EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE0497

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012” COM(2011) 815 finali

ĠU C 143, 22.5.2012, p. 51–68 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 143/51


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012”

COM(2011) 815 finali

2012/C 143/12

Relatur Ġenerali: is-Sur CROUGHAN

Nhar it-23 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012

COM(2011) 815 final

Nhar is-6 ta’ Diċembru 2011, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lill-Kumitat ta’ Tmexxija Ewropa 2020 sabiex jipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-478 sessjoni plenarja tiegħu tat-22 u t-23 ta’ Frar 2012 (seduta tat-22 ta’ Frar) li jaħtar lis-Sur David CROUGHAN bħala relatur ġenerali, u adotta din l-Opinjoni b’171 vot favur, 19-il vot kontra u 21 astensjoni.

INTRODUZZJONI

i

Dan l-abbozz ta’ opinjoni, maħruġ fid-dawl tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa, jikkummenta dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT) 2012 tal-Kummissjoni.

ii

Is-SAT iniedi s-semestru Ewropew tal-governanza ekonomika għall-2012, li huwa wkoll l-ewwel wieħed taħt il-qafas legali maqbul tal-governanza ekonomika mtejba (imsejjaħ ukoll “is-six pack”).

iii

Is-SAT jippreżenta dak li l-Kummissjoni temmen li għandhom ikunu l-prijoritajiet tal-UE għat-tnax-il xahar li ġejjin f’termini ta’ politiki ekonomiċi u baġitarji u riformi sabiex jingħataw spinta t-tkabbir u l-impjieg taħt l-Istrateġija Ewropa 2020. Ladarba jiġu appoġġjati fil-Kunsill Ewropew ta’ Marzu, dawn il-prijoritajiet ser ikollhom jitqiesu mill-Istati Membri fil-politiki u l-baġits nazzjonali tagħhom.

iv

Fl-ewwel parti, l-abbozz ta’ opinjoni attwali beħsiebu jikkummenta fuq kwistjonijiet ġenerali marbutin mas-SAT bħall-enfasi tiegħu fuq it-tkabbir, fuq il-konsolidazzjoni fiskali u fuq l-implimentazzjoni tar-riformi maqbula fil-qafas tas-semestru Ewropew kif ukoll l-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata u l-imsieħba soċjali fil-proċess tas-SAT.

v

It-tieni parti tgħaqqad kummenti u rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar politiki varji tal-UE. Dawn iwieġbu fid-dettall għall-ħames prijoritajiet imressqa mill-Kummissjoni fis-SAT: il-konsolidazzjoni fiskali divrenzjata li tiffavorixxi t-tkabbir; li s-self jerġa’ jiġi lura għan-normal fl-ekonomija; il-promozzjoni tat-tkabbir u l-kompetittività; l-indirizzar tal-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi; u l-immodernizzar tal-amministrazzjoni pubblika. Dawn il-kontributi nsiltu minn opinjonijiet differenti reċenti tal-KESE u jaġġornaw il-pożizzjoni tal-Kumitat dwar is-SAT tal-2011 (1), li kienet ġiet adottata f’Marzu 2011.

vi

Dan l-abbozz ta’ opinjoni huwa wkoll is-segwitu tal-opinjoni dwar is-semestru Ewropew 2011, adottata mill-Kumitat f’Diċembru 2011 (2).

L-EWWEL PARTI

MESSAĠĠI TAL-KESE FID-DAWL TAL-KUNSILL EWROPEW TAR-REBBIEGĦA

Għall-kuntrarju ta’ li ġara f’summits oħra, l-Unjoni trid turi l-kapaċità politika tagħha li tindirizza l-kriżi tad-dejn permezz ta’ miżuri ambizzjużi u suffiċjenti biex terġa’ tiġi stabbilita l-fiduċja. Enfasi ħafna akbar fuq it-tkabbir hija waħda minn dawn il-miżuri.

