EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE0480

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta’ Programm Is-Saħħa għat-Tkabbir, it-tielet programm multiannwali ta’ azzjoni tal-UE fil-qasam tas-saħħa għall-perjodu 2014-2020” COM(2011) 709 finali — 2011/0339 (COD)

ĠU C 143, 22.5.2012, p. 102–106 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 143/102


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta’ Programm Is-Saħħa għat-Tkabbir, it-tielet programm multiannwali ta’ azzjoni tal-UE fil-qasam tas-saħħa għall-perjodu 2014-2020”

COM(2011) 709 finali — 2011/0339 (COD)

2012/C 143/19

Relatur ġenerali: is-Sinjura OUIN

Nhar it-30 ta’ Novembru 2011 u nhar il-12 ta’ Diċembru 2011, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta’ Programm Is-Saħħa għat-Tkabbir, it-tielet programm multiannwali ta’ azzjoni tal-UE fil-qasam tas-saħħa għall-perjodu 2014-2020

COM(2011) 709 final – 2011/0339(COD).

Nhar is-6 ta’ Diċembru 2011, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett (relatur ġenerali: is-Sinjura OUIN).

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-478 sessjoni plenarja tiegħu tat-22 u t-23 ta’ Frar 2012 (seduta tat-23 ta’ Frar 2012) li jaħtar lis-Sinjura OUIN bħala relatur ġenerali u adotta din l-Opinjoni b’169 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni: l-eżistenza ta’ dan it-tielet programm, f’dan il-perjodu ta’ kriżi, huwa messaġġ pożittiv għaċ-ċittadini Ewropej. Jinsab kuntent bi programm iddedikat speċifikament għas-saħħa u li l-baġit tiegħu, minkejja li huwa modest, żdied.

1.2

Il-KESE japprezza l-enfasi fuq numru mnaqqas ta’ prijoritajiet u ż-żieda tal-livell massimu ta’ sussidji għall-pajjiżi fejn id-dħul nazzjonali gross għal kull resident huwa inqas minn 90 % tal-medja tal-UE (1).

1.3

Il-KESE huwa tal-fehma li għandu jinstab użu aħjar tar-riżorsi finanzjarji u umani, iżda jwissi kontra t-tentazzjonijiet li jitnaqqsu l-baġit u s-servizzi pubbliċi tas-saħħa f’perjodu ta’ kriżi.

1.4

Il-KESE jqis li, fil-qasam tas-saħħa, il-gwadann Ewropew huwa li jitħeġġu l-iskambji tal-aħjar prattika u t-tixrid tal-prinċipji tal-inklużjoni tas-saħħa fil-politiki kollha, il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi fis-saħħa u l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.

1.5

Il-KESE jinsisti fuq il-prevenzjoni sabiex il-popolazzjoni tinżamm b’saħħitha: edukazzjoni dwar is-saħħa, titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, tal-ħajja u tal-akkomodazzjoni. It-tħejjija għal tixjiħ b’saħħtu ssir tul il-ħajja kollha.

1.6

Il-KESE jafferma li peress li n-nuqqas ta’ ħaddiema huwa ġenerali f’dan is-settur, hemm bżonn li jinstabu soluzzjonijiet komuni: ugwaljanza professjonali, evalwazzjoni mill-ġdid tal-kompetenzi u tas-salarji, rikonoxximent tal-livell għoli tan-natura teknika, kunsiderazzjoni tal-għarfien li ġej mix-xogħol informali fil-familja, taħlita ta’ impjiegi, titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-organizzazzjoni tal-ħin fuq ix-xogħol, taħriġ tul il-ħajja kollha, ġestjoni flessibbli ta’ tmiem il-karriera waqt li jitqiesu l-piżijiet fiżiċi u psikoloġiċi tal-persunal li jaħdem fil-qasam tas-saħħa.

