EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004E0789

Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/789/PESK tat- 22 ta' Novembru 2004 dwar l-estensjoni tal-Missjoni tal-Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea f'dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (EUPOL PROXIMA)

ĠU L 348, 24.11.2004, p. 40–44 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 128–132 (MT)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 14/12/2005

ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2004/789/oj

7.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

128


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2004/789/PESK

tat-22 ta' Novembru 2004

dwar l-estensjoni tal-Missjoni tal-Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea f'dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (EUPOL PROXIMA)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari l-Artikolu 14, l-Artikolu 25, it-tielet paragrafu, l-Artikolu 26 u l-Artikolu 28(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Skond il-Ftehim Kwadru ta' Ohrid, il-kontribut ta' l-Unjoni hu bbażat fuq approċċ wiesa', b' attivitajiet biex tiġi indirizzata l-firxa sħiħa ta' aspetti ta' l-istat tad-dritt, inklużi l-programmi ta' żvilupp ta' istituzzjonijiet u attivitajiet tal-pulizija li għandhom jagħtu sostenn u jinfurzaw mill-ġdid b'mod reċiproku. L-attivitajiet ta' l-Unjoni, mogħtija sostenn, inter alia, mill-programmi Komunitarji għall-iżvilupp ta' istituzzjonijiet taħt ir-Regolament CARDS, ser jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-paċi ġenerali f'dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja kif ukoll għal kisba tal-politika ġenerali ta' l-Unjoni fir-reġjun, notevolment il-proċess ta' stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni.

(2)

L-Unjoni ħatret Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea (EUSR) biex jikkontribwixxi għall-konsolidazzjoni tal-proċess politiku paċifiku u l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim Kwadru ta' Ohrid, biex jgħin jiżgura l-koerenza ta' l-azzjoni esterna ta' l-UE u jiżgura koordinazzjoni ta' l-isforzi tal-komunità internazzjonali biex igħinu fl-implimentazzjoni u s-sostenibbilità tad-disposizzjonijiet ta' dak il-Ftehim Kwadru.

(3)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1371 (2001) adottata fis-26 ta' Settembru 2001 tilqa' l-Ftehim Kwadru ta' Ohrid u tagħti sostenn lill-implimentazzjoni sħiħa bl-isforzi ta', inter alia, l-UE.

(4)

Fl-interess tal-preservazzjoni u l-iżvilupp bbażat fuq riżultati sinifikanti miksuba f'dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja permezz ta' impenn konsiderevoli ta' l-isforz politiku u r-riżorsi ta' l-UE, l-UE saħħet ir-rwol tagħha fil-pulizija biex tikkontribwixxi iktar għal ambjent stabbli u sigur biex tippermetti lill-gvern ta' dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jimplimenta l-ftehim kwadru ta' Ohrid.

(5)

Is-sitwazzjoni tas-sigurtà f'dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja kompliet titjieb mill-kunflitt fl-2001'l hawn. Fl-2004 l-istabbilità ssaħħet iktar. Ittieħdu passi fil-preparazzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi ċentrali tal-Ftehim Kwadru ta' Ohrid u saru sforzi biex jiġu indirizzati prijoritajiet oħrajn ta' riforma, inkluż fil-qasam ta' l-istat tad-dritt. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li s-sitwazzjoni tas-sigurtà tista' tmur għall-agħar b'riperkussjonijiet potenzjalment serji fuq is-sigurtà internazzjonali. Għalhekk impenn kontinwu ta' l-isforz politiku u r-riżorsi ta' l-UE ser jgħin biex tissoda iktar l-istabbilità fil-pajjiż kif ukoll fir-reġjun.

(6)

Fis-16 ta' Settembru 2003, l-awtoritajiet ta' dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja stiednu lill-UE biex tassumi r-responsabbilità għal rwol msaħħaħ fil-pulizija u biex tibgħat Missjoni tal-Pulizija ta' l-UE (EUPOL PROXIMA).

(7)

L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2003/681/PESK tad-29 ta' Settembru 2003 (1) stabbiliet l-EUPOL PROXIMA għal perijodu ta' 12-il xahar bejn il-15 ta' Diċembru 2003 u l-14 ta' Diċembru 2004.

(8)

Fl-1 ta' Ottubru 2004, il-Prim Ministru ta' Dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (fYROM), is-Sur Hari Kostov, bagħat ittra lis-Segretarju-Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ), li fiha stieden lill-UE biex tieħu l-passi meħtieġa biex testendi l-EUPOL PROXIMA bi 12-il xahar wara li jiskadi l-mandat attwali fl-14 ta' Diċembru 2004.

