EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE4092

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2012” COM(2013) 257 final

ĠU C 67, 6.3.2014, p. 74–78 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/74


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2012”

COM(2013) 257 final

2014/C 67/14

Relatur: is-Sur MENDOZA CASTRO

Nhar it-3 ta' Lulju 2013, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni 2012

COM(2013) 257 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-2 ta' Ottubru 2013.

Matul l-493 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Ottubru 2013 (seduta tas-16 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'132 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Issa li għaddew għaxar snin mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament 1/2003, jeħtieġ li jiġi enfasizzat x'suċċess kbir kien, fid-dawl tal-fatt li ġab miegħu tibdil profond fil-politika tal-kompetizzjoni tal-UE.

1.2

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon ir-Rapport tal-2012 li, fost affarijiet oħra, jagħti dettalji tal-ħidma tal-Kummissjoni u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE fil-qasam tal-prattiki tal-antitrust u l-ġlieda kontra l-kartelli (cartels).

1.3

Il-KESE talab kemm-il darba għall-ħolqien ta' qafas għall-protezzjoni legali tal-konsumaturi u, għalhekk, jenfasizza t-tfassil tal-Proposta għal Direttiva dwar l-azzjonijiet għad-danni għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni.

1.4

Fil-fehma tal-Kumitat, huwa tajjeb li tibqa' titħaddan il-politika ta' status quo fil-qasam tal-kompetizzjoni, minkejja l-kriżi ekonomika. Madankollu, ma nistgħux ninjoraw il-fatt li s-setgħat ekonomiċi li jikkompetu kontra l-UE fis-swieq dinjin jagħmlu użu mingħajr ħabi tal-għajnuna mill-Istat u tal-prattiki restrittivi tal-kompetizzjoni.

1.5

L-għajnuna mill-Istat mogħtija bil-għan li ssalva s-settur pubbliku mill-falliment ħtieġet somom kbar ta' fondi pubbliċi, li l-piż tagħhom ser jibqa' jinħass mill-kontribwenti għal snin twal, u ser ikunu ġġustifikati biss jekk ir-riforma tas-sistema finanzjarja timpedixxi li, fil-ġejjieni, jerġa' jkun hemm l-imġiba irresponsabbli li wasslet għall-kriżi finanzjarja. Fid-dawl tal-bżonn li tintradd lura l-kredibbiltà tas-sistema finanzjarja, il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni tagħti "l-ogħla prijorità" lill-investigazzjonijiet relatati mar-rati ta' riferiment tal-Euribor u t-Tibor.

1.6

Il-KESE jilqa b'sodisfazzjon il-pakkett dwar il-mezzi ta' pagament ippreżentat mill-Kummissjoni f'Lulju 2013 li fil-fehma tiegħu huwa pass fid-direzzjoni t-tajba.

1.7

L-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali għal każijiet konkreti tagħmilha possibbli li jintwera jekk il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat u l-qafas il-ġdid dwar l-għajnuna mill-Istat għas-Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali jwasslux għal applikazzjoni iżjed effettiva u ġusta tat-TFUE. Minħabba l-karatteristiċi speċjali tagħhom, is-servizzi postali jistħoqqilhom attenzjoni speċjali fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

Il-politika tal-għajnuna mill-Istat għandha tagħmilha possibbli li l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu għajnuna lill-intrapriżi li jikkontribwixxu għall-għanijiet ta' tkabbir tal-UE, filwaqt li tillimita d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

1.8

Jista' jkun hemm dubju dwar jekk il-liberalizzazzjoni – li hija l-għan ċentrali tal-politika tal-UE dwar l-enerġija – introduċietx livell ogħla ta' kompetizzjoni, swieq iżjed trasparenti u prezzijiet irħas għall-utenti, u jidher li l-Kummissjoni tirrikonoxxi dan.

1.9

Rigward is-suq tat-telekomunikazzjonijiet, il-KESE huwa tal-fehma li dawn li ġejjin għandhom ikunu għanijiet ċentrali: li jsir tnaqqis reali fit-tariffi telefoniċi għall-familji u l-intrapriżi, li tiġi stabbilita konnessjoni tal-broadband universali ta' kwalità tajba, li jiġu eliminati t-tariffi tar-roaming u li jiġi stabbilit regolatur uniku fl-UE.

