EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AR0089

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Approċċi speċifiċi skont ir-reġjun għat-tibdil fil-klima fl-UE bbażati fuq l-eżempju ta’ reġjuni muntanjużi”

ĠU C 391, 18.12.2012, p. 27–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 391/27


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Approċċi speċifiċi skont ir-reġjun għat-tibdil fil-klima fl-UE bbażati fuq l-eżempju ta’ reġjuni muntanjużi”

2012/C 391/06

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jinnota li r-reġjuni muntanjużi huma suxxettibbli ħafna għat-tibdil fil-klima u jisħaq li l-adattament għat-tibdil fil-klima għandu jagħmel parti minn proġett usa’ sabiex tissaħħaħ ir-reżistenza individwali u kollettiva, waqt li jitqies t-theddid ambjentali, tal-enerġija u soċjali kollu, li b’mod inevitabbli huma marbutin flimkien;

jinnota li fl-2013 l-Unjoni Ewropea ser tadotta strateġija ta’ adattament u huwa tal-fehma li huwa kruċjali li din l-istrateġija ġenerali tħaddan fiha dimensjoni reġjonali u lokali, kif stipulat fl-Artikolu 174 tat-TFUE. Din l-istrateġija Ewropea ta’ adattament għandha tinkludi kapitolu dwar ir-reġjuni muntanjużi;

jenfasizza l-fatt li hekk kif huwa mistenni li ż-żoni muntanjużi jsiru iżjed vulnerabbli fid-deċennji li ġejjin, huma meħtieġa aktar riċerka xjentifika u sistema tajba għall-iskambju ta’ informazzjoni. Huwa importanti li l-baġit tal-UE għall-perjodu 2014-2020 jalloka fondi għall-adattament għat-tibdil fil-klima. Hemm bżonn li jiġu previsti politiki għat-titjib tal-aċċess u l-provvista ta’ servizzi ta’ interess ġenerali fiż-żoni li huma partikolarment vulnerabbli;

jenfasizza li ħafna reġjuni muntanjużi diġà bdew jiżviluppaw strateġiji ta’ adattament; l-objettivi tagħhom iridu jiġu kkoordinati u r-riżultati analizzati b’sens ta’ urġenza. Jenħtieġ l-armonizzazzjoni tal-inizjattivi li llum huma mxerrda bejn bosta assoċjazzjonijiet, korpi ta’ riċerka u amministrazzjonijiet tar-reġjuni muntanjużi;

Relatur

Is-Sur Luciano CAVERI (IT/ALDE), Membru tal-Kunsill tar-Reġjun Awtonomu ta’ Valle d’Aosta

Dokument ta’ referenza

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Ħsibijiet ġenerali

1.

jinnota li f’dawn l-aħħar snin inkitbet ħafna litteratura xjentifika kif ukoll tfasslu ħafna dokumenti politiċi u proġetti xjentifiċi fl-Unjoni Ewropea, li juru kif ir-reġjuni muntanjużi huma suxxettibbli ħafna għat-tibdil fil-klima, billi jagħqqdu flimkien f’żona ristretta ambjenti differenti li huma esposti u jiġu influwenzati miċ-ċirkolazzjonijiet atmosferiċi. L-IPCC jinkludi wkoll ir-reġjuni muntanjużi fost ir-reġjuni b’riskju għoli minħabba t-tibdil fil-klima (climate hot spot). Barra minn hekk, il-Kapitolu 13 tal-Aġenda 21 (Summit Dinji ta’ Rio, 1992), li jiffoka fuq ir-reġjuni muntanjużi, jgħid fil-punt 4 tiegħu li dawn ir-reġjuni huma l-iżjed sensittivi għat-tibdil fil-klima, kwistjoni li għadha attwali sal-lum u li ser tiġi diskussa matul il-konferenza ta’ Rio+20 f’Ġunju 2012. Ir-reġjuni muntanjużi huma l-aktar żoni li fihom foresti fl-Ewropa kollha. Għalhekk huma għandhom effett ta’ bir li fih jinġabar ammont konsiderevoli ta’ CO2. Barra minn hekk, huma jtejbu l-kwalità tal-arja billi jtaffu l-fenomeni dannużi tat-tniġġis u jipprovdu riżorsi importanti tal-ilma u tal-pajsaġġi, iżda fl-istess waqt huma żoni suxxettibbli għat-tibdil fil-klima. Ir-reġjuni muntanjużi, flimkien mal-kosti marittimi, huma l-aktar żoni importanti għat-turiżmu minħabba l-klima, il-bijodiversità, ir-rikkezza tal-pajsaġġi, ir-riżorsi tal-ilma, l-aspetti kulturali, il-bini, it-tradizzjonijiet u d-drawwiet tagħhom;

