EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AR0098

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Programm għall-kompetittività tal-intrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (2014-2020)”

ĠU C 391, 18.12.2012, p. 37–48 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 391/37


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Programm għall-kompetittività tal-intrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (2014-2020)”

2012/C 391/08

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

bi pjaċir jilqa’ l-proposta li ressqet il-Kummissjoni Ewropea għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (2014-2020) bħala impenn biex il-kompetittività tiġi rikonoxxuta bħala fattur fundamentali u ewlieni biex jiġu żgurati tkabbir ekonomiku sostnut u iktar impjiegi fl-UE;

jiġbed l-attenzjoni għall-ħafna inizjattivi eżistenti li ttieħdu mill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Istati Membri kollha, pereżempju ċ-ċentri lokali żgħar għall-intrapriżi, il-mikrokrediti mogħtija lill-awtoritajiet lokali jew reġjonali jew il-pariri b’xejn mingħand l-esperti dwar it-twaqqif ta’ negozji żgħar, li ħafna drabi jipprovdu l-bażi tas-suċċess ta’ mikrointrapriżi li għadhom fil-fażi tal-bidu;

jiġbed l-attenzjoni għall-ħtiġijiet tal-intraprendituri żgħażagħ li għalihom ħafna drabi l-intrapriża tkun l-unika opportunità għall-iżvilupp professjonali, u li jkunu inklinati li jieħdu riskju f’attività, li ħafna drabi jiżviluppawha fis-suq Ewropew. Għalhekk, dawn l-intraprendituri jkunu predisposti li jkunu kompetittivi fis-swieq globali;

jinnota li l-ksib tal-kompetittività globali huwa biss possibbli billi jiġu indirizzati l-imperfezzjonijiet fis-suq Ewropew li jwasslu biex l-SMEs Ewropej ikunu inqas kapaċi jikkompetu mal-kontropartijiet tagħhom minn partijiet oħra tad-dinja. Jeħtieġ li jkun hemm parteċipazzjoni ikbar mill-SMEs fl-implimentazzjoni tal-proġetti tal-Unjoni kif ukoll li jtejbu l-pożizzjoni tagħhom fir-relazzjonijiet mal-intraprendituri l-kbar li ħafna drabi jkunu l-kuntratturi ġenerali ta’ dawn il-proġetti. Għal dan il-għan jenfasizza kemm huwa importanti li l-SMEs jingħaqdu f’netwerks.

Relatur

Is-Sur Witold KROCHMAL (PL/EA), Membru tal-Kunsill Muniċipali u l-Awtorità Lokali ta’ Wołów

Dokument ta’ referenza

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm għall-Kompetittività tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (2014-2020)

COM(2011) 834 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

bi pjaċir jilqa’ l-proposta li ressqet il-Kummissjoni Ewropea għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (2014-2020) bħala impenn biex il-kompetittività tiġi rikonoxxuta bħala fattur fundamentali u ewlieni biex jiġu żgurati tkabbir ekonomiku sostnut u iktar impjiegi fl-UE;

2.

jemmen li r-Regolament propost jikkomplementa l-inizjattivi preċedenti tal-KE taħt l-Istrateġija Ewropa 2020. Huwa jirrikonoxxi r-rwol li jaqdu l-SMEs fis-sistema ekonomika tal-UE u jirrikonoxxi n-nuqqasijiet u n-natura turbulenti tal-ambjent tal-SMEs, li jistgħu jnaqqsu r-ritmu jew saħansitra jillimitaw l-iżvilupp tal-intrapriżi u t-tisħiħ tal-kompetittività tagħhom;

3.

jenfasizza li l-pożizzjoni tal-KtR hija appoġġjata mill-istħarriġ “Reġjuni u Bliet li jiffavorixxu l-SMEs” (1) li jinvolvi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u li twettaq mill-Pjattaforma tal-Kumitat għall-Monitoraġġ tal-Ewropa 2020;

4.

filwaqt li jirrikonoxxi li l-Istati Membri u r-reġjuni huma responsabbli b’mod ġenerali għall-indirizzar tan-nuqqasijiet tas-suq, il-Kumitat jemmen li l-UE tista’ tgħin f’ċerti oqsma billi tippromovi prattiki tajbin, billi tiżgura li s-suq uniku jaħdem b’mod effettiv u billi ttejjeb il-kundizzjonijiet għall-ambjent tal-kummerċ sabiex l-intrapriżi, inklużi l-SMEs, ikunu jistgħu jikkompetu b’mod sostenibbli fuq skala globali. Dan ifisser li jrid isir sforz lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi;

5.

iqis li dan il-Programm ser iwassal biex tissaħħaħ sew il-fiduċja fis-settur tal-intrapriżi tal-Ewropa kemm fis-suq Ewropew kif ukoll fis-swieq globali. L-effett ta’ fiduċja msaħħa fis-suq ser ikun iktar interess fl-intrapriżi u politika iktar espansiva mill-intrapriżi eżistenti, inklużi l-SMEs, li huma sors ewlieni tat-tkabbir ekonomiku (58 % tad-dħul fl-UE) u l-impjieg (67 % tal-impjiegi fis-settur privat), u li fis-snin 2002-2010 ħolqu 85 % tal-impjiegi ġodda f’dan is-settur;

6.

jemmen li hija ħaġa tajba li l-Programm jenfasizza l-importanza tat-turiżmu bħala settur ta’ natura speċifika li huwa assoċjat ma’ għadd kbir ta’ SMEs fl-UE li jimpjegaw numru enormi ta’ ħaddiema;

7.

jenfasizza l-importanza tal-appoġġ għall-intrapriżi u l-SMEs fid-diversi stadji ta’ żvilupp tagħhom, mill-istart-ups sal-intrapriżi li jeżistu diġà, jew anke dawk li għaddejjin minn ristrutturazzjoni, dejjem skont l-ipotesi li l-effett tal-appoġġ huwa li jsaħħaħ il-kompetittività tal-intrapriża fis-suq tal-UE u s-swieq esterni;

8.

jagħraf li l-promozzjoni u l-iżvilupp ta’ kultura ta’ intrapriża u etika kummerċjali fis-soċjetà tal-UE hija waħda mill-kundizzjonijiet ewlenin għas-suċċess tal-Programm; għalhekk bi pjaċir jilqa’ l-possibbiltà tal-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni għall-Premjijiet Ewropej għall-Promozzjoni tal-Intrapriża fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali u fi proġetti oħra ta’ dan it-tip;

