EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CN0515

Kawża C-515/14: Rikors ippreżentat fl- 14 ta’ Novembru 2014 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika ta’ Ċipru

ĠU C 65, 23.2.2015, p. 19–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 65/19


Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Novembru 2014 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika ta’ Ċipru

(Kawża C-515/14)

(2015/C 065/28)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: E. Tserepa-Lacombe u D. Martin, bħala aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika ta’ Ċipru

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara li r-Repubblika ta’ Ċipru naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 45 u 48 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u taħt l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea peress li ma ħassritx b’effett retroattiv mill-1 ta’ Mejju 2004, il-kriterju ta’ età li jinsab fl-Artikolu 27 tal-Liġi dwar il-Pensjonijiet [iktar ’il quddiem, il-“Liġi 97(I)97”] u li jagħmel lil dan l-artikolu inkompatibbli mal-imsemmija dispożizzjonijiet, peress li jipprekludi lil ħaddiema milli jħallu l-Istat tagħhom sabiex jimpjegaw lilhom infushom fi Stat Membru ieħor, istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea jew korpi internazzjonali oħra u peress li jagħti lok għal nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn ħaddiema migranti, inklużi dawk li jaħdmu fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jew f’korp internazzjonali ieħor, minn naħa, u uffiċjali tal-Istat li eżerċitaw l-attività tagħhom f’Ċipru biss, min-naħa l-oħra.

tikkundanna lir-Repubblika ta’ Ċipru għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni Ewropea titlib lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li r-Repubblika ta’ Ċipru naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 45 u 48 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u taħt l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea peress li ma ħassritx b’effett retroattiv mill 1 ta’ Mejju 2004, il-kriterju ta’ età li jinsab fl-Artikolu 27 tal-Liġi 97(I)97 u li jagħmel lil dan l-artikolu inkompatibbli mal-imsemmija dispożizzjonijiet, peress li jipprekludi lil ħaddiema milli jħallu l-Istat tagħhom sabiex jimpjegaw lilhom infushom fi Stat Membru ieħor, istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea jew korpi internazzjonali oħra u peress li jagħti lok għal nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn ħaddiema migranti, inklużi dawk li jaħdmu fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, u uffiċjali tal-Istat li eżerċitaw l-attività tagħhom f’Ċipru biss. Il-leġiżlazzjoni Ċiprijotta, u b’mod speċifiku l-Artikolu 27 tal-Liġi dwar il-Pensjonijiet [il-Liġi 97(I)97], tintroduċi differenza fit-trattament bejn uffiċjali tal-amministrazzjoni nazzjonali u uffiċjali li jaħdmu fi Stat Membru ieħor f’korpi internazzjonali jew fl-Unjoni Ewropea, peress li huma biss il-ħaddiema li eżerċitaw attività esklużivament f’Ċipru li jistgħu, fil-każ li ma jibqgħux iservu l-Istat, jinvokaw l-Artikoli 24 u 25 tal-Liġi dwar il-Pensjonijiet u jżommu d-drittijiet għal pensjoni tagħhom anki jekk ma jissodisfawx il-kriterju tal-età ta’ 45 jew 48 sena. Min-naħa l-oħra, ħaddiema li eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu ma għandhomx il-possibbiltà li jinvokaw l-imsemmija artikoli, bil-konsegwenza li jitilfu d-drittijiet tagħhom għal pensjoni.

Barra minn hekk, l-artikolu tal-Liġi dwar il-Pensjonijiet inkwistjoni jipprekludi l-moviment liberu tal-ħaddiema peress li jċaħħad lill-ħaddiem il-possibbiltà li jinvoka l-perijodi kollha ta’ pensjoni miġbura u ma jiggarantixxix lill-ħaddiem migrant karriera unifikata għal skopijiet ta’ sigurtà soċjali. L-applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Pensjonijiet tfisser li uffiċjal li jirriżenja b’mod volontarju mis-servizz lejn l-Istat ta’ Ċipru sabiex jaħdem fi Stat Membru ieħor f’korpi internazzjonali, u li ma jissodisfax il-kriterju tal-età li wieħed jilħaq il-45 jew it-48 sena skont il-każ, jirċievi biss is-somma f’daqqa u jitlef id-drittijiet għal pensjoni, skont l-Artikolu 27(1)(b) tal-Liġi dwar il-Pensjonijiet, anki jekk ikun ikkompleta l-perijodu minimu ta’ assigurazzjoni ta’ ħames snin.

Għandu jingħad ukoll li l-Liġi 31(I)/2012 li tipprovdi biss għall-possibbiltà ta’ trasferiment ta’ drittijiet għal pensjoni lejn u mill-iskema ta’ pensjoni tal-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ma tinkludix dispożizzjoni dwar id-drittijiet għal pensjoni ta’ uffiċjali tal-Istat li jħallu s-servizz tal-Istat ta’ Ċipru sabiex jaħdmu mal-Unjoni Ewropea iżda li fl-aħħar mill-aħħar jagħżlu li ma jittrasferixxux id-drittijiet għal pensjoni tagħhom skont l-Artikolu 11 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej. Dawn l-uffiċjali jitilfu d-drittijiet tagħhom għal pensjoni jekk jirriżenjaw b’mod volontarju mis-servizz lejn l-Istat ta’ Ċipru u ma jissodisfawx il-kriterju tal-età.

Barra minn hekk, il-Liġi dwar il-Benefiċċji ta’ Pensjoni tal-Uffiċjali tal-Istat fis-Settur Pubbliku Usa’ inkluż fl-Awtoritajiet Lokali (Dispożizzjonijiet ta’ Applikazzjoni Ġenerali) tal-2011 [iktar ’il quddiem il-“Liġi 113(I)/2011”] tapplika biss għall-uffiċjali tal-Istat li huma impjegati ġodda maħtura f’pożizzjoni għall-ewwel darba fl-1 ta’ Ottubru 2011 jew wara, data li fiha daħlet fis-seħħ il-Liġi, bir-riżultat li d-diskriminazzjoni fl-età tkompli tapplika fir-rigward ta’ dawk li huma rregolati mill-Liġi dwar il-Pensjonijiet [Liġi 97(I)97].


Top