EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004D0731

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 26 ta' Lulju 2004 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bożnja u Ħerzegovina dwar proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju ta' informazzjoni klassifikata

ĠU L 324, 27.10.2004, p. 15–15 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 15–15 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2004/731/oj

Related international agreement

32004D0731

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 26 ta' Lulju 2004 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bożnja u Ħerzegovina dwar proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju ta' informazzjoni klassifikata

Official Journal L 324 , 27/10/2004 P. 0015 - 0015
Official Journal L 153 , 07/06/2006 P. 0015 - 0015


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tas- 26 ta' Lulju 2004

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bożnja u Ħerzegovina dwar proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju ta' informazzjoni klassifikata

(2004/731/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 24 u 38 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Presidenza,

Billi:

(1) Fil-laqgħa tiegħu tas- 27 u 28 ta' Novembru 2003, il-Kunsill iddeċieda li jawtorizza lill-Presidenza, mgħejjuna mis-SĠ/RGħ, biex tibda negozjati skond l-Artikoli 24 u 38 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ma' ċerti stati terzi, biex l-Unjoni Ewropea tikkonkludi ma' kull wieħed minnhom Ftehim dwar proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju ta' informazzjoni klassifikata.

(2) Wara din l-awtorizzazzjoni biex jinbdew in-negozjati, l-Presidenza, mgħejjuna mis-SĠ/RGħ, innegozjat Ftehim mal-Bożnja u Ħerzegovina dwar proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju ta' informazzjoni klassifikata.

(3) Il-Ftehim għandu jiġi approvat,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bożnja u Ħerzegovina dwar proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju ta' informazzjoni klassifikata hu b'dan approvat f'isem l-Unjoni Ewropea.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina l-persuna li jkollha s-setgħa tiffirma l-Ftehim sabiex tintrabat l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din il-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta' l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppublikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, nhar is- 26 ta' Lulju 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

B. R. Bot

--------------------------------------------------

Ftehim

bejn il-Bożnja u Ħerzegovina u l-Unjoni Ewropea dwar proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju ta' informazzjoni klassifikata

IL-BOŻNJA U ĦERZEGOVINA,

rappreżentata mill-Ministeru tas-Sigurtà tal-Bożnja u Ħerzegovina,

min-naħa l-waħda, u

L-UNJONI EWROPEA,

minn issa 'l quddiem imsejjħa l-UE rappreżentata mill-Presidenza tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea,

min-naħa l-oħra,

minn issa 'l quddiem imsejjħa l-Partijiet,

WARA LI QIESU LI l-Bożnja u Ħerzegovina u l-UE għandhom l-istess għanijiet li jsaħħu s-sigurtà tagħhom b'kull mod u li jipprovdu liċ-ċittadini tagħhom b'livell għoli ta' sigurtà f'żona ta' sigurtà,

WARA LI QIESU LI l-Bożnja u Ħerzegovina u l-UE ftiehmu li konsultazzjonijiet u koperazzjoni għandhom jiġu żviluppati bejniethom dwar kwistjonijiet ta' interess komuni relatati mas-sigurtà,

WARA LI QIESU LI għalhekk, f'dan il-kuntest, hemm ħtieġa għal-skambju ta' informazzjoni klassifikata bejn il-Bożnja u Ħerzegovina u l-UE;

WARA LI RRIKONOXXEW LI konsultazzjoni u koperazzjoni sħaħ u effettivi jistgħu jirrikjedu aċċess għal informazzjoni klassifikata u materjal tal-Bożnja u Ħerzegovina u ta' l-UE, kif ukoll skambju ta' informazzjoni klassifikata u materjal relatat bejn il-Bożnja u Ħerzegovina u l-UE;

KONXJI LI tali aċċess għal, u skambju ta' informazzjoni klassifikata u materjal relatat jeħtieġ miżuri xierqa ta' sigurtà,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Sabiex jitwettqu l-għanijiet għat-tisħiħ tas-sigurtà ta' kull waħda mill-Partijiet b'kull mod, dan il-Ftehim għandu japplika għal informazzjoni klassifikata jew materjal fi kwalunkwe forma provduti jew skambjati bejn il-Partijiet.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, informazzjoni klassifikata għandha tfisser kull informazzjoni (jiġifieri, tagħrif li jista' jiġi komunikat fi kwalunkwe forma) jew materjal stabbiliti li jeħtieġu li jiġu protetti kontra l-iżvelar mhux awtorizzat u li jkunu ġew hekk kwalifikati minn klassifikazzjoni ta' sigurtà (minn issa 'l quddiem: "informazzjoni klassifikata").