A.    INTRODUZZJONI

1.   Is-SAT 2012 inħareġ mill-Kummissjoni f’kuntest skoraġġanti: l-Unjoni għaddejja mill-agħar kriżi finanzjarja, ekonomika, soċjali u ta’ fiduċja fl-istorja tagħha kollha. Il-konsegwenzi tal-kriżi huma vasti: diffikultajiet għall-familji u l-kumpaniji, qgħad li qed jiżdied fost iż-żgħażagħ u dawk li ilhom ħafna bla xogħol, żieda fl-għadd ta’ persuni fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni, tħassib fis-soċjetajiet tagħna, riskju ta’ żieda fin-nazzjonaliżmu u l-populiżmu.

2.   Il-Kumitat jinsab imħasseb bil-kbir dwar in-nuqqas ta’ implimentazzjoni fil-livell nazzjonali tal-impenji li kien hemm qbil dwarhom fil-proċess tas-Semestru Ewropew. Aktar minn qatt qabel, l-UE għandha bżonn turi l-kapaċità tagħha li taġixxi b’mod effettiv biex trodd lura il-fiduċja tal-konsumaturi u l-investituri u tagħti risposti ambizzjużi għall-isfidi attwali. Mingħajr azzjoni deċiżiva u implimentazzjoni effettiva ta’ riformi mill-istituzzjonijiet Ewropej u mill-Istati Membri, l-Ewropa qed tiffaċċja kriżi tat-tkabbir fuq medda twila ta’ żmien kif ukoll żieda fid-diverġenza, li twassal għal pressjoni akbar fuq iż-żona tal-euro.

3.   Peress li l-Proċess tas-Semestru Ewropew tal-2012 beda f’kuntest ta’ tbassir għat-tkabbir imnaqqas sostanzjalment u ta’ possibbiltà sinifikanti ta’ riċessjoni, il-Kumitat jiddispjaċih li s-Summit Ewropew ta’ Diċembru 2011 ma rnexxilux jirkupra t-tama u l-fiduċja fil-governanza tal-Unjoni Ewropea, li kienet qed titnaqqar bil-mod bejn il-konklużjonijiet ta’ summit u ieħor matul dawn l-aħħar sena u nofs. In-nuqqas ta’ rieda evidenti tas-Summit li jindirizza l-problemi b’għeruq fondi li nkixfu mis-SAT, irriżultaw fi preskrizzjonijiet ta’ politika kontinwi li fihom m’għandhomx fiduċja la l-gvernijiet u l-investituri mad-dinja kollha u b’mod partikolari lanqas iċ-ċittadini Ewropej.

4.   Il-Kumitat jemmen li r-rimedji proposti sal-lum għad-dejn sovran u l-kriżi finanzjarja marbuta ma’ dan huma parzjali u jistgħu jżommu lil xi pajjiżi mdejnin ħafna ’l bogħod mis-swieq għal perjodu itwal minn dak ippjanat, u jġibu magħhom ir-riskju gravi li l-problemi jinfirxu wkoll ma’ xi Stati Membri ikbar. Għad hemm il-possibbiltà li, b’mod mhux ikkontrollat, ma jitħallasx lura id-dejn tal-gvern fil-Greċja; dan jista’ jkollu effett negattiv sinifikanti fuq pajjiżi oħra li qed jiffaċċjaw problemi ta’ dejn sovran u jista’ jikkawża sensiela ta’ avvenimenti li jista’ jkollhom konsegwenzi serji mhux biss għall-ekonomija Ewropea iżda wkoll għal dik globali. L-Unjoni Ewropea għadha ma sabitx mod kif tipproteġi lill-Istati Membri li qegħdin fid-diffikultà mill-attakki finanzjarji permezz tal-qawwa ekonomika li bla dubju għandha; dan wassal biex is-swieq globali dgħajfu serjament l-istruttura Ewropea billi attakkaw il-frammentazzjoni strutturali tagħha. Għalhekk, il-problema hija politika daqs kemm hi ekonomika.