2.

jenfasizza li t-tibdil fil-klima jaffettwa l-partijiet kollha tal-Unjoni Ewropea, u anke d-dinja kollha, iżda li l-effetti konkreti fuq territorju speċifiku, u konsegwentement il-preparazzjonijiet neċessarji għal dawn l-effetti u r-reazzjonijiet għalihom, jiddependu fuq firxa wiesgħa ta’ fatturi. Kwalunkwe miżura li hija reazzjoni għat-tibdil fil-klima għalhekk trid tkun sensittiva għas-sitwazzjoni speċifika tat-territorji differenti. Għalhekk, l-awtoritajiet lokali u reġjonali rrappreżentati fil-KtR huma msieħba kruċjali fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet adatti;

3.

ifakkar li t-tibdil fil-klima u l-konsegwenzi tiegħu huma fost l-isfidi ewlenin li ser ikollhom quddiemhom l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea fis-snin li ġejjin. F’dan il-kuntest, l-ewwel prijorità trid tkun li jittieħdu l-passi meħtieġa biex isir sforz ħalli ż-żjieda tat-temperatura medja globali tiġi limitata kemm jista’ jkun (mitigazzjoni), iżda wkoll biex ikun hemm tħejjija fil-livelli differenti għat-tibdil li huwa inevitabbli (adattament);

4.

jenfasizza li ż-żoni muntanjużi jservu biex jaħżnu l-bijodiversità iżda qed jiġu mhedda minn tibdil fil-klima mgħaġġel ħafna: 43 % tas-siti ta’ Natura 2000 huma żoni muntanjużi u 118 mill-1 148 speċi mniżżla fl-Annessi II u IV tad-Direttiva tal-Ħabitats għandhom rabta ma’ ambjent muntanjuż (1);

5.

jirrimarka li varjazzjonijiet klimatiċi li ftit li xejn jinħassu fiż-żoni ta’ pjanura jiġu amplifikati fiż-żoni muntanjużi u jsiru valur li jgħin biex issir dijanjosi bikrija tal-evoluzzjoni klimatika fuq skala makro, u għaldaqstant huma sors eċċezzjonali ta’ osservazzjonijiet għar-riċerka xjentifika u opportunità ta’ testjar għall-iżvilupp u l-valutazzjoni tal-politiki ta’ adattament;

6.

