EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CN0367

Kawża C-367/16: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van beroep te Brussel (il-Belġju) fil-5 ta’ Lulju 2016 – Openbaar Ministerie vs Dawid Piotrowski

ĠU C 335, 12.9.2016, p. 40–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.9.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 335/40


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van beroep te Brussel (il-Belġju) fil-5 ta’ Lulju 2016 – Openbaar Ministerie vs Dawid Piotrowski

(Kawża C-367/16)

(2016/C 335/54)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hof van beroep te Brussel

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Openbaar Ministerie

Konvenut: Dawid Piotrowski

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew (1) għandu jiġi interpretat biss fis-sens li tista’ tiġi awtorizzata l-konsenja ta’ persuni kkunsidrati li laħqu l-età maġġuri taħt il-liġi tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jew id-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq tippermetti wkoll lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jawtorizza l-konsenja ta’ minuri li, fuq il-bażi tar-regoli nazzjonali, jistgħu jinżammu kriminalment responsabbli minn età speċifika (u kemm jekk ċerti kundizzjonijiet ġew osservati jew le)?

2)

Fil-każ li l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Qafas ma jipprojbixxix il-konsenja ta’ minuri, din id-dispożizzjoni għandha għaldaqstant tiġi interpretata:

a)

fis-sens li l-eżistenza fid-dritt nazzjonali, ta’ possibbiltà (teoretika) li tissanzjona kriminalment il-minuri minn età speċifika hija kriterju suffiċjenti sabiex tiġi awtorizzata l-konsenja (fi kliem ieħor, hija biżżejjed evalwazzjoni in abstracto abbażi tal-kriterju tal-età li minnha persuna tista’ tinżamm kriminalment responsabbli, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jittieħdu inkunsiderazzjoni kundizzjonijiet supplimentari oħra possibbli)? jew

b)

fis-sens li la l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas u lanqas l-Artikolu 3(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas ma jipprekludi lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni milli jagħmel evalwazzjoni in concreto, fuq il-bażi ta’ każ b’każ, li taf tirrikjedi li fir-rigward tal-persuna rikjesta għall-konsenja, l-osservanza tal-istess kundizzjonijiet ta’ responsabbiltà kriminali bħal dawk applikabbli għaċ-ċittadini tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-età tagħhom fil-mument tal-fatti u n-natura tar-reat kkontestat, kif ukoll interventi ġudizzjarji preċedenti fl-Istat Membru emittenti li wasslu għal miżura ta’ natura edukattiva, anki jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jeżistux fl-Istat Membru emittenti?

3)

Għaldaqstant, jekk l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jista’ jagħmel evalwazzjoni in concreto, ma jaqbilx, sabiex tiġi evitata l-impunità, li ssir distinzjoni bejn konsenja għall-finijiet tat-tmexxija tal-proċeduri kriminali u konsenja għall-eżekuzzjoni ta’ piena?


(1)  Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Volum 6, p. 34).


Top