EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0506

Kawża C-506/12: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Ġermanja) fit- 8 ta’ Novembru 2012 — Gerd Schini vs Land Berlin

ĠU C 26, 26.1.2013, p. 31–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

26.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 26/31


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Ġermanja) fit-8 ta’ Novembru 2012 — Gerd Schini vs Land Berlin

(Kawża C-506/12)

2013/C 26/58

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Berlin

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Gerd Schini

Konvenut: Land Berlin

Domandi preliminari

(1)

Id-dritt primarju u/jew sekondarju Ewropew, f’dan il-każ b’mod partikolari d-Direttiva 2000/78/KE (1), għandu jiġi interpretat fis-sens li jistabbilixxi projbizzjoni komprensiva fir-rigward ta’ diskriminazzjoni mhux iġġustifikata bbażata fuq l-età li tkopri wkoll regoli nazzjonali dwar ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali ta’ Land?

(2)

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv: l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt primarju u/jew sekondarju Ewropew twassal sabiex dispożizzjoni nazzjonali, li tipprovdi li l-ammont tas-salarju bażiku ta’ uffiċjal fil-mument li jinħatar bħala uffiċjal permanenti fis-servizz pubbliku jiddependi fil-parti l-kbira tiegħu mill-età tiegħu u li dan l-ammont sussegwentement jiżdied prinċipalment fuq il-bażi tat-tul tas-servizz tiegħu fis-servizz pubbliku, tiġi kkunsidrata li tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq l-età?

(3)

Fil-każ li anki t-tieni domanda tingħata risposta fl-affermattiv: l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt primarju u/jew sekondarju Ewropew tipprekludi li tali dispożizzjoni nazzjonali tiġi ġġustifikata permezz tal-għan leġiżlattiv li tiġi rikonoxxuta l-esperjenza professjonali?

(4)

Fil-każ li anki t-tielet domanda tingħata risposta fl-affermattiv: l-interpretazzjoni tad-dritt primarju u/jew sekondarju Ewropew tippermetti, sakemm ma jkun implementat ebda dritt għal remunerazzjoni li ma jimplikax diskriminazzjoni, konsegwenza legali oħra apparti l-għoti ta’ remunerazzjoni retroattivament lill-persuni ddiskriminati skont l-ogħla livell ta’ salarju fil-grad ta’ salarju tagħhom?

Il-konsegwenza legali tal-ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni tirriżulta direttament mid-dritt primarju u/jew sekondarju Ewropew, f’dan il-każ b’mod partikolari mid-Direttiva 2000/78/KE, jew jista’ jkun hemm pretensjoni biss minħabba implementazzjoni inkorretta tar-rekwiżiti legali Ewropej, inkonformità mar-responsabbiltà tal-Istat skont id-dritt tal-Unjoni?

(5)

L-interpretazzjoni tad-dritt primarju u/jew sekondarju Ewropew tipprekludi miżura nazzjonali li tissuġġetta pretensjoni għal ħlas (b’lura) jew għal kumpens għall-kundizzjoni li l-uffiċjali jkunu ressqu din il-pretensjoni fi żmien xieraq?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).


Top