9.

josserva li kull sena, tliet reġjuni Ewropej jirbħu l-premjijiet “Ir-Reġjun Intraprenditorjali Ewropew”, li jingħataw b’rikonoxximent tal-kundizzjonijiet favorevoli li jipprovdu għall-SMEs;

10.

huwa tal-fehma li l-promozzjoni tal-intrapriża għandha tibda mill-iskola, permezz tal-iżvilupp ta’ attitudnijiet pożittivi lejn l-intrapriża u l-promozzjoni tal-awtonomija fl-isfera ekonomika. Dan iwassal għat-teħid ta’ deċiżjonijiet informati dwar in-natura tax-xogħol li jixtiequ jagħmlu l-istudenti meta jaslu biex jidħlu fis-suq tax-xogħol. Sabiex it-tfal li jlestu mill-iskola u l-gradwati jkunu jistgħu jibdew jaħdmu bħala intraprendituri bis-saħħa tal-ħiliet li jkunu akkwistaw, u b’hekk ikun hemm probabbiltà kbira li jkun hemm domanda għas-servizzi li jipprovdu, għandu jiġi kkunsidrat li t-taħriġ ma jinjorax il-bżonnijiet tas-suq;

11.

jappella biex it-tendenzi u l-iżvilupp tal-intrapriżi jiġu integrati fit-taħriġ vokazzjonali, billi l-edukazzjoni kontinwa għall-intraprendituri tagħna hija kruċjali għal-livelli tal-kompetittività;

12.

jiġbed l-attenzjoni għall-ħtiġijiet tal-intraprendituri żgħażagħ li għalihom ħafna drabi l-intrapriża tkun l-unika opportunità għall-iżvilupp professjonali, u li jkunu inklinati li jieħdu riskju f’attività, li ħafna drabi jiżviluppawha fis-suq Ewropew. Għalhekk, dawn l-intraprendituri jkunu predisposti li jkunu kompetittivi fis-swieq globali;

13.

jiġbed l-attenzjoni għall-ħafna inizjattivi eżistenti li ttieħdu mill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Istati Membri kollha, pereżempju ċ-ċentri lokali żgħar għall-intrapriżi, il-mikrokrediti mogħtija lill-awtoritajiet lokali jew reġjonali jew il-pariri b’xejn mingħand l-esperti dwar it-twaqqif ta’ negozji żgħar, li ħafna drabi jipprovdu l-bażi tas-suċċess ta’ mikrointrapriżi li għadhom fil-fażi tal-bidu;

14.

jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-pożizzjoni tal-intraprendituri nisa, kif ukoll għall-gruppi destinatarji speċifiċi, inklużi, fost oħrajn, l-intraprendituri immigranti u espatrijati li jeħtieġu inizjattiva speċjali biex jiżviluppaw il-kompetittività tal-intrapriżi tagħhom, fil-kuntest tal-politiki attwali tal-UE f’dan il-qasam;

15.

jappella lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jimplimentaw il-Programm; jiġbed attenzjoni partikolari għall-bżonn li tiġi eliminata jew titnaqqas il-burokrazija u l-ostakli għall-ksib ta’ fondi esterni, u li jiġu ssemplifikati d-dokumenti li jitressqu għall-kuntratti u bl-eliminazzjoni tar-rekwiżit li jiġu provduti garanziji bankarji għax-xogħlijiet fuq skala żgħira;

Nagħmlu l-intrapriżi tal-UE iżjed kompetittivi

16.

jinnota li l-ksib tal-kompetittività globali huwa biss possibbli billi jiġu indirizzati l-imperfezzjonijiet fis-suq Ewropew li jwasslu biex l-SMEs Ewropej ikunu inqas kapaċi jikkompetu mal-kontropartijiet tagħhom minn partijiet oħra tad-dinja. Jeħtieġ li jkun hemm parteċipazzjoni ikbar mill-SMEs fl-implimentazzjoni tal-proġetti tal-Unjoni kif ukoll li jtejbu l-pożizzjoni tagħhom fir-relazzjonijiet mal-intraprendituri l-kbar li ħafna drabi jkunu l-kuntratturi ġenerali ta’ dawn il-proġetti. Għal dan il-għan jenfasizza kemm huwa importanti li l-SMEs jingħaqdu f’netwerks;

17.

ifakkar li l-UE, flimkien mal-Istati Membri, għandha tiżgura li s-suq uniku jopera b’mod effettiv u jtejjeb l-ambjent tal-kummerċ billi jelimina jew inaqqas id-diffikultajiet li jiffaċċjaw l-SMEs fl-aċċess għall-finanzjament, il-kapaċità limitata tagħhom għall-espansjoni fis-swieq barra mill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, kemm fi ħdan is-suq intern kif ukoll barra minnu, u l-piż fiskali eċċessiv u l-burokrazija. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu sodisfati u fl-istess ħin għandu jiġi żgurat l-aċċess għall-għarfien u t-teknoloġiji innovattivi ġodda, b’kooperazzjoni mal-iskejjel vokazzjonali u mal-akkademiċi lokali li fil-programmi tagħhom għandhom iqisu lill-SMEs bħala l-forzi dinamiċi tal-ekonomija Ewropea;

18.

huwa tal-fehma li l-Programm għandu jagħmel iżjed enfasi fuq livell ogħla ta’ parteċipazzjoni min-naħa tal-SMEs fil-ħidma, il-proġetti u l-programmi tal-UE fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, anke permezz tat-twaqqif ta’ sħubijiet pubbliċi-privati. Parteċipazzjoni ikbar fil-proġetti tar-riċerka ssaħħaħ il-ħiliet fi ħdan l-intrapriżi u b’hekk anke l-kompetittività internazzjonali tagħhom.

