EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TN0722

Kawża T-722/20: Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Diċembru 2020 – Far Polymers et vs Il-Kummissjoni

ĠU C 35, 1.2.2021, p. 59–60 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 35/59


Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Diċembru 2020 – Far Polymers et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-722/20)

(2021/C 35/78)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Far Polymers Srl (Filago, l-Italja), Gamma Chimica SpA (Milano, l-Italja), Carbochem Srl (Castiglione Olona, l-Italja), Jeniuschem Srl (Gallarate, l-Italja) (rappreżentanti: G. Abbatescianni u E. Patti, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiddikjara l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2020/1336 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti alkoħols tal-polivinil li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċċjali L 315 fid-29 ta’ Settembru 2020.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tmien motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tar-regoli u ż-żball manifest fl-identifikazzjoni tal-industrija tal-Unjoni tal-PVA li fiha l-Kummissjoni inkludiet, minbarra l-operaturi tas-suq ħieles, anki dawk tas-suq ristrett, kif ukoll il-produtturi li huma importaturi fl-istess ħin. Tali żball (a) ivvizzja l-aċċertament tad-dannu għall-industrija tal-Unjoni li fil-fatt jikkonsisti biss fl-ilmentatur, (b) irriżulta fl-impożizzjoni ta’ dazji li ma jiffavorixxux il-kompetizzjoni libera fis-suq tal-Unjoni, iżda l-ilmentatur biss jiġifieri l-pajjiżi terzi, (c) wassal sabiex ma jiġux evalwati b’mod xieraq l-interessi tal-operaturi l-oħra tal-industrija tal-Unjoni (produtturi, importaturi u utenti) kuntrarji għad-dazji, (d) qiegħed lir-regolament f’kuntradizzjoni ċara ma’ regolamenti preċedenti li fihom il-kapaċità produttiva tal-industrija tal-Unjoni ġiet ikkunsidrata li hija insuffiċjenti, tant li ġew previsti kwoti eżenti minn dazji. Għall-istess raġunijiet ir-regolament ikkontestat huwa vvizzjat minn użu ħażin ta’ poter.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-fatt li d-dispożizzjoni kkontestata hija kuntrarja għall-prinċipji tal-Artikolu 102 TFUE u, sussidjarjament, li hija vvizzjata minn żball manifest u użu ħażin ta’ poter, sa fejn għandha bħala effett li toħloq, fis-suq tal-PVA, pożizzjoni dominanti tal-ilmentatur, li huwa l-uniku produttur li jopera fis-suq ħieles tal-Unjoni u li għandu kapaċità produttiva addizzjonali. Id-dispożizzjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni l-provi dokumentarji dwar l-aġir antikompetittiv diġà implimentat mill-ilmentatur li rrifjuta li jbiegħ il-PVA ta’ kwalità baxxa bi prezzijiet li jirriflettu l-ispejjeż ta’ produzzjoni iktar baxxi.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-motivazzjoni tad-dispożizzjoni li imponiet dazji kienet tikser l-Artikolu 296 TFUE, kif ukoll fuq żball manifest tal-Kummissjoni sa fejn irrifjutat li twettaq qsim tas-suq tal-Unjoni bejn kwalità għolja u baxxa, minkejja l-aċċertazzjoni tagħha li jinbiegħu żewġ kwalitajiet tal-PVA li għandhom spejjeż ta’ produzzjoni, destinatarji u prezzijiet ċarament differenti, u liema karatteristiċi ta’ kwalità ma jikkoinċidux u ma humiex interkambjabbli. Wara l-qsim tas-suq il-Kummissjoni kellha teskludi mid-dazji l-PVA ta’ kwalità baxxa.

Ir-raba’ motiv jirrigwarda l-Vinyl Acetate Monomer (VAM), il-materja prima ewlenija fil-produzzjoni tal-PVA. Il-Kummissjoni, fl-istabbiliment tal-valur normali għall-finijiet tal-marġni tad-dumping, ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ distorsjoni tal-prezzijiet tal-VAM Ċiniż sa fejn allinjati mal-prezzijiet tas-suq internazzjonali. Bl-istess mod il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fl-istabbiliment tal-marġni tad-dannu, l-ispejjeż iktar baxxi sostnuti mill-esportaturi Ċiniżi li, minħabba l-integrazzjoni vertikali tagħhom, jiffrankaw fuq il-prezz tal-VAM.

Il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni mmotivat id-dispożizzjoni kkontestata b’mod żbaljat u kontraddittorju, bi ksur tal-Artikolu 296 TFUE, b’tali mod li injorat l-impatt tal-metanol fuq l-istabbiliment tal-ispejjeż tal-produtturi Ċiniżi u, konsegwentement, ma rrikonoxxietx – fl-istabbiliment tal-marġni tad-dannu – l-aġġustament relattiv tal-prezzijiet tal-esportazzjoni għal tali fattur tal-ispiża.

Is-sitt motiv jikkontesta l-parti tad-dispożizzjoni li fiha l-Kummissjoni tat, skont l-Artikolu 254 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, eżenzjoni għall-importazzjoni tal-PVA intiż għall-industrija tal-kartun sa fejn din l-eżenzjoni (a) ma ġietx estiża għal użi finali oħra li jinsabu eżattament fl-istess sitwazzjoni tal-industrija tal-kartun; u (b) tkun ġiet applikata biss għat-taħlit tal-PVA b’esklużjoni tas-sempliċi importazzjoni.

Is-seba’ motiv jirrigwarda l-ksur tal-Artikolu 296 TFUE, kif ukoll tal-premessa 12 u tal-Artikolu 6(8) tar-Regolament Bażiku, sa fejn il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tikkunsidrax argumenti partikolari minħabba s-sempliċi fatt li dawn kienu tressqu mill-persuni kkonċernati u mhux mill-esportaturi Ċiniżi. Il-Kummissjoni, b’dan il-mod, introduċiet b’mod arbitrarju l-prinċipju li huma biss ċerti kategoriji ta’ persuni kkonċernati li jistgħu jikkontestaw l-adozzjoni ta’ dispożizzjoni tal-istituzzjonijiet Ewropej.

It-tmien u l-aħħar motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 19 tar-Regolament Bażiku dwar aċċessibbiltà tal-informazzjoni. Il-Kummissjoni ġabret sensiela ta’ data mhux kunfidenzjali filwaqt li naqset milli tagħti aċċess għaliha lill-partijiet ikkonċernati. B’tali mod, il-partijiet ikkonċernati ma setgħux jifhmu r-raġunijiet tal-Kummissjoni għall-adozzjoni tad-dispożizzjoni kkontestata.


Top