Artikolu 3

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, "UE" għandha tfisser il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea (minn issa 'l quddiem: "Kunsill"), is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (minn issa 'l quddiem "Kummissjoni Ewropea").

Artikolu 4

Kull Parti għandha:

(a) tipproteġi u tissalvagwardja informazzjoni klassifikata suġġetta għall-dan il-Ftehim provduta jew skambjata mill-Parti l-oħra;

(b) tiżgura li informazzjoni klassifikata suġġetta għall-dan il-Ftehim provduta jew skambjata iżżomm il-klassifikazzjoni ta' sigurtà mogħtija lilha mill-Parti li tipprovdiha. Il-Parti li tirċievi għandha tipproteġi u tissalvagwardja l-informazzjoni klassifikata skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-regolamenti ta' sigurtà tagħha għal informazzjoni jew materjal ta' klassifikazzjoni ta' sigurtà ekwivalenti, kif speċifikat fl-Arranġamenti għas-Sigurtà li għandhom jiġu stabbiliti skond l-Artikoli 11 u 12;

(ċ) ma tużax tali informazzjoni klassifikata suġġetta għall-dan il-Ftehim għal finijiet li ma humiex dawk stabbiliti minn min joriġinaha u dawk li għalihom tingħata jew tiġi skambjata l-informazzjoni;

(d) ma tiżvelax tali informazzjoni klassifikata suġġetta għall-dan il-Ftehim lil partijiet terzi, jew lil kwalunkwe istituzzjoni jew entità ta' l-UE mhux imsemmija fl-Artikolu 3, mingħajr il-kunsens minn qabel ta' minn min joriġinaha.

Artikolu 5

1. Informazzjoni klassifikata tista' tkun żvelata jew tkun rilaxxata, skond il-prinċipju tal-kontroll ta' min joriġinaha, minn Parti waħda, "il-Parti li tipprovdi", lill-Parti l-oħra, "il-Parti li tirċievi".

2. Għal rilaxx lil riċevituri oħra li ma humiex il-Partijiet ta' dan il-Ftehim, deċiżjoni dwar l-iżvelar jew rilaxx ta' informazzjoni klassifikata għandha ssir mill-Parti li tirċievi wara l-kunsens tal-Parti li tipprovdi, skond il-prinċipju tal-kontroll ta' min joriġinaha kif imfisser fir-regolamenti ta' sigurtà tagħha.

3. Fl-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 , l-ebda rilaxx ġeneriku ma għandu jkun possibbli jekk proċeduri ma jkunux ġew stabbiliti u miftehma bejn il-Partijiet dwar ċerti kategoriji ta' informazzjoni, li jkunu relevanti għall-ħtiġiet operazzjonali tagħhom.

Artikolu 6

Kull waħda mill-Partijiet, u entitajiet tagħha kif imfisser fl-Artikolu 3, għandu jkollha organizzazzjoni ta' sigurtà u programmi ta' sigurtà, bbażati fuq tali prinċipji bażiċi u livelli minimi ta' sigurtà li għandhom jiġu mplimentati fis-sistemi ta' sigurtà tal-Partijiet li għandhom jiġu stabbiliti skond l-Artikoli 11 u 12, biex jiżguraw li livell ekwivalenti ta' protezzjoni jiġi applikat għal informazzjoni klassifikata suġġetta għal dan il-Ftehim.