1.7

Il-KESE jqis li huwa aħjar li jitħarrġu l-persuni qiegħda f’dawn l-impjiegi milli jinġieb persunal diġà mħarreġ f’pajjiżi terzi jew f’pajjiżi oħra tal-Unjoni, sabiex jiġi evitat li l-pajjiżi tal-oriġini jiġu mċaħħda mill-kompetenzi tagħhom.

1.8

Il-KESE jinsisti fuq il-bżonn li lill-familji u lill-konunità (ħbieb, ġirien …) jingħataw il-mezzi sabiex jieħdu ħsieb il-morda u l-persuni dipendenti, b’tqassim aħjar taż-żmien tax-xogħol fuq il-ħajja kollha.

1.9

Il-KESE jħeġġeġ l-iskambji tal-esperjenzi dwar l-użu tas-sistemi onlajn tas-saħħa kemm mill-professjonisti kif ukoll mill-individwi, u jappella li jiġu definiti oqfsa Ewropej:

sabiex tiġi protetta d-data kunfidenzjali f’każ ta’ skambju transkonfinali tal-fajls tal-pazjenti jew tar-riċetti tat-tabib;

sabiex tiġi assigurata l-eżattezza tal-informazzjoni li tkun fis-siti tal-internet għal kulħadd minn sistema ta’ akkreditazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tas-saħħa.

1.10

Il-KESE jqis li fost il-prijoritajiet (tabakk, alkoħol, ħxuna żejda u HIV), jeħtieġ li jiżdiedu r-riskji ġodda marbutin:

mat-tibdil fil-klima, it-tniġġis, it-tixrid tal-prodotti kimiċi, in-nanoteknoloġiji,

mas-sikurezza tal-mediċini u l-protesijiet, l-użu żejjed tal-mediċini,

mat-tibdil fl-istil tal-ħajja u tal-ikel u mal-konsegwenzi tagħhom fuq ir-riproduzzjoni tal-bniedem,

mas-saħħa mentali, bħall-istress, id-dipressjoni, il-marda tal-Alzheimer.

1.11

Il-KESE jemmen li hemm bżonn li jiġu mħeġġa aktar teknoloġiji ġodda fil-kura tas-saħħa sabiex jitnaqqas il-piż tax-xogħol minn fuq il-persunal fis-settur tal-kura tas-saħħa, tittejjeb il-kwalità tal-kura u l-appoġġ lill-pazjenti u tittejjeb u tiġi sostnuta l-mobilità tal-anzjani.

2.   Il-kuntest

2.1

Għal dawn l-aħħar sentejn, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta diversi opinjonijiet dwar il-kwistjonijiet tas-saħħa – mill-ġlieda kontra l-inugwaljanzi tas-saħħa sa dik kontra l-alkoħoliżmu, mill-marda tal-Alzheimer sa dik tal-kankru, mill-ġlieda kontra t-tipjip sas-sigurtà tal-pazjenti (2).

2.2

Jekk is-settur tal-kura tas-saħħa jista’ jagħti kontribut prezzjuż għat-tkabbir ekonomiku, is-saħħa tfisser ħafna aktar minn hekk. Sabiex titjieb il-vijabbiltà tas-sistemi tas-saħħa li jintużaw meta xi ħadd ikun marid, l-ewwel u qabel kollox il-popolazzjoni għandha tinżamm f’saħħa tajba permezz ta’ miżuri ta’ prevenzjoni u relatati mas-saħħa pubblika filwaqt li s-saħħa għandha tiġi inkluża fil-politiki kollha. Ikun utli li jkun hemm aktar statistika dwar l-attivitajiet tas-sistemi tas-saħħa.

2.3

Il-kriżi ekonomika twassal għal qtugħ drastiku fil-baġits li jipperikola l-kwalità tas-servizzi pubbliċi fil-qasam tas-saħħa u l-aċċess ta’ kulħadd għall-kura. Li l-popolazzjoni tinżamm f’saħħitha f’kuntest ta’ tibdil demografiku u klimatiku jitlob li jiġu ddedikati l-mezzi suffiċjenti.

