EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AR0625

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-pakkett dwar il-protezzjoni tad-dejta”

ĠU C 391, 18.12.2012, p. 127–133 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 391/127


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-pakkett dwar il-protezzjoni tad-dejta”

2012/C 391/13

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jilqa’ l-proposti għal riforma tal-liġi Ewropea dwar il-protezzjoni tad-dejta bħala kontribut tal-UE fid-dibattitu globali dwar il-protezzjoni adegwata tal-privatezza fid-dinja diġitali;

iqis li huwa essenzjali li jiġu kjarifikati kwistjonijiet ċentrali dwar il-protezzjoni tad-dejta personali fil-proċedura leġislattiva ordinarja sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u l-leġittimità demokratika permezz tal-parteċipazzjoni sħiħa tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew kif ukoll tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet reġjonali u lokali Ewropej;

josserva li, irrispettivament mid-dubji li jeżistu dwar il-kompatibbiltà tal-kunċett bażiku tar-regolament mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u dak tal-proporzjonalità, ċerti dispożizzjonijiet dettaljati jpoġġu limiti inadegwati fuq il-leġislazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta mill-amministrazzjonijiet pubbliċi;

jemmen ukoll li l-leġislazzjoni proposta għandha tagħti aktar marġni għal deċiżjoni lill-Istati Membri, u jekk ikun il-każ, lir-reġjuni, sabiex, b’konformità mal-liġijiet tal-post, tirregola l-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-membri tal-awtorità ta’ kontroll sabiex jiġi żgurat li dawn ikunu indipendenti fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom.

Relatur

is-Sinjura MÄNNLE (DE/PPE), Membru tal-Assemblea tal-Istat tal-Bavarja

Dokumenti ta’ referenza

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Nissalvagwardjaw il-Privatezza f’Dinja Konnessa: Qafas tal-Protezzjoni tad-Dejta Ewropew għas-Seklu 21

COM(2012) 9 final

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u l-moviment liberu ta’ dik id-dejta

COM(2012) 10 final

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (Regolament dwar il-Protezzjoni ta’ Dejta Ġenerali)

COM(2012) 11 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

Billi l-ipproċessar tad-dejta jikkonċerna lil kull parti tas-soċjetà moderna tal-informazzjoni, ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta huma importanti ħafna għall-iżvilupp ekonomiku, għat-tħaddim tajjeb u l-effiċjenza tal-attività tal-gvern u għal-libertajiet individwali taċ-ċittadini Ewropej. L-adattament tal-protezzjoni tad-dejta għall-ħtiġijiet il-ġodda tad-dinja diġitali, fejn bosta oqsma tal-ħajja huma marbuta permezz tal-internet, huwa wieħed mill-proġetti ta’ riforma prinċipali mhux biss tal-Unjoni Ewropea iżda wkoll ta’ pajjiżi oħra u ta’ korpi interstatali bħall-Kunsill tal-Ewropa u l-Istati Uniti. Il-ħarsien tad-dejta personali jqajjem kwistjonijiet fl-oqsma ta’ politika kollha. Il-protezzjoni tad-dejta hija qasam transsettorjali li jikkonċerna l-politika tas-sigurtà u dik tal-ġustizzja kif ukoll is-setturi tal-ekonomija, il-komunikazzjoni, l-edukazzjoni, is-saħħa, l-amministrazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur. L-iżvilupp tal-liġi dwar il-protezzjoni tad-dejta jaqdi rwol prinċipali wkoll fir-reġjuni u l-bliet tal-Ewropa sabiex dawn jiżguraw u jiżviluppaw il-vijabbiltà tagħhom fi żmien ta’ bidliet teknoloġiċi kbar u kompetizzjoni globali.