Fil-proposta għat-tfassil tal-programm tar-riċerka u l-innovazzjoni Orizzont 2020, tinġibed attenzjoni partikolari għall-bżonn li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-SMEs fil-proġetti tar-riċerka. Din iż-żieda fil-parteċipazzjoni tipprovdi l-SMEs – li f’ċerti każi huma fuq quddiem nett fil-qasam tagħhom – b’aċċess għall-informazzjoni u l-għarfien;

19.

jinnota li huwa biss tali approċċ li jippermetti lill-intrapriżi u lill-SMEs jiżviluppaw b’tali mod li jitqiesu l-impenji għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju bbażata fuq l-iktar teknoloġiji ambjentali avvanzati li jwasslu biex jinkisbu l-għanijiet fil-qasam tal-politika tal-klima u l-enerġija;

20.

bi pjaċir jilqa’ l-baġit li jipproponi l-Programm li jammonta għal EUR 2 522 biljun. Fl-istess ħin, jinnota li l-ammont ta’ EUR 1,4 biljun allokat għall-istrumenti finanzjarji, li ser jappoġġjaw lill-intrapriżi u l-SMEs direttament, jirrappreżenta biss 56 % tal-baġit globali. F’każ li d-domanda għall-istrumenti finanzjarji tkun ogħla milli jkun mistenni b’mod raġonevoli, il-bidliet fl-allokazzjonijiet tal-persentaġġi għandhom jiġu deċiżi fi ħdan il-Kumitat fejn il-pajjiżi kollha li jibbenefikaw mill-Programm għall-Kompetitittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME) ikunu rappreżentati skont id-dispożizzjoni tal-Artikolu 16 tal-Proposta għal Regolament. Hija l-parti li fadal, allokata għall-attivitajiet li jappoġġjaw l-ambjent tal-SMEs, li tiggarantixxi li l-fondi allokati għall-Programm sħiħ għall-perjodu 2012-2020 jintużaw b’mod effiċjenti u effettiv;

21.

jemmen li hija haġa adatta li 1,7 % tal-baġit tal-Programm jiġi allokat għas-servizzi amministrattivi tal-Programm billi dawn iridu jiżguraw li l-Programm jopera b’mod effettiv filwaqt li l-ammont ma jkunx ta’ piż eċċessiv fuq il-baġit;

22.

huwa tal-fehma li l-miżuri finanzjati mill-baġit tal-Programm ma jistgħux ikunu sostituti għall-inizjattivi fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, iżda għandhom isaħħu dawn il-miżuri u jagħmluhom iktar effettivi, billi jagħtuhom dimensjoni tal-Unjoni, permezz ta’ koordinazzjoni effettiva u t-tneħħija ta’ ostakli transkonfinali għall-kooperazzjoni bejn l-atturi privati jew l-awtoritajiet pubbliċi. Din il-kooperazzjoni għadha titħeġġeġ permezz ta’ netwerking “orizzontali” aktar milli ċentralizzazzjoni “vertikali”;

23.

iqis li l-appoġġ li jingħata għandu jkun ġustifikat għalkollox mill-għanijiet u għandu jiġġenera impatti pożittivi fl-Ewropa kollha permezz tal-effetti kumulattivi u multiplikaturi u l-kapitalizzazzjoni tar-riżultati miksuba;

24.

jenfasizza li l-kompetittività hija dipendenti ferm mill-produttività, l-innovazzjoni u l-effiċjenza li huma s-sors ta’ tkabbir sostenibbli fid-dħul, mill-kapaċità tal-intrapriżi li jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet bħas-suq uniku Ewropew u minn soluzzjonijiet istituzzjonali li joħolqu l-kundizzjonijiet għat-tkabbir sostenibbli tal-intrapriżi. Għalhekk, il-proġetti li jsaħħu l-fatturi bl-ikbar impatt fuq il-kompetittività sostenibbli tal-intrapriżi u l-SMEs għandhom jingħataw prijorità;

25.

jiġbed attenzjoni għall-fatt li l-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi fil-Programm, abbażi tal-protokolli tal-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni u abbażi ta’ ftehimiet oħra, għandha titqies bħala opportunità biex jiġi estiż il-qasam ta’ attività tal-intrapriżi li joperaw fiż-żona tal-UE u biex tinkiseb l-esperjenza ta’ kif jaħdmu l-intrapriżi barra s-suq tal-UE; għandha tkun possibbli wkoll il-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi oħra fil-programm. Il-finanzjament għandu jiġu provdut minn programmi oħra magħmula għall-kooperazzjoni tal-Istati Membri tal-UE ma’ pajjiżi li mhumiex membri;

26.

jiġbed attenzjoni għall-fatt li l-edukazzjoni dwar l-intrapriża, anke permezz tat-tagħlim tul il-ħajja, tevolvi fit-triq li twassal għall-iżvilupp tal-ħiliet, l-attitudnijiet u l-inkorporazzjoni tas-CSR, li jippermettu lin-nies jaċċettaw l-isfidi tas-suq dinji modern, filwaqt li jirrispettaw l-etika kummerċjali tradizzjonali Ewropea;

27.

jemmen li l-isforzi li jsiru għall-promozzjoni u l-iżvilupp ta’ attitudnijiet favur l-intrapriża għandhom ikopru wkoll l-intraprendituri li jkunu qabdu t-triq li jaħdmu għal rashom fil-bidu tal-ħajja professjonali tagħhom, inklużi wkoll in-nisa li jagħmlu dan l-isforz u jieħdu r-riskju;

28.

huwa tal-fehma li l-miżuri li jittieħdu biex jittejjeb l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament, inkluża l-faċilità tal-ekwità u l-faċilità tal-garanzija għas-self, għandhom jikkomplementaw l-istrumenti finanzjarji li qed jintużaw attwalment taħt il-Politika ta’ Koeżjoni. Għandu jkun hemm ukoll il-possibbiltà li jkollhom rabta ma’ fondi oħra definiti speċifikament mill-Istati Membri;

29.

jenfasizza li waħda mill-inizjattivi importanti hija l-possibbiltà tal-għoti ta’ kreditu u self transkonfinali li twassal biex l-SMEs jaċċessaw il-potenzjal enormi tas-suq uniku, ħaġa li għandha ssaħħaħ il-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-inizjattivi tal-intrapriża, pereżempju fis-settur tat-turiżmu;

30.