2.4

Sabiex persuna tibqa’ f’saħħitha hemm bżonn ta’ edukazzjoni tas-saħħa mit-tfulija ’l quddiem (li tingħata mill-familja, miċ-ċentri tat-tagħlim u mill-midja), dieta tajba għall-etajiet kollha, espożizzjoni limitata għall-prodotti perikolużi, kundizzjonijiet dinjitużi tal-ħajja, kundizzjonijiet deċenti tax-xogħol, eċċ. Għandha titpoġġa enfasi partikolari fuq it-tixjiħ b’saħħtu, peress li l-anzjani huma l-akbar konsumaturi – apparti t-trabi tat-twelid – tas-sistemi tas-saħħa. Għandu jkun hemm preparazzjoni bikrija għat-tixjiħ.

2.5

It-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol u l-prevenzjoni huma l-aħjar mezzi sabiex jinżamm l-istat ta’ saħħa tal-popolazzjoni u għalhekk sabiex jonqos l-assentiżmu professjonali u l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa.

2.6

L-ewwel tbatija li trid tiġi miġġielda hija l-faqar u l-esklużjoni soċjali: il-kesħa, il-ġuħ, l-iżbilanċ alimentari, in-nuqqas ta’ iġjene, l-akkomodazzjoni ħażina, ta’ spiss ikkombinati mas-solitudni, in-nuqqas ta’ mediċina preventiva, eċċ., jippromovu l-iżvilupp tal-mard, b’mod partikolari l-mard kroniku, li jirrappreżenta spiża għolja ħafna għall-iskemi tas-sigurtà soċjali – jiġifieri għaċ-ċittadini kollha li jikkontribwixxu għall-finanzjament tagħhom.

2.7

Il-Kumitat jappoġġja l-għan li jikkontribwixxi għal sistemi tas-saħħa innovattivi u vijabbli, li jeħtieġu t-tfassil tal-għodda u l-mekkaniżmi komuni sabiex jiġi ffaċċjat in-nuqqas tar-riżorsi umani u finanzjarji. Jeħtieġ li ninvestu aktar riżorsi fil-kura fid-dar u fil-kura tas-saħħa li ma tirrikjedix interventi serji billi l-infiq fil-kura fl-isptar jiġi allokat mill-ġdid; dan jippermetti li jiġi rikonoxxut ir-rwol importanti tal-familji bil-għan li l-popolazzjoni tinżamm b’saħħitha u titjieb is-sostenibbiltà tas-sistema tal-kura.

2.8

L-edukazzjoni tas-saħħa tibda mill-età bikrija u fil-familja, u tinkludi l-iġjene, id-dieta bilanċjata, l-imġiba u l-ambjent emozzjonali stabbli. Jekk il-familja hija l-ewwel post fejn jiġu mgħallma r-regoli sabiex persuna tibqa’ f’saħħitha, hija l-familja wkoll li tieħu ħsieb il-morda, minn naħa peress li ħafna mill-morda ma jkunux jeħtieġu li jidħlu l-isptar u għalhekk jibqgħu d-dar mal-familja tagħhom, u min-naħa l-oħra peress li meta marid jiddaħħal l-isptar, iż-żjarat mill-familja u mill-qraba tiegħu jagħtu appoġġ psikoloġiku u materjali, li jikkomplementaw il-ħidma tal-persunal tal-isptar. Din il-funzjoni essenzjali tal-familja u tal-qraba għandha tinżamm, peress li meta l-kapaċitajiet ta’ individwu jitnaqqsu bil-mard, l-istess individwu għandu bżonn il-preżenza u l-appoġġ ta’ qrabatu.

