EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022IP0033

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2022 dwar il-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 50 tat-TUE (2020/2136(INI))

ĠU C 342, 6.9.2022, p. 78–87 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU C 342, 6.9.2022, p. 67–76 (GA)

6.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 342/78


P9_TA(2022)0033

Valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 50 tat-TUE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2022 dwar il-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 50 tat-TUE (2020/2136(INI))

(2022/C 342/09)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikoli 50 u l-Artikolu 8 tiegħu,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikolu 218 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra n-notifika tad-29 ta' Marzu 2017 li r-Renju Unit bagħat lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, skont l-Artikolu 50(2) tat-TUE u l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Kunsill Ewropew (l-Artikolu 50) tad-29 ta' April 2017 wara n-notifika tar-Renju Unit skont l-Artikolu 50 TUE, tal-15 ta' Diċembru 2017 għat-tieni fażi tan-negozjati tal-Brexit, u tat-23 ta' Marzu 2018 dwar il-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2017 li tistabbilixxi d-direttivi għan-negozjar ta' ftehim mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ tagħha mill-Unjoni Ewropea, u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta' Jannar 2018 li tissupplimenta d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2017 li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq għal ftehim li jistabbilixxi arranġamenti għall-ħruġ tagħha mill-Unjoni Ewropea, li tistabbilixxi direttivi supplimentari għan-negozjati,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/266 tal-25 ta' Frar 2020 li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq għal ftehim ta' sħubija ġdid (1) u d-direttivi li jinsabu fl-addendum tagħha dwar in-negozjar ta' sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, li saru pubbliċi,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta' April 2017 dwar in-negozjati mar-Renju Unit wara n-notifika tiegħu li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea (2), tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit (3), tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit (4), tal-14 ta' Marzu 2018 dwar il-qafas tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit (5), tat-18 ta' Settembru 2019 dwar il-qagħda kurrenti tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea (6), tal-15 ta' Jannar 2020 dwar l-implimentazzjoni u s-sorveljanza tad-dispożizzjonijiet rigward id-drittijiet taċ-ċittadini fil-Ftehim dwar il-Ħruġ (7) u tat-12 ta' Frar 2020 dwar il-mandat propost għan-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (8),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar in-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tad-29 ta' Jannar 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (10),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni għall-plenarja tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2019,

wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (11) (il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”), u d-Dikjarazzjoni politika li tistabbilixxi l-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, li takkumpanja l-Ftehim dwar il-Ħruġ (12) (id-“Dikjarazzjoni Politika”),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2018/937 tat-28 ta' Ġunju 2018 li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew (13),

wara li kkunsidra s-sentenza tal-10 ta' Diċembru 2018 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE), Andy Wightman u Oħrajn vs is-Segretarju tal-Istat għall-Ħruġ mill-Unjoni Ewropea, C-621/18, ECLI:EU:C:2018:999,

wara li kkunsidra l-analiżi fil-fond ta' Novembru 2020 tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew, bit-titolu “Article 50 TEU in practice: How the EU has applied the ‘exit’ clause” (L-Artikolu 50 tat-TUE fil-prattika: Kif l-UE applikat il-klawżola ta' “ħruġ”),

wara li kkunsidra l-istudju ta' Marzu 2021 ikkummissjonat mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali, bit-titolu “Interpretation and implementation of Article 50 TEU – Legal and institutional assessment” (Interpretazzjoni u implimentazzjoni tal-Artikolu 50 tat-TUE – Valutazzjoni legali u istituzzjonali),

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Belfast tal-10 ta' April 1998, iffirmat mill-Gvern tar-Renju Unit, mill-Gvern tal-Irlanda u mill-parteċipanti l-oħra fin-negozjati multilaterali (il-“Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira”),

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-Deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin,

wara li kkunsidra l-ittra mingħand il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A9-0357/2021),

A.

billi l-objettiv ta' dan ir-rapport huwa li janalizza l-modi li bihom ġew interpretati u applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50 tat-TUE, u l-mod kif ġiet organizzata u mwettqa l-proċedura għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE skont dak l-Artikolu, inklużi t-tagħlim meħud fir-rigward tad-dritt tal-UE u l-funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

B.

billi r-riflessjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 50 TUE jikkontribwixxu għal fehim aħjar tal-komponenti ewlenin tal-identità kostituzzjonali tal-UE, il-prinċipji li jsejsu l-integrazzjoni Ewropea, l-importanza tal-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet u tad-dritt ta' regolamentazzjoni, li kollha kemm huma se jitqiesu fil-bidliet futuri fit-trattat;

C.

billi l-Artikolu 50 tat-TUE indirizza l-inċertezza u l-ambigwità li kienu diġà jeżistu qabel dwar id-dritt ta' ħruġ mill-UE billi espliċitament ta lill-Istati Membri d-dritt unilaterali li joħorġu, soġġetti għall-ebda kundizzjoni minbarra l-konformità mar-rekwiżiti kostituzzjonali nazzjonali tagħhom stess;

D.

billi l-Artikolu 50 tat-TUE, billi jipprevedi espliċitament il-ħruġ skont id-dritt tal-UE, jistabbilixxi l-unika proċedura skont liema Stat Membru jista' joħroġ legalment mill-UE;

E.

billi l-Artikolu 50 tat-TUE ma jgħid xejn jew mhux ċar biżżejjed dwar diversi aspetti tal-proċedura li rriżultaw matul il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni;

F.

billi l-Artikolu 50 TUE ma jimponi l-ebda rekwiżit formali fuq in-notifika tal-intenzjoni ta' ħruġ mill-Unjoni jew fuq it-terminu jew ir-revoka ta' dik in-notifika; billi l-Artikolu 50 TUE ma jipprevedix espliċitament il-possibbiltà ta' arranġamenti tranżitorji;