jiġbed attenzjoni partikolari għar-rwol tal-Faċilità tal-Ekwità għat-Tkabbir (EFG) li tiffoka fuq il-fondi li jipprovdu l-kapital ta’ riskju. Huwa jenfasizza li abbażi ta’ analiżi ta’ riskju adatta, il-maniġer tal-Programm għandu jassisti u jappoġġja kemm jista’ jkun lill-SMEs, inklużi dawk li skont proċeduri bankarji normali jkollhom ftit li xejn ċans li jiksbu assistenza, iżda li jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-potenzjal ġenerali tal-SMEs u biex il-qgħad jitnaqqas b’mod konsiderevoli;

31.

jibqa’ xettiku dwar il-livell ta’ self tal-Faċilità tal-Garanzija għas-Self (LGF) u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tispeċifika liema kriterji ntużaw sabiex jiġi stabbilit dan il-livell peress li l-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) ma stabbilixxa l-ebda limitu. Jenfasizza li s-self għal kumpaniji li għadhom jibdew, għal investiment jew għal trasferiment, ta’ spiss ikun għal ammonti ogħla mhux ħażin mil-limitu stabbilit u jinsab imħasseb li dan iwassal għal sitwazzjoni fejn self b’ammonti ogħla jkun garantit taħt il-Programm Orizzont, anke jekk dan suppost jintuża biss għal proġetti ta’ innovazzjoni;

32.

jappella għalhekk li nerġgħu lura għall-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni preċedenti, li ma kien stabbilixxa l-ebda limitu;

33.

iqis li l-approċċ individwali għan-negozjati mal-istituzzjonijiet li jkunu qed ifittxu finanzjament b’riskju kondiviż għas-self tagħhom huwa wieħed leġittimu, kemm mil-lat tad-daqs tas-self, li jiddependi mill-ammont ta’ riskju garantit tal-portafoll, kif ukoll mil-lat tal-perjodu tas-self;

34.

jitlob li jsir monitoraġġ kontinwu tat-tnaqqis fir-riskju kemm fl-istrumenti finanzjarji mmirati lejn il-kapital ta’ riskju kif ukoll fil-fondi allokati biex ikopru l-portafolji tad-dejn tal-SMEs;

Ġestjoni tal-Programm

35.

iqis li hija ħaġa adatta li l-ġestjoni indiretta tal-Programm tiġi trasferita f’idejn il-Fond Ewropew tal-Investiment (EIF) u l-aġenziji eżekuttivi, fejn il-Kummissjoni Ewropea tkun responsabbli għall-monitoraġġ kontinwu tal-Programm. Din ix-xorta ta’ ġestjoni tiżgura li l-esperjenzi pożittivi tal-EIF bħala strument li jappoġġja l-SMEs, akkumulati tul iktar minn 10 snin, ser isir użu minnhom;

36.

jirrakkomanda wkoll li f’dan il-qasam isir użu mill-esperjenzi tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u n-netwerk Ewropew tal-intrapriża (European Enterprise Network), li għandu l-esperjenza fl-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs, anke barra l-UE;

37.

huwa konvint li sabiex jiġi żgurat li l-Programm jiġi implimentat b’suċċess, u li jkun effettiv, għandu jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-istituzzjonijiet li jiġġestixxu l-Programm, billi jiġi faċilitat il-fluss ta’ informazzjoni f’kull qasam tal-implimentazzjoni tal-Programm;

38.

iqis bħala importanti l-esperjenzi fl-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs barra l-UE u t-trasferiment tal-informazzjoni dwar dan is-suġġett; dan għandu jgħin lill-SMEs inaqqsu l-ispejjeż ta’ transazzjoni marbuta mal-attivitajiet transkonfinali. Dan huwa qasam li għandu jiġi żviluppat minn esperti mill-istituzzjonijiet tal-UE, b’kooperazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali;

39.

jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-possibbiltà li jinħolqu ċentri għad-disseminazzjoni tal-informazzjoni dwar l-SMEs. Madankollu, il-Kumitat mhux ser jikkummenta dwar in-natura u l-funzjonament speċifiku tagħhom. Din hija kwistjoni li trid tiġi indirizzata fil-qafas ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni multilaterali bejn il-pajjiżi u r-reġjuni;

40.

jipproponi li l-ġestjoni diretta tal-Programm issir prinċipalment fil-livell reġjonali bl-appoġġ tal-awtoritajiet nazzjonali u taħt is-superviżjoni tagħhom. Dan il-livell ta’ ġestjoni għandu jibni wkoll sistema ta’ monitoraġġ għar-riskji assoċjati mal-proġetti li jkunu qed jitwettqu;

41.

jipproponi wkoll li l-monitoraġġ tal-proġetti jkun parti wkoll mill-valutazzjoni tal-implimentazzjoni abbażi tal-indikaturi biex jinkisbu l-għanijiet fuq perjodu medju, kif stabbiliti fl-Anness 1 tal-Proposta. Il-monitoraġġ, fil-qafas tal-Programm, għandu jinkludi wkoll informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri relatati mal-protezzjoni tal-klima u politiki oħra tal-UE;

42.

jenfasizza li dawn l-attivitajiet għandhom ikunu konsistenti u jikkonformaw mal-attivitajiet ta’ monitoraġġ li jitwettqu mill-Kummissjoni Ewropea, li r-rappreżentanti tagħha, flimkien mal-impjegati mill-Qorti tal-Awdituri u l-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi (OLAF), ser iwettqu verifiki, kontrolli u spezzjonijiet mingħajr avviż minn qabel;

43.

iqis li l-istrateġiji tal-verifika għandhom ikunu mmirati lejn il-valutazzjoni oġġettiva tal-implimentazzjoni tal-Programm u m’għandhomx ikunu ta’ piż għall-benefiċjarji tal-Programm. Is-sistemi ta’ monitoraġġ għandhom jikkunsidraw il-fażijiet ta’ implimentazzjoni tal-proġett sabiex ma jkollhomx impatt negattiv fuq ir-ritmu tal-implimentazzjoni u ma jwasslux għal spejjeż addizzjonali eċċessivi;

Riskji attwali għall-Programm

44.