(9)

Fil-11 ta' Ottubru 2004 il-Kunsill, waqt li innota l-progress magħmul, qabel li jestendi l-EUPOL PROXIMA għal 12-il xahar ieħor wara li jiskadi l-mandat attwali fl-14 ta' Diċembru 2004. Il-Kunsill qabel ukoll li l-għan tal-missjoni estiża ser ikun biex tagħti sostenn ulterjuri lill-iżvilupp ta' servizz tal-pulizija effiċjenti u professjonali bbażat fuq standards ta' pulizija Ewropej. Taħt il-gwida tar-Rappreżentant Speċjali ta' l-UE fi Skopje u bi sħubija ma' l-awtoritajiet tal-Gvern ospitanti, l-esperti tal-pulizija ta' l-UE ser ikomplu jimmonitorjaw, jagħtu konsulenza esperta u pariri lill-pulizija tal-pajjiż, waqt li jiffokaw fuq il-persunal ta' ġestjoni medja u għolja, u b'hekk jgħinu biex il-kriminalità organizzata tiġi miġġielda b'mod iktar effettiv, biex il-kunfidenza pubblika fil-pulizija tiġi faċilitata iktar, biex il-liġi u l-ordni jiġu konsolidati, u biex jgħinu iktar fil-ħolqien ta' servizz ta' pulizija tal-fruntieri.

(10)

Il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (PSC) għandu jeżerċita kontroll politiku tal-EUPOL PROXIMA u jipprovdiha b'direzzjoni strateġika u jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti skond l-Artikolu 25, it-tielet subparagrafu tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea (TEU). Il-PSC għandu jiġi infurmat fuq bażi regolari dwar l-aspetti kollha tal-missjoni, inkluż permezz ta' l-għoti ta' informazzjoni mill-EUSR u l-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija kif meħtieġ.

(11)

B'konformità mal-linji gwida tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f’Nizza fis-7-9 ta’ Diċembru 2000, din l-Azzjoni Konġunta għandha tiddetermina r-rwol tas-SĠ/RGħ skond l-Artikoli 18 u 26 tat-TUE fl-implimentazzjoni tal-miżuri li jaqgħu taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika eżerċitata mill-PSC, skond l-Artikolu 25 tat-TUE.

(12)

Stati Terzi għandhom jieħdu sehem fl-operazzjoni skond il-linji gwida stabbiliti mill-Kunsill Ewropew ta' Nizza.

(13)

L-Artikolu 14(1) tat-TUE isejjaħ għall-indikazzjoni ta’ ammont finanzjarju ta’ referenza għall-perijodu sħiħ ta’ implimentazzjoni ta’ l-Azzjoni Konġunta; l-indikazzjoni ta’ l-ammonti li għandhom jiġu ffinanzjati mill-budget tal-Komunità turi r-rieda ta’ l-awtorità leġisattiva u hija soġġetta għad-disponibbiltà ta’ somom kommmessi matul is-sena tal-budget rispettiva,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

Missjoni

1.   L-Unjoni Ewropea b'dan testendi l-Missjoni tal-Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea (EUPOL PROXIMA) f'dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (FYROM) mill-15 ta' Diċembru 2004 sa l-14 ta' Diċembru 2005.

2.   L-EUPOL PROXIMA għandha topera skond l-għanijiet u d-disposizzjonijiet oħra hekk kif jinstabu fid-dikjarazzjoni tal-missjoni stabbilita fl-Artikolu 3.

Artikolu 2

Ippjanar għall-estensjoni

1.   Bi tħejjija għall-estensjoni tal-missjoni, il-Kap tal-Missjoni tal-Pulizija attwali għandu jistabbilixxi task force fil-missjoni li tikkonsisti mill-persunal meħtieġ biex jittratta l-funzjonijiet ġejjin mill-ħtiġijiet għall-estensjoni tal-missjoni.

2.   Valutazzjoni komprensiva tar-riskju għandha titwettaq bħala prijorità fil-proċess ta’ l-ippjanar u tista’ tiġi aġġornata kif meħtieġ.

3.   Il-Kap tal-Missjoni attwali għandu, abbażi tal-Kunċett ta' Operazzjonijiet (CONOPS) approvat mill-Kunsill, u abbażi tal-gwida mogħtija mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (PSC) ifassal Pjan ta' Operazzjoni rivedut (OPLAN) u jiżviluppa l-istrumenti tekniċi kollha meħtieġa biex tiġi eżegwita l-estensjoni ta' l-EUPOL PROXIMA. L-OPLAN rivedut għandu jqis il-valutazzjoni komprensiva tar-riskju.