G.

billi l-Artikolu 50 tat-TUE ma jiddefinixxix rekwiżiti speċifiċi dwar l-estensjoni possibbli tal-perjodu ta' sentejn stabbilit skont l-Artikolu 50(3) tat-TUE, li għalhekk jippermetti flessibbiltà fil-proċess tan-negozjati;

H.

billi l-Artikolu 50 tat-TUE jikkonferma li s-sħubija fl-UE hija volontarja, li jimplika li Stat Membru ma jistax jiġi sfurzat biex jibqa' jew biex joħroġ; billi d-deċiżjoni ta' ħruġ mill-Unjoni hija deċiżjoni sovrana ta' Stat Membru magħmula f'konformità ma' dik l-ordni kostituzzjonali interna tal-Istat li ħiereġ;

I.

billi l-prinċipju tal-kooperazzjoni leali jirrikjedi s-sottomissjoni tan-notifika malli tittieħed id-deċiżjoni ta' ħruġ;

J.

billi fis-sentenza tagħha tal-10 ta' Diċembru 2018, fil-Kawża Andy Wightman u Oħrajn vs is-Segretarju tal-Istat għall-Ħruġ mill-Unjoni Ewropea, il-QĠUE ċċarat li l-Istat Membru li ħiereġ huwa liberu li jirrevoka b'mod unilaterali n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni waqt li t-Trattati jkunu għadhom japplikaw għal dak l-Istat Membru;

K.

billi l-Artikolu 50 tat-TUE mhuwiex ċar rigward l-applikazzjoni ta' partijiet mill-Artikolu 218 tat-TFUE, għajr il-paragrafu 3 tiegħu;

L.

billi r-rieda ta' ħruġ mill-UE, kif espressa mill-poplu Brittaniku minkejja li l-maġġoranza taċ-ċittadini fl-Iskozja u fl-Irlanda ta' Fuq ivvutaw favur li ma joħorġux, kienet irrispettata f'konformità mal-valuri tal-libertà u tad-demokrazija, kif imsemmi fl-Artikolu 2 tat-TUE;

M.

billi r-referendum tar-Renju Unit ma kienx akkumpanjat minn għadd suffiċjenti ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni, peress li ċ-ċittadini qatt ma ngħataw stampa ċara tar-relazzjoni li pajjiżhom kien se jkollu mal-UE ladarba joħroġ minnha, u spiss kienu mqarrqa dwar l-implikazzjonijiet tal-ħruġ, speċjalment rigward l-Irlanda ta' Fuq, u dan juri r-riskji u l-isfidi maħluqa mill-miżinformazzjoni;

N.

billi l-Artikolu 50 tat-TUE jagħti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni l-kompetenza orizzontali eċċezzjonali biex jinnegozjaw ftehim li jkopri l-kwistjonijiet kollha meħtieġa biex jiġi organizzat il-ħruġ ta' Stat Membru;

O.

billi r-rwol tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE fil-proċedura tal-ħruġ kien kruċjali fl-interpretazzjoni u fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50 tat-TUE, fit-tnaqqis tat-tfixkil istituzzjonali, fis-salvagwardja tal-unità tal-Istati Membri u fl-iżgurar ta' ħruġ ordinat;

P.

billi l-approċċ f'żewġ fażijiet adottat minn Michel Barnier, il-Kap Negozjatur f'isem il-Kummissjoni, wera li kien dak it-tajjeb;

Q.

billi skont it-TUE, iċ-ċittadini huma rappreżentati direttament fil-livell ta' Unjoni fil-Parlament Ewropew; billi l-Parlament huwa parti mill-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet skont l-Artikolu 50 tat-TUE u jeżerċita kontroll politiku ġenerali, kif previst fl-Artikolu 14 tat-TUE, u għalhekk għandu jkun involut mill-qrib fin-negozjati dwar il-ħruġ sabiex ikun jista' jagħti l-kunsens tiegħu skont l-Artikolu 50 tat-TUE;

R.

billi, fil-proċedura prevista fl-Artikolu 50 tat-TUE u bħal fil-każijiet kollha ta' ftehimiet internazzjonali nnegozjati bl-użu tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218(3) tat-TFUE, il-Parlament għandu rwol marġinali li huwa limitat għall-approvazzjoni ta' ftehim dwar il-ħruġ possibbli; billi, minkejja dawn il-limitazzjonijiet, il-Parlament impenja ruħu b'mod attiv fil-proċess tal-ħruġ sa mill-bidu nett u impenja ruħu li jipproteġi l-interessi taċ-ċittadini tal-UE u li jissalvagwardja l-integrità tal-Unjoni Ewropea matul il-proċess kollu;

S.

billi l-Parlament, matul il-proċess, kellu rwol kruċjali fir-rappreżentanza taċ-ċittadini kollha tal-UE, kemm mill-EU-27 kif ukoll mir-Renju Unit;

T.

billi l-ħruġ tar-Renju Unit kellu impatt fuq il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew kif previst fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2018/937;

U.

billi l-proċess tal-ħruġ wassal għal nuqqas ta' prevedibbiltà u kkostitwixxa sfida mhux biss għall-UE u għall-Istat Membru li ħiereġ, iżda wkoll u saħansitra aktar għaċ-ċittadini u għall-entitajiet l-aktar affettwati direttament; billi l-ispejjeż ekonomiċi u soċjali ta' din l-inċertezza wrew li huma għoljin ħafna u għamlu wkoll pressjoni fuq ir-relazzjonijiet politiċi bejn l-UE u l-Istat Membru li ħiereġ; billi tista' tinkiseb ċertezza akbar matul il-proċess ta' separazzjoni billi, fost l-oħrajn, jintalab li n-notifika tad-deċiżjoni ta' ħruġ tkun akkumpanjata minn pjan dettaljat tar-relazzjoni futura li l-Istat Membru li ħiereġ għandu f'moħħu;