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jilqa’ l-proposti għal riforma tal-liġi Ewropea dwar il-protezzjoni tad-dejta bħala kontribut tal-UE fid-dibattitu globali dwar il-protezzjoni adegwata tal-privatezza fid-dinja diġitali;

2.

ifakkar fir-rwol deċiżiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa. Huma l-mutur tat-tkabbir ekonomiku fil-livell lokali u reġjonali u jiġġeneraw, jużaw u jamministraw bosta prodotti u servizzi tal-informatika li huma bbażati fuq bażijiet tad-dejta bl-informazzjoni tas-settur pubbliku. Għalhekk huma għandhom jinfluwenzaw b’mod komprensiv u effettiv il-liġijiet li jaffettwaw il-protezzjoni tad-dejta fil-qasam tal-kompetenzi tagħhom. Ir-Regolament ser joħloq piżijiet amministrattivi u spejjeż finanzjarji addizzjonali għall-muniċipalitajiet u r-reġjuni, u fil-fehma tal-Kumitat dawn mhumiex proporzjonati mal-benefiċċju għaċ-ċittadini;

3.

jilqa’ l-għanijiet ġenerali tal-pakkett ta’ riforma li, b’konformità mal-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jiżguraw armonizzazzjoni fil-livell Ewropew tal-ħarsien tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali;

4.

jinnota li l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti relatati mal-liġi dwar il-protezzjoni tad-dejta permezz ta’ standards komuni vinkolanti tfisser li l-ipproċessar tad-dejta fl-intrapriżi u l-awtoritajiet amministrattivi u privati, minkejja d-differenzi kbar fil-kundizzjonijiet ta’ riskju u l-ambjenti operattivi differenti tagħhom, ser ikun soġġett għall-istess rekwiżiti. Il-Kumitat tar-Reġjuni jemmen li r-Regolament jaffettwa b’mod inadegwat lill-awtoritajiet pubbliċi u jħalli xi ambigwitajiet dwar il-kompetenzi tagħhom fil-kuntest tal-liġi tax-xogħol. Barra minn hekk, ir-Regolament jintroduċi sensiela ta’ rekwiżiti għall-awtoritajiet pubbliċi fil-livell reġjonali u lokali (pereżempju żieda fl-għadd ta’ dokumenti li jridu jiġu pprovduti, l-obbligu li jiżguraw il-portabbiltà tad-dejta, eċċ.) li ma joffru l-ebda titjib evidenti fid-drittijiet ta’ dawk ikkonċernati. Il-Kumitat jinnota li, minħabba fil-livell ta’ astrazzjoni tiegħu, l-att legali propost fil-forma ta’ Regolament jista’ jwassal għal użu ħażin tal-Artikolu 290 tat-TFUE li jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta regoli addizzjonali, anke dwar kwistjonijiet essenzjali, u għalhekk mhux konformi mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Għalhekk, il-Kumitat jitlob li l-ipproċessar tad-dejta personali mill-awtoritajiet pubbliċi u l-aspetti relatati mal-liġi tax-xogħol jitneħħew mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament sabiex jibqgħu regolati permezz ta’ direttiva;

5.

jenfasizza r-responsabbiltà prinċipali tal-awtoritajiet indipendenti tal-protezzjoni tad-dejta li jipproteġu d-dejta personali; madanakollu livell għoli ta’ protezzjoni tad-dejta f’dinja konnessa b’ubikwità virtwali tal-ipproċessar tad-dejta mhux ser tiġi garantita biss permezz ta’ sforzi sabiex jissaħħu d-dmirijiet statutorji, iżda tirrikjedi wkoll strumenti ta’ inċentiv addizzjonali għal min jipproċessa sabiex jippremjaw l-isforzi fil-qasam tal-protezzjoni tad-dejta pereżempju billi jiffaċilitaw il-piż tal-prova għal min jipproċessa li jikkonformaw ma’ standards ta’ awtoregolamentazzjoni għoljin jew kodiċi ta’ kondotta jew li jwaqqfu valutazzjonijiet tal-impatt volontarji tal-protezzjoni tad-dejta;

6.

iqis li huwa essenzjali li jiġu kjarifikati kwistjonijiet ċentrali dwar il-protezzjoni tad-dejta personali fil-proċedura leġislattiva ordinarja sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u l-leġittimità demokratika permezz tal-parteċipazzjoni sħiħa tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew kif ukoll tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet reġjonali u lokali Ewropej;

7.

jagħraf il-bżonn fundamentali li fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja jinħolqu regoli vinkolanti dwar il-protezzjoni tad-dejta personali li tintuża fl-iskambju transnazzjonali tad-dejta;

8.

iwissi kontra r-riskju li l-isforzi biex tissaħħaħ il-protezzjoni tad-dejta personali jillimitaw b’mod eċċessiv liċ-ċittadini fl-eżerċizzju tad-dritt tagħhom li jiddeterminaw l-informazzjoni li tikkonċernahom (dritt għall-privatezza tal-informazzjoni) billi tinċaħdilhom il-possibbiltà li jagħtu l-kunsens tagħhom għall-informazzjoni, b’mod partikolari lill-awtoritajiet pubbliċi, kemm fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Dejta Ġenerali kif ukoll f’dak tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta;