4.   Fit-tħejjija għall-estensjoni tal-missjoni, inkluż l-abbozzar ta' l-OPLAN rivedut, il-Kap ta' Missjoni attwali għandu jikkonsulta lill-Proġett ta' Riforma tal-Pulizija tal-Kummissjoni Ewropea u l-OSCE fi Skopje u jikkordina magħhom.

Artikolu 3

Dikjarazzjoni tal-Missjoni

EUPOL PROXIMA, b'konformità ma' l-għanijiet tal-Ftehim Kwadru ta' Ohrid, fi sħubija b'saħħitha ma' l-awtoritajiet rilevanti, u f'perspettiva iktar wiesgħa ta' l-Istat tad-Dritt għandha, b'kordinazzjoni u kumplimentarità sħiħa ma' l-iżvilupp ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji kif ukoll programmi ta' l-OSCE u bilaterali, tkompli timmonitorja, tagħti konsulenza esperta u tagħti pariri lill-pulizija tal-pajjiż, waqt li tiffoka fuq il-persunal ta' ġestjoni medja u għolja, u b'hekk tagħti iktar sostenn, kif xieraq, lil:

il-konsolidazzjoni tal-liġi u l-ordni, inkluż il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. notevolment f'Arei Sensittivi;

il-implimentazzjoni prattika tar-riforma komprensiva tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Interni, inkluż il-pulizija;

it-transizzjoni operazzjonali lejn, u l-ħolqien ta' pulizija tal-fruntieri, bħala parti mill-isforz iktar wiesa' ta' l-UE biex jippromovi amministrazzjoni integrata tal-fruntieri;

il-pulizija lokali fl-iżvilupp ta' kunfidenza fil-popolazzjoni;

il-koperazzjoni msaħħa ma' Stati ġirien fil-qasam tal-pulizija.

Artikolu 4

Struttura

Fil-prinċipju, l-EUPOL PROXIMA għandha tkun strutturata kif ġej:

(a)

kwartieri-ġenerali fi Skopje, magħmulin mill-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija u l-persunal kif definit fl-OPLAN rivedut.

(b)

unità ċentrali waħda ta' ko-lokazzjoni fil-livell tal-Ministeru ta' l-Intern.

(ċ)

ċerti unitajiet ko-lokati f'dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fil-livelli xierqa.

Artikolu 5

Kap ta' Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija

1.   Il-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija għandu jeżerċita Kontroll Operazzjonali (OPCON) fuq il-EUPOL PROXIMA u jassumi t-tmexxija ta’ kuljum ta' l-operazzjonijiet ta' l-EUPOL PROXIMA.

2.   Il-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija għandu jiffirma kuntratt mal-Kummissjoni.

3.   L-uffiċjali tal-pulizija kollha għandhom jibqgħu taħt il-kmand sħiħ ta' l-awtorità nazzjonali xierqa. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jitrasferixxu l-OPCON lill-Kap ta' l-EUPOL PROXIMA.

4.   Il-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju fuq il-persunal. Għal persunal sekondat, azzjoni dixxiplinarja għandha tiġi eżerċitata mill-awtorità nazzjonali jew ta' l-UE konċernata.

Artikolu 6

Persunal

1.   In-numri u l-kompetenza tal-persunal ta’ l-EUPOL PROXIMA għandhom ikunu konsistenti ma' l-dikjarrazzjoni tal-missjoni stabbilita fl-Artikolu 3 u l-istruttura stabbilita fl-Artikolu 4.

2.   Uffiċjali tal-pulizija għandhom jiġu sekondati mill-Istati Membri. Kull Stat Membru għandu jħallas l-ispejjeż relatati ma’ l-uffiċjali tal-pulizija sekondati minnu, inklużi l-pagi, il-kopertura medika, l-allowances barra dawk per diems u l-ispejjeż għall-ivvjaġġar lejn u minn dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

3.   Il-persunal ċivili internazzjonali u l-persunal lokali għandu jiġi rreklutat fuq bażi kontrattwali mill-EUPOL PROXIMA, kif meħtieġ.

4.   L-Istati li jikkontribwixxu jew l-istituzzjonijiet tal-Komunità, jistgħu wkoll, jekk meħtieġa, jissekondaw il-persunal ċivili internazzjonali. Kull Stat Membru jew istituzzjoni Komunitarja li jikkontribwixxu għandhom iħallsu l-ispejjeż relatati mal-persunal sekondat minnhom inklużi l-pagi, il-kopertura medika, l-allowances barra dawk per diems u l-ispejjeż għall-ivvjaġġar lejn u minn dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

Artikolu 7

Linja ta’ Kmand

L-istruttura ta’ l-EUPOL PROXIMA bħala parti mill-approċċ iktar wiesa' ta’ l-Istat tad-Dritt ta’ l-UE f'dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għandu jkollha linja ta’ kmand unifikata, bħala operazzjoni ta’ maniġġjar ta’ kriżijiet.