V.

billi l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għamlu l-isforzi kollha biex ma jippolitiċizzawx il-proċess ta' ħruġ, iżda il-ħruġ skont l-Artikolu 50 tat-TUE huwa xorta waħda politiku b'mod inerenti peress li jirriżulta u huwa influwenzat minn għażliet fundamentali dwar is-sħubija fl-UE u/jew mir-relazzjoni mal-UE;

W.

billi l-ħruġ mill-Unjoni Ewropea ta' Stat Membru jikkostitwixxi xokk politiku, ekonomiku u soċjali kbir li l-konsegwenzi negattivi tiegħu jistgħu jittaffew biss parzjalment permezz ta' arranġamenti ta' ħruġ ordnati, ippjanati u nnegozjati bir-reqqa;

X.

billi d-Dikjarazzjoni Politika li tistabbilixxi qafas għar-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit tistabbilixxi l-parametri għal sħubija ambizzjuża, wiesgħa, profonda u flessibbli li tinkludi l-politika barranija, s-sigurtà u d-difiża u oqsma usa' ta' kooperazzjoni;

Y.

billi wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, l-unika triq legali għal adeżjoni mill-ġdid mal-UE hija abbażi tal-Artikolu 49 tat-TUE;

Z.

billi l-Artikolu 8 tat-TUE jenfasizza r-relazzjoni speċjali bejn l-UE u l-pajjiżi ġirien tagħha;

AA.

billi skont ir-regoli ta' proċedura tal-Parlament, il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali huwa responsabbli għall-konsegwenzi istituzzjonali tal-ħruġ mill-Unjoni;

Proċess bla preċedent

1.

Jenfasizza li l-ħruġ ta' wieħed mill-Istati Membri tagħha kien proċess bla preċedent u estremament kruċjali għall-Unjoni Ewropea;

2.

Jirrikonoxxi iżda madankollu jqis li huwa ta' dispjaċir li r-Renju Unit se joħroġ mill-Unjoni Ewropea;

3.

Jenfasizza li s-sinifikat storiku tal-ħruġ tar-Renju Unit fuq is-sħubija fl-UE ma ddevjax u ma jiddevjax lill-Unjoni mill-proċess ta' integrazzjoni tagħha, peress li l-Artikolu 50 tat-TUE jipprovdi garanziji għall-ordni legali tal-UE u jipproteġi l-għanijiet fundamentali tal-integrazzjoni Ewropea;

4.

Jissottolinja li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50 tat-TUE u l-mod li bih ġew interpretati u implimentati jirriflettu u jżommu l-valuri u l-għanijiet komuni li huma l-pedament tal-Unjoni, b'mod partikolari l-libertà, d-demokrazija u l-istat tad-dritt;

5.

Jemmen li l-Artikolu 50 tat-TUE laħaq l-objettiv tiegħu li jippreserva d-dritt sovran ta' Stat Membru li joħroġ mill-Unjoni Ewropea, b'hekk jikkonferma espliċitament in-natura volontarja tas-sħubija mal-UE, u l-objettiv tiegħu li jiżgura ħruġ ordnat tar-Renju Unit mill-Unjoni, filwaqt li jippermetti l-bini sussegwenti ta' relazzjoni msaħħa bejn l-UE u r-Renju Unit bħala pajjiż terz;

Prijoritajiet tal-UE

6.

Iqis li l-għanijiet tal-Artikolu 50 tat-TUE u n-negozjati dwar il-ħruġ mar-Renju Unit li jiżguraw firda mill-Unjoni, li jipprovdu stabbiltà legali u jimminimizzaw it-tfixkil, u li jagħtu viżjoni ċara tal-futur għaċ-ċittadini u għall-entitajiet legali, billi jiżguraw ħruġ ordnat, filwaqt li jipproteġu l-integrità u l-interessi tal-Unjoni Ewropea, taċ-ċittadini tagħha u tal-Istati Membri tagħha, ġeneralment intlaħqu;

7.

Iqis li l-identifikazzjoni rapida u soda tal-prijoritajiet fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, u b'mod partikolari, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-miljuni ta' ċittadini tal-UE fir-Renju Unit u ċittadini tar-Renju Unit fl-UE affettwati mill-ħruġ, iċ-ċirkostanzi speċjali li qed taffaċċja l-gżira tal-Irlanda u saldu finanzjarju wieħed kienu kruċjali fl-istrutturar tal-proċess u fl-istabbilizzazzjoni tal-impatt tiegħu fl-Unjoni; iqis, madankollu, li għandu jkun hemm aktar ċarezza matul in-negozjati dwar is-soluzzjoni ta' kwalunkwe tilwim li jista' jinqala' mill-applikazzjoni tal-ftehim dwar il-ħruġ, b'mod partikolari fir-rigward tar-rwol tal-QĠUE;

8.

Jemmen li d-diviżjoni ċara tal-kompiti fost l-istituzzjonijiet u l-approċċ inklużiv u trasparenti bla preċedent tal-Kummissjoni u tal-Kap Negozjatur tagħha, inkluż fil-konfront tal-Parlament, kienu ta' importanza fundamentali biex tinżamm il-konsistenza u l-unità fl-UE u bejn l-Istati Membri tagħha, jiġu promossi l-prijoritajiet u l-interessi tal-UE fin-negozjati u tiġi ssalvagwardjata l-integrità tal-ordni legali tal-Unjoni;

9.

Ifaħħar lill-atturi istituzzjonali ewlenin talli ssalvagwardjaw l-unità fost is-27 Stat Membru kif ukoll fi ħdan u fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li rrispettaw in-natura tal-ħruġ bħala proċess tal-Unjoni;

10.