Artikolu 7

1. Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-persuni kollha li, fit-twettiq tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom jeħtieġu aċċess, jew li d-dmirijiet jew funzjonijiet tagħhom jistgħu jagħtuhom aċċess, għal informazzjoni klassifikata provduta jew skambjata taħt dan il-Ftehim ikunu ngħataw l-approvazzjoni tas-sigurtà kif xieraq qabel ma jingħataw aċċess għal tali informazzjoni.

2. Il-proċeduri għall-approvazzjoni tas-sigurtà għandhom jiġu maħsuba biex jiddeterminaw jekk individwu jistgħax ikollu aċċess għal informazzjoni klassifikata, meta jittieħed kont tal-lealtà tiegħu/tagħha, ta' kemm wieħed jista' jafdah/a u joqgħod fuqu/ha.

Artikolu 8

Il-Partijiet għandhom jipprovdu għajnuna reċiproka fir-rigward ta' sigurtà ta' informazzjoni klassifikata suġġetta għal dan il-Ftehim u materji ta' interess komuni ta' sigurtà. Spezzjonijiet u konsultazzjonijiet reċiproċi ta' sigurtà għandhom isiru mill-awtoritajiet kif imfisser fl-Artikolu 11 biex jagħmlu stima ta' l-effikaċja ta' l-Arranġamenti għas-Sigurtà fil-qasam tar-responsabbiltà rispettiva tagħhom li għandha tiġi stabbilita skond l-Artikoli 11 u 12.

Artikolu 9

1. Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim

(a) Fir-rigward ta' l-UE:

kull korrispondenza għandha tintbagħat lill-Kunsill fl-indirizz li ġej:

Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea

Uffiċjal Kap tar-Reġistru

Rue de la Loi/Wetstraat, 175

B-1048 Brussel.

Kull korrispondenza għandha mbagħad tintbagħat mill-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tal-Kunsill lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea bla ħsara għall-paragrafu 2.

(b) Fir-rigward tal-Bożnja u Ħerzegovina,

kull korrispondenza għandha tiġi ndirizzata lill-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin tal-Bożnja u Ħerzegovina vija l-Missjoni tal-Bożnja u Ħerzegovina għall-Unjoni Ewropea, fl-indirizz li ġej:

Missjoni tal-Bożnja u Ħerzegovina għall-Unjoni Ewropea

Uffiċjal tar-Reġistru

Rue Tenbosch 34

B-1000 Brussel.

2. B'mod eċċezzjonali, korrispondenza minn Parti waħda li hi aċċessibbli biss għal uffiċjali kompetenti, organi jew servizzi speċifiċi ta' dik il-Parti tista', għal raġunijiet operazzjonali, tiġi ndirizzata u tkun aċċessibbli biss għal uffiċjali kompetenti, organi jew servizzi speċifiċi tal-Parti l-oħra nnominati speċifikament bħala riċevituri, filwaqt li jittieħed kont tal-kompetenzi tagħhom u skond il-prinċipju li jistabbilixxu jekk hemmx ħtieġa li jkunu jafu. Sa fejn għandha x'taqsam l-Unjoni Ewropea, din il-korrispondenza għandha tiġi mgħoddija permezz ta' l-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tal-Kunsill.

Artikolu 10

Is-Segretarju ta' l-Affarijiet Barranin tal-Bożnja u Ħerzegovina u s-Segretarji-Ġenerali tal-Kunsill u tal-Kummissjoni Ewropea għandhom jissorveljaw l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 11

Biex jiġi mplimentat dan il-Ftehim:

1. Il-Ministeru tas-Sigurtà, bħala awtorità tas-sigurtà nazzjonali, taħt id-direzzjoni u filwaqt li jaġixxi f'isem il-gvern tal-Bożnja u Ħerzegovina u taħt l-awtorità tiegħu, għandu jkun responsabbli biex jiżviluppa Arranġamenti ta' sigurtà għall-protezzjoni u s-salvagwardja ta' informazzjoni klassifikata provduta lill-Bożnja u Ħerzegovina taħt dan il-Ftehim.