9.

iqis li, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet li tressqu hawn fuq, għandhom jitqiesu dawn il-kwistjonijiet li ġejjin fl-istadji li jmiss tal-proċedura leġislattiva:

Sussidjarjetà u proporzjonalità

10.

huwa tal-fehma li rigward is-settur privat tal-ekonomija, hemm bosta raġunijiet tajba li jiġġustifikaw it-tentattiv ta’ armonizzazzjoni sħiħa ta’ partijiet mil-liġi Ewropea dwar il-protezzjoni tad-dejta permezz ta’ regolament;

11.

madanakollu, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għalkemm il-pakkett sħiħ magħmul mir-regolament ġenerali dwar il-protezzjoni tad-dejta u d-direttiva dwar il-protezzjoni tad-dejta fil-qasam tal-pulizija u l-ġustizzja żamm bosta dispożizzjonijiet Ewropej u nazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni tad-dejta b’mod partikolari fis-settur tat-telekomunikazzjoni, fil-proċess ta’ konsultazzjoni qed jibqa’ jiffaċċja oġġezzjonijiet fundamentali dwar il-konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proprozjonalità. Dawn jikkonċernaw:

l-ambitu tal-poter leġislattiv tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 16 (2) tat-TFUE, li jostakola l-armonizzazzjoni sħiħa mixtieqa fl-ipproċessar tad-dejta mill-istituzzjonijiet pubbliċi u li, fir-rigward tal-Proposta għal Direttiva fil-qasam tal-pulizija u tal-ġustizzja, iqajjem mistoqsijiet dwar l-estensjoni ta’ kwistjonijiet purament nazzjonali;

il-livell ta’ astrazzjoni tar-regolament, li ser ikun jixbah lil direttiva tal-Unjoni Ewropea iżda li ma jipprovdix biżżejjed ċertezza legali billi ma jinvolvix atti ta’ transpożizzjoni fil-liġi tal-Istati Membri. Is-setgħa tal-Kummissjoni Ewropea li tadotta atti delegati (Artikolu 86) dwar kwistjonijiet li mhumiex sempliċement dwar dettalji hija problematika;

in-nuqqas ta’ ċarezza rigward il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġijiet nazzjonali (Kapitolu IX) fil-każijiet li fihom ikun involut aktar minn Stat Membru wieħed;

in-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn ir-regoli futuri tar-regolament u partijiet kbar ta’ linji gwidi u regoli ċentrali dwar l-użu tal-internet fil-qasam tat-telekomunikazzjoni (eż. id-Direttiva 2002/58/KE);

il-lakuni relatati mal-garanzija ta’ protezzjoni legali effettiva fil-każ ta’ ksur eventwali tad-drittijiet fundamentali billi ma hemm l-ebda proċess ta’ appell dirett li jipproteġi lill-individwi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

il-ġestjoni inadegwata tal-kunflitti bejn l-interessi privati u dawk protetti mill-kostituzzjoni bħad-dritt tal-libertà tal-espressjoni u l-prinċipju tal-aċċess pubbliku;

in-nuqqas ta’ fruntieri ċari bejn il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Proposta għal Regolament u l-Abbozz tad-Direttiva.

12.

jenfasizza li dawn il-preokkupazzjonijiet jirriflettu r-riservi ta’ bosta awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej fir-rigward tal-proposti tar-regolament li, pereżempju, ma jippermettux li jitqiesu r-regoli nazzjonali speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-dejta fis-settur soċjali jew li jpoġġu piż fuq l-attivitajiet tal-amministrazzjonijiet pubbliċi permezz ta’ esiġenzi fil-qasam tal-protezzjoni tad-dejta bħad-dritt għall-portabbiltà tad-dejta li ma jidhrux utli għall-proċeduri tal-iproċessar tad-dejta ekonomika u li jfissru sanzjonijiet amministrattivi kbar meta mqabbla mar-riżorsi finanzjarji tal-awtoritajiet lokali;

13.

huwa tal-fehma li fil-Proposta għal Regolament dwar il-protezzjoni tad-dejta għandu jiġi ċċarat li r-restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 83 dwar l-ipproċessar tad-dejta għal għanijiet ta’ storja, statistika jew riċerka xjentifika m’għandhomx jillimitaw il-possibbiltajiet tal-korpi pubbliċi li jikkonservaw id-dokumenti abbażi tal-leġislazzjoni nazzjonali dwar l-arkivjar u dwar l-aċċess għad-dokumenti tal-amministrazzjoni pubblika.