1.10

Fl-intrapriżi ta' teknoloġija għolja, soġġetti għal innovazzjoni kontinwa, iż-żmien konsiderevoli li jgħaddi bejn il-bidu tal-proċedura u l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet jista' jwassal għall-għajbien tal-intrapriżi milqutin mill-prattiki antikompetittivi.

1.11

Il-KESE jissuġġerixxi li jiġi kkunsidrat livell ogħla ta' armonizzazzjoni fis-suq tal-kotba elettroniċi biex jiġi evitat l-arbitraġġ u tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni ta' dan is-suq.

1.12

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon u jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tissanzjona l-użu abużiv ta' privattivi min-naħa ta' intrapriżi farmaċewtiċi ewlenin biex jimpedixxu l-aċċess tal-mediċini ġeneriċi għas-suq. Madankollu, fid-dawl tal-benefiċċji sostanzjali ta' dawn l-intrapriżi, il-multi diffiċilment ikunu dissważivi. Huwa tajjeb li jiġu kkunsidrati miżuri leġislattivi iżjed severi fil-każijiet ta' ksur tal-prinċipji tal-kompetizzjoni fis-suq tal-mediċini.

2.   Il-kontenut tar-Rapport tal-2012

2.1

Fl-2012, ħareġ fid-dieher ir-rwol li taqdi l-politika tal-kompetizzjoni fil-konsolidazzjoni tas-suq uniku. Bil-għan li jintlaħaq dan l-għan, il-Kummissjoni kkooperat mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u man-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni biex tikkoordina l-ħidma marbuta mal-implimentazzjoni tar-regoli kontra l-monopolju. L-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni ffukat l-iżjed fuq is-setturi "ta’ importanza trasversali sistemiċi għall-ekonomija", bil-għan li jinbnew is-sisien ta' tkabbir sostenibbli.

2.2

Ir-rapport janalizza l-politika tal-kompetizzjoni applikata f'erba' oqsma prinċipali: is-settur finanzjarju, l-għajnuna mill-Istat, l-industriji ta' netwerk (l-enerġija, it-telekomunikazzjonijiet u s-servizzi tal-posta) u l-ekonomija tal-għarfien.

2.3

Tingħata attenzjoni wkoll lid-djalogu li sar ma' istituzzjonijiet oħra tal-UE, l-iżjed il-PE, iżda l-KESE u l-KtR ukoll.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE wara li għaddew għaxar snin mill-implimentazzjoni tar-Regolament 1/2003

3.1.1

Ir-Regolament 1/2003 ġab bidla radikali fil-politika tal-kompetizzjoni tal-UE. Minn mindu daħal fis-seħħ, l-azzjonijiet marbutin mal-kompetizzjoni żdiedu bi tmien darbiet meta mqabblin mal-istess perjodu preċedenti. Huwa jenfasizza ż-żieda sostanzjali fl-attivitajiet tal-Istati Membri, li nbidlu fil-promoturi prinċipali tal-kompetizzjoni, meta wieħed iqis li adottaw 88 % tad-deċiżjonijiet f'dan il-qasam.

3.1.2

Ta' min isemmi wkoll il-funzjonament tan-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni, li kellu impatt fuq żewġ livelli. L-ewwel nett, u b'mod ġenerali, il-ħidma kondiviża bejn l-awtoritajiet nazzjonali differenti twettqet mingħajr problemi u l-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni previsti fir-Regolament 1/2003 ħadmu tajjeb. It-tieni nett, bl-appoġġ tal-azzjoni politika tan-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni, l-implimentazzjoni tar-Regolament 1/2003 wasslet ukoll għal livell sostanzjali ta' konverġenza volontarja tal-leġislazzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-proċeduri u s-setgħat ta' sanzjoni.