jiġbed attenzjoni għall-fatt li fis-sitwazzjoni baġitarja attwali f’bosta pajjiżi, il-gvernijiet nazzjonali qed ifittxu l-iktar mod sempliċi biex ikabbru d-dħul baġitajru billi jżidu l-livell ta’ diversi kontribuzzjonijiet li jgħollu l-prezz tax-xogħol, u dan min-naħa tiegħu jwassal biex l-SMEs jikkollassaw jew jibdew joperaw fl-ekonomija parallela. Għalhekk, jappella għall-protezzjoni tal-SMEs, billi l-politika deskritta hawn fuq ser iddewwem l-irkupru mill-kriżi ekonomika u fil-prattika tista’ tħassar il-valur miżjud tal-Programm. L-SMEs huma għodda effettiva biex jitnaqqas il-qgħad;

45.

jemmen li barra minn dan, il-piż amministrattiv marbut mal-istart-ups u l-piż fiskali fuq il-kumpaniji operattivi jistgħu jagħmluha diffiċli għall-intrapriżi, u l-SMEs b’mod partikolari, biex itejbu l-kompetittività tagħhom f’ħafna pajjiżi tal-UE; il-Kumitat tar-Reġjuni għalhekk jappella li l-piż amministrattiv nett fil-leġislazzjoni kollha rilevanti tal-UE jitnaqqas b’25 % sal-2020; jemmen li tkun ħaġa tajba li tiġi kkunsidrata t-tneħħija ta’ firxa usa’ ta’ ostakli għall-partijiet interessati tas-settur tal-SMEs;

46.

huwa tal-fehma li l-Programm għandu jipprovdi premji addizzjonali għall-pajjiżi u r-reġjuni li jkunu adottaw l-iktar sistemi favorevoli għall-SMEs, li jippermettu li jiżviluppaw, iżidu l-kompetittività tagħhom u jespandu fi swieq esterni, sabiex jappoġġjaw dan it-tip ta’ attività. Il-promozzjoni ta’ dawn l-attitudnijiet pożittivi għandha l-għan li tixpruna tendenzi adatti f’pajjiżi u reġjuni differenti;

47.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea sabiex ittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-iżvilupp tas-swieq f’pajjiżi li qed jikbru b’rata mgħaġġla, dwar kif isir l-investiment f’dawn il-pajjiżi, dwar is-sistemi legali attwali u l-użanzi lokali li jirregolaw l-attività kummerċjali;

48.

huwa tal-fehma li l-informazzjoni dwar is-swieq esterni għandha tkun aċċessibbli faċilment għall-SMEs, jiġifieri għandha tkun affordabbli, preċiża u disponibbli malajr. Minbarra ċ-ċentri tal-informazzjoni, ir-rappreżentanzi diplomatiċi tal-UE f’dawn ir-reġjuni tad-dinja għandhom jaqdu rwol ewlieni hawnhekk;

49.

jenfasizza li sabiex jitrawwem l-ispirtu intraprenditorjali fost iċ-ċittadini tal-UE hemm bżonn bidliet fis-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ u din hija attività għat-tul. Għalhekk, hemm ir-riskju li l-għanijiet tal-perjodu l-medju u għat-tul ma jinkisbux;

50.

jiġbed l-attenzjoni għall-possibbiltà li l-attività tal-SMEs tista’ tkun regolata żżejjed fil-livell Ewropew, nazzjonali jew lokali. Din ir-regolazzjoni żejda tista’ tikkomplika mingħajr bżonn il-proċeduri marbuta ma’ dawn l-attivitajiet stess u mal-ksib ta’ għajnuna fil-qafas ta’ diversi programmi. Dan ikollu impatt negattiv fuq il-kompetittività tal-SMEs. Għandhom jingħataw prijorità t-tnaqqis tal-burokrazija u t-tneħħija ta’ ostakli relatati mat-twaqqif u l-ġestjoni ta’ intrapriża.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI

Emenda 1

COM(2011) 834 final

Billi (1)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(1)

Il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni “L-Ewropa 2020 - Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv” (2) f’Marzu 2010 (minn hawn ’il quddiem “l-Istrateġija Ewropa 2020). Il-Komunikazzjoni kienet approvata mill-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2010. L-Istrateġija Ewropa 2020 twieġeb għall-kriżi ekonomika u hija maħsuba biex tħejji l-Ewropa għall-għaxar snin li ġejjin. Din tistipula ħames miri ambizzjużi dwar il-klima u l-enerġija, l-impjiegi, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali li jridu jintlaħqu sal-2020 u tidentifika l-ixpruni ewlenin għat-tkabbir, li jimmiraw li jagħmlu lill-Ewropa aktar dinamika u kompetittiva. Din tenfasizza wkoll l-importanza li jkun rinfurzat it-tkabbir tal-ekonomija Ewropea filwaqt li twettaq livell għoljin ta’ impjiegi, karbonju baxx, ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u l-enerġija u l-koeżjoni soċjali.

(1)

Il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni “L-Ewropa 2020 - Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv” (2) f’Marzu 2010 (minn hawn ’il quddiem “l-Istrateġija Ewropa 2020). Il-Komunikazzjoni kienet approvata mill-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2010. L-Istrateġija Ewropa 2020 twieġeb għall-kriżi ekonomika u hija maħsuba biex tħejji l-Ewropa għall-għaxar snin li ġejjin. Din tistipula ħames miri ambizzjużi dwar il-klima u l-enerġija, l-impjiegi, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali li jridu jintlaħqu sal-2020 u tidentifika l-ixpruni ewlenin għat-tkabbir, li jimmiraw li jagħmlu lill-Ewropa aktar dinamika u kompetittiva. Din tenfasizza wkoll l-importanza li jkun rinfurzat it-tkabbir tal-ekonomija Ewropea filwaqt li twettaq livell għoljin ta’ impjiegi, karbonju baxx, ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u l-enerġija u l-koeżjoni soċjali.

Emenda 2

COM(2011) 834 final

Billi (6)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(6)

Sabiex ikun hemm kontribut lejn it-tisħiħ tal-kompetittività u s-sostenibilità tal-intrapriżi tal-Unjoni, partikolarment l-SMEs, l-avvanz tas-soċjetà tal-għarfien, u l-iżvilupp msejjes fuq it-tkabbir ekonomiku bbilanċjat, għandu jkun stabbilit Programm dwar il-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (minn hawn ’il quddiem “il-Programm”).