Jemmen li l-interessi tal-Unjoni ġew protetti bis-saħħa tal-organizzazzjoni strateġika u l-kundizzjonalità bejn id-diversi stadji tal-proċedura; ifakkar, b'mod partikolari, is-sekwenzjar tan-negozjati, li beda bi ftehim dwar l-arranġamenti tal-ħruġ, imbagħad kompla biex jindirizza l-arranġamenti tal-perjodu tranżitorju u mbagħad ikkonkluda bi ftehim dwar komprensjoni ġenerali dwar sħubija ġdida u mill-qrib bejn l-UE u r-Renju Unit abbażi ta' progress sostanzjali fin-negozjati dwar id-drittijiet taċ-ċittadini, il-kwistjoni tal-Irlanda u tal-Irlanda ta' Fuq, is-saldu finanzjarju u l-applikazzjoni ġustifikata u sinifikattiva tal-estensjoni tal-perjodu msemmi fl-Artikolu 50(3) tat-TUE;

11.

Japprezza li n-negozjati mar-Renju Unit taw prijorità lill-kwistjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini, li hija u se tibqa' ta' tħassib kbir, u li dan il-kapitolu tal-arranġamenti tal-ħruġ ġie miftiehem pjuttost kmieni fin-negozjati, peress li l-verżjoni inizjali tal-abbozz tal-Ftehim dwar l-Ħruġ tad-19 ta' Marzu 2018 kien fiha t-Tieni Parti kompletament miftiehma dwar id-drittijiet taċ-ċittadini, inkluż dwar l-effett dirett tad-dispożizzjonijiet tiegħu, u dwar il-ġuriżdizzjoni tal-QĠUE rigward id-dispożizzjonijiet rilevanti dwar id-drittijiet taċ-ċittadini;

12.

Jisħaq li l-Unjoni identifikat b'mod ċar mill-bidu tal-proċess li ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-gżira tal-Irlanda u l-ħtieġa li jiġi ssalvagwardjat il-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira u li jiġu mmitigati l-effetti tal-ħruġ tar-Renju Unit fuq l-Irlanda kienu kwistjonijiet li jikkonċernaw lill-UE kollha;

13.

Iqis li l-perjodu tranżitorju limitat fiż-żmien flimkien mal-applikazzjoni kontinwa ta' strumenti u strutturi regolatorji, baġitarji, superviżorji, ġudizzjarji u ta' infurzar eżistenti tal-UE wara l-ħruġ kien fl-interess taż-żewġ partijiet u ffaċilita n-negozjar tar-relazzjoni futura u t-tnaqqis tad-differenzi fiha;

14.

Ifakkar li l-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit huwa stabbilit fid-Dikjarazzjoni Politika li takkumpanja l-Ftehim dwar il-Ħruġ, li tinkludi dispożizzjonijiet ċari stabbiliti miż-żewġ partijiet dwar il-kooperazzjoni fl-oqsma tal-politika barranija, is-sigurtà u d-difiża;

15.

Jesprimi dispjaċir għall-fatt li n-natura legalment mhux vinkolanti tad-Dikjarazzjoni Politika tat lir-Renju Unit raġunijiet legali biex ma jinvolvix ruħu f'partijiet kruċjali tal-kontenut tagħha, b'mod partikolari dawk relatati mal-politika barranija u ta' sigurtà, u li għalhekk ma ffurmawx parti min-negozjati;

L-Istat Membru li ħiereġ

16.

Jemmen, madankollu, li l-proċess ta' ħruġ kien ikkaratterizzat, min-naħa tar-Renju Unit, minn inċertezza fit-tul sa mill-bidu nett, sa tmiem in-negozjati, li kienet riflessa fost l-oħrajn fil-perjodu ta' żmien bejn in-notifika tar-referendum u tal-ħruġ skont l-Artikolu 50 tat-TUE; jemmen li din l-inċertezza kellha impatt fuq iċ-ċittadini u fuq l-operaturi ekonomiċi, b'mod partikolari dawk fil-gżira tal-Irlanda; iqis li t-tqajjim tal-biża' ta' ħruġ mingħajr ebda ftehim ipperikola l-prospetti ta' ħruġ ordnat;

17.

Iqis, f'dan ir-rigward, li l-konsegwenzi politiċi u ekonomiċi tad-deċiżjoni ta' ħruġ mill-Unjoni huma sinifikanti; jemmen li dawn ma kinux ivvalutati b'mod ġenwin u sħiħ mir-Renju Unit qabel id-deċiżjoni tiegħu li joħroġ, u dan irriżulta f'nuqqas ta' tħejjija għall-proċedura; jemmen li ċ-ċittadini Brittaniċi ftit kellhom għarfien dwar l-Unjoni Ewropea u ma kinux informati b'mod adegwat dwar il-konsegwenzi estensivi tad-deċiżjoni li joħorġu mill-Unjoni;

18.

Huwa tal-fehma li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50 tat-TUE dwar in-notifika u l-estensjoni tal-perjodu skont l-Artikolu 50(3) tat-TUE ġew ittrattati b'mod flessibbli biżżejjed biex jirrispondu għall-inċertezzi u l-inkonsistenzi politiċi tal-gvernijiet suċċessivi tar-Renju Unit, filwaqt li jippreservaw l-integrità tal-proċess ta' ħruġ u jżommu l-ordni legali tal-Unjoni;

19.

Ifakkar li d-deċiżjoni ta' ħruġ hija d-dritt sovran ta' Stat Membru u li l-Unjoni hija obbligata tirrikonoxxi l-intenzjoni ta' dak l-Istat; jenfasizza li l-Artikolu 50 tat-TUE ma jispeċifikax u għalhekk ma jqiegħed l-ebda restrizzjoni fuq il-forma tan-notifika tal-intenzjoni ta' ħruġ; jemmen f'dan il-kuntest li meta Stat Membru ma jirrispettax id-dritt tal-UE u/jew jesprimi l-intenzjoni tiegħu li jirrifjuta li japplika t-Trattati jew jirrikonoxxi l-ġuriżdizzjoni tal-QĠUE u jirrispetta s-sentenzi tagħha, dan jirrappreżenta rifjut ċar tal-obbligi marbuta mas-sħubija fl-UE;

20.