Ir-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea (EUSR) għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tas-SĠ/RGħ,

Il-PSC għandu jipprovdi l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika,

Il-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija għandu jmexxi lill-EUPOL PROXIMA u jassumi t-tmexxija ta’ kuljum tagħha,

Il-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija għandu jirraporta lis-SĠ/RGħ permezz ta’ l-EUSR,

Is-SĠ/RGħ għandu jagħti gwida lill-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija permezz ta’ l-EUSR.

Artikolu 8

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

1.   Il-PSC għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Missjoni taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill. Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-PSC biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti skond l-Artikolu 25 tat-TUE. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat li jaħtar, fuq proposta mis-SĠ/RGħ, Kap tal-Missjoni, u li japprova u jemenda l-OPLAN rivedut u l-Linja ta’ Kmand. Is-setgħat ta’ deċiżjoni fir-rigward ta’ l-għanijiet u t-tmiem ta’ l-operazzjoni għandhom jibqgħu tal-Kunsill, megħjun mis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli.

2.   L-EUSR għandu jipprovdi gwida politika lokali lill-Kap tal-Missjoni tal-Pulizija. L-EUSR għandu jiżgura kordinazzjoni ma' atturi oħrajn ta' l-UE kif ukoll relazzjonijiet ma' l-awtoritajiet tal-parti li tospita u l-medja.

3.   Il-PSC għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.

4.   Il-PSC għandu jirċievi rapporti, f’intervalli regolari, mill-Kap tal-Missjoni tal-Pulizija dwar kif qed titmexxa l-missjoni. Il-PSC jista’ jistieden lill-Kap tal-Missjoni tal-Pulizija għal-laqgħat tiegħu kif xieraq.

Artikolu 9

Parteċipazzjoni ta' Stati Terzi

1.   Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta' l-UE u l-qafas instituzzjonali uniku ta' l-Unjoni, Stati li ser Jaderixxu għandhom jiġu mistiedna u Stati terzi oħrajn jistgħu jiġu mistiedna biex jikkontribwixxu għall-EUPOL PROXIMA fuq bażi li jħallsu l-ispejjeż biex jibgħatu lill-uffiċjali tal-pulizija u/jew persunal ċivili internazzjonali sekondat minnhom, inkluż il-pagi, l-allowances u l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar lejn u minn dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, u jikkontribwixxu għall-ispejjeż tat-tmexxija ta' l-EUPOL PROXIMA, kif xieraq.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet ta' l-UE u l-Qafas Istituzzjonali Uniku, Stati terzi jistgħu jiġu mistiedna biex jipparteċipaw fl-operazzjoni.

3.   Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-PSC biex jieħu, fuq rakkomandazzjoni tal-Kap tal-Missjoni tal-Pulizija u l-Kumitat għal Aspetti Ċivili ta' Maniġġar ta' Kriżijiet, id-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontributi proposti.

4.   Stati Terzi li qed jagħmlu kontributi lill-EUPOL PROXIMA għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi fit-tmexxija ta' kuljum ta' l-operazzjoni bħal Stati Membri ta' l-UE li jieħdu sehem fl-operazzjoni.

5.   Il-PSC għandu jieħu azzjoni xierqa fir-rigward ta' arranġamenti ta' parteċipazzjoni u għandu, jekk meħtieġ, jissottometti dawk lill-Kunsill, inkluż dwar parteċipazzjoni finanzjarja possibbli minn Stati terzi fl-ispejjeż komuni.

6.   Arranġamenti dettaljat rigward il-parteċipazzjoni ta' Stati Terzi għandhom ikunu s-suġġett ta' ftehim, b'konformità ma' l-Artikolu 24 tat-TEU. Is-SĠ/RGħ li jgħin lill-Presidenza jista’ jinnegozja tali arranġament f’isimha.

Artikolu 10

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri l-ispiża relatata mal-missjoni estiża għandu jkun ta' EUR 15 950 000 għal impenn, li minnhom EUR 5 000 000 mill-budget ta' l-2004 u EUR 10 950 000 mill-budget ta' l-2005.

