EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012TN0500

Kawża T-500/12: Rikors ippreżentat fil- 15 ta’ Novembru 2012 — Ryanair vs Il-Kummissjoni

ĠU C 26, 26.1.2013, p. 60–61 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

26.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 26/60


Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Novembru 2012 — Ryanair vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-500/12)

2013/C 26/120

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Ryanair Ltd (Dublin, l-Irlanda) (rappreżentanti: B. Kennelly, barrister, E. Vahida u I. Metaxas-Maragkidis, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Lulju 2012 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.29064 (2011/C, ex 2011/NN) li tikkonstata li t-tariffi differenzjali applikati fil-kuntest tat-taxxa Irlandiża dwar it-trasport bl-ajru bejn it-30 ta’ Marzu 2009 u l-1 ta’ Marzu 2011 kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat illegali li tmur kontra l-Artikolu 107(1) TFUE;

tannulla l-Artikoli 4, 5 u 6 tal-imsemmija deċiżjoni; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż ta’ din il-kawża, inklużi dawk tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

(1)

L-ewwel motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi tal-Kummissjoni inkwantu kkonstatat li t-tariffa ta’ EUR 10 tat-taxxa fuq il-passiġġieri tal-ajru kienet it-tariffa “normali” jew it-tariffa “standard” leġittima, minkejja l-fatt li din it-tariffa ogħla kienet illegali matul il-perijodu kollu inkwistjoni, taħt id-dritt tal-UE.

(2)

It-tieni motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-vantaġġ mogħti mit-taxxa fuq il-passiġġieri tal-ajru, inkwantu kkonstatat li Ryanair u Aer Arann kienu fl-istess pożizzjoni fir-rigward tal-vantaġġ ekonomiku u kompetittiv mogħti mit-taxxa fuq il-passiġġieri tal-ajru, fejn bl-ebda mod ma kkunsidrat l-effetti kompetittivi partikolari tat-taxxa fuq il-passiġġieri tal-ajru fuq Ryanair u Aer Lingus, evalwat b’mod żbaljat il-vantaġġ allegat miksub minn Ryanair fil-konfront ta’ trasportaturi oħra mhux Irlandiżi u injorat id-dannu kkawżat lil Ryanair permezz tal-effetti vantaġġużi tat-taxxa fuq il-passiġġieri tal-ajru fuq il-kompetituri ta’ Ryanair.

(3)

It-tielet motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ rkupru, inkwantu ċaħdet lill-Irlanda mid-diskrezzjoni meħtieġa sabiex tevalwa kemm l-għajnuna mill-Istat ikkawżat distorsjoni fuq il-kompetizzjoni u għaldaqstant sabiex tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti, billi naqset milli tanalizza r-rilevanza tal-abbiltà tal-linji tal-ajru affettwati li jgħaddu t-taxxa fuq il-passiġġieri tal-ajru lill-utenti tagħhom u billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-distorsjonijiet kompetittivi li jirriżultaw b’riżultat tad-deċiżjoni ta’ rkupru flimkien mad-dritt allegat tal-linja tal-ajru “benefiċjarja” għal ħlas lura taħt id-dritt tal-UE u tal-Irlanda.

(4)

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ komunikazzjoni lil Ryanair min-naħa tal-Kummissjoni tad-deċiżjoni ta’ rkupru tagħha, kif meħtieġ skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (1) u mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

(5)

Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, inkwantu naqset milli tiġġustifika għalfejn, mingħajr ebda kunsiderazzjoni għal ġurisprudenza stabbilita, it-tariffa ta’ EUR 10 tista’ tkun kemm illegali taħt id-dritt tal-UE u fl-istess waqt bir-riferiment “normali” u “leġittimu”, u billi naqset milli tanalizza l-effetti ekonomiċi u kompetittivi tal-miżura inkwistjoni.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339)


Top