Jirrimarka li l-ħruġ mill-Unjoni Ewropea huwa min-natura tiegħu proċess kumpless u li l-għażliet politiċi tal-Istat Membru li ħiereġ dwar ir-relazzjonijiet futuri tiegħu mal-Unjoni jistgħu jżidu ma' tali kumplessità;

L-importanza ta' ħruġ ordnat

21.

Jemmen li għalkemm il-ħruġ mhuwiex kundizzjonali fuq ftehim bejn l-Istat Membru li ħiereġ u l-Unjoni, il-proċess tal-ħruġ tar-Renju Unit juri l-importanza li jiġi konkluż ftehim dwar l-arranġamenti tal-ħruġ, b'mod partikolari bl-għan li jiġu protetti d-drittijiet u l-aspettattivi leġittimi taċ-ċittadini affettwati;

22.

Iqis li l-istituzzjonijiet tal-UE għamlu dak kollu li setgħu u wettqu l-obbligu tagħhom sabiex jiżguraw il-konklużjoni ta' ftehim; jilqa' l-isforzi li saru biex jiġi evitat xenarju ta' ebda ftehim; jinnota, f'dan ir-rigward, li f'konformità mal-Artikolu 50(3) tat-TUE, jekk ma jintlaħaqx ftehim, il-ħruġ isir effettiv sentejn wara li jiġi nnotifikat il-Kunsill; jenfasizza li ma hemm l-ebda dispożizzjoni fit-TUE biex jiġi indirizzat xenarju ta' ebda ftehim u ħruġ mhux ordnat;

23.

Jissottolinja li minħabba n-natura integrata ħafna tas-suq uniku tal-UE, il-ħruġ ta' Stat Membru jaffettwa l-oqsma kollha tal-attività ekonomika u huma meħtieġa aġġustamenti legali u amministrattivi fil-livelli kollha tal-UE, tal-Istat Membru u lokali; itenni l-importanza tal-ħidma mwettqa mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni pubblika u fis-sensibilizzazzjoni u fit-tħejjija taċ-ċittadini u tas-settur privat permezz tal-pubblikazzjoni ta' ħafna avviżi speċifiċi ta' tħejjija għall-partijiet ikkonċernati u l-adozzjoni f'waqtha ta' miżuri ta' kontinġenza unilaterali u temporanji biex tiġi indirizzata l-possibbiltà ta' xenarju ta' ebda ftehim u ta' ħruġ mhux ordnat;

24.

Jinnota li t-TUE ma jispeċifika l-ebda rekwiżit sostantiv dwar il-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-Istat Membru li ħiereġ u l-Unjoni u r-rabta tiegħu mal-arranġamenti ta' ħruġ; ifakkar madankollu li, skont l-Artikolu 50(2) tat-TUE, il-ftehim dwar il-ħruġ għandu jqis il-qafas għar-relazzjoni futura tal-Istat li jkun ħiereġ mal-Unjoni;

25.

Jinnota li fil-każ tal-ħruġ tar-Renju Unit, il-perjodu ta' sentejn stabbilit fl-Artikolu 50(3) tat-TUE għal meta t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għall-Istat Membru li ħiereġ mill-mument tan-notifika ta' ħruġ tiegħu wera li kien qasir wisq għal ħruġ ordnat, peress li tqiesu li kienu meħtieġa tliet estensjonijiet ta' dan il-perjodu kif ukoll perjodu tranżitorju sussegwenti; ifakkar li dan il-perjodu ta' żmien jista' jiżdied permezz ta' estensjoni f'konformità mal-Artikolu 50(3) tat-TUE; iqis li estensjoni bħal din tippermetti l-kontinwazzjoni tan-negozjati sabiex jiġi evitat effett ta' preċipizju; ifakkar, madankollu, li matul il-perjodu ta' sentejn u l-estensjonijiet tiegħu, iċ-ċittadini, l-operaturi ekonomiċi, l-Istati Membri u s-sħab kummerċjali ta' pajjiżi terzi ffaċċjaw livell bla preċedent u fit-tul ta' inċertezza tad-dritt;

26.

Josserva li l-ħruġ ta' Stat Membru pproduċa konsegwenzi legali bla preċedent għall-impenji internazzjonali tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tal-ħtieġa li jiġu nnegozjati mill-ġdid il-kwoti tariffarji miftiehma fuq il-livell tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) biex jitqies is-sehem tal-kwota użat mill-Istat Membru li se jitlaq, u b'hekk il-pajjiżi terzi setgħu jagħmlu talbiet addizzjonali għall-aċċess għas-suq; iqis li bil-ħruġ tar-Renju Unit, it-tqassim tal-kwoti tariffarji tal-UE kien, bħala prinċipju, ġestit tajjeb, billi l-ewwel ġie adottat att leġiżlattiv intern li jistabbilixxi l-ishma l-ġodda tal-kwota tal-UE li għadhom kif tqassmu (b'mod partikolari fil-forma tar-Regolament (UE) 2019/216 (14)) u li wara ġie segwit minn negozjati ma' pajjiżi terzi fil-livell tad-WTO minkejja li ma hemm l-ebda dispożizzjoni ġuridika f'dak il-livell li tindirizza d-diżintegrazzjoni ta' unjoni doganali;

Flessibbiltà skont l-Artikolu 50 tat-TUE

27.