3.1.3

Minkejja li d-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni ma żdidux b'mod sostanzjali mil-lat ta' kwantità (baqgħu lura mill-istennijiet li ġabet magħha r-riforma), kienu karatterizzati mil-lat tal-kwalità fid-dawl tal-importanza tal-każijiet trattati. B'hekk nistgħu nikkonkludu li r-Regolament 1/2003 kellu suċċess kbir fit-tilħiq tal-għanijiet ikkonċernati.

3.2   Ir-Rapport tal-2012

3.2.1

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon ir-Rapport tal-2012, li jixħet dawl fuq l-attività mwettqa f'waħda mill-politiki fundamentali tal-UE.

3.2.2

Il-Kumitat tenna kemm-il darba l-appoġġ tiegħu għad-deċiżjonijiet tal-antitrust u esprima wkoll il-fehma tiegħu li l-ġlieda kontra l-kartelli hija aspett essenzjali tal-politika tal-kompetizzjoni. B'rabta ma' dan il-qasam, fl-2012 il-Kummissjoni adottat miżuri importanti u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ħarġet sentenzi.

3.2.3

Il-Kummissjoni tafferma li matul il-kriżi attwali kompliet tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-Suq Uniku "minkejja sejħiet li jkun hemm minn żmien għal żmien favur pożizzjoni anqas iebsa fir-rigward ta’ mġiba antikompetittiva minn ditti jew Stati Membri fid-dawl tal-kriżi ekonomika". Fil-fehma tal-Kumitat, din hija deċiżjoni ġusta.

3.2.4

Il-KESE minn dejjem ikkunsidra l-politika tal-kompetizzjoni bħala fattur essenzjali tas-Suq Intern, u jeħtieġ li dan jaffermah mill-ġdid issa li t-taqlib li ilu jolqot lill-ekonomija Ewropea sa mill-2008 qed jagħti prova tad-determinazzjoni tal-UE li tibqa' tħaddan din il-politika, peress li s-setgħat pubbliċi jistgħu jkunu iżjed lesti li jaċċettaw li l-irkupru għandu preċedenza fuq ir-rispett tat-Trattati. Jistgħu wkoll jaqgħu għat-tentazzjoni li jipproteġu setturi partikolari li jinsabu f'diffikultà jew jinjoraw prinċipji bażiċi li jipprojbixxu l-abbuż ta' pożizzjoni dominanti jew il-ftehimiet bejn intrapriżi bil-għan li jaqsmu s-suq.

3.2.5

Madankollu, l-implimentazzjoni stretta tal-politika tal-kompetizzjoni timplika sfida meta jkunu qed jinbnew is-sisien għall-irkupru u l-konsolidazzjoni ta' ekonomija b'saħħitha u kompetittiva meta pajjiżi jew blokok ekonomiċi li jikkompetu mal-UE fis-swieq dinjin ma jirispettawx dawn l-istess prinċipji. L-għajnuna mill-Istat taċ-Ċina lill-industrija tal-azzar tiegħu (flimkien ma' benefiċċji oħra, bħall-pagi baxxi) hija biss waħda mill-bosta eżempji li jistgħu jissemmew.

3.2.6

Il-KESE semma kemm-il darba l-ħtieġa li l-UE toħloq strumenti għall-protezzjoni legali tal-konsumaturi li jippermettulhom jitolbu kumpens għad-danni u l-ħsara kkawżati mill-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Apparti li joħolqu proċess għad-difiża tad-drittijiet patrimonjali taċ-ċittadini u l-intrapriżi, dawn l-azzjonijiet legali jistgħu jikkontribwixxu għall-ġlieda tal-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali u Ewropej kontra l-prattiki tal-antitrust u l-kartelli. Għalhekk, jenfasizza l-fatt li, fil-11 ta' Ġunju 2013, tressqet il-Proposta għal Direttiva dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (1).

