ma jitlobx li jkun muri li s-sussidji mogħtija komplew ikunu kompensatorji, lanqas li l-livell tas-sussidji għandu jerġa' jinħadem mill-ġdid. Instab li xi ftit mill-iskemi tas-sussidju li ġew identifikati matul l-istħarriġ tal-bidu bħala kompensatorji kienu għadhom fis-seħħ u li ħafna mill-esportaturi Indjani kienu għadhom qed igawdu minnhom. Fin-nuqqas ta' kooperazzjoni wieħed għandu jassumi li kull produttur esportatur ieħor jista' jgawdi wkoll minn dawn is-sussidji. Għalhekk, wieħed jista' jagħlaq billi jgħid li l-prodott li jixxiebah li kien esportat xorta għadu jgawdi mis-sussidju kif meħtieġ bl-Artikolu 23(1) tar-Regolament bażiku biex ikunu estiżi t-taxxi kompensatorji tal-prodott li jixxiebah li jkun ġej minn pajjiżi terzi.

Ċ.   TALBIET GĦALL-EŻENZJONI MIR-REĠISTRAZZJONI JEW MILL-ESTENSJONI TAD-DAZJU

(38)

Il-Kummissjoni rċeviet talba mit-Terphane u mill-Jolybar biex dawn jiġu eżentati mir-reġistrazzjoni u l-miżuri. Kif intqal fil-punti 24 u 27, dawn il-kumpaniji kkooperaw fl-istħarriġ, billi wieġbu għall-kwestjonarju u aċċettaw li ssirilhom żjara ta' verifika.

(39)

Skond ir-Regolament (KE) Nru 1830/2004 (2), il-Kummissjoni emendat ir-Regolament tal-bidu ta' l-istħarriġ biex tkun tista' titwaqqaf ir-reġistrazzjoni fuq l-importazzjonijiet ta' film tal-PET maħdum mit-Terphane u l-Jolybar, li nstabu li ma kienu qed iduru ma' l-ebda taxxa kompensatorja.

(40)

Skond ir-riżultati t'hawn fuq, billi t-Terphane u l-Jolybar nstabu li m'għamlu l-ebda qerq f'dawn il-miżuri li hemm fis-seħħ, dawn il-kumpaniji għandhom jiġu wkoll eżentati mill-estensjoni tal-miżuri previsti.

D.   IL-MIŻURI

(41)

Minħabba r-riżultati t'hawn fuq, instab li sar qerq fit-tifsira ta' l-Artikolu 23(1) tar-Regolament bażiku. Skond l-Artikolu 23(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri kompensatorji li hemm bħalissa fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat (i.e. il-film tal-PET li ġej mill-Indja), għandhom jiġu estiżi għall-importazzjonijiet tal-film tal-PET li jiġu kkunsinnati mill-Brażil u l-Iżrael, kemm jekk dawn ikunu ddikjarati li ġejjin mill-Brażil jew mill-Iżrael jew le, ħlief għal dak maħdum mit-Terphane u l-Jolybar.

(42)

Skond l-Artikolu 24(5) tar-Regolament bażiku, li jisħaq li l-miżuri għandhom ikunu jgħoddu għal dawk l-importazzjonijiet li ġew irreġistrati mid-data tar-reġistrazzjoni, it-taxxa kompensatorja għandha tinġabar fuq l-importazzjonijiet tal-film tal-PET ikkunsinnati mill-Brażil jew mill-Iżrael u li jkunu daħlu fil-Komunità taħt reġistrazzjoni imposta bir-Regolament tal-bidu ta' l-istħarriġ, ħlief għall-importazzjonijiet ta' film tal-PET ikkunsinnati mill-Brażil u maħduma mit-Terphane u dawk ikkunsinnati mill-Iżrael u maħduma mill-Jolybar.

(43)

L-eżenzjonijiet mill-miżuri estiżi mogħtija għall-film tal-PET maħdum mill-Jolybar u mit-Terphane għandhom, skond l-Artikolu 23(43) tar-Regolament bażiku, jibqgħu validi taħt il-kundizzjoni li ma jiġix stabbilit li l-eżenzjoni tingħata fuq il-bażi ta' tagħrif falz jew li jiżgwida, liema tagħrif ikun ingħata mill-kumpaniji kkonċernati. Jekk ix-xhieda prima facie tkun turi mod ieħor, il-Kummissjoni għandha tagħmel stħarriġ biex ikun stabbilit jekk it-tneħħija ta' l-eżenzjoni għandhiex tkun waħda ġġustifikata.