2.9

Il-bidliet fl-istruttura tal-familja jolqtu s-saħħa mentali u fiżika, u hemm bżonn li l-problemi jiġu solvuti mill-għeruq sabiex il-familja tibqa’ f’ambjent sigur.

2.10

It-tnaqqis “tad-disponibbiltà ta’ kura informali fl-ambjent tal-familja” mhuwiex informazzjoni inevitabbli. Mhijiex ix-xewqa tal-morda li jingħataw il-kura prinċipalment mill-professjonisti. Il-familja ma tistax tissostitwixxi l-professjonisti fil-kura li teħtieġ kompetenza teknika speċjalizzata. Iżda l-morda u l-familji tagħhom għandu jkollhom l-għażla f’dak kollu relatat mal-kompiti li jakkumpanjaw iż-żamma tal-pazjenti d-dar. Minn hawn joħroġ il-bżonn li l-persuni impjegati jingħataw il-possibbiltà li jkunu assenti mix-xogħol meta wieħed mill-membri tal-familja jkollu bżonn il-kura.

2.11

F’mument fejn is-sistemi kollha tal-irtirar iridu jiġu riveduti, għandha tittieħed l-opportunità sabiex jerġa’ jinstab il-bilanċ fil-ħin tax-xogħol tul il-ħajja kollha. Jekk stennija itwal tal-għomor tagħmilha possibbli li tkompli taħdem, l-irġiel u n-nisa għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw, matul il-ħajja tax-xogħol tagħhom, minn perjodi twal ta’ ġranet frank, full time jew part time, iffinanzjati bħall-pensjonijiet, sabiex jieħdu ħsieb il-qraba morda jew l-anzjani dipendenti. Hemm bżonn ta’ libertà akbar fl-għażla sabiex l-impjegati jkunu jistgħu jorganizzaw il-perjodu ffinanzjat minn xogħolhom, u mhux biss l-irtirar, skont il-bżonnijiet tagħhom. L-imsieħba soċjali Ewropej li diġà nnegozjaw il-leave tal-ġenituri jistgħu jkomplu b’dan it-tip ta’ leave, dawn il-kontijiet ta’ tfaddil ta’ ġranet tax-xogħol neċessarji sabiex jiġi sodisfat il-bżonn li jkun hemm konċiljazzjoni aħjar bejn il-ħajja familjali u dik professjonali.

2.12

Sabiex il-familja tibqa’ l-ewwel sors ta’ solidarjetà, din irid ikollha l-mezzi. Minn issa, iż-żmien li jittieħed sabiex jiġi kkurat qarib marid jew dipendenti għandu jitqies fil-kalkolu tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali u tal-pensjonijiet.

2.13

Hemm bżonn ukoll li jiġu żviluppati servizzi sabiex jiġu megħjuna l-persuni dipendenti fil-bżonnijiet ta’ kuljum: għajnuna fil-kamra tal-banju, tindif, preparazzjoni tal-ikel, infermiera għal bil-lejl. Dan is-settur tal-impjiegi li jassistu lill-familja qiegħed jiżviluppa sew: qegħdin jinħolqu impjiegi ġodda. F’ħafna pajjiżi x-xogħol fid-dar għadu informali, mhux iddikjarat, mhux protett, mingħajr kwalifiki rikonoxxuti u li ta’ spiss isir minn ħaddiema migranti nisa. Huwa qasam essenzjali għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, fejn l-istereotipi għadhom dominanti, in-natura teknika mhix rikonoxxuta, il-kuntratti huma prekarji jew ma jeżistux u l-pagi huma baxxi ħafna minkejja li dawn l-impjiegi huma indispensabbli sabiex l-ekonomija tiffunzjona. Il-Konvenzjoni li għadha kif ġiet adottata mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar ix-xogħol deċenti għall-ħaddiema domestiċi għandha tikkontribwixxi sabiex dan is-settur isir aktar etiku u professjonali, bil-kundizzjoni li jinstabu s-sorsi ta’ finanzjament, li ma jistgħux jiġu biss minn but il-morda li għandhom bżonn il-kura jew mingħand il-familji tagħhom.