jisħaq li t-tibdil fil-klima diġà qed iseħħ u qed jikkawża: żieda fir-riskju idroġeoloġiku (għargħar, ċediment tal-art) u sitwazzjoni fejn persuni u infrastrutturi huma iżjed vulnerabbli, tonqos id-disponibbilità tal-ilma, speċjalment fis-sajf (anke fir-territorji mhux muntanjużi li huma biswit dawk muntanjużi), tibdil fl-“imġieba” tax-xmajjar (fir-reġjuni Alpini il-frekwenza tal-għargħar fix-xitwa u n-nixfiet fis-sajf hija mistennija tiżdied), il-glaċieri ser jiċkienu (mill-1850 ’l hawn il-glaċieri tal-Alpi ċkienu b’madwar żewġ terzi tal-volum tagħhom, u l-pass żdied b’mod sinifikanti wara l-1985), id-dewbien tal-permafrost, il-borra qed tinħall iżjed malajr (b’mod partikolari taħt l-1 500 metru), il-frekwenza tal-valangi qed tinbidel, qed jiġu mhedda l-bijodiversità u l-migrazzjoni tal-pjanti u l-annimali, qed ikun hemm tibdil fl-ekonomija tat-turiżmu tax-xitwa u tas-sajf u fil-produzzjoni tal-enerġija idroelettrika, qed jiġu kkawżati inċertezzi fil-produzzjoni agrikola, u qed issir ħsara lill-forestrija. L-ambjent tal-Alpi huwa suxxettibbli għal dan it-tibdil fil-klima mgħaġġel ħafna u dan ifisser li issa jitqies bħala żona bi żvantaġġi permanenti. Iż-żieda fit-temperatura fl-aħħar 150 sena fl-Alpi (+ 1,5 °C) hija d-doppju meta mqabbla mal-medja dinjija ta’ + 0,7 °C (2). Fl-2009 l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent studjat il-vulnerabilità tar-riżorsi tal-ilma taż-żona tal-Alpi (3);

7.

jenfasizza li t-tradizzjonijiet u l-kulturi taż-żoni muntanjużi huma msejsa fuq il-kunċett importanti tal-għarfien tal-limiti u l-opportunitajiet ambjentali. Ir-relazzjoni mal-limiti fiżiċi stretti tat-territorju ppermettiet li mal-mogħdija taż-żmien jiġu stabbiliti kriterji ta’ sostenibilità delikati u l-użu razzjonali tar-riżorsi. Dawn il-valuri ta’ bażi jistgħu jiġu integrati f’ moderna permezz tal-għajnuna ta’ teknoloġiji ġodda, biex b’hekk tinħoloq sensibilizzazzjoni u jiġu żviluppati mudelli ta’ żvilupp li huma utli mhux biss għall-istess żoni muntanjużi iżda wkoll għaż-żoni periferiċi, u f’ħafna każi jistgħu jassumu valur universali. (bħall-mudell ta’ sħubija Rurali/Urban, RURBAN – TCUM/Eu DG REGIO);

8.

jenfasizza li t-tibdil fil-klima ser joħloq l-ikbar sfida għall-kapaċitajiet ta’ adattament li qatt kellha quddiemha l-ispeċi tagħna, iżda fl-aħħar mill-aħħar huwa biss indikatur parzjali ta’ kriżi ambjentali iktar kumplessa kif ukoll kriżi tal-umanità, li tinvolvi wkoll:

disponibilità tar-riżorsi naturali rinnovabbli (l-ilma, il-foresti, ir-riżorsi ta’ ħut, bijomassa li tittieħed);

it-tnaqqis fil-kwalità u l-kwantità tal-prodotti u s-servizzi tal-ekosistemi;

tnaqqis tal-bijodiversità;

fraġilità tal-produzzjoni tal-ikel (l-ispiża ikbar fl-enerġija fossili tal-ikel, it-tnaqqis ta’ ħamrija li tintuża għall-koltivazzjoni, in-nuqqas ta’ ekwilibriju taċ-ċikli tal-karbonju, tan-nitroġenu u tal-fosforu);

tnaqqis tad-disponibilità ta’ riżorsi minerali;

tnaqqis tad-disponibilità tal-enerġija fossili bi prezz baxx (peak oil – produzzjoni massima taż-żejt);

it-tniġġis tal-arja, tal-ilma, tal-ħamrija u l-akkumulazzjoni tal-iskart mhux bijodegradabbli;

iż-żieda demografika u l-flussi migratorji (anke dawk minħabba t-tibdil fil-klima);

9.

jenfasizza li dawn il-problemi ser iħallu impatti varji ekonomiċi u soċjali fuq kull reġjun u għalhekk jiddispjaċih li wieħed mill-ftit proġetti li qed jistudja l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq l-ekonomija Ewropea, il-proġett PESETA (2009) immexxi miċ-Ċentru tar-Riċerka Konġunta tal-UE (JRC), mhux qed jinkludi r-reġjuni muntanjużi;