4.   Il-kompetizzjoni fis-settur finanzjarju

4.1

Fil-kuntest tal-kriżi, il-Kummissjoni approvat il-fużjonijiet bankarji b'iżjed għaġla mis-soltu u, bejn l-1 ta' Ottubru 2008 u l-1 ta' Ottubru 2012, hija awtorizzat l-għoti ta' għajnuna lis-settur finanzjarju għas-somma totali ta' EUR 5 058,9 biljun (40,3 % tal-PDG tal-UE), li minnhom intużaw EUR 1 615,9 biljun (12,8 % tal-PDG). F'perjodu kważi simili, l-għajnuna mill-Istat lill-ekonomija reali żdiedet għal EUR 82,9 biljun (0,7 % tal-PDG).

4.2

L-għajnuna temporanja mill-Istat – prevista fit-TFUE – salvat lis-settur finanzjarju milli jikkollassa u kienet essenzjali biex tiġi evitata ħsara gravi lill-ekonomija. Fl-Istati Membri benefiċjarji, din l-għajnuna ngħatat bil-kundizzjoni li l-banek jiġu organizzati u strutturati mill-ġdid. Iżda fl-aħħar mill-aħħar, l-użu ta' somom kbar ta' flus aspejjeż tal-kontribwenti Ewropej biex jiġi salvat is-settur finanzjarju huwa ġġustifikat biss jekk ir-riforma radikali tas-settur finanzjarja tevita li tiġi ripetuta l-imġiba irresponsabbli li wasslet għall-kriżi attwali.

4.3

Qed jinxteħet dubju serju fuq it-trasparenza, l-effikaċja u s-solidità tas-swieq finanzjarji fid-dawl tal-iskandli speċifiċi li affettwaw istituzzjonijiet bankarji ewlenin. Il-multi kbar imposti f'ċerti każijiet ma jaffettwawx b'mod sostanzjali r-rapporti tal-introjtu tal-ġganti tad-dinja finanzjarja li, f'xi każijiet, ġew salvati mill-falliment permezz ta' fondi pubbliċi. Wara l-"iskandlu tal-Libor", is-suspetti waqgħu wkoll fuq l-iżvilupp ta' rati ta' riferiment oħra, bħall-Euribor u t-Tibor. Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti l-ogħla prijorità lill-investigazzjoni ta' din il-kwistjoni fid-dawl tal-konsegwenzi serji għall-ekonomija.

4.4

Il-KESE jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda proċeduri ta' investigazzjoni fir-rigward tas-suq tas-CDS bil-għan li jiġi determinat jekk banek ewlenin (JP Morgan, Bank of America Merrill Lynch, Barclays, BNP Paribas, Citigroup, Commerzbank, Crédit Suisse First Boston, Deutsche Bank, Goldman Sachs, HSBC, Morgan Stanley, Royal Bank of Scotland, UBS, Wells Fargo Bank/Wachovia, Crédit Agricole u Société Générale) użawx prattiki restrittivi tal-kompetizzjoni fir-rigward ta' informazzjoni finanzjarja essenzjali biex joperaw f'dan is-suq (billi jgħadduha biss lill-Markit) u fir-rigward tas-sistema tal-ikklerjar (fil-każ ta' disgħa mill-istituzzjonijiet imsemmijin hawn fuq, ġiet ipprivileġġjata l-ICE Clear Europe).

4.5

Is-sistema ta' pagament elettroniku fiż-Żona Ekonomika Ewropea hija dominata minn żewġ kumpaniji kbar, Mastercard u Visa, li jistabbilixxu tariffi multilaterali tal-interkambju (MIF – Multilateral Interbank Fee) permezz ta' ftehim mal-banek. Fil-każ tal-Visa, il-karti tal-kreditu u d-debitu jirrappreżentaw 41 % tal-karti maħruġin fiż-ŻEE, li jfisser li din il-kumpanija għandha l-kontroll virtwali ta' suq li fi ħdanu, fl-2010, saru 35 000 miljun operazzjoni għal valur ta' EUR 1 800 biljun. Is-sistema tmur kontra l-prinċipji tal-kompetizzjoni u tagħmel ħsara lill-konsumatur. Mhijiex adattata għat-tibdil teknoloġiku u ma tiffavorixxix il-kummerċ transkonfinali. Is-sentenza maħruġa mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE li tikkonferma li l-MIF huma projbiti fir-rigward tal-Mastercard (2) għandha tinbidel fi kriterju ġenerali li japplika għall-mezzi ta' pagament.