3.   L-għanijiet tal-programm

3.1

Il-programm jipproponi li jinfirxu s-soluzzjonijiet innovattivi sabiex tiġi ffaċċjata l-problema tan-nuqqas ta’ ħaddiema. F’dan il-perjodu ta’ qgħad kbir fl-Ewropa, hemm bżonn li jitqajjmu l-mistoqsijiet dwar id-diffikultajiet li tiffaċċja l-industrija tal-kura tas-saħħa fir-reklutaġġ. Din il-fergħa professjonali, b’numru għoli ħafna ta’ nisa, ma tattirax biżżejjed żgħażagħ jew irġiel minħabba rikonoxximent insuffiċjenti tal-kwalifiki u l-kompetenzi, ħinijiet u kundizzjonijiet diffiċli ta’ xogħol u salarji baxxi. L-ugwaljanza professjonali tiġi miż-żieda fis-salarji u rikonoxximent aħjar tal-kompetenzi tekniċi kif ukoll l-aċċess għat-taħriġ tul il-ħajja kollha.

3.2

Innovazzjoni importanti tista’ tikkonsisti f’li tiżdied il-preżenza tal-irġiel, u dan jeħtieġ miżuri. L-imsieħba soċjali għandhom jippromovu politiki li jiffavorixxu l-preżenza tal-gruppi sottorappreżentati. Għandna noqogħdu attenti li l-istatus ta’ intraprenditur li jaħdem għal rasu ma jwassalx biex il-persunal li jaħdem fil-qasam tal-kura jittraskura l-ħin tal-brejk u jaħdem sa ma jkun eżawst. Għandha titpoġġa l-enfasi wkoll fuq l-innovazzjonijiet tekniċi, organizattivi u soċjali kollha li jippermettu li jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u titnaqqas id-diffikultà.

3.3

Fis-settur tal-kura tas-saħħa, fejn il-limitazzjonijiet huma kbar, il-morda għandhom bżonn tal-kura 24 siegħa kuljum, 7 ijiem fil-ġimgħa. Jinkludi wkoll ix-xogħol bil-lejl u sigħat li ftit li xejn huma kompatibbli ma’ ħajja familjali. Sabiex jinkisbu kundizzjonijiet sodisfaċenti ta’ xogħol hemm bżonn li l-persunal ikun involut mill-qrib fid-deċiżjonijiet. L-imsieħba soċjali, fil-kuntest tad-djalogu soċjali settorjali, għandhom jistudjaw l-użu ta’ ideat innovattivi fuq il-post tax-xogħol, bħall-ġestjoni individwali tas-sigħat tax-xogħol (self-rostering), li tista’ tibbenefika mill-appoġġ tal-istrumenti tal-ICT (Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni).

3.4

L-imsieħba soċjali għandhom jaħdmu mal-awtoritajiet pubbliċi sabiex jiġu sostnuti t-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja kollha, iċ-ċaqliq intern tal-postijiet tax-xogħol u l-ksib ta’ kompetenzi fil-ġestjoni u fl-organizzazzjoni. Sabiex ikun hemm konċiljazzjoni aktar faċli bejn ix-xogħol u t-tagħlim, għandhom iqisu għadd ta’ għażliet, fosthom is-sekondar, it-taħriġ fl-impjieg, it-tagħlim onlajn. Il-possibbiltajiet estiżi ta’ karriera huma essenzjali sabiex ma jitlaqx il-persunal.