(44)

Li d-dazji ma jkunux estiżi għall-importazzjonijiet ta' film tal-PET maħdum mit-Terphane u l-Jolybar kien ġie stabbilit fuq il-bażi tar-riżultati ta' l-istħarriġ preżenti. Għalhekk, dan jgħodd b'mod esklussiv għall-importazzjonijiet ta' film tal-PET ikkunsinnati mill-Brażil jew l-Iżrael, rispettivament, u maħduma minn dawn l-entitajiet legali speċifiċi. Il-film tal-PET impurtat li jkun inħadem jew ikkunsinnat minn xi kumpanija oħra li ma tidhirx speċfikament b'isimha u l-indirizz tagħha fil-parti ta' l-operat ta' dan ir-Regolament, inklużi dawk l-entitajiet marbuta ma' dawk imsemmija speċifikament, ma jistax igawdi mill-eżenzjoni, u għalhekk għandu jkun suġġett għar-rata tad-dazju tar-residwu imposta bir-Regolament (KE) Nru 2597/1999.

E.   PROĊEDURA

(45)

Il-partijiet interessati ġew infurmati bil-fatti essenzjali u bil-kunsiderazzjonijiet dwar il-bażi li fuqha l-Kunsill kien biħsiebu jestendi id-dazju definittiv kontra d-dumping fis-seħħ, u ngħataw l-opportunità li jagħtu l-kummenti tagħhom u jinstemgħu. L-awtoritajiet Iżraeljani tennew il-kummenti tal-Gvern Indjan fil-punt (10). Ressqu wkoll lista ta' converters Iżraeljani tal-film tal-PET li kienu ġew esportati lill-Komunità Ewropea waqt l-2003 u l-2004. Madankollu, billi dawn il-kumpaniji ma kkoperawx fil-limiti ta' żmien stipulati, ma setax jiġi stabbilit jekk kienux daru ma' dawn il-miżuri. Għalhekk, ma setgħux jiġu eżentati mill-estensjoni tal-miżuri għall-Iżrael.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   It-taxxa kompensatorja definittiva ta' 19,1 % impost bir-Regolament (KE) Nru 2597/1999 fuq l-importazzjonijiet ta' film tal-polyethylene terephthalate li joriġinaw mill-Indja, u li jaqgħu fil-kodiċi tan-NM ex 3920 62 19 u ex 3920 62 90, qed tkun hawnhekk estiża għall-importazzjonijiet ta' l-istess film tal-polyethylene terephthalate li jkunu kkunsinnati mill-Brażil u mill-Iżrael (kemm jekk ikunu ddikjarati li ġejjin mill-Brażil jew l-Iżrael jew le) (kodiċi TARIC 3920621901, 3920621904, 3920621907, 3920621911, 3920621914, 3920621917, 3920621921, 3920621924, 3920621927, 3920621931, 3920621934, 3920621937, 3920621941, 3920621944, 3920621947, 3920621951, 3920621954, 3920621957, 3920621961, 3920621967, 3920621974, 3920621992, 3920629031, 3920629092), ħlief għal dawk maħduma mit-Terphane Ltda, BR 101, km 101, il-Belt ta' Cabo de Santo Agostinho, l-Istat ta' Pernambuco, fil-Brażil (kodiċi TARIC addizzjonali A569) u mill-Jolybar Filmtechnic Converting Ltd. (1987), Hacharutsim str. 7, Ind. Park Siim 2000, Natania South, 42504, Kaxxa Postali 8380, fl-Iżrael (kodiċi TARIC addizzjonali A570).

2.   It-taxxa estiża bil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tinġabar fuq l-importazzjonijiet irreġistrati skond l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 283/2004 u l-Artikoli 23(3) u 24(5) tar-Regolament (KE) Nru 2026/97, ħlief għal dawk maħduma mit-Terphane Ltda, BR 101, km 101, il-Belt ta' Cabo de Santo Agostinho, l-Istat ta' Pernambuco, il-Brażil u mill-Jolybar Filmtechnic Converting Ltd. (1987), Hacharutsim str. 7, Ind. Park Siim 2000, Natania South, 42504, Kaxxa Postali 8380, l-Iżrael.

3.   Id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji tad-dwana għandhom japplikaw.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, nhar il-15 ta' Novembru 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

M. VAN DER HOEVEN


(1)  ĠU L 288, il-21.10.1997, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77,13.3.2004, p. 12.)

(1)  ĠU L 316, l-10.12.1999 p. 1.

(2)  ĠU L 227, 23.8.2001 p. 1.

(3)  ĠU C 154, 28.6.2002, p. 2.

(4)  ĠU C 281, 22.11.2003, p. 4.

(5)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 461/2004.

(6)  ĠU C 43, id-19.2.2004 p. 14.

(7)  ĠU L 49, 19.2.2004, p. 25.

(8)  ĠU L 49, 19.2.2004, p. 28. Regolament kif emendat bir-Regolament 1830/2004 (ĠU L 321, 22.10.2004, p. 26).

(9)  ĠU L

(10)  Deċiżjonijiet kontra t-tidwir adottati mill-Kumitat għan-Negozjati dwar il-Kummerċ fil-15 ta' Diċembru 1993.

(11)  Il-kumpanija in kwistjoni kienet suġġetta għal taxxa kompensatorja ta' 7 %.

(2)  ĠU L 321, 22.10.2004, p. 26.


Top