14.

għalhekk iqis li hemm bżonn li fl-istadji li jmiss tal-proċess leġislattiv tiġi eżaminata iktar minn qabel id-deċiżjoni dwar il-forma legali u l-limiti bejn il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Proposta għal Regolament u dak tal-Proposta għal Direttiva bil-għan li jiġu eżaminati l-alternattivi possibbli li jistgħu jikkonformaw aħjar mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalita milli jagħmel il-pakkett attwali. Fost dawn l-alternattivi hemm il-possibbiltà li l-ipproċessar tad-dejta personali mill-awtoritajiet pubbliċi u l-aspetti relatati mal-liġi tax-xogħol jibqgħu jiġu regolati permezz ta’ direttiva, sabiex l-ipproċessar tad-dejta personali mill-awtoritajiet pubbliċi u l-ipproċessar tad-dejta marbuta mal-liġi tax-xogħol jitneħħew mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Ġenerali;

Koerenza internazzjonali minflok il-prinċipju tal-post fejn titwettaq l-attività

15.

jappoġġja l-għan li jiġi impost rispett lejn l-istandards Ewropej tal-protezzjoni tad-dejta anki għall-fornituri globali tas-servizzi tal-informazzjoni;

16.

iqis li l-inizjattiva tal-Gvern tal-Istati Uniti għal qafas legali għall-protezzjoni tal-privatezza fl-ekonomija globali tal-informatika toffri l-opportunità li jinġabru flimkien ir-riformi li jwasslu għal standards ta’ protezzjoni komuni fil-qasam ċentrali taċ-ċirkulazzjoni internazzjonali tad-dejta u b’hekk jiġu infurzati regoli effettivi dwar il-protezzjoni tad-dejta u jiġu evitati wkoll distorsjonijiet tal-kompetizzjoni b’mod iktar effikaċi minn dak tar-rikors għall-prinċipju tal-post fejn titwettaq l-attività, li huwa diffiċli biex jiġi implimentat fil-prattika;

Is-sostenibbiltà tal-kunċett ta’ riforma

17.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-parti essenzjali tal-abbozz tar-regolament ġenerali dwar il-protezzjoni tad-dejta hija bbażata fuq il-prinċipji tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta 95/46/KE u li huwa jiżviluppa biss xi elementi bħall-prinċipju tal-“protezzjoni tad-dejta b’intenzjoni” (“privacy by design”) filwaqt li l-bqija huma modifiki. Għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni fi żmien id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta, fis-soċjetà tal-informazzjoni r-riskji tal-ipproċessar tad-dejta personali fl-aġenziji privati u pubbliċi m’għadhomx iddeterminati minn relazzjonijiet bejn tnejn. Id-diġitalizzazzjoni u n-netwerking aktar joħolqu sistemi fejn diversi atturi jkunu involuti fl-ipproċessar tad-dejta, pereżempju fil-paragun tad-dejta jew l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet;

18.

jenfasizza, għalhekk, li l-kwistjonijiet li din is-sitwazzjoni qajmet dwar il-protezzjoni tad-dejta personali ma jistgħux jiġu indirizzati tajjeb permezz tal-kunċetti bipolari tradizzjonali bħal “kontrolluri”, “id-dritt tas-suġġett tad-dejta li jkun minsi” jew il-prinċipju tal-projbizzjoni fir-rigward tar-relazzjoni bejn il-gvern u ċ-ċittadin (Artikoli 6 u 9 tal-abbozz tar-Regolament). Uħud mill-bidliet li saru fir-regoli tad-Direttiva bħad-definizzjoni ġdida tad-“dejta personali” u l-“kunsens” joħolqu inqas ċertezza legali iktar milli jżiduha;

19.