4.6

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-pakkett ta' miżuri dwar sistemi ta' pagament li l-Kummissjoni ressqet fl-24 ta' Lulju 2013 li fih, fost affarijiet oħra, jiġu imposti limiti massimi rigward il-kummissjonijiet marbutin mal-karti tal-kreditu (0,3 %) u tad-debitu (0,2 %). Dan huwa pass 'il quddiem fid-direzzjoni t-tajba, għalkemm kien ikun aħjar kieku dawn il-kummissjonijiet tnaqqsu iżjed fil-każ tal-karti tal-kreditu, u kieku ġew eliminati għalkollox fil-każ tal-karti tad-debitu.

5.   Ir-riformi tal-għajnuna mill-Istat

5.1

L-applikazzjoni għall-każijiet konkreti tagħmilha possibbli li jiġi determinat jekk ir-riformi fir-regoli marbutin mal-għajnuna mill-Istat tiggarantixxix ġustizzja ikbar u livell ogħla ta' effikaċja f'dak li jirrigwarda r-rispett tal-prinċipji ġenerali tat-TFUE. B'mod ġenerali, il-KESE appoġġja l-qafas il-ġdid dwar l-għajnuna mill-Istat għas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (SIEĠ) (3), li ġie approvat fl-2011, peress li fil-fehma tiegħu huwa iżjed diversifikat u proporzjonat għat-tipi differenti ta' servizzi pubbliċi. Madankollu, il-Kumitat enfasizza wkoll li l-effiċjenza ma għandhiex tieħu preċedenza fuq il-kwalità, ir-riżultati u s-sostenibbiltà tas-servizzi, l-iżjed fil-każ tal-prestazzjoni tas-servizzi soċjali u tas-saħħa. Barra minn hekk, għandhom jitqiesu wkoll l-ispeċifiċitajiet tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali (kooperattivi, mutwalitajiet, assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet) (4).

5.1.1

Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni adegwata tar-regoli ġenerali fil-każijiet konkreti, il-Kumitat ifakkar fil-karatteristiċi speċjali tas-SIEĠ li jokkupaw pożizzjoni importanti fost il-valuri komuni tal-Unjoni u jinkoraġġixxu d-drittijiet fundamentali, il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali, u għaldaqstant huma kruċjali fil-ġlieda kontra l-inugwaljanzi fis-soċjetà, kif ukoll, kulma jmur dejjem iżjed, fl-iżvilupp sostenibbli.

5.2

Il-KESE ta wkoll l-appoġġ tiegħu għall-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat (SAM) (5); madankollu, huwa ppropona li l-limitu tal-għajnuna minima jiżdied, b'mod permanenti, minn EUR 200 000 għal EUR 500 000 bl-istess mod għal dak li ġie deċiż fil-każ tas-SIEĠ (6). L-implimentazzjoni sħiħa tal-proċess tal-modernizzazzjoni titlob riformi f'bosta regoli settorjali. Il-linji l-gwida ġodda fil-qasam tal-broadband – li ġew approvati lejn tmiem l-2012 (7) – huma ġusti fil-fehma tal-KESE peress li jiffaċilitaw il-finanzjament pubbliku tal-infrastrutturi essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Aġenda Diġitali.

5.3

Il-KESE huwa tal-fehma li l-politika tal-għajnuna mill-Istat għandha tagħmilha possibbli li l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu għajnuna lill-intrapriżi li jikkontribwixxu għall-għanijiet ta' tkabbir tal-UE, filwaqt li tillimita d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni.

5.4

Huwa jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-Proposta għal Regolament (UE) tal-Kummissjoni, li tiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern bl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE (8), tirrappreżenta theddida serja għall-impjieg tal-persuni b'diżabbiltà f'ċerti Stati Membri. Il-KESE jirrakkomanda, b'mod partikolari, li l-għajnuna mill-Istat maħsuba għall-impjieg u t-taħriġ ta' gruppi vulnerabbli bħall-persuni b'diżabbiltà tiġi eżenta mill-applikazzjoni tal-limitu bbażat fuq il-PDG nazzjonali u valur assolut fid-dawl tal-fatt li dan mhu ser ikollu l-ebda effett fil-prevenzjoni tad-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni.

