EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TN0695

Kawża T-695/20: Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Novembru 2020 – OG vs BEI

ĠU C 35, 1.2.2021, p. 53–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 35/53


Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Novembru 2020 – OG vs BEI

(Kawża T-695/20)

(2021/C 35/71)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: OG (rappreżentanti: L. Levi u M. Vandenbussche, avukati)

Konvenut: Il-Bank Ewropew tal-Investiment

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors preżenti ammissibbli u fondat;

konsegwentement,

tikkundanna lill-BEI għall-ħlas ta’ 16-il xahar salarju u ta’ 6 xhur bonus tat-tluq, jiġifieri s-somma ta’ EUR 317 668 fil-mument tat-talba għal kumpens inizjali tat-23 ta’ Ottubru 2019 – ammont li għandu jiġi aġġornat meta jsir il-ħlas;

tikkundanna lill-BEI għall-ħlas ta’ kumpens għad-dannu morali evalwat ex aequo et bono għal EUR 50 000;

sa fejn meħtieġ, tannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal kumpens tad-9 ta’ Marzu u rċevuta fl-10 ta’ Marzu 2020;

sa fejn meħtieġ, tannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda impliċita tal-appell quddiem qorti superjuri li ngħatat fit-8 ta’ Awwissu 2020;

tordna, bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, l-aċċess għar-rapport SSTL;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha intiż sabiex titqiegħed inkwistjoni r-responsabbiltà tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) minħabba sensiela ta’ avvenimenti li, ikkunsidrati individwalment jew kollettivament, jesponu aġir illeċitu tal-BEI li wassal għad-dannu tagħha u għall-marda tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq ksur tad-dmirijiet ta’ premura, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trasparenza allegatament imwettaq mill-BEI u b’mod iktar ġenerali fuq il-ksur tad-dmir ġenerali ta’ prudenza u ta’ diliġenza li jaqa’ fuq kull persuna li timpjega.

F’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni li kieku l-BEI kien japplika b’mod regolari miżuri effettivi ta’ sigurtà fil-binjiet tagħha ma kienx iseħħ is-suwiċidju traġiku ta’ staġista. Hija ssostni wkoll li kieku l-BEI kien assuma r-responsabbiltajiet tiegħu fir-rigward ta’ dan is-suwiċidju u kien żgura fir-rigward tal-aġenti tiegħu, b’mod partikolari dawk li bħar-rikorrenti ġew affettwati b’dan is-suwiċidju, l-obbligi tiegħu ta’ trasparenza u ta’ akkumpanjament, ta’ disponibbiltà u ta’ assistenza, ir-rikorrenti llum ma kinitx tkun aġent f’qagħda ta’ invalidità, ta’ tbatija u li l-karriera tagħha u r-rikonoxximent tal-merti tagħha ma jeżistux iżjed f’għajnejn il-persuna li timpjegaha li min-naħa tagħha hija tat servizz leali.

Ir-rikorrenti ssostni li l-fatti juru wkoll li mhux talli l-BEI ma aġixxiex bħala persuna li timpjega responsabbli u protettriċi, iżda talli applika politika intiża li tiskredita u tiddisprezza lir-rikorrenti wara l-inċident tas-suwiċidju tal-istaġista tiegħu, sakemm ġarrbet eżawriment fiżiku u mentali. Wara 30 sena ta’ karriera eżemplari, ir-rikorrenti tqis li ġiet ittrattata bħala impjegat medjokri u diżonest.


Top