3.5

Li n-nuqqas ta’ ħaddiema jingħeleb permezz tat-taħriġ tal-persuni qiegħda u salarju adegwat jidher soluzzjoni aħjar milli jiġu attirati ħaddiema diġà mħarrġa mill-pajjiżi terzi: fil-fatt, dawn it-tobba, l-infermiera, il-fiżjoterapisti eċċ. li ġejjin mill-Afrika, l-Asja jew l-Amerika Latina jonqsu minn pajjiżhom li jkun iffinanzja t-taħriġ tagħhom. L-imsieħba soċjali Ewropej fil-qasam tas-saħħa ħejjew kodiċi ta’ imġiba dwar ir-reklutaġġ u ż-żamma transkonfinali etiċi fis-settur tal-isptar. Jeħtieġ li dan jiġi applikat u jinfirex. Meta l-professjonisti minn pajjiżi terzi jkunu jridu xorta waħda jittrasferixxu ruħhom fl-Ewropa, fl-2007, il-Kumitat, f’Opinjoni dwar is-Saħħa u l-Migrazzjonijiet, kien ippropona li jinħoloq fond ta’ kumpensi sabiex professjonisti oħra jkunu jistgħu jitħarrġu f’pajjiżhom (3).

3.6

L-ewwel għan tal-programm jikkonsisti f’li “titrawwem il-kooperazzjoni Ewropea fuq il-Valutazzjoni tat-Teknoloġija tas-Saħħa (HTA) u li jiġi esplorat il-potenzjal tas-servizzi elettroniċi fil-qasam tas-saħħa u l-ICT għas-Saħħa”. Jeħtieġ li jiġu definiti oqfsa Ewropej sabiex titħares id-data kunfidenzjali f’każ ta’ skambju transkonfinali (pereżempju fajls tal-pazjenti jew riċetti tat-tabib).

3.7

It-tieni għan tal-programm huwa “li jikber l-aċċess għall-għarfien espert mediku u informazzjoni medika għal kundizzjonijiet speċifiċi anki lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u li jiġu żviluppati soluzzjonijiet u linji gwida komuni biex titjieb il-kwalità tal-qasam tal-kura tas-saħħa u s-sikurezza tal-pazjenti sabiex jikber l-aċċess għal kura tas-saħħa aħjar u aktar sikura għaċ-ċittadini tal-UE”. Siti tal-internet fuq il-kwistjonijiet tas-saħħa mmirati għall-pubbliku in ġenerali u li huma kkonsultati ħafna joffru informazzjoni medika u jikkontribwixxu għall-edukazzjoni dwar is-saħħa. Għall-mard mhux perikoluż, il-konsultazzjoni tagħhom tista’ tevita viżta għand it-tabib. Meta l-persuni jinformaw ruħhom bil-benefiċċji tal-mediċini tradizzjonali, tal-mediċini alternattivi, tal-kura bil-pjanti, tal-kura termali, tal-massaġġi eċċ., ikunu qegħdin jgħinu lilhom nfushom jibqgħu f’saħħithom. Huwa utli li jinxtered għarfien aħjar tal-persuna nnifisha u tal-bżonnijiet psikoloġiċi u fiżjoloġiċi sabiex il-popolazzjoni tinżamm f’saħħitha u jiġi limitat l-użu żejjed kemm tal-kura kif ukoll tal-mediċini. Jeħtieġ li jiġu organizzati skambji u jiġu definiti oqfsa Ewropej sabiex ikun hemm garanzija tal-eżattezza tal-informazzjoni mifruxa lill-pubbliku (akkreditazzjoni) sabiex tiġi evitata l-proliferazzjoni ta’ dawk li jfittxu biss il-profitt waqt li jabbużaw mill-kredulità tal-morda.

3.8

Jeħtieġ li jitħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar il-mekkaniżmi implimentati fi kwalunkwe reġjun sabiex jitjieb l-aċċess għall-kura u jiġu permessi ż-żamma jew il-wasla ta’ tobba jew ta’ persunal ikkwalifikat fil-qasam tas-saħħa, f’ambjent rurali jew fl-ifqar żoni, abbażi tal-ippjanar ta’ sistemi u politiki tas-saħħa u tas-servizzi lill-persuni.

