EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022DP0019

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Frar 2022 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Álvaro Amaro (2021/2082(IMM))

ĠU C 342, 6.9.2022, p. 313–314 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU C 342, 6.9.2022, p. 277–278 (GA)

6.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 342/313


P9_TA(2022)0019

Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Álvaro Amaro

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Frar 2022 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Álvaro Amaro (2021/2082(IMM))

(2022/C 342/27)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Álvaro Amaro, imressqa mill-imħallef tal-qorti tal-ewwel istanza fil-Qorti Distrettwali ta' Guarda fis-26 ta' April 2021 b'rabta ma' proċedimenti kriminali, u mħabbra fis-seduta plenarja fis-7 ta' Ġunju 2021,

wara li sema' lil Álvaro Amaro, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,

wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011, fis-17 ta' Jannar 2013 u fid-19 ta' Diċembru 2019 (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 157(2) u (3) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Portugiża u l-Artikolu 11 tal-Liġi Nru 7/93 tal-1 ta' Marzu 1993 li tirregola l-Istatut għad-Deputati tal-Assemblea tar-Repubblika Portugiża,

wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6(1) u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A9-0017/2022),

A.

billi l-imħallef tal-qorti tal-ewwel istanza fil-Qorti Distrettwali ta' Guarda ressaq talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Álvaro Amaro bil-ħsieb li jinbdew proċedimenti kriminali fil-konfront tiegħu b'rabta ma' reat ta' miżapproprjazzjoni ta' fondi pubbliċi bħala detentur ta' kariga politika, allegatament imwettaq minn nofs l-2007 sa nofs l-2013, u li huwa punibbli fis-sens tal-Artikolu 26 tal-Kodiċi Kriminali Portugiż, u l-Artikoli 3 (i) u 11 tal-Liġi Portugiża Nru 34/87 tas-16 ta' Lulju 1987;

B.

billi Álvaro Amaro ġie elett Sindku ta' Gouveia fid-9 ta' Ottubru 2005 (għal mandat li ntemm fl-2009), u ġie elett mill-ġdid fil-11 ta' Ottubru 2009 (għal mandat li ntemm fl-2013); billi fil-kapaċità tiegħu ta' sindku, allegatament aġixxa, b'mod konġunt u bi ftehim ma' persuni oħra, bi ksur tar-regoli dwar il-kontroll baġitarju u l-akkwist pubbliku u l-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni, it-trasparenza u l-ġestjoni xierqa tal-fondi pubbliċi, u b'hekk allegatament kiser id-dmirijiet inerenti għar-rwol tiegħu fil-kariga pubblika, bl-intenzjoni allegata li jikseb benefiċċji għalih innifsu u għall-akkużati l-oħra; billi, barra minn hekk, huwa allegatament kiser ir-regoli u l-prinċipji tal-liġi amministrattiva, u b'mod partikolari dawk tal-akkwist pubbliku, bil-għan li jikseb benefiċċji finanzjarji illegali;

C.

billi Álvaro Amaro ġie elett fil-Parlament Ewropew insegwitu tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta' Mejju 2019;

D.

billi l-allegat reat ma jikkonċernax opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa minn Álvaro Amaro fil-qadi ta' dmirijietu fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

E.

billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jiddisponi li l-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament nazzjonali tagħhom;

F.

billi l-Artikolu 157(2)(3) tal-Kostituzzjoni Portugiża jistipula li:

“2.   Il-Membri tal-Assemblea tar-Repubblika ma jistgħux jinstemgħu bħala xhieda jew bħala akkużati mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Assemblea. Fl-aħħar każ, l-Assemblea għandha, b'mod obbligatorju, tiddeċiedi favur l-awtorizzazzjoni meta jkun hemm indikazzjonijiet qawwija li twettaq reat intenzjonat punibbli bi priġunerija għal terminu massimu ta' aktar minn tliet snin.

3.   L-ebda Membru tal-Assemblea tar-Repubblika ma jista' jiġi detenut, arrestat jew impriġunat mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Assemblea, ħlief għal reat intenzjonat punibbli mit-tip ta' terminu ta' priġunerija msemmi fil-paragrafu preċedenti u in flagrante delicto.”;

G.

billi huwa l-Parlament waħdu li jiddeċiedi, f'każ partikolari, jekk ineħħix l-immunità jew le; billi l-Parlament jista' raġonevolment iqis il-pożizzjoni tal-Membru biex jiddeċiedi jekk għandhiex titneħħa l-immunità tiegħu jew tagħha (2); billi waqt is-seduta ta' smigħ tiegħu Álvaro Amaro ddikjara li ma kellu l-ebda oġġezzjoni għat-tneħħija tal-immunità parlamentari tiegħu;

H.

billi l-għan tal-immunità parlamentari huwa li tipproteġi lill-Parlament u lill-Membri tiegħu minn proċedimenti ġudizzjarji relatati ma' attivitajiet imwettqa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari u li huma inseparabbli minn dawn l-attivitajiet;

I.

billi r-reati li bihom huwa akkużat Álvaro Amaro seħħew qabel l-elezzjoni tiegħu fil-Parlament Ewropew;

J.

billi f'dan il-każ, il-Parlament ma sab l-ebda prova ta' fumus persecutionis, jiġifieri elementi fattwali li jindikaw li l-intenzjoni wara l-proċediment ġudizzjarju inkwistjoni tista' tkun li ssir ħsara lill-attività politika ta' Membru u b'hekk lill-Parlament Ewropew;

K.

billi, minn naħa, il-Parlament ma jistax jitqies bħala qorti u, min-naħa l-oħra, il-Membru ma jistax, fil-kuntest ta' proċedura għat-tneħħija tal-immunità, jitqies bħala akkużat (3);

1.

Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Álvaro Amaro;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika tal-Portugall u lil Álvaro Amaro.

(1)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/06, ECLI:EU:T:2010:102; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23. is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Diċembru 2019, Junqueras Vies, C-502/19, ECLI:EU:C:2019:1115.

(2)  Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440, punt 28.

(3)  Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta' April 2019, Briois vs il-Parlament, T-214/18, ECLI:EU:T:2019:266.


Top