għaldaqstant, huwa tal-fehma li jekk il-Kummissjoni tinsisti li tixtieq iżżomm regolament, dan ir-regolament għandu jgħid b’mod ċar li min iħaddem jista’ jipproċessa d-dejta bil-kunsens tal-ħaddiem. Dan jgħodd ukoll għall-awtoritajiet pubbliċi kemm fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Dejta Ġenerali kif ukoll f’dak tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta. B’konformità mar-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jirregolaw l-ipproċessar tad-dejta personali tal-impjegati fil-kuntest tax-xogħol;

20.

billi f’dan l-istadju tal-proċess leġislattiv kunċett kompletament ġdid m’għadux possibbli, iqis li hemm bżonn li jerġgħu jiġu evalwati l-mekkaniżmi tal-infurzar li sa issa kienu ffokati b’mod wisq strett fuq strumenti regolatorji u bipolari, bħall-ordnijiet jew is-sanzjonijiet. Fil-fehma tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li huma l-eqreb ta’ dawk milquta, dawn l-elementi jista’ jkollhom importanza partikolari:

miżuri ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-kwistjonijiet tal-protezzjoni tad-dejta fost il-ġenerazzjonijiet u l-livelli kollha tal-popolazzjoni,

mekkaniżmi ta’ skambju ta’ kunċetti tal-protezzjoni tad-dejta ttestjati u teknoloġikament avvanzati, pereżempju fil-qafas ta’ tikketti ta’ kwalità,

informazzjoni u kjarifiki standardizzati u faċli jinftiehmu abbażi tal-prinċipju tad-“dwal tat-traffiku”

mekkaniżmi ta’ ċertifikazzjoni vinkolanti u regolati

mekkaniżmi ta’ awtoregolamentazzjoni għall-atturi kkonċernati.

21.

jenfasizza b’rabta ma’ dan li l-abbozz tar-regolament ġenerali dwar il-protezzjoni tad-dejta jagħti importanza sekondarja lil dawn il-kompiti li essenzjalment huma kompiti tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni pereżempju fil-qafas tas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku skont l-Artikolu 52(2) tal-abbozz tar-regolament jew il-kodiċijiet ta’ kondotta (Artikolu 38);

Iż-żamma tal-flessibbiltà fir-regolamentazzjoni nazzjonali

22.

josserva li, irrispettivament mid-dubji li jeżistu dwar il-kompatibbiltà tal-kunċett bażiku tar-regolament mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u dak tal-proporzjonalità, ċerti dispożizzjonijiet dettaljati jpoġġu limiti inadegwati fuq il-leġislazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta mill-amministrazzjonijiet pubbliċi;

23.

għalhekk, huwa tal-fehma li l-ipproċessar tad-dejta personali mill-awtoritajiet pubbliċi u l-aspetti relatati mal-liġi tax-xogħol għandhom jibqgħu jiġu regolati permezz ta’ direttiva;

24.

huwa tal-fehma li jekk il-Kummissjoni tinsisti li tixtieq iżżomm regolament li jkun japplika wkoll għall-awtoritajiet pubbliċi u l-aspetti relatati mal-liġi tax-xogħol:

il-kundizzjonijiet tar-regolamentazzjoni tal-Istati Membri tal-bażi tal-obbligi tal-ipproċessar tad-dejta skont Artikolu 6(3) tal-abbozz ta’ regolament, m’għandhomx isiru iktar kumplessi b’invokazzjoni tal-limiti ta’ Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali b’mod li jmur lil hinn mill-iskop intenzjonat tiegħu;

dan jgħodd ukoll għall-għoti ta’ iktar poter lill-Kummissjoni sabiex toħroġ atti delegati li jpoġġu iktar limiti fuq oqsma li jaqgħu taħt l-Istati Membri, bħall-ipproċessar tad-dejta relatata mas-saħħa jew l-impjegati jew l-ipproċessar tad-dejta għal finijiet storiċi jew statistiċi jew għal finijiet ta’ riċerka xjentifika;

għandha tissemma b’mod espliċitu l-possibbiltà li jingħata l-kunsens fiż-żewġ oqsma; fir-rigward tal-awtoritajiet pubbliċi, dan jgħodd ukoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta;