3.9

It-tielet għan propost huwa “li jkun identifikat, mifrux u promoss l-użu tal-aqwa prattiki vvalidati għall-miżura ta’ prevenzjoni kosteffettivi billi jiġu indirizzati l-fatturi ta’ riskju ewlenin, jiġifieri t-tipjip, l-abbuż tal-alkoħol u l-obeżità, kif ukoll l-HIV/AIDS”. Fi programm fejn l-innovazzjoni hija preżenti ħafna, jeħtieġ ukoll li jiġi promoss l-iskambju dwar il-fatturi ġodda ta’ riskju daqstant importanti għall-futur.

3.10

Minħabba t-tibdil fil-klima, iż-żieda fit-tniġġis, it-tibdil fl-istil tal-ħajja (ħajja sedentarja, sigħat twal bilqiegħda quddiem skrin, eċċ.) u t-tifrix ta’ numru ta’ aġenti kimiċi li l-effetti tagħhom fit-tul fuq is-saħħa għadhom mhux magħrufa, nibtu problemi ġodda u mard kroniku ġdid, li ser ikunu l-problemi ewlenin tas-seklu 21.

3.11

Bejn tmiem is-seklu 19, meta beda jintuża fl-industrija u l-kostruzzjoni, u l-projbizzjoni tiegħu fl-aħħar tas-seklu 20, l-asbestos qatel għexieren ta’ mijiet ta’ ħaddiema.

3.12

L-agrikoltura tuża pestiċidi u prodotti kimiċi oħrajn li l-periklu tagħhom għall-organiżmu jidher biss wara ħafna żmien. Xi studji qed juru t-tħassib tagħhom dwar ir-rata tal-kankru fost il-bdiewa. Dawn il-prodotti jinfirxu fl-arja, fl-ilma u fl-ikel. Sabiex l-ikel jiġi kkonservat aktar fit-tul u tiġi modifikata t-togħma tiegħu, l-industrija agroalimentari tuża wkoll l-addittivi.

3.13

Ma’ dawn jiżdiedu l-prodotti tal-ħasil li jintużaw fid-dar u fuq il-postijiet tax-xogħol, in-numru ta’ prodotti użati fl-industrija u l-mediċina. L-użu żejjed tal-mediċina diġà qiegħed joħloq reżistenza għall-antibijotiċi, liema antibijotiċi jingħataw ukoll lill-annimali tat-trobbija u jinfirxu fl-ilma. Prodotti oħra, bħall-gass, in-nugrufun, eċċ., jinxterdu fl-atmosfera. Flimkien dawn il-prodotti jiffurmaw “soppa kimika”, li tinstab fl-ambjent, li waħda mill-konsegwenzi tidher li hija ż-żieda rapida ta’ allerġiji u kankru. Il-mewġ elettromanjetiku wkoll joħloq it-tniġġis.

3.14

Kwistjoni oħra li toħloq tħassib hija dik tal-konsegwenzi tal-espożizzjoni għall-prodotti, għar-radjazzjonijiet u għat-tibdil fl-istil tal-ħajja fuq il-kapaċità riproduttiva tal-bnedmin. Minkejja li l-kawżi tar-rati baxxi ta’ twelid huma qabel kollox soċjoloġiċi, m’għandhomx jitwarrbu d-diffikultajiet fiżjoloġiċi kbar ta’ għadd ta’ koppji hekk kif jiddeċiedu li jkollhom it-tfal.

3.15

Fost ir-riskji l-ġodda, l-istress fuq il-post tax-xogħol huwa wieħed mill-kawżi ta’ dipressjoni li tista’ twassal għal suwiċidju. L-istress tal-persuni qiegħda, u b’mod aktar globali ta’ dawk kollha li jħossuhom inutli fis-soċjetà, jistħoqqlu wkoll li jiġi miġġieled. Is-saħħa mentali hija waħda mill-komponenti essenzjali tal-istat tas-saħħa tal-popolazzjoni.