Iqis li l-Artikolu 50 tat-TUE joħloq bilanċ tajjeb bejn l-iżgurar ta' proċess ta' ħruġ legalment sod u s-salvagwardja tal-flessibbiltà politika meħtieġa għall-adattament għaċ-ċirkostanzi speċifiċi; jinnota madankollu, in-nuqqas ta' dettall fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50 tat-TUE dwar l-aspetti li ġejjin:

ir-rekwiżiti formali għan-notifika tal-intenzjoni ta' ħruġ u l-possibbiltà espliċita tar-revoka tagħha,

il-qafas xieraq għall-estensjoni tal-perjodu ta' sentejn stabbilit skont l-Artikolu 50(3) tat-TUE, li jippermetti flessibbiltà fin-negozjati filwaqt li jirrispetta l-prinċipju tal-kooperazzjoni leali,

l-implikazzjonijiet tal-obbligu li jitqies il-qafas għar-relazzjoni futura,

l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 218 tat-TFUE, b'mod partikolari dwar ir-rwol tal-Parlament Ewropew u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,

arranġamenti tranżitorji possibbli;

28.

Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni kien jinvolvi t-tluq ta' komunità sħiħa ta' ċittadini tal-UE; ifakkar li l-Parlament Ewropew kien partikolarment attiv fil-promozzjoni ta' djalogu attiv, u l-involviment fih, maċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom permezz ta' konsultazzjonijiet, seduti u laqgħat organizzati mill-kumitati parlamentari u mill-Grupp ta' Tmexxija dwar il-Brexit (BSG), li stinkaw biex jagħtu vuċi lit-tħassib u l-aspettattivi taċ-ċittadini matul il-proċess ta' ħruġ; iqis madankollu li l-istituzzjonijiet tal-UE setgħu għamlu aktar biex jipprovdu informazzjoni liċ-ċittadini matul il-fażijiet differenti tal-ħruġ;

29.

Jemmen li, minħabba n-nuqqas ta' prevedibbiltà tal-proċess ta' ħruġ, id-dispożizzjonijiet dwar il-ħruġ tat-TUE għandhom jiżguraw ċertezza tad-dritt għan-numru kbir ta' ċittadini tal-UE u ċittadini tal-Istat Membru li jitlaq affettwati mill-ħruġ, billi jissalvagwardjaw id-drittijiet tagħhom miksuba abbażi tad-dritt tal-UE u jiżguraw sistema effettiva ta' infurzar, mingħajr ma jiġi eskluż il-ħolqien ta' mekkaniżmi ta' segwitu u kampanji ta' informazzjoni; jissottolinja l-ħtieġa li ċ-ċittadini affettwati jkunu infurmati, b'mod partikolari ċ-ċittadini vulnerabbli, b'mod f'waqtu u adegwat dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom li għandhom x'jaqsmu mal-ħruġ;

30.

Jemmen li, minħabba n-natura tad-deċiżjoni tal-ħruġ mill-Unjoni u l-impatti fundamentali tagħha fuq iċ-ċittadini tal-Istat Membru li jitlaq, it-twettiq ta' referendum biex tiġi kkonfermata d-deċiżjoni finali ta' ħruġ tista' tkun salvagwardja demokratika importanti; iqis li l-konferma ta' din l-għażla finali miċ-ċittadini tiegħu hija kruċjali wkoll f'każ li n-negozjati ta' ftehim ta' ħruġ jonqsu milli jiġu konklużi, u dan jipprovoka xenarju ta' ebda ftehim; iqis li għandhom jittieħdu l-passi kollha possibbli matul dan il-proċess biex jiġu evitati diżinformazzjoni, indħil barrani u irregolaritajiet fil-fondi;

Ir-rwol tal-istituzzjonijiet fil-proċess ta' ħruġ

31.

Jemmen li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri kollettivament kienu risponsivi u segwew approċċ koerenti u unifikat, li jipprevedi definizzjoni f'waqtha, ċara u strutturata tajjeb tal-aspetti tal-proċess tal-ħruġ, inklużi dawk li mhumiex speċifikati b'mod espliċitu fl-Artikolu 50 tat-TUE, b'mod partikolari l-objettivi u l-prinċipji ġenerali tan-negozjati, il-kompetenzi tal-UE għal kwistjonijiet relatati mal-ħruġ, is-sekwenzjar tan-negozjati, il-kamp ta' applikazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, l-arranġamenti tranżitorji, u l-qafas tar-relazzjoni futura;

32.

Jenfasizza li l-Parlament kellu rwol ċentrali fil-proċess kollu tal-ħruġ u kkontribwixxa b'mod attiv għall-identifikazzjoni ta' strateġiji u għall-protezzjoni tal-interessi u l-prijoritajiet tal-UE u taċ-ċittadini tagħha b'riżoluzzjonijiet sostanzjati kif xieraq, sa mill-preparazzjoni għar-referendum tar-Renju Unit dwar is-sħubija fl-UE; ifakkar f'dan ir-rigward li l-kontribut tal-Parlament kien strutturat prinċipalment permezz tal-BSG), maħluq mill-Konferenza tal-Presidenti fis-6 ta' April 2017, bl-appoġġ u bl-involviment mill-qrib tal-kumitati tal-Parlament u tal-Konferenza tal-Presidenti;

33.

Jisħaq li l-Parlament ġie mmobilizzat b'mod ġenerali u flimkien għall-monitoraġġ tal-proċess ta' ħruġ, kemm permezz tal-korpi politiċi tiegħu kif ukoll permezz tal-kumitati tiegħu, li, minn kmieni, ġew mitluba jidentifikaw l-impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit fuq l-oqsma ta' politika u l-leġiżlazzjoni fl-oqsma ta' responsabbiltà rispettivi tagħhom; itenni l-importanza tal-involviment kontinwu tal-kumitati responsabbli għall-politiki settorjali matul in-negozjati; ifaħħar il-ħidma preparatorja twila u eżawrjenti mwettqa mill-kumitati fil-ġbir ta' evidenza, pariri u għarfien espert permezz ta' seduti, workshops u studji dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-ħruġ jew mar-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit;

34.