rigward l-atti delegati kollha (Artikolu 86), il-Kummissjoni għandha tkun obbligata twettaq valutazzjoni komprensiva tal-impatt tagħhom u tikkonsulta lill-Kunsill, il-parlamenti tal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati tal-pubbliku kif ukoll lill-kumitati li skont it-TFUE għandhom jiġu involuti fit-tfassil tal-atti leġislattivi u l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta, sabiex jiġi garantit fost affarijiet oħrajn ir-rispett tal-prinċipji tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà. Bl-istess mod, fl-adozzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jintgħażlu l-proċeduri li jiżguraw l-involviment sħiħ u fil-ħin tal-partijiet ikkonċernati kollha;

apparti l-kompetenzi ta’ eżenzjoni mogħtija lill-Istati Membri fl-Artikolu 21, ir-regolament għandu jagħti lok lill-Istati Membri li jkollhom leġislazzjoni nazzjonali li tgħid li l-ipproċessar tad-dejta użata fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika huwa soġġett għal kundizzjonijiet ta’ sigurtà differenti skont l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali hekk kif previst attwalment fir-regolament;

huwa u jiġi stabbilit il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament jeħtieġ li jiġi ċċarat li r-regoli tiegħu japplikaw biss għal “attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-liġi tal-Unjoni” fejn l-Unjoni Ewropea tista’ toħroġ regoli vinkolanti u mhux fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri jew fejn it-Trattati jeliminaw speċifikamnet il-poter li jiġu armonizzati d-dispożizzjonijiet legali u amministrattivi pereżempju fis-sistema edukattiva (Artikolu 165(4)) tat-TFUE;

l-Artikolu 82 tar-Regolament għandu jgħid b’mod ċar li ċerti regoli speċifiċi dwar l-ipproċessar tad-dejta personali fil-qafas tal-impjieg jistgħu jiġu stabbiliti permezz ta’ ftehim kollettiv;

ir-Regolament għandu jiżgura li d-drittijiet tal-ġestjoni ma jkunux limitati, pereżempju rigward ir-reklutaġġ jew it-tkeċċija ta’ kontrollur tad-dejta;

għandu jiġi żgurat li fis-setgħat biex jiġi penalizzat il-ksur tal-protezzjoni tad-dejta ssir distinzjoni ċara bejn il-korpi privati li l-għan tagħhom hu li jagħmlu l-qligħ u l-korpi l-oħra, speċjalment fl-amministrazzjoni pubblika, li fil-każ tagħhom il-multi li jnaqqsulhom il-qligħ tagħhom mhumiex adatti u, minflok dan, il-mekkaniżmi ta’ kontroll politiku huma aktar effettivi.

It-tisħiħ tar-responsabbiltà demokratika

25.

jinsab inkwetat li l-konkretizzazzjoni u l-iżvilupp tar-rekwiżiti dwar il-protezzjoni tad-dejta, mad-dħul fis-seħħ tar-regolament, jiġu trasferiti fi proċeduri li, għall-kuntrarju tal-leġislazzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropa jew l-infurzar tal-liġi nazzjonali u Ewropea minn amministrazzjonijiet ikkontrollati mill-Parlamenti tal-Istati Membri, ma joffru l-ebda garanzija ta’ trasparenza u lanqas ta’ leġittimità demokratika adegwata;

26.

jiġġustifika din il-kunsiderazzjoni abbażi tal-fatt li l-abbozz ta’ regolament għandu, permezz ta’ dispożizzjonijiet astratti ħafna, joħloq obbligi vinkolanti, uniformi u li jistgħu jiġu soġġetti għal sanzjonijiet f’qasam ċentrali għat-twettiq tal-aspetti differenti tad-drittijiet fundamentali, li attwalment huwa karatterizzat minn firxa xejn ċara ta’ każijiet differenti, fosthom direttorji pubbliċi tal-indirizzi privati, reġistri pubbliċi tal-popolazzjoni, bażijiet tad-dejta ta’ netwerks soċjali u provvedituri ta’ magni tat-tiftix. F’dan il-kuntest, il-lakuni inevittabli fejn jidħlu standards fissi, ċertezza legali u l-kapaċità tal-infurzar għandhom jiġu kkumpensati minn numru kbir ta’ awtorizzazzjonijiet bis-setgħa li jadottaw atti legali li jikkonċernaw ħafna drabi elementi essenzjali tal-Proposta għal Regolament, bħal pereżempju fil-każ tal-awtorizzazzjoni fl-Artikolu 6(5) tal-Proposta għal Regolament. Min-naħa l-oħra, fil-qafas tal-linji gwida ġenerali għall-interpretazzjoni tal-regolament dwar il-protezzjoni tad-dejta, l-awtoritajiet ta’ kontroll indipendenti huma mogħtija kompiti li jmorru lil hinn mill-kompiti tradizzjonali ta’ infurzar u li jippermettulhom li jadottaw dispożizzjonijiet li huma astratti u ġenerali. Għalhekk dawn huma soġġetti għall-poteri inadegwati tal-Kummissjoni li teżerċità influwenza fil-qafas tal-mekkaniżmu ta’ koerenza u dan jhedded l-indipendenza tagħhom fil-qafas tat-tieni sentenza tal-Artikolu 16(2) tat-TFUE;