5.   Il-Kumitat huwa inkwetat li l-livell għoli ta’ inċertezza maħluq b’dan kollu, qed ikollu impatt devastanti fuq l-ekonomija reali tal-Unjoni f’termini ta’ tnaqqis fl-investiment, fir-riżultati u fl-impjiegi, hekk kif l-investituri qed ifittxu postijiet aktar siguri u qed iħejju pjani saħansitra għall-possibbiltà tal-waqgħa taż-żona euro bil-konsegwenzi globali tal-biża’ li dan iġib miegħu.

6.   L-esperjenzi tal-kriżijiet tal-passat tal-integrazzjoni Ewropea wrew li l-Ewropa għandha r-riżorsi biex issib is-soluzzjonijiet. Il-Kumitat jappella lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri biex ikollhom il-kuraġġ u l-viżjoni politiċi u jappoġġjaw integrazzjoni akbar u t-tisħiħ tal-ekonomija u l-investimenti, li issa hija l-unika riżoluzzjoni possibbli għall-kriżi.

7.   L-UE teħtieġ timxi lil hinn mill-approċċ frammentat ta’ emerġenza li għandha bħalissa, u tadotta soluzzjoni fit-tul għall-isfidi strutturali li kixfet din il-kriżi, biex b’hekk tiżgura l-benesseri tal-Ewropej fuq medda twila ta’ żmien. Dan jitlob li jinbena l-ħajt Ewropew neċessarju biex jipproteġi minn attakki oħra u biex dawk il-pajjiżi li jinsabu taħt pressjoni jingħataw iż-żmien jirkupraw, u li jiġu introdotti miżuri addizzjonali speċifiċi biex jiġi xprunat it-tkabbir ekonomiku Ewropew.

8.   Maġenb l-azzjoni meħtieġa sabiex il-kriżi tad-dejn tiġi ġestita b’mod Ewropew u kredibbli, hemm unjoni fiskali akbar. Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li fil-proċess tas-Semestru Ewropew iddaħħlet is-sorveljanza ħafna aktar mill-qrib tal-politika tal-baġit tal-Istati Membri u l-impenji meħtieġa mill-Istati Membri taħt il-patt fiskali ġdid, għad li hemm bżonn li tiġi enfasizzata l-ħtieġa ta’ analiżi tal-impatt soċjali ta’ dawn il-miżuri. Madankollu, l-istruttura l-ġdida tal-governanza ekonomika Ewropea għandha tipproteġi l-awtonomija tal-imsieħba soċjali u l-libertà tagħhom li jikkonkludu ftehimiet kollettivi.

9.   Barra minn hekk, il-Kumitat itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-Istrateġija Ewropa 2020 inklużiva li toffri viżjoni pożittiva għall-ġejjieni u qafas koerenti għat-twettiq ta’ riformi li jħarsu ’l quddiem għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Huwa jfakkar ukoll fil-bżonn għal bilanċ tajjeb bejn l-aspetti ekonomiċi, tal-impjiegi u soċjali tal-istrateġija.

10.   Il-Kumitat huwa mħasseb ħafna li kien hemm tnaqqis inkwetanti fil-metodu Komunitarju favur approċċ intergovernattiv, prinċipalment bejn għadd żgħir ta’ Stati Membri, li kkontribwixxa għan-nuqqas ta’ rispons politiku. Parzjalment minħabba li l-istituzzjonijiet tal-Komunità qdew rwol subordinat għall-approċċ intergovernattiv li ġie adottat f’dawn l-aħħar sentejn, il-problemi kbar tal-Unjoni Ewropea ġew indirizzati mhux mill-perspettiva tal-Unjoni iżda mill-perspettiva u l-esiġenzi politiċi tal-Istati Membri individwali.

