EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TN0094

Kawża T-94/20: Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Frar 2020 – Campine u Campine Recycling vs Il-Kummissjoni

ĠU C 137, 27.4.2020, p. 52–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 137/52


Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Frar 2020 – Campine u Campine Recycling vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-94/20)

(2020/C 137/83)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Campine (Beerse, il-Belġju), Campine Recycling (Beerse) (rappreżentanti: C. Verdonck, B. Gielen u Q. Silvestre, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tordna lill-Kummissjoni tħallas kumpens li jikkorrispondi għall-interessi moratorji biex tosserva s-sentenza Campine tal-Qorti Ġenerali (1) matul il-perijodu li jibda fid-data tal-pagament provviżjonali tal-multa minn Campine sal-11 ta’ Diċembru 2019. Dawk l-interessi moratorji għandhom jiġu kkalkolati bir-rata li tikkorrispondi għar-rata ta’ rifinanzjament flimkien ma’ 3.5 punti perċentwali – jiġifieri li jammonta għal EUR 300 637,32 jew, alternattivament, b’rata ta’ interessi li l-Qorti Ġenerali jidhrilha xierqa;

tordna lill-Kummissjoni tħallas interessi moratorji fuq l-ammont f’(a), jiġifieri, fuq il-kumpens li jikkorrispondi għall-interessi moratorji fuq il-parti tal-multa li kienet annullata. Dawk l-interessi moratorji għandhom jiġu kkalkulati bir-rata li tikkorrispondi għar-rata ta’ rifinanzjament flimkien ma’ 3.5 punti perċentwali (ikkalkolati fuq il-kumpens ta’ EUR 300 637,32 li jammonta għal EUR 28,83 kuljum) jew, alternattivament, b’rata ta’ interessi li l-Qorti jidhrilha xierqa. Dawn l-interessi moratorji għandhom jiġu kkalkolati matul il-perijodu li jibda fid-data tal-ħlas lura mill-Kummissjoni tal-ammont prinċipali fil-11 ta’ Diċembru 2019, jew alternattivament li jibda fid-data tal-għoti tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali f’dan il-każ, jew, alternattiva oħra, matul il-perijodu li jibda fid-data li l-Qorti Ġenerali jidhrilha xierqa;

sussidjarjament, tannulla l-ittra tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Jannar 2020, jew alternattivament l-ittra elettronika tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Diċembru 2019, li fihom il-Kummissjoni rrifjutat tħallas l-interessi moratorji lir-rikorrenti wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-240/17, u tordna lill-Kummissjoni tħallas id-danni skont l-Artikolu 340 TFUE, jew alternattivament tadotta miżuri adegwati sabiex tiżgura konformità sħiħa mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Novembru 2019 fid-dawl tal-ħtiġijiet tal-Artikolu 266(1) TFUE;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni jmissha tħallas kumpens skont l-Artikolu 266(2) TFUE u l-Artikolu 340(2) TFUE. Ir-rikorrenti jissottomettu li wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali Campine, il-Kummissjoni kienet meħtieġa, skont l-Artikolu 266(1) TFUE kif interpretat mill-ġurisprudenza, bħala miżuri sabiex tiżgura konformità mas-sentenza, mhux biss biex terġa’ tħallas l-ammont prinċipali tal-multa iżda wkoll biex tħallas interessi moratorji bħala kumpens b’rata standard għat-telf tal-użu ta’ dak l-ammont matul il-perijodu ta’ riferiment (jiġifieri, il-perijodu bejn il-ħlas provviżorju mir-rikorrenti u l-pagament mill-ġdid mill-Kummissjoni), u l-Kummissjoni ma gawdiet minn ebda diskrezzjoni f’dak ir-rigward. Minħabba l-effett retroattiv ta’ deċiżjoni ta’ annullament, il-Kummissjoni għandha tħallas kumpens li jikkorrispondi għall-interessi moratorji biex tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża Campine.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni għandha tħallas interessi moratorji fuq il-kumpens li għandu jitħallas. Ir-rikorrenti qalu li l-prinċipju ta’ restitutio in integrum jeħtieġ li l-Kummissjoni tħallas l-interessi moratorji fuq il-kumpens li jikkorrispondi għall-interessi moratorji fuq il-parti tal-multa li kienet annullata.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-ittra tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Jannar 2020, jew alternattivament l-ittra elettronika tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Diċembru 2019, li fihom il-Kummissjoni rrifjutat tħallas l-interessi moratorji, huma illegali u għalhekk għandhom jiġu annullati. Ir-rikorrenti jissottomettu li dawn l-atti huma illegali minħabba l-ksur tal-Artikoli 266(1) u 296(1) TFUE.


(1)  Sentenza tas-7 ta’ Novembru 2019, Campine u Campine Recycling vs Il-Kummissjoni, T-240/17 (ECLI:EU:T:2019:778).


Top