2.   Fir-rigward ta' spiża finanzjata mill-budget tal-Komunità, dan li ġej għandu japplika:

(a)

l-ispiża għandha tiġi ġestita skond ir-regoli u l-proċeduri tal-Komunità Ewropea applikabbli għall-budget, bl-eċċezzjoni li kwalunkwe finanzjament ta' qabel ma għandux jibqa' l-proprjetà tal-Komunità. Ċittadini ta’ Stati terzi għandhom jitħallew jagħmlu offerti għal kuntratti;

(b)

il-Kap tal-Missjoni tal-Pulizija għandu jirrapporta b'mod sħiħ lill-Kummissjoni, u jiġi sorveljat minnha, dwar l-attivitajiet eżegwiti fil-qafas tal-kuntratt tiegħu.

3.   L-arranġamenti finanzjarji għandhom jirrispettaw il-ħtiġiet operazzjonali ta' l-EUPOL PROXIMA, inkluż il-kompatibilità ta' tagħmir u l-interoperabbilità tat-timijiet tagħha.

Artikolu 11

Azzjoni komunitarja

1.   Il-Kunsill jinnota li l-Kummissjoni għandha tkompli timmira l-azzjoni tagħha lejn il-kisba ta' l-għanijiet ta’ din l-Azzjoni Konġunta, fejn xieraq, permezz ta’ miżuri Komunitarji rilevanti.

2.   Il-Kunsill jinnota wkoll li l-arranġamenti ta' kordinazzjoni xierqa għandhom ikomplu fi Skopje kif ukoll fi Brussel.

Artikolu 12

Rilaxx ta’ informazzjoni klassifikata

1.   Is-SĠ/RGħ hu awtorizzat li jirrilaxxa lin-NATO/KFOR u lill-partijiet terzi assoċjati ma' din l-Azzjoni Konġunta, informazzjoni u dokumenti klassifikati ta' l-UE sal-livell “CONFIDENTIEL UE” ġenerati għall-finijiet ta' l-operazzjoni, skond ir-regolamenti tas-sigurtà tal-Kunsill.

2.   Is-SĠ/RGħ hu awtorizzat ukoll li jirrilaxxa, skond il-bżonnijiet operazzjonali tal-Missjoni, lill-OSCE, informazzjoni u dokumenti klassifikati ta' l-UE sal-livell “RESTREINT UE” ġenerati għall-finijiet ta' l-operazzjoni, skond ir-regolamenti tas-sigurtà tal-Kunsill. Arranġamenti lokali għandhom jiġu mfassla għal dan il-għan.

3.   Fil-każ ta' bżonn operazzjonali speċifiku u immedjat, is-SĠ/RGħ hu awtorizzat ukoll li jirrilaxxa lill-Istat li jospita informazzjoni u dokumenti klassifikati sal-livell “CONFIDENTIEL UE” ġenerati għall-finijiet ta' l-operazzjoni, skond ir-regolamenti tas-sigurtà tal-Kunsill. Fil-każijiet l-oħra kollha, tali informazzjoni u dokumenti għandhom jiġu rilaxxati lill-Istat ospitanti skond proċeduri xierqa għal-livell ta' koperazzjoni ta' l-Istat ospitanti ma' l-UE.

4.   Is-SĠ/RGħ hu awtorizzat li jirrilaxxa lil partijiet terzi assoċjati ma' din l-Azzjoni Konġunta dokumenti mhux klassifikati ta' l-UE relatati mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill fir-rigward ta' l-operazzjoni, koperti mill-obbligu ta' segretezza professjonali skond l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill.

Artikolu 13

Status tal-persunal ta' EUPOL PROXIMA

1.   L-istatus tal-persunal tal-EUPOL PROXIMA f'dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, inkluż il-privileġġi, l-immunitajiet u l-garanziji oħra meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament mingħajr xkiel ta' EUPOL PROXIMA hu stabbilit fil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja dwar l-istatus u l-attivitajiet tal-Missjoni tal-Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea f'dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (EUPOL “Proxima”) konklużi bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/75/PESK (2).

2.   L-Istat jew l-istituzzjoni Komunitarja li ssekondaw membru tal-persunal għandhom ikunu responsabbli biex iwieġbu kull pretensjoni marbuta mas-sekondament, minn jew dwar il-membru tal-persunal. u biex jieħdu azzjoni kontra l-issekondat.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta’ l-adozzjoni tagħha. Għandha tiskadi fl-14 ta’ Diċembru 2005.

Artikolu 15

Pubblikazzjoni

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussel, nhar it-22 ta' Novembru 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

B. R. BOT


(1)  ĠU L 249, l-1 ta' Ottubru 2003, p. 66.

(2)  ĠU L 16, 23.1.2004, p. 65.


Top