6.   It-tħeġġiġ tal-kompetizzjoni fl-industriji li jużaw netwerk, is-sinsla tas-suq uniku

6.1   L-enerġija

6.1.1

Mis-snin 90 'l hawn, l-UE wettqet ħidma leġislattiva intensa bil-għan li tilliberalizza s-swieq tal-enerġija. It-Tielet Pakkett (2011) huwa l-iżjed wieħed reċenti u l-iżjed wieħed importanti fost l-isforzi maħsuba biex jiġi stabbilit suq uniku tal-enerġija fl-2014. Madankollu, il-politiki Ewropej ma ġewx applikati b'determinazzjoni biżżejjed fl-Istati Membri, fejn insibu sitwazzjonijiet oligopolitiċi min-naħa ta' kumpaniji privati, li jagħmlu ħsara lill-konsumaturi u lill-utenti.

6.1.2

Jista' jkun hemm dubju dwar il-fatt li l-liberalizzazzjoni – li hija l-għan ċentrali tal-politika tal-UE dwar l-enerġija – introduċiet livell ogħla ta' kompetizzjoni, swieq iżjed trasparenti u prezzijiet irħas għall-utenti. Attwalment, il-prezzijiet għaljin tal-enerġija jimplikaw problemi serji għall-familji bi dħul baxx (periklu ta' faqar enerġetiku) u, fil-każ tal-kumpaniji, il-fatt li f'ħafna każijiet huma iżjed għaljin minn dawk tal-kompetituri tagħhom fis-swieq dinjin (il-Ġappun, l-Istati Uniti) huwa ta' żvantaġġ, l-iżjed fl-industriji b'konsum għoli ta' elettriku, bħal dik tal-ħadid u l-azzar, fost l-oħrajn. Il-Kummissjoni tafferma li l-politika tal-kompetizzjoni "ma tistax waħedha tintegra s-swieq tal-elettriku u tal-gass tal-UE, tiżgura prezzijiet kompettitivi u s-sigurtà tal-provvista". Din l-affermazzjoni tista' sservi ta' rikonoxximent espliċitu tal-bżonn ta' bidla fil-politika dwar l-enerġija.

6.2   It-telekomunikazzjonijiet. Ir-Rapport tal-2012 jindika li f'dawn l-aħħar 15-il sena sar progress kbir meta ġiet introdotta l-kompetizzjoni fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet. Il-Kumitat jaqbel ma' din l-affermazzjoni, għalkemm il-karatteristika prinċipali għadha l-frammentazzjoni u l-kompetizzjoni ġenwina insuffiċjenti bejn l-intrapriżi. Minħabba f'hekk, f'ċerti Stati Membri, it-tariffi tat-telefown u tal-broadband huma konsiderevolment għaljin. Fil-fehma tal-Kumitat, politika Ewropea fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet għandha tfittex li tilħaq erba' għanijiet ċentrali:

it-tnaqqis reali tat-tariffi tat-telefown għall-familji u l-intrapriżi;

it-twaqqif ta' konnessjoni tal-broadband universali ta' kwalità tajba;

it-tneħħija tat-tariffi tar-roaming;

it-twaqqif ta' regolatur uniku fl-UE.

6.3   Is-servizzi postali. Il-Kummissjoni adottat riżoluzzjonijiet li jawtorizzaw għajnuna mill-Istat għas-servizzi postali fir-Renju Unit, Franza u l-Greċja, filwaqt li stipulat li jiġu rimborżati somom speċifiċi fil-każ tal-Bpost (EUR 417-il miljun) u d-Deutsche Post (bejn EUR 500 miljun u EUR 1 biljun); rigward dan l-aħħar każ, hija mistennija deċiżjoni ġudizzjarja. Fid-dawl tas-somom sostanzjali li jridu jiġu rimborżati, il-KESE – filwaqt li jfakkar fil-ħtieġa li s-servizz liberalizzat tal-posta jkun effikaċi, kompettiv u kapaċi jipprovdi servizz universali ta' kwalità għolja bi prezzijiet affordabbli (9) – jistaqsi dwar l-effett li sentenzi ġudizzjarji konfermattivi jista' jkollhom fuq l-impjieg u l-kwalità tas-servizz tal-intrapriżi milqutin.