Huwa tal-fehma li l-Kunsill Ewropew kellu rwol ta' aggregazzjoni u stabbilizzazzjoni fil-proċess, inkluż permezz tal-linji gwida tiegħu skont l-Artikolu 50(2) tat-TUE, billi interpreta u applika d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50 tat-TUE, inkluż fir-rigward tal-elementi li d-dispożizzjonijiet ma jsemmu xejn dwarhom, u l-istabbiliment ta' direzzjoni politika ċara f'konformità mal-interessi tal-Unjoni fid-definizzjoni tat-termini tan-negozjati u fin-nomina tal-Kummissjoni bħala n-negozjatur tal-Unjoni;

35.

Jisħaq li skont l-Artikolu 50(4) tat-TUE, il-membru tal-Kunsill Ewropew jew tal-Kunsill li jirrappreżenta l-Istat Membru li ħiereġ ma jistax jipparteċipa fid-diskussjonijiet tal-Kunsill Ewropew jew tal-Kunsill jew f'deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-proċess ta' ħruġ, filwaqt li l-Membri tal-Parlament Ewropew eletti fl-Istat Membru li ħiereġ jkomplu jservu bid-drittijiet u l-obbligi kollha tagħhom intatti sakemm il-ħruġ isir effettiv;

36.

Jirrikonoxxi n-natura bla preċedent tal-kooperazzjoni interistituzzjonali u tat-trasparenza fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 50 tat-TUE, inklużi l-metodi ta' ħidma u l-istrutturi involuti fin-negozjati, il-mezzi ta' informazzjoni, il-pubblikazzjoni ta' dokumenti ta' negozjar u l-parteċipazzjoni fil-laqgħat, b'mod partikolari fil-laqgħat tax-Sheripa u fil-laqgħat tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali;

37.

Jirrikonoxxi r-rilevanza tal-prinċipji ewlenin proposti mill-Parlament Ewropew u introdotti mill-Kunsill Ewropew fil-linji gwida suċċessivi tiegħu għan-negozjati, li sussegwentement ġew implimentati fin-negozjati u jikkonsistu minn:

il-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini li jirriżultaw mill-istatus tagħhom bħala ċittadini tal-UE;

l-azzjoni fl-interess tal-Unjoni u l-preservazzjoni tal-integrità kostituzzjonali tagħha u l-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet tagħha;

is-salvagwardjar tar-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

il-preservazzjoni tal-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni;

id-difiża tat-tgawdija tad-drittijiet kollha tal-Istat li ħiereġ u l-issodisfar tal-obbligi kollha li jirriżultaw mit-Trattati, inkluż il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali;

id-difiża tad-differenza ċara fl-istatus bejn l-Istati Membri u l-istati mhux membri, peress li Stat li ħareġ mill-Unjoni ma jistax ikollu l-istess drittijiet u obbligi bħal Stat Membru;

38.

Ikompli jappoġġja bis-sħiħ dawn il-prinċipji;

39.

Huwa tal-fehma li dawn il-prinċipji jilħqu lil hinn mill-kuntest tal-Artikolu 50 tat-TUE, peress li huma jsejsu l-integrazzjoni Ewropea u saru elementi kruċjali tal-identità kostituzzjonali u tal-ordni legali tal-UE minkejja li mhumiex parti mit-TUE;

40.

Jinnota li f'dan ir-rigward, il-proċedura ta' ħruġ prevista fl-Artikolu 50 tat-TUE wasslet kemm lill-UE kif ukoll lill-Istati Membri tagħha biex jaffermaw mill-ġdid l-identità kostituzzjonali tal-Unjoni;

Id-drittijiet u l-obbligi tal-UE u tal-Istat Membru li ħiereġ

41.

Itenni li, sakemm jidħol fis-seħħ ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta' dan, sakemm jew il-perjodu ta' sentejn jew il-perjodu estiż imsemmi fl-Artikolu 50(3) tat-TUE jkun għadda, l-Istat li se joħroġ jibqa' Stat Membru, u jgawdi mid-drittijiet kollha li jirriżultaw minn dan u huwa mingħajr eċċezzjoni taħt l-obbligi kollha li jirriżultaw mit-Trattati, inkluż mill-prinċipju tal-kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) tat-TUE u mill-obbligu li jsiru elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, li jinħatru r-rappreżentanti tiegħu fl-istituzzjonijiet u fil-korpi tal-Unjoni, u li tkun żgurata protezzjoni sħiħa tad-drittijiet taċ-ċittadini u rispett tal-obbligi finanzjarji tagħha;

Skrutinju tal-Parlament

42.

Jenfasizza li r-rwol tas-sorveljanza politika tal-Parlament Ewropew huwa indispensabbli f'sistema demokratika parlamentari u jiggarantixxi trasparenza u obbligu ta' rendikont politiku; jinsisti, f'dan ir-rigward, li s-setgħat parlamentari rigward il-fażi ta' skrutinju għandhom jiġu garantiti u eżerċitati bi żmien suffiċjenti fir-rigward tal-konklużjoni ta' kwalunkwe ftehim internazzjonali, inkluż fil-każ ta' applikazzjonijiet proviżorji, b'mod partikolari, jekk jiġu konklużi fil-kuntest ta' ħruġ mill-Unjoni Ewropea; jinnota, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-applikazzjoni sħiħa tal-Artikolu 218(10) tat-TFUE fir-rigward tal-prerogattivi tal-Parlament rigward il-ħruġ, li jiddikjara li l-Parlament Ewropew jeħtieġlu jkun infurmat fl-istadji kollha tal-proċedura tan-negozjati bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi; jissottolinja li l-Kummissjoni jeħtiġilha żżomm lill-Parlament infurmat fuq l-istess livell mal-Kunsill;

43.