(6)

Sabiex ikun hemm kontribut lejn it-tisħiħ tal-kompetittività tal-intrapriżi tal-Unjoni, partikolarment l-SMEs, għandu jkun stabbilit Programm dwar il-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (minn hawn ’il quddiem il-Programm

).

Raġuni

Il-kompetittività u s-sostenibbiltà m’għandhomx jitqiesu bħala għanijiet separati. Minflok il-kompetittività għandha titqies dipendenti mis-sostenibbiltà. Skont ir-Rapport Ewropew tal-Kompetittività, 2010, il-kompetittività sostenibbli tirrifletti l-kapaċità li tinħoloq u tinżamm il-kompetittività tal-industrija skont l-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli.

Emenda 3

COM(2011) 834 final

Billi (18)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(18)

Kif deskritt fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ġunju 2010, intitolata “Europe, the world's No 1 tourist destination – a new political framework for tourism in Europe”[1], li ġiet approvata mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2010, it-turiżmu huwa settur importanti tal-ekonomija tal-Unjoni. L-intrapriżi f’dan is-settur jikkontribwixxu sostanzjalment lill-prodott gross domestiku (PGD) tal-Unjoni u l-ħolqien tal-impjiegi u għandhom potenzjal sinifikanti għall-iżvilupp tal-attività imprenditorjali, peress li hija mmexxija prinċipalment mill-SMEs. It-Trattat ta’ Lisbona jirrikonoxxi l-importanza tat-turiżmu li jiddeskrivi l-kompetenzi speċifiċi tal-Unjoni f’dan il-qasam li jikkomplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri. Hemm valur miżjud ċar għall-inizattiva tat-turiżmu fuq il-livell tal-Unjoni, speċjalment fil-forniment tad-dejta u l-analiżi, fl-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ promozzjoni transnazzjonali u fl-iskambju tal-aħjar prattiki.

(18)

Kif deskritt fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ġunju 2010, intitolata Europe, the world's No 1 tourist destination – a new political framework for tourism in Europe, li ġiet approvata mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2010, it-turiżmu huwa settur importanti tal-ekonomija tal-Unjoni. L-intrapriżi f’dan is-settur jikkontribwixxu sostanzjalment lill-prodott gross domestiku (PGD) tal-Unjoni u l-ħolqien tal-impjiegi u għandhom potenzjal sinifikanti għall-iżvilupp tal-attività imprenditorjali, peress li hija mmexxija prinċipalment mill-SMEs. It-Trattat ta’ Lisbona jirrikonoxxi l-importanza tat-turiżmu li jiddeskrivi l-kompetenzi speċifiċi tal-Unjoni f’dan il-qasam li jikkomplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri. valur miżjud ċar speċjalment fil-forniment tad-dejta u l-analiżi, fl-iżvilupp ta’ u fl-iskambju tal-aħjar prattiki.

Emenda 4

COM(2011) 834 final

Billi (20)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(20)

Il-Programm għandu jikkumplimenta programmi oħra tal-Unjoni, filwaqt li jirrikonoxxi li kull strument għandu jaħdem skont il-proċeduri speċifiċi tiegħu stess. B’hekk, l-istess spejjeż eliġibbli ma għandhomx jirċievu finanzjament doppju. Bil-għan li jinkiseb il-valur miżjud u l-impatt sostanzjali tal-finanzjament tal-Unjoni, għandhom ikunu żviluppati sinerġiji mill-qrib bejn il-Programm, programmi oħrajn tal-Unjoni u l-Fondi Strutturali

(20)

Il-Programm għandu jikkumplimenta programmi oħra tal-Unjoni, filwaqt li jirrikonoxxi li kull strument għandu jaħdem skont il-proċeduri speċifiċi tiegħu stess. B’hekk, l-istess spejjeż eliġibbli ma għandhomx jirċievu finanzjament doppju. Bil-għan li jinkiseb il-valur miżjud u l-impatt sostanzjali tal-finanzjament tal-Unjoni, għandhom ikunu żviluppati sinerġiji mill-qrib bejn il-Programm programmi oħrajn tal-Unjoni u l-Fondi Strutturali.

Emenda 5

COM(2011) 834 final

Billi (24)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(24)

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u l-Protokolli tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprovdu għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi kkonċernati fi programmi tal-Unjoni. Il-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi għandha tkun possibbli fejn jippermettu l-Ftehimiet u l-proċeduri.

(24)

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u l-Protokolli tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprovdu għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi kkonċernati fi programmi tal-Unjoni. Il-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi għandha tkun possibbli fejn jippermettu l-Ftehimiet u l-proċeduri.

Emenda 6

COM(2011) 834 final

Artikolu 2(1)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Artikolu 2

Għanijiet ġenerali

Artikolu 2

Għanijiet ġenerali

1.   Il-Programm għandu jikkontribwixxi lill-għanijiet ġenerali li ġejjin filwaqt li jagħti attenzjoni lill-bżonnijiet speċifiċi tal-SMEs fuq il-livell Ewropew u globali:

1.   Il-Programm għandu jikkontribwixxi lill-għanijiet ġenerali li ġejjin filwaqt li jagħti attenzjoni lill-bżonnijiet speċifiċi tal-SMEs fuq il-livell Ewropew u globali:

(a)

li tissaħħaħ il-kompetittività u s-sostenibilità tal-intrapriżi tal-Unjoni, inkluż fis-settur tat-turiżmu;

(a)

li tissaħħaħ il-kompetittività tal-intrapriżi tal-Unjoni, ;

(b)

li titħeġġeġ kultura imprenditorjali u jkunu promossi l-ħolqien u t-tkabbir tal-SMEs.

(b)

li titħeġġeġ kultura imprenditorjali jkunu promossi l-ħolqien u t-tkabbir tal-SMEs.

Raġuni

Il-kompetittività u s-sostenibbiltà m’għandhomx jitqiesu bħala għanijiet indipendenti billi l-kompetittività fuq perjodu twil tiddependi mis-sostenibbiltà u l-politiki għandhom ikunu bbażati fuq strateġija fuq perjodu twil.

L-inizjattiva tas-Small Business Act għall-Ewropa tistabbilixxi l-bżonn li tinħoloq kultura li tiddefendi lill-intraprendituri u tippromovi u tħeġġeġ il-preżenza tagħhom, fejn is-saħħa u l-kapaċità tagħhom li jegħlbu d-diffikultajiet ikunu enfasizzati u apprezzati.