27.

għalhekk iqis li huwa adegwat li l-mekkaniżmi ta’ parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fil-qafas tal-mekkaniżmu ta’ kontroll tal-koerenza jiġu modifikati b’mod radikali sabiex tinżamm l-indipendeza tal-awtoritajiet ta’ kontroll tal-protezzjoni tad-dejta, b’mod partikolari l-kompetenzi mogħtija lilhom fil-qafas tal-Artikoli 60 u 62(1)(a) tal-Proposta għal Regolament, kif ukoll id-definizzjoni ta’ “dubji serji”, fl-istess Artikoli, li fuq il-bażi tagħhom tindaħal il-Kummissjoni;

28.

jemmen ukoll li l-leġislazzjoni proposta għandha tagħti aktar marġni għal deċiżjoni lill-Istati Membri, u jekk ikun il-każ, lir-reġjuni, sabiex, b’konformità mal-liġijiet tal-post, tirregola l-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-membri tal-awtorità ta’ kontroll sabiex jiġi żgurat li dawn ikunu indipendenti fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom;

29.

huwa tal-fehma, barra minn hekk, li l-istrumenti ta’ ġestjoni tal-awtoritajiet indipendenti ta’ kontroll rikonoxxuti wkoll mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, għandhom jiġu żviluppati iktar pereżempju fil-qafas tar-rapporti u proċeduri regolari oħra ta’ konsultazzjoni mal-korpi leġislattivi sabiex, fil-qafas tad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kumitat tar-Reġjuni regolarment jingħataw stampa sħiħa tal-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tad-dejta u sabiex ikun jista’ jkollhom l-opportunità li jieħdu inizjattivi sabiex ikomplu jiżviluppawha. Barra minn hekk, skont id-dritt li wieħed jiġi mismugħ, l-awtoritajiet ta’ superviżjoni u l-Kumitat Ewropew tal-Protezzjoni tad-Dejta għandhom ikunu obbligati, permezz ta’ regoli addizzjonali, li jinvovlu lill-assoċjazzjonijiet u lir-rappreżentanti tal-interessi milquta mid-deċiżjonijiet ta’ importanza fundamentali, pereżempju l-Artikolu 58(2) tal-Proposta għal Regolament, fi proċess trasparenti ta’ konkretizzazzjoni u żvilupp tal-leġislazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta, pereżempju permezz ta’ proċeduri ta’ konsultazzjoni;

Il-limiti tal-armonizzazzjoni fil-protezzjoni tad-dejta b’rabta mal-pulizija u l-ġustizzja

30.

jiddubita jekk ir-regolamentazzjoni tal-ipproċessar tad-dejta fil-livell esklużivament nazzjonali fil-qafas tal-Proposta għal Direttiva għall-pulizija u l-ġustizzja hijiex kompatibbli mal-kompetenzi leġislattivi tal-Unjoni Ewropea hekk kif jitlob il-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Barra mill-kompiti li jikkonċernaw il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u ċ-ċiberkriminalità għadhom jeżistu bażijiet tad-dejta kbar tal-pulizija u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi li huma proċessati biss fil-livell nazzjonali u li ma jirrikjedux leġislazzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tad-dejta. Madanakollu jeħtieġ li jiġi kkunsidrat il-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta japplikaw direttament għad-drittijiet ta’ proċedura kriminali u l-forza tal-pulizija u b’hekk indirettament jitolbu l-armonizzazzjoni minkejja li l-Unjoni Ewropea m’għandhiex biżżejjed kompetenza fil-qasam;

31.

jinsab sorpriż li l-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej, l-ewwel fosthom l-Eurojust u l-Europol, huma esklużi mill-ambitu tad-direttiva;

32.