11.   Il-Kumitat jinnota li sa mhux aktar minn 5 snin oħra, meta jkun daħal fis-seħħ it-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja maqbul minn 25 Stat Membru fit-30 ta’ Jannar, fuq il-bażi tal-valutazzjoni tal-esperjenza tal-implimentazzjoni tiegħu, ser jittieħdu l-passi meħtieġa biex il-qofol ta’ dan it-Trattat jiġi inkorporat fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-Kumitat iħeġġeġ lil dawk il-pajjiżi li ma ngħaqdux ma’ dan il-proċess intergovernattiv (3) li se jwassal għat-Trattat, biex jerġgħu jikkunsidraw il-pożizzjoni tagħhom f’dan ir-rigward.

12.   Il-Kumitat jappoġġja l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea taqdi rwol sinifikanti u jħeġġiġha tressaq proposti kuraġġużi u li tinvolvi bis-sħiħ lill-Parlament Ewropew fil-proċess tas-Semestru Ewropew, biex dan ikun aktar trasparenti u leġittimu.

13.   Il-Kumitat jirringrazzja lill-Kummissjoni li ppubbikat s-SAT 2012 fl-aħħar ta’ Novembru 2011, qabel id-data imbassra fil-bidu. Minkejja li l-limitu ta’ żmien xorta waħda jibqa’ qasir, dan ta lill-KESE l-opportunità li jżomm diskussjonijiet dwar dan is-SAT, jikkonsulta n-netwerk tiegħu ta’ kunsilli ekonomiċi u soċjali/istituzzjonijiet simili u li joħroġ din l-opinjoni qabel ma jiġu deċiżi l-prijoritajiet annwali mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa.

B.    ENFASI ADEGWATA FUQ IT-TKABBIR

14.   Il-Kumitat iqis li s-SAT 2012, f’diversi modi, huwa avvanz fuq dak ta’ qablu.

15.   Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon l-enfasi ġenerali fuq it-tkabbir, u jinnota b’sodisfazzjon li s-SAT 2012 jadotta ħafna ideat riflessi f’opinjonijiet li l-KESE ħareġ fil-passat dwar L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2011 (4).

16.   Il-KESE jenfasizza li mingħajr rata suffiċjenti ta’ tkabbir, il-kriżi tad-dejn sovran ma tistax tissolva, speċjalment f’dawk il-pajjiżi li jinsabu taħt pressjoni. Prijorità baxxa fuq it-tkabbir iġġorr magħha r-riskju għoli li ħafna ekonomiji fl-Unjoni jaqgħu f’riċessjoni u xi wħud saħansitra f’dipressjoni.

17.   Is-SAT jagħraf li s-swieq finanzjarji qegħdin jivvalutaw is-sostenibbiltà tad-dejn tal-gvern tal-Istati Membri fuq il-bażi ta’ prospetti ta’ tkabbir fit-tul, fuq il-kapaċità tagħhom li jieħdu deċiżjonijiet b’effetti għat-tul li jolqtu r-riforma strutturali u fuq l-impenn tagħhom sabiex itejbu l-kompetittività.

18.   Il-Kumitat jaqbel mas-SAT li l-prospetti ta’ tkabbir għall-Istati Membri kollha fl-UE jiddependu fuq il-fatt li l-kriżi tad-dejn sovran tiġi indirizzata b’mod deċiżiv u fuq l-implimentazzjoni ta’ politiki ekonomiċi sodi u li qed jinħlew wisq ħin politiku u enerġija fuq miżuri ta’ emerġenza u mhux qed jingħata biżżejjed ħin għall-implimentazzjoni tal-bidliet fil-politika li ser iwasslu biex jerġgħu jiżdiedu l-livelli ta’ tkabbir tal-ekonomiji tagħna.

19.   Il-Kumitat jaqbel kompletament li l-enfasi għandha titqiegħed fl-istess waqt fuq miżuri ta’ riforma li jkollhom l-effett tat-tkabbir fi żmien qasir, u fuq il-mudell it-tajjeb għal tkabbir fi żmien medju.

20.   Il-Kumitat itenni li t-tliet aspetti tat-tkabbir - intelliġenti, sostenibbli u inklużiv - huma marbutin flimkien u jsaħħu lil xulxin. Għandha tingħata l-istess attenzjoni lill-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali.