3.16

It-tħejjija għal tixjiħ tajjeb issir tul il-ħajja kollha. Il-kundizzjonijiet tax-xogħol jaqdu rwol determinanti: l-istennija tal-ħajja mhijiex l-istess għall-impjegati ta’ uffiċċju, il-ħaddiema bix-xift jew l-impjegati fl-agrikoltura. It-tnaqqis tad-diffikultajiet, il-limitazzjoni tax-xogħol bil-lejl u t-tnaqqis fil-livell ta’ stress huma wkoll mod kif wieħed jipprepara għal tixjiħ b’saħħtu.

3.17

Sabiex persuna tixjieħ b’saħħitha, hemm bżonn li tħossha utli fis-soċjetà, ikollha netwerk ta’ relazzjonijiet, kurżità għatxana, iżżomm attività professjonali jew volontarja, tipprattika attivitajiet sportivi u jkollha iġjene tajba fil-ħajja.

3.18

Suġġett ieħor, dak tat-tmiem il-ħajja, jistħoqqlu skambji fil-livell Ewropew peress li dan jikkonċerna r-responsabbiltà ta’ kull ċittadin u r-rapport tiegħu mal-idea li jkollu ħajja dinjituża. Illum il-ġurnata, il-maġġoranza vasta tal-popolazzjoni tmut fl-isptar; għalhekk tmiem il-ħajja huwa kwistjoni importanti.

3.19

Jeħtieġ li jiġu żviluppati servizzi tas-saħħa li jnaqqsu l-uġigħ u b’hekk jippermettu li tiġi evitata t-tbatija, meta l-marid m’għandux tama, u l-kura medika ineffettiva. Dawn is-servizzi ma jeżistux fl-isptarijiet kollha, jew ma jistgħux jilqgħu lil dawk kollha li għandhom bżonn.

3.20

Ir-raba’ għan tal-programm huwa “l-iżvilupp ta’ approċċi komuni u l-wiri tal-valur tagħhom għal stat ta’ tħejjija u għal koordinazzjoni aħjar f’emerġenzi tas-saħħa sabiex iċ-ċittadini jitħarsu mit-theddid għas-saħħa ta’ natura transkonfinali”. L-epidemiji ma jagħrfux fruntieri u għalhekk il-kooperazzjoni f’dan il-qasam hija indispensabbli. Ikun għaqli li jinsiltu lezzjonijiet mill-miżuri li ttieħdu sabiex fil-futur tiġi evitata l-ħela. Għandha ssir id-distinzjoni bejn il-miżuri ta’ prevenzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni, li jistgħu jiġu mfakkra, u dawk li jinkludu x-xiri ta’ prodotti li t-tul ta’ ħajja tagħhom huwa limitat. L-iskambju dwar l-ispejjeż u r-riżultati jista’ jippermetti li jitfasslu metodi adegwati għall-għanijiet.

Brussell, 23 ta’ Frar 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  pereżempju EE, HU, LV, …

(2)  Ara l-Opinjonijiet tal-KESE li ġejjin:

 

ĠU C 18/74, 19.1.2011.

 

ĠU C 339/1, 14.12.2010.

 

ĠU C 255/72 u 76, 22.9.2010.

 

ĠU C 128/89, 18.5.2010.

 

ĠU C 228/113, 22.9.2009.

 

ĠU C 318/10, 23.12.2009.

 

ĠU C 306/64, 16.12.2009.

 

ĠU C 317/105, 23.12.2009.

 

ĠU C 218/91, 11.9.2009.

 

ĠU C 175/116, 28.7.2009.

 

ĠU C 77/115, 31.3.2009.

 

ĠU C 224/88, 30.8.2008.

 

ĠU C 77/96, 31.3.2009.

(3)  Opinjoni tal-KESE, ĠU C 256, 27.10.2007, p. 123


Top