6.3.1   Kumpaniji tat-tqassim tal-pakketti. Fir-rigward tal-interdizzjoni tal-akkwist tat-TNT Express mill-UPS, il-Kumitat jieħu nota tal-argumenti tal-Kummissjoni, fis-sens li l-għadd ta' intrapriżi fl-UE naqas u t-tneħħija ta' kompetitur seta' jkun ta' ħsara għall-klijenti.

7.   L-ekonomija tal-għarfien

7.1   Taħt it-titlu "Il-prevenzjoni ta' użu ħażin f'setturi diġitali li għadhom jitwieldu u li jinbidlu malajr", ir-rapport tal-Kummissjoni jirreferi għad-diversi miżuri relatati ma' mġiba antikompetittiva min-naħa ta' intrapriżi kbar li jikkontrollaw ishma sostanzjali tas-suq fil-qasam tat-telefonija (Samsung, Motorola), tal-magni tat-tiftix u attivitajiet oħra (Google) u tal-IT (Microsoft). Microsoft, kumpanija kkaratterizzata mill-preżenza qawwija tagħha fil-mezzi tal-komunikazzjoni, ingħatat multa ta' EUR 561 miljun, waħda mill-iżjed għoljin li qatt ngħataw (il-profitti gross ta' Microsoft fl-2012 kienu ta' USD 59,16 biljun). Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ id-deċiżjonijiet adottati li, f'termini ġenerali, jistħoqqilhom l-attenzjoni li tingħatalhom fil-punti li ġejjin.

7.1.1   F'ċerti każijiet, jgħaddi ħafna żmien bejn il-bidu tal-miżuri u d-deċiżjoni finali (disa' snin fil-każ tal-multa ta' EUR 497 miljun li ngħatat lil Microsoft f'Marzu 2004) minħabba l-kumplessità kbira tal-każijiet, il-bżonn li jiġu rispettati l-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji u l-qawwa finanzjarja tal-intrapriżi investigati. F'setturi teknoloġiċi li jiżviluppaw b'rata mgħaġġla, dan iwassal għall-għajbien tal-intrapriżi li huma vittmi tal-prattiki abużivi.

7.1.2   Min-naħa l-oħra, it-tneħħija potenzjali tal-kompetituri permezz ta' prattiki li jmorru kontra l-kompetizzjoni toħroġ iżjed fid-dieher fil-każijiet ta' abbuż ta' pożizzjoni dominanti milli f'li jiġu rifjutati fużjonijiet jew teħid ta' kontroll tal-intrapriżi, li jirreferu għal sitwazzjonijiet futuri. Rigward dawn l-ipoteżijiet tal-aħħar, il-Kummissjoni ġiet ikkritikata xi minn daqqiet għax adottat deċiżjonijiet għal raġunijiet "spekulattivi", iżda l-KESE mhuwiex ta' din il-fehma: hija s-soluzzjoni abitwali fil-politiki tal-kompetizzjoni u d-deċiżjoni hija ġġustifikata mir-rigorożità u s-serjetà tal-investigazzjoni, li fiha tipparteċipa l-parti milquta.

7.1.3   Kif tindika l-Kummissjoni, id-deċiżjonijiet ta' impenn adottati fil-qafas tar-Regolament 1/2004 tal-Kunsill jevitaw proċeduri twal u għaljin, u jsiru legalment vinkolanti wara li jiġu approvati. Madankollu, peress li huma konsegwenza ta' tranżazzjoni mal-intrapriżi investigati, dawn jiksbu kundizzjonijiet favorevoli jew inqas restrittivi. Taħt kull ċirkustanza, in-nuqqas eventwali li jiġu rispettati jista' jwassal għal sanzjonijiet.