minkejja dawn ir-riservi ta’ prinċipju, jitlob li jiġu eżaminati dawn il-kwistjonijiet fl-istadji li jmiss tal-proċess leġislattiv:

kemm l-obbligi estensivi ta’ kontroll u notifika jistgħu jdewmu l-proċeduri ta’ investigazzjoni u prosekuzzjoni tas-servizzi tal-pulizija;

jekk id-dispożizzjonijiet taħt (b), (c) u (d) fl-Artikolu 7 tal-Proposta għal Direttiva humiex kompatibbli mal-Artikolu 1(1), li jiddefinixxi s-suġġett u l-għanijiet tad-Direttiva;

li filwaqt li l-iskambju ta’ dejta mal-pajjiżi terzi m’għandux jiġi limitat jew isir aktar diffiċli mingħajr bżonn, għandhom jiġu stabbiliti salvagwardji adegwati għal derogi marbutin mat-trasferimenti internazzjonali fil-każijiet individwali (Artikolu 36); u

liema awtorizzazzjonijiet tal-Kummissjoni li tadotta atti delegati u ta’ eżekuzzjoni favur dispożizzjonijiet iktar preċiżi jistgħu jitnaqqsu fl-att legali jew permezz ta’ klawżola ta’ kwalifika adegwata min-naħa tal-Istati Membri stess.

33.

beħsiebu jżomm id-dritt li jippreżenta opinjoni oħra bi proposti għal emendi konkreti hekk kif joħorġu l-pożizzjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Parlament dwar il-kwistjonijiet li jqumu fl-istadji li jmiss tal-proċess leġislattiv.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI

Emenda 1

Artikolu 36

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

B’deroga għall-Artikoli 34 u 35, l-Istati Membri għandhom jipprovdu li trasferiment ta’ dejta personali lil pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali jista’ jsir biss bil-kundizzjoni li:

B’deroga għall-Artikoli 34 u 35, l-Istati Membri għandhom jipprovdu li trasferiment ta’ dejta personali lil pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali jista’ jsir biss bil-kundizzjoni li:

(a)

it-trasferiment ikun meħtieġ għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-suġġett tad-dejta jew ta’ persuna oħra; jew

(a)

it-trasferiment ikun meħtieġ għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-suġġett tad-dejta jew ta’ persuna oħra; jew

(b)

it-trasferiment ikun meħtieġ sabiex jiġu salvagwardjati l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-dejta meta l-liġi tal-Istat Membru li jkun qiegħed jittrasferixxi d-dejta personali tipprovdi dan; jew

(b)

it-trasferiment ikun meħtieġ sabiex jiġu salvagwardjati l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-dejta meta l-liġi tal-Istat Membru li jkun qiegħed jittrasferixxi d-dejta personali tipprovdi dan; jew

(c)

it-trasferiment tad-dejta jkun essenzjali għall-prevenzjoni ta’ theddida immedjata u serja għas-sigurtà pubblika ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz; jew

(c)

it-trasferiment tad-dejta jkun essenzjali għall-prevenzjoni ta’ theddida immedjata u serja għas-sigurtà pubblika ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz; jew

(d)

it-trasferiment ikun meħtieġ f’każijiet individwali għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali; jew

(d)

it-trasferiment ikun meħtieġ f’każijiet individwali għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali; jew

(e)

it-trasferiment ikun meħtieġ f’każijiet individwali għat-twaqqif, l-eżerċizzju jew id-difiża ta’ talbiet legali relatati mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reat kriminali speċifiku jew l-eżekuzzjoni ta’ piena kriminali speċifika.

(e)

it-trasferiment ikun meħtieġ f’każijiet individwali għat-twaqqif, l-eżerċizzju jew id-difiża ta’ talbiet legali relatati mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reat kriminali speċifiku jew l-eżekuzzjoni ta’ piena kriminali speċifika.

 

Raġuni

L-espressjoni “ikun meħtieġ” hija vaga wisq u tagħti lok għal użu mhux restrittiv tad-derogi u dan imur kontra l-ispirtu ta’ dan l-artikolu.

Emenda 2

Artikolu 86(6)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

Raġuni

L-inklużjoni tal-obbligu tal-Kummissjoni li tikkonsulta lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta fir-rigward tal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni hija salvagwardja importanti immens.

Brussell, 10 ta’ Ottubru 2012.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


Top