10.

jinnota li fil-White Paper dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima (COM(2009) 147 final), il-Kummissjoni Ewropea rrikonoxxiet il-varjazzjonijiet reġjonali tal-impatt tal-klima u l-fatt li kull strateġija ta’ adattament tista’ taħdem biss jekk tinkludi l-kooperazzjoni tal-livelli kollha ta’ governanza. L-adattament huwa proċess dinamiku fit-tul li jitlob relazzjoni mill-qrib bejn dawk li jfasslu l-politika, ir-riċerkaturi, it-tekniki, l-imprendituri u l-amministraturi lokali;

11.

jilqa’ l-fatt li fir-Rebbiegħa tal-2012 infetħet konsultazzjoni pubblika bħala preparazzjoni tal-istrateġija Ewropea ta’ adattament skedata għall-2013, u twaqqfet il-pjattaforma CLIMATE-ADAPT; din l-għodda sservi għall-ġbir tal-prattika tajba u għall-ippjanar reġjonali u urban u tinkludi taqsima dwar iż-żoni muntanjużi;

Objettivi

12.

jisħaq li l-adattament għat-tibdil fil-klima għandu jagħmel parti minn proġett usa’ sabiex tissaħħaħ ir-reżistenza individwali u kollettiva, waqt li jitqies t-theddid ambjentali, tal-enerġija u soċjali kollu, li b’mod inevitabbli huma marbutin flimkien;

13.

jinnota li fl-2013 l-Unjoni Ewropea ser tadotta strateġija ta’ adattament u huwa tal-fehma li huwa kruċjali li din l-istrateġija ġenerali tħaddan fiha dimensjoni reġjonali u lokali, kif stipulat fl-Artikolu 174 tat-TFUE. Din l-istrateġija Ewropea ta’ adattament għandha tinkludi kapitolu dwar ir-reġjuni muntanjużi;

14.

huwa daqstant ieħor importanti li l-istrateġiji Ewropej ta’ adattament ikollhom kapitolu li jiffoka fuq ir-reġjuni ultraperiferiċi, li l-limitazzjonijiet u l-karatteristiċi partikolari tagħhom huma rikonoxxuti mill-Artikolu 349 tat-TFUE;

15.

jenfasizza l-fatt li hekk kif huwa mistenni li ż-żoni muntanjużi jsiru iżjed vulnerabbli fid-deċennji li ġejjin, huma meħtieġa aktar riċerka xjentifika u sistema tajba għall-iskambju ta’ informazzjoni. Huwa importanti li l-baġit tal-UE għall-perjodu 2014-2020 jalloka fondi għall-adattament għat-tibdil fil-klima;

16.

jitlob li fid-dawl tal-kritikalitajiet ġodda maħluqa mit-tibdil fil-klima jiġu previsti politiki għat-titjib tal-aċċess u l-provvista ta’ servizzi ta’ interess ġenerali fiż-żoni li huma partikolarment vulnerabbli;

17.

jenfasizza li l-mitigazzjoni u r-riżorsi allokati għal dan il-għan għandhom jingħataw prijorità ikbar minn dik li tingħata lill-adattament. Jekk ma niksbux tnaqqis globali sostanzjali – kif identifikat mill-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tibdil fil-Klima – fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, ser ikun impossibbli nwaqqfu ż-żieda fit-temperaturi, it-tibdil fil-klima u l-avvenimenti estremi marbuta mat-temp li fil-ġejjieni ser jolqtu l-komunitajiet lokali fil-livell dinji;

18.