7.2   Is-suq tal-kotba

7.2.1

Il-kotba elettroniċi. Id-deċiżjoni ta' impenn approvata f'Diċembru 2012 li tikkonċerna lill-Apple u erba' edituri għandha l-għan li tevita l-prattiki predatorji u li jagħmlu l-ħsara fil-konfront tal-edituri u l-kummerċ. Fost affarijiet oħra, permezz tad-deċiżjoni ta' impenn ġew previsti limiti għall-applikazzjoni tal-klawżola tan-"nazzjon l-iżjed favorit" fil-bejgħ bl-imnut. Jeħtieġ li jiġi enfasizzat il-fatt li l-Kummissjoni ħadmet flimkien mad-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti, fid-dawl tal-karatteristiċi globali tas-suq. Il-projbizzjoni ta' prattiki antikompetittivi fl-UE għandha d-diffikultà addizzjonali li fl-Istati Membri nsibu politiki differenti rigward il-prezzijiet u t-taxxi fil-qasam tal-kotba inġenerali u tal-kotba elettroniċi b'mod partikolari. Għalhekk, il-KESE jissuġġerixxi li jiġi kkunsidrat il-bżonn ta' livell ogħla ta' armonizzazzjoni biex jiġi evitat l-arbitraġġ u tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tas-suq. Jeħtieġ li jiġi enfasizzat li s-suq tal-kotba elettroniċi huwa reċenti u l-informazzjoni disponibbli mhijiex biżżejjed, u għalhekk ikun utli li jkun hemm iżjed għarfien dwar kif jaħdem.

7.2.2

Il-bejgħ ta' kotba onlajn. Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li xi assoċjazzjonijiet tal-bejjiegħa fi Franza u r-Renju Unit irrapportaw li jista' jkun hemm kompetizzjoni inġusta min-naħa ta' Amazon f'dak li jirrigwarda l-iskontijiet.

7.3   Is-settur farmaċewtiku

7.3.1

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon u jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tissanzjona l-użu abużiv ta' privattivi biex jixxekkel is-suq tal-mediċini ġeneriċi. Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE fil-każ ta' AstraZeneca (10) kkonfermat is-sanzjoni ta' EUR 60 miljun imposta mill-Kummissjoni. Anke l-Qorti Suprema tal-Istati Uniti kienet kontra ftehimiet simili u ftehimiet oħra tat-tip "pay-to-play". Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjonijiet li l-Kummissjoni bagħtet f'Lulju 2012 lil iżjed minn 14-il intrapriża involuti f'żewġ kawżi importanti juru li dawn huma prattiki frekwenti li jagħmlu ħsara serja lill-konsumaturi u r-riżorsi pubbliċi.

7.3.2

Bejn l-2003 u l-2012, il-11-il kumpanija li huma minn ta' quddiem nett fis-settur farmaċewtiku fil-livell dinji kisbu benefiċċji netti ta' USD 711,4 biljun, u għalhekk il-multi li jimponu l-awtoritajiet inkarigati mill-kompetizzjoni diffiċilment ikunu ta' natura dissważiva. Fil-prattika, mhijiex biss problema ta' kompetizzjoni għax taffettwa wkoll oqsma daqstant delikati bħal saħħet il-persuni, minbarra li tagħmel ħsara finanzjarja lill-familji u lis-sigurtà soċjali. Għalhekk, il-KESE jissuġġerixxi li jiġu kkunsidrati miżuri legali iżjed effikaċi fil-livell tal-UE għall-prevenzjoni ta' din ix-xorta ta' mġiba.

Brussell, 16 ta’ Ottubru 2013

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(2013) 404 final.

(2)  Kawża T-111/08.

(3)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, 15 ta’ Novembru 2011. ĠU C 153, 31.5.2013

(4)  ĠU C 248, 25.8.2011 p. 149

(5)  COM(2012) 209 final.

(6)  ĠU C 11, 15.1.2013, p. 49.

(7)  IP/12/1424.

(8)  http://ec.europa.eu/competition/consultations/2013_gber/draft_regulation_mt.docx

(9)  ĠU C 168, 20.7.2007, p. 74

(10)  Kawża T-321/05.


Top