21.   Il-fatt li jerġa’ jibda t-tkabbir għandu jkun koerenti ma’ objettivi oħrajn inklużi fit-Trattat ta’ Lisbona, fosthom il-benesseri tal-persuni. Għandna nħarsu lejn il-bżonn ta’ riforma bħala opportunità biex indawru l-mod kif ngħixu għal wieħed aktar sostenibbli.

22.   Fl-Istati Membri kollha hemm bżonn ta’ enfasi fuq ir-riformi li jħeġġu t-tkabbir.

23.   Is-sitwazzjoni speċifika ta’ ħames Stati Membri taħt il-programmi ta’ assistenza finanzjarja tal-UE u tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI)  (5)

23.1   Il-Kumitat iqis li l-Kummissjoni u l-Kunsill, permezz ta’ rakkomandazzjonijiet iddettaljati u speċifiċi għal kull pajjiż, għandhom ikomplu jħeġġu lill-Istati Membri jfasslu u jimplimentaw politiki ta’ tkabbir fuq tul ta’ żmien. Il-Kumitat jiddispjaċih li fl-2011, l-unika rakkomandazzjoni li ngħatat lill-ħames Stati Membri taħt il-programm ta’ assistenza finanzjarja tal-UE u tal-FMI kienet li dawn għandhom ikomplu jimplimentaw il-miżuri previsti fid-deċiżjonijiet li jagħtuhom l-assistenza finanzjarja.

23.2   Issa l-Kumitat huwa allarmat dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li dawn il-ħames pajjiżi m’għandhomx ikunu meħtieġa jagħtu l-impenn tagħhom fit-tħejjija tat-tieni fażi tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (PNR) fl-2012. Il-KESE jagħraf li l-PNR ikopru tista’ tgħid l-istess affarijiet u li dawn il-pajjiżi għandhom iressqu l-miri nazzjonali tagħhom b’rabta mal-Istrateġija Ewropa 2020. Madankollu, dan jeskludi lil dawn il-pajjiżi mill-proċess il-ġdid ta’ governanza li huwa fil-qalba tal-Ewropa 2020, li kien imfassal biex tintlaħaq il-konverġenza ekonomika neċessarja permezz ta’ riformi u l-adozzjoni tal-aħjar prattiki. B’mod speċjali dan ser jelimina l-involviment taċ-ċittadini u l-imsieħba soċjali fil-livell nazzjonali milli jieħdu sehem fl-implimentazzjoni u r-reviżjoni tal-PNR. Dan imur kontra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2011 li żguraw l-involviment sħiħ tal-parlamenti nazzjonali, l-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħra fil-qafas il-ġdid tas-semestru Ewropew.

24.   Investiment fit-tkabbir - sfida partikolari fil-kuntest attwali

24.1   Il-Kumitat huwa konxju tal-fatt li l-identifikazzjoni ta’ miżuri adegwati għat-tkabbir hija għadma partikolarment iebsa. Il-pożizzjoni diffiċli attwali tal-UE f’dak li għandu x’jaqsam ma’ tkabbir mhuwiex dovut biss għall-kriżi, iżda wkoll għal problemi oħrajn li qed iħallu impatt fuq il-prestazzjoni ekonomika, bħat-telf tal-kompetittività, il-globalizzazzjoni, l-iskarsezza tar-riżorsi (enerġija, ħiliet, eċċ.), it-tibdil fil-klima u t-tixjiħ tal-popolazzjoni.

24.2   Biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ewropa 2020, ser ikun hemm bżonn ta’ investiment sinifikanti: pereżempju fl-ICT, fl-infrastruttura tradizzjonali u dik ġdida, fir-Riċerka u l-Iżvilupp, fl-edukazzjoni u l-ħiliet, kif ukoll fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. L-investiment fl-ekonomija ekoloġika ser jixpruna l-innovazzjoni u joħloq domanda għal prodotti ġodda li ser iżidu t-tkabbir filwaqt li jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà tal-ekonomija globali.