Emenda 7

COM(2011) 834 final

Artikolu 2(2)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Artikolu 2

Għanijiet ġenerali

Artikolu 2

Għanijiet ġenerali

2.   Il-kisba tal-għanijiet imsemmija fil-Paragrafu 1 għandhom jitkejlu bl-indikaturi li ġejjin:

2.   Il-kisba tal-għanijiet imsemmija fil-Paragrafu 1 għandhom jitkejlu bl-indikaturi li ġejjin:

(a)

il-persentaġġ tat-tkabbir tas-settur industrijali tal-Unjoni relatat mat-tkabbir tal-Prodott Domestiku Gross (PDG),

(a)

il-persentaġġ tat-tkabbir tas-settur industrijali tal-Unjoni relatat mat-tkabbir tal-Prodott Domestiku Gross (PDG),

(b)

it-tkabbir tal-eżitu tal-manifattura tal-Unjoni fl-ekoindustriji,

(b)

it-tkabbir tal-eżitu tal-manifattura tal-Unjoni fl-ekoindustriji,

(c)

il-bidliet fil-piż amministrattiv fuq l-SMEs,

(c)

il-bidliet fil-piż amministrattiv fuq l-SMEs,

(d)

it-tkabbir tal-SMEs f’termini ta’ valur miżjud u n-numru ta’ impjegati,

(e)

u r-rata ta’ dħul tal-SME.

it-tkabbir tal-SMEs f’termini ta’ valur miżjud u n-numru ta’ impjegati,

 

u r-rata ta’ dħul tal-SMEs.

Emenda 8

COM(2011) 834 final

Artikolu 3(1)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Artikolu 3

Objettivi speċifiċi

Artikolu 3

Objettivi speċifiċi

1.   L-għanijiet speċifiċi tal-Programm għandhom ikunu:

1.   L-għanijiet speċifiċi tal-Programm għandhom ikunu:

(a)

li jittejbu l-kondizzjonijiet ta’ qafas għall-kompetittività u s-sostenibilità tal-intrapriżi tal-Unjoni inkluż is-settur tat-turiżmu;

(a)

li jittejbu l-kondizzjonijiet ta’ qafas għall-kompetittività tal-intrapriżi tal-Unjoni ;

(b)

li tkun promossa l-imprenditorija, inkluż fost gruppi speċifiċi fil-mira:

(b)

li tkun promossa l-imprenditorija, inkluż fost gruppi speċifiċi fil-mira:

(c)

li jittejjeb l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs fis-sura ta’ ekwità u dejn;

(c)

li jittejjeb l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs fis-sura ta’ ekwità u dejn;

(d)

li jittejjeb l-aċċess għas-swieq ġewwa l-Unjoni u globalment;

(d)

li jittejjeb l-aċċess għas-swieq ġewwa l-Unjoni u globalment;

Emenda 9

COM(2011) 834 final

Artikolu 6(1)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Artikolu 6

L-azzjonijiet biex itejbu l-kundizzjonijiet qafas għall-kompetittività u s-sostenibilità tal-intrapriżi tal-Unjoni

Artikolu 6

L-azzjonijiet biex itejbu l-kundizzjonijiet qafas għall-kompetittività u s-sostenibilità tal-intrapriżi tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tappoġġa azzjonijiet biex titjieb u tissaħħaħ il-kompetittività u s-sostenibilità tal-intrapriżi tal-Unjoni, partikolarment l-SMEs, sabiex tittejjeb l-effettività, il-koerenza u l-konsistenza tal-politiki nazzjonali għall-promozzjoni tal-kompetittività u s-sostenibbilità u t-tkabbir tal-intrapriżi fl-Ewropa.

1.   Il-Kummissjoni għandha tappoġġa azzjonijiet biex -kompetittività tal-intrapriżi tal-Unjoni, partikolarment l-SMEs, sabiex tittejjeb l-effettività, il-koerenza u l-konsistenza tal-politiki nazzjonali għall-promozzjoni tal-kompetittività s-sostenibbilità u t-tkabbir tal-intrapriżi fl-Ewropa.

Emenda 10

COM(2011) 834 final

Artikolu 6(2)(a)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Artikolu 6

L-azzjonijiet biex itejbu l-kundizzjonijiet qafas għall-kompetittività u s-sostenibilità tal-intrapriżi tal-Unjoni

Artikolu 6

L-azzjonijiet biex itejbu l-kundizzjonijiet qafas għall-kompetittività u s-sostenibilità tal-intrapriżi tal-Unjoni

(…)

(…)

2.   Il-Kummissjoni tista tappoġġa l-azzjonijiet intenzjonati li jiżviluppaw l-istrateġiji l-ġodda tal-kompetittività. Dawn l-azzjonijiet jistgħu jinkludu dawn li ġejjin:

2.   Il-Kummissjoni tista tappoġġa l-azzjonijiet intenzjonati li jiżviluppaw l-istrateġiji l-ġodda tal-kompetittività. Dawn l-azzjonijiet jistgħu jinkludu dawn li ġejjin:

a)

miżuri li jtejbu d-disinn, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki li jaffettwaw il-kompetittività u s-sostenibbilità tal-intrapriżi, inklużi reżiljenza għad-disastri u biex ikun żgurat l-iżvilupp ta’ infrastrutturi xierqa, gruppi ta’ klassi mondjali u netwerks kummerċjali, kundizzjonijiet ta’ qafas u żvilupp ta’ prodotti, servizzi u proċessi sostenibbli;

a)

miżuri li jtejbu d-disinn, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki li jaffettwaw il-kompetittività u s-sostenibbilità tal-intrapriżi, inklużi reżiljenza għad-disastri u biex ikun żgurat l-iżvilupp ta’ infrastrutturi xierqa, gruppi ta’ klassi mondjali u netwerks kummerċjali, kundizzjonijiet ta’ qafas u żvilupp ta’ prodotti, servizzi u proċessi sostenibbli;

Raġuni

Fl-appoġġ għall-inizjattivi tal-SMEs, wieħed mill-ewwel passi għandu jkun li dawn isiru konvinti mill-benefiċċju li jingħaqdu flimkien biex jimplimentaw impriżi speċifiċi li inkella ma jkunux fattibbli jew inqas profitabbli fuq bażi individwali. Il-kooperazzjoni bejn l-intrapriżi tat prova li hija wieħed mill-iktar tipi effettivi ta’ azzjoni bl-iktar effetti immedjati.