jinnota li hemm bżonn li jiġu definiti azzjonijiet interkonnessi ħafna biex jiġu solvuti l-problemi attwali u biex jiġu ġestiti dawk futuri fis-setturi li diġà huma parti mill-programmazzjoni tal-UE, kif ukoll li jiġi definit kemm minn dawn l-għażliet iridu jkunu soġġetti għas-sistema ta’ demokrazija lokali Ewropea skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, bħal:

a)

it-tilħiq tal-effiċjenza massima fl-użu tal-enerġija fil-bini ġdid u t-tiġdid u l-aġġornament ta’ dawk preżenti;

b)

iż-żamma u l-appoġġ tal-mudelli tal-bini għar-reġjuni muntanjużi u ż-żoni rurali, bit-tfassil ta’ Pjani għall-Ġestjoni tat-Territorju u tar-Riżorsi Naturali li jippermettu żvilupp urban li ma jwassalx għall-ispekulazzjoni tal-art. B’dan il-mod jiġu evitati d-degradazzjoni tal-pajsaġġi, tal-ekosistemi, tal-ħabitats u tal-ispazji protetti attwali kif ukoll it-tniġġis tar-riżorsi tal-ilma u tal-ħamrija, u tingħata l-għajnuna għall-iżvilupp ta’ turiżmu responsabbli u b’hekk il-popolazzjoni tibqa’ b’mod fiss fir-reġjuni muntanjużi;

c)

l-introduzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli skont il-karatteristiċi tat-territorju (enerġija solari termika u fotovoltajka, enerġija mir-riħ, idroelettriku u mill-bijomassa), sakemm jintlaħaq livell kemm jista’ jkun possibbli ta’ awtosuffiċjenza enerġetika. Il-ħtieġa li jitfasslu pjani integrati tal-enerġija reġjonali, u riżervi idroelettriċi użati biex jaħżnu l-enerġija fotovoltajka;

d)

il-promozzjoni ta’ verifiki tal-enerġija fuq livell lokali u reġjonali;

e)

it-tnaqqis fil-flussi ta’ enerġija u materjal fil-komunitajiet lokali sabiex ikun hemm qbil mal-livell tal-għajxien (pereżempju, Società 2000 W, ETH Zürich);

f)

it-tnaqqis fil-produzzjoni ta’ skart u riċiklar massimu, inċentiv għall-produzzjoni tal-kompost domestiku mill-iskart organiku;

g)

il-qawmien mill-ġdid tas-setturi lokali tal-ikel: l-agrikoltura u t-trobbija tal-bhejjem ta’ kwalità sabiex prinċipalment jiġi sostnut il-konsum fil-post u l-kummerċ għat-turisti filwaqt li jiġu appoġġjati b’mod speċifiku l-agrikoltura tal-konservazzjoni (mingħajr ma tinħadem il-ħamrija jew tinħadem mill-inqas) u l-agrikoltura u t-trobbija tal-bhejjem b’mod ekoloġiku;

h)

il-ġestjoni tal-foresti tistabbilixxi regoli stretti dwar il-ħsad tal-bijomassa tal-injam għall-finijiet tal-enerġija u l-bini, u huwa konxju bis-sħiħ tal-pressjoni li qed joħloq it-tibdil fil-klima; jiżgura li l-impjanti li joħolqu s-sħana mill-bijomassa mhumiex daqstant kbar li jaqbżu l-livelli ta’ produzzjoni anwwali tal-forestrija, iż-żamma tal-foresti ta’ protezzjoni, appoġġ għal forestrija sostenibbli sabiex jiġu prodotti l-injam u l-bijomassa bħala riżorsa ekonomika ta’ dawn iż-żoni;

i)

il-limitu strett fuq il-konsum tal-ħamrija għall-bini u l-infrastruttura;

j)

it-tnaqqis tal-esiġenzi ta’ mobilità permezz tal-isfruttar tal-potenzjal tan-netwerks tal-IT u l-ICT, is-servizzi elettroniċi u t-teleworking (li jippermettu li anke ż-żoni muntanjużi abbandunati jerġa’ jkollhom popolazzjoni ta’ nies tgħix fihom u terġa’ tieħu l-ħajja l-industrija tat-turiżmu);

k)

il-promozzjoni tat-turiżmu ekoloġikament responsabbli u sostenibbli, il-ħolqien ta’ osservatorju Ewropew tat-turiżmu, l-iżvilupp tal-agrituriżmu;

l)

il-promozzjoni ta’ ekonomija ekoloġika u ta’ innovazzjoni fiż-żoni muntanjużi: sistemi tal-enerġija, tal-elettronika, ta’ kontroll u ta’ monitoraġġ, ir-riċerka xjentifika u ċentri tat-taħriġ universitarji.