2. L-Uffiċċju tas-Sigurtà tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (minn issa 'l quddiem: "Uffiċċju tas-Sigurtà tas-SĠK"), taħt id-direzzjoni u f'isem is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, li jaġixxi f'isem il-Kunsill u taħt l-awtorità tiegħu għandu jkun responsabbli biex jiżviluppa arranġamenti ta' sigurtà għall-protezzjoni u s-salvagwardja ta' informazzjon klassifikata provduta lill-UE taħt dan il-Ftehim.

3. Id-Direttorat għas-Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea, li jaġixxi f'isem il-Kummissjoni Ewropea u taħt l-awtorità tagħha, għandu jkun responsabbli biex jiżviluppa l-arranġamenti ta' sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata provduta jew skambjata taħt dan il-Ftehim fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea u l-bini tagħha.

Artikolu 12

L-arranġamenti ta' sigurtà li għandhom jiġu stabbiliti skond l-Artikolu 11 bi ftehim bejn it-tliet Uffiċċji interessati għandhom jistabbilixxu standards ta' protezzjoni ta' sigurtà reċiproka għal informazzjoni klassifikata suġġetta għal dan il-Ftehim. Għall-UE, dawn l-istandards għandhom ikunu suġġetti għall-approvazzjoni tal-Kumitat tas-Sigurtà tal-Kunsill.

Artikolu 13

L-Awtoritajiet definiti fl-Artikolu 11 għandhom jistabbilixxu proċeduri li għandhom jiġu segwiti f'każ li jkun ippruvat jew issuspettat li l-informazzjoni klassifikata suġġetta għal dan il-Ftehim tkun ġiet kompromessa.

Artikolu 14

Qabel tingħata informazzjoni klassifikata suġġetta għal dan il-Ftehim bejn il-Partijiet, l-awtoritajiet responsabbli għas-sigurtà kif imfissra fl-Artikolu 11 għandhom jiftiehmu li l-Parti li tirċievi tkun kapaċi tipproteġi u tissalvagwardja l-informazzjoni suġġetta għal dan il-Ftehim b'mod konsistenti ma' l-arranġamenti li għandhom jiġu stabbiliti skond l-Artikoli 11 u 12.

Artikolu 15

Dan il-Ftehim ma għandu bl-ebda mod iżomm lill-Partijiet milli jikkonkludu xi Ftehim ieħor li għandu x'jaqsam mal-forniment jew skambju ta' informazzjoni klassifikata suġġetta għal dan il-Ftehim sakemm dan ma jkunx f'konflitt mad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 16

Id-differenzi kollha bejn l-UE u l-Bożnja u Ħerzegovina li jinqalgħu mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandhom jiġu ttrattati permezz ta' negozjati bejn il-Partijiet.

Artikolu 17

1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum ta' l-ewwel xahar wara li l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin dwar it-twettieq tal-proċeduri interni meħtieġa għal dan il-għan.

2. Dan il-Ftehim jista' jiġi rivedut biex jiġu kkunsidrati emendi possibbli fuq talba ta' waħda jew l-oħra mill-Partijiet.

3. Kwalunkwe emenda għal dan il-Ftehim għandha ssir biss bil-miktub u bi ftehim komuni bejn il-Partijiet. Għandha tidħol fis-seħħ meta ssir notifika reċiproka kif previst fil-paragrafu 1.

Artikolu 18

Dan il-Ftehim jista' jiġi ddenunzjat minn Parti waħda b'notifika ta' denunzja bil-miktub mogħtija lill-Parti l-oħra. Tali denunzja għandha tibda sseħħ sitt xhur wara li l-Parti l-oħra tkun irċiviet in-notifika, iżda ma għandhiex taffettwa obbligi diġà kkuntrattati taħt id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim. B'mod partikolari, kull informazzjoni klassifikata provduta jew skambjata skond dan il-Ftehim għandha tibqa' tiġi protetta skond id-dispożizzjonijiet hawn stabbiliti.

B'XIEHDA TA' DAN, is-sotto-skritti, awtorizzati rispettivament kif xieraq, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul fi Brussell u Sarajevo, il- 5 ta' Ottubru 2004 f'żewġ kopji t-tnejn bl-Ingliż.

Għall-Bożnja u Ħerzegovina

+++++ TIFF +++++

Għall-Unjoni Ewropea

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

Top