Jemmen li kemm il-BSG kif ukoll l-istrutturi tal-Grupp ta' Koordinazzjoni tar-Renju Unit maħluqa mill-Parlament Ewropew matul kull fażi tan-negozjati mar-Renju Unit kienu tal-akbar importanza biex jiġu ggarantiti s-segwitu u l-involviment tal-Parlament u tiġi żgurata t-trasparenza fin-negozjati; jemmen li l-implimentazzjoni tal-Artikolu 50 tat-TUE pprovdiet eżempju tajjeb ta' koordinazzjoni kollettiva bejn l-istituzzjonijiet b'appoġġ għall-interessi tal-Unjoni li għandhom jiġu applikati għan-negozjati kollha ta' ftehimiet internazzjonali;

44.

Iqis, f'dan il-kuntest, li r-rwol tal-Parlament huwa essenzjali fis-salvagwardja tad-dimensjoni parlamentari u demokratika ta' proċedura b'tali impatt kostituzzjonali u istituzzjonali fuq l-Unjoni u fuq id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE; iqis li r-rwol tiegħu fis-sorveljanza politika għandu jiġi ssalvagwardjat u msaħħaħ biex jinkludi l-kunsens meħtieġ fl-aspetti rilevanti kollha tal-proċess;

45.

Jenfasizza, f'dan ir-rigward, li filwaqt li l-proċess tal-Artikolu 50 TUE ġie konkluż u l-ħruġ mill-UE daħal fis-seħħ, l-inverżjoni reali tas-sħubija fl-UE u l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar l-Ħruġ huma proċess fit-tul; itenni, f'dan il-kuntest, li l-Parlament se jkollu r-rwol sħiħ tiegħu fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ;

Kwistjonijiet għal riflessjoni

46.

Iqis li l-Artikolu 50 tat-TUE jindirizza u jippermetti li tinstab soluzzjoni tal-aspett proċedurali tal-ħruġ ta' Stat Membru, iżda ma jsolvix il-konsegwenzi politiċi, soċjali u ekonomiċi sinifikanti u l-effetti ta' tfixkil tal-ħruġ ta' Stat Membru mill-UE, fl-Istati Membri u madwarhom, u fuq livell internazzjonali;

47.

Itenni l-appell tiegħu għal riflessjoni fil-fond dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, u dwar l-impatt tiegħu fuq il-futur tal-UE; jemmen li tali riflessjoni għandha tiżgura djalogu miftuħ u estiż dwar ir-riformi li l-Unjoni teħtieġ sabiex issaħħaħ id-demokrazija u l-kapaċità li twettaq il-ħtiġijiet u l-aspettattivi taċ-ċittadini; ifakkar, għal dan il-għan, il-proċess ta' riflessjoni bla preċedent tal-Unjoni fuq il-futur tagħha fil-qafas tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa; jenfasizza li din ir-riflessjoni tinvolvi s-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet taċ-ċittadini;

48.

Jemmen li hija r-responsabbiltà u r-rwol tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha li jagħmlu aktar biex jippreservaw il-proċess ta' integrazzjoni Ewropea, jipproteġu l-valuri u l-prinċipji Ewropej, inkluż il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali, u jipprevjenu r-ripetizzjoni ta' ħruġ mill-UE; jesprimi dispjaċir, f'dan il-kuntest, għat-trażżin u l-involviment limitat tal-Parlament Ewropew u tal-kumitati tiegħu fil-preparazzjoni għar-referendum tar-Renju Unit, li ħalla liċ-ċittadini tar-Renju Unit, li kienu ċittadini tal-UE dak iż-żmien, mingħajr aċċess sħiħ għall-informazzjoni dwar il-funzjonament tal-UE u l-implikazzjonijiet tal-ħruġ; jenfasizza li għandhom jiġu stabbiliti salvagwardji biex jiġi żgurat li d-dibattitu pubbliku ta' qabel l-iskattar tal-Artikolu 50 tat-TUE minn Stat Membru jippermetti liċ-ċittadini mħassba jieħdu deċiżjoni infurmata; jistieden lill-Istati Membri u lill-UE jipprovdu informazzjoni mifruxa b'mod konsistenti liċ-ċittadini tal-UE dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-oqsma ta' azzjoni tagħha, u l-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet tagħha, tad-drittijiet taċ-ċittadini u l-konsegwenzi tal-ħruġ mill-UE; iqis li għal dan il-għan, il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa toffri opportunità għal djalogu mtejjeb maċ-ċittadini u mas-soċjetà ċivili dwar l-Unjoni Ewropea u kif għandha tevolvi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta biex il-partiti politiċi Ewropej ikunu jistgħu jiffinanzjaw kampanji ta' referendum li għandhom x'jaqsmu mal-implimentazzjoni tat-TUE jew tat-TFUE;

o

o o

49.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 58, 27.2.2020, p. 53.

(2)  ĠU C 298, 23.8.2018, p. 24.

(3)  ĠU C 346, 27.9.2018, p. 2.

(4)  ĠU C 369, 11.10.2018, p. 32.

(5)  ĠU C 162, 10.5.2019, p. 40.

(6)  ĠU C 171, 6.5.2021, p. 2.

(7)  ĠU C 270, 7.7.2021, p. 21.

(8)  ĠU C 294, 23.7.2021, p. 18.

(9)  ĠU C 362, 8.9.2021, p. 90.

(10)  ĠU C 331, 17.8.2021, p. 38.

(11)  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

(12)  ĠU C 34, 31.1.2020, p. 1.

(13)  ĠU L 165 I, 2.7.2018, p. 1.

(14)  ĠU L 38, 8.2.2019, p. 1.


Top