m)

taħriġ u kultura: hija kruċjali s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar il-ħtieġa urġenti li ssir azzjoni immedjatament fir-rigward tat-tibdil fil-klima, kemm sabiex tiġi applikata prattika tajba f’dan il-qasam kif ukoll għall-istrateġija ta’ adattament. Għaldaqstant, kwistjonijet ambjentali jridu jiġu inklużi fil-kurrikulu tal-iskola u jsiru l-enfasi ċentrali ta’ attivitajiet ta’ informazzjoni pubblika, pereżempju l-ftuħ ta’ uffiċċji ta’ adattament reġjonali li jistgħu jfasslu strateġiji mmirati lejn il-kuntest lokali u jagħtu informazzjoni lill-popolazzjoni lokali. Pereżempju: il-Victorian Centre for Climate Change Adaptation Research (VCCCAR - www.vcccar.org.au) fl-Awstralja li jadatta politika nazzjonali wiesgħa pprovduta min-National Climate Change Adaptation Research Facility (NCCARF - www.nccarf.edu.au) għall-kuntest lokali.

n)

programmi tal-protezzjoni ċivili u l-prevenzjoni tar-riskji tal-klima, permezz ta’ infrastruttura, tbassir meteoidroloġiku u sistemi ta’ twissija, skambju ta’ informazzjoni interattiv u rapidu, u eżerċizzji ta’ prevenzjoni ta’ ħsara u ta’ salvataġġ;

19.

jenfasizza li ħafna reġjuni muntanjużi diġà bdew jiżviluppaw strateġiji ta’ adattament u l-objettivi jridu jiġu kkoordinati u r-riżultati analiżżati b’sens ta’ urġenza. Jenħtieġ l-armonizzazzjoni tal-inizjattivi ambjentali li llum huma mxerrda bejn bosta assoċjazzjonijiet, korpi ta’ riċerka u amministrazzjonijiet tar-reġjuni muntanjużi;

20.

jitlob li jsir monitoraġġ tar-riżultati miksuba, permezz tat-tfassil ta’ indiċi ta’ effikaċja tal-interventi, il-prestazzjonijiet milħuqa, bażi tad-data globali li tista’ tiġi kkonsultata dwar proġetti u reġistru tal-enerġija;

21.

jenfasizza fl-aħħar nett, li jeħtieġ li l-kawżi u l-effetti tat-tibdil fil-klima jiġu indirizzati fil-livelli kollha, f’bosta komunitajiet ġeografiċi diversi u fuq skala dinjija. B’mod partikolari, huma ta’ spiss l-ifqar komunitajiet tal-pjaneta l-ewwel li jintlaqtu ħażin mit-tibdil fil-klima u jkollhom bżonn għajnuna speċjali. Għandhom jiġu allokati r-riżorsi tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għall-mitigazzjoni u l-adattament skont il-prijoritajiet identifikati fl-istrateġiji u t-trattati internazzjonali li ntlaħaq ftehim dwarhom, u għandhom jintuzaw fil-livell li fih ikollhom l-ikbar effett. Għaldaqstant, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu involuti fit-tfassil ta’ azzjonijiet għall-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, sabiex isir l-aqwa użu possibbli mill-għarfien speċjalizzat u l-esperjenza tagħhom u mill-qrubija tagħhom għaċ-ċittadini.

Brussell, 10 ta’ Ottubru 2012.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA), “Europe's ecological backbone: Recognising the true value of our mountains”, Rapport 6/2010.

(2)  JRC/WHO, “Impacts of Europe’s changing climate”, rapport 4/2008: http://www.eea.europa.eu/publications/eea_report_2008_4.

(3)  EEA, “Regional climate change and adaptation. The Alps facing the challenge of changing water resources”, rapport 8/2009.


Top