Emenda 11

COM(2011) 834 final

Artikolu 6(2)(c)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Artikolu 6

L-azzjonijiet biex itejbu l-kundizzjonijiet qafas għall-kompetittività u s-sostenibilità tal-intrapriżi tal-Unjoni

Artikolu 6

L-azzjonijiet biex itejbu l-kundizzjonijiet qafas għall-kompetittività u s-sostenibilità tal-intrapriżi tal-Unjoni

(…)

(…)

c)

appoġġ għall-SMEs għall-iżvilupp tal-politika u l-kooperazzjoni bejn dawk li jfasslu l-politika, partikolarment bil-ħsieb li jittejjeb it-tħaffif tal-aċċess għall-programmi u l-miżuri jkunu ta’ sostenn tal-SMEs.

c)

appoġġ għall-SMEs għall-iżvilupp tal-politika u l-kooperazzjoni bejn dawk li jfasslu l-politika, partikolarment bil-ħsieb li jittejjeb it-tħaffif tal-aċċess għall-programmi u l-miżuri jkunu ta’ sostenn tal-SMEs .

Emenda 12

COM(2011) 834 final

Artikolu 6(2)(d)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Artikolu 6

L-azzjonijiet biex itejbu l-kundizzjonijiet qafas għall-kompetittività u s-sostenibilità tal-intrapriżi tal-Unjoni

Artikolu 6

L-azzjonijiet biex itejbu l-kundizzjonijiet qafas għall-kompetittività u s-sostenibilità tal-intrapriżi tal-Unjoni

(…)

(…)

 

Raġuni

Fid-dawl tar-rwol konsiderevoli tagħhom fl-għanijiet strateġiċi fis-settur tat-turiżmu, qed jiġi propost li dawn it-tipi ta’ miżuri jiddaħħlu b’konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020, li tinkludi t-tkabbir intelliġenti fost il-prijoritajiet tagħha, billi tiġi żviluppata ekonomija bbażata fuq l-għarfien u l-innovazzjoni.

Emenda 13

COM(2011) 834 final

Artikolu 8(1)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Artikolu 8

Azzjonijiet li jtejbu l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs

Artikolu 8

Azzjonijiet li jtejbu l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs

1.   Il-Kummissjoni għandha tappoġġa azzjonijiet li għandhom l-għan li jtejbu l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament fil-fażijiet tagħhom tal-bidu u t-tkabbir filwaqt li jikkumplimentaw l-użu tal-istrumenti finanzjarji mill-Istati Membri għall-SMEs fil-livell nazzjonali u reġjonali. Sabiex tkun żgurata l-kumplimentarjetà, dawn l-azzjonijiet se jkunu kkoordinati mill-qrib ma’ dawk li jitwettqu fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni u fuq il-livell nazzjonali. Dawn l-azzjonijiet għandhom jimmiraw li jistimolaw il-provvista tal-finanzi tal-ekwità u d-dejn.

1.   Il-Kummissjoni għandha tappoġġa azzjonijiet li għandhom l-għan li jtejbu l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament fil-fażijiet tagħhom tal-bidu u t-tkabbir filwaqt li jikkumplimentaw l-użu tal-istrumenti finanzjarji mill-Istati Membri għall-SMEs fil-livell nazzjonali u reġjonali. Sabiex tkun żgurata l-kumplimentarjetà, dawn l-azzjonijiet se jkunu kkoordinati mill-qrib ma’ dawk li jitwettqu fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni u fuq il-livell nazzjonali. Dawn l-azzjonijiet għandhom jimmiraw li jistimolaw il-provvista tal-finanzi tal-ekwità u d-dejn.

Emenda 14

COM(2011) 834 final

Artikolu 8(2)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Artikolu 8

Azzjonijiet li jtejbu l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs

Artikolu 8

Azzjonijiet li jtejbu l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs

2.   Bħala parti mill-azzjonijiet imsemmija fil-Paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa miżuri, soġġetti għad-domanda tas-suq, biex jittejjeb il-finanzjament transkonfinali u multinazzjonali biex jassisti lill-SMEs fl-internalizzazzjoni tal-attivitajiet tagħhom f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.

2.   Bħala parti mill-azzjonijiet imsemmija fil-Paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa miżuri, soġġetti għad-domanda tas-suq, biex jittejjeb il-finanzjament transkonfinali u multinazzjonali biex jassisti lill-SMEs fl-internalizzazzjoni tal-attivitajiet tagħhom f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.

Emenda 15

COM(2011) 834 final

Anness II – Titolu Il-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self (LGF)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Anness II – Il-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self (LGF)

Anness II – Il-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self (LGF)

Emenda 16

COM(2011) 834 final

Anness II(3)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Anness II(3)

Anness II(3)

3.

L-LGF għandha tkopri self sa EUR 150 000 u b’maturità minima ta’ 12-il xahar, minbarra s-self fil-portafoll ta’ titolizzazzjoni. L-LGF għandha tkun imfassla b’tali mod li jkun possibbli li wieħed jirrapporta dwar l-SMEs innovattivi sostnuti, kemm f’termini tal-għadd ta’ self kif ukoll f’dak li hu volum ta’ self.

3.

L-LGF għandha . L-LGF għandha tkun imfassla b’tali mod li jkun possibbli li wieħed jirrapporta dwar l-SMEs innovattivi sostnuti, kemm f’termini tal-għadd ta’ self kif ukoll f’dak li hu volum ta’ self.

Raġuni

Il-limitu massimu l-ġdid ftit li xejn jagħmel sens billi l-ebda proġett jew ftit proġetti ser jinżlu taħt din il-linja baġitarja. Għandha tinżamm is-sistema l-antika bl-ebda limitu massimu.

Brussell, 9 ta’ Ottubru 2012.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  http://portal.cor.europa.eu/europe2020/news/Pages/InvitationtoparticipateintheSurveyonSME-friendlyRegionsandCities.aspx

(2)  COM (2010) 2020 final.


Top