24.3   Din hija sfida partikolari f’dawn iż-żminijiet ta’ awsterità. Madankollu, il-benefiċċji minn dan l-investiment pubbliku fil-livell nazzjonali jew Ewropew fid-direzzjoni ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbi u inklużiv huma sinifikanti u jista’ jkollhom effett ta’ lieva importanti billi jitħeġġeġ l-investiment privat addizzjonali.

24.4   Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-Unjoni għandha bżonn aktar investiment fi proġetti li jippromovu tibdil strutturali u li jista’ jgħin biex l-ekonomiji tal-Istati Membri jaqbdu t-triq tat-tkabbir sostenibbli. Il-proġetti adatti għandhom ikunu konformi mal-għanijiet tal-Ewropa 2020, pereżempju, proġetti ta’ infrastruttura fuq medda twila ta’ żmien li huma ta’ interess pubbliku ewlieni u li għandhom potenzjal ta’ dħul.

24.5   F’dan il-kuntest, il-Kumitat jappoġġja totalment l-Inizjattiva tal-Bonds Ewropa 2020 għall-Proġetti  (6) biex jiġu finanzjati proġetti ta’ infrastruttura kbar fl-enerġija, it-trasport u l-ICT. Dan ser ikun xi ħaġa pożittiva għas-swieq tal-bonds tal-proġetti u ser jgħin lill-promoturi ta’ proġetti individwali jattiraw finanzjament b’dejn mis-settur privat fuq medda twila ta’ żmien.

24.6   Il-Kumitat iqis li hemm ħafna aktar x’jista’ jsir fil-livell Ewropew biex jinħoloq l-investiment. Il-Fondi Strutturali disponibbi għandhom jiġu ffokati aktar biex tissaħħaħ il-kompetittività u biex jerġa’ jibda t-tkabbir. Il-fondi tal-UE għandhom ikunu soġġetti għar-riżultati li jiksbu u għall-kompatibbiltà mal-għanijiet tal-Istrateġija UE 2020.

24.7   Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon l-adozzjoni rapida mill-Parlament u l-Kunsill ta’ ftehim dwar iż-żieda fir-rati ta’ kofinanzjament għall-fondi strutturali f’pajjiżi taħt l-assistenza finanzjarja mill-UE, il-BĊE, u l-FMI – sabiex tiġi permessa l-mobilizzazzjoni rapida tal-fondi tal-UE b’appoġġ għat-tkabbir u assorbiment aħjar (7).

24.8   Minħabba l-pressjoni kbira fuq il-baġits nazzjonali u Ewropej, l-Istati Membri u l-leġislaturi Ewropej għandhom jagħmlu għażliet diffiċli u jistabbilixxu prijoritajiet sabiex jinvestu f’‘fatturi li jwasslu għat-tkabbir’ bħalma huma l-edukazzjoni u l-ħiliet, ir-riċerka u l-iżvilupp – innovazzjoni, ambjent, netwerks, eż. internet b’veloċità għolja, l-enerġija u l-konnessjonijiet tat-trasport.

24.9   Għandu jiġi enfasizzat ir-rwol importanti tal-intraprenditorija, l-intraprenditorija soċjali u l-ħolqien tal-intrapriżi – b’mod partikolari tal-SMEs, inklużi l-intrapriżi soċjali – fl-irkupru. Dawn huma forzi mexxejja ewlenin tat-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni intraprenditorjali u l-ħiliet u sors importanti għall-ħolqien tal-impjieg.

24.10   F’ħafna pajjiżi tal-UE, il-qgħad qed jilħaq livelli li ma jistgħux jiġu ttollerati, bi spejjeż soċjali u ekonomiċi enormi. Għal din ir-raġuni, miżuri għall-perjodu qasir u medju ser ikunu essenzjali biex jiffaċilitaw l-aċċess taż-żgħażagħ u n-nisa, it-taħriġ vokazzjonali u t-taħriġ mill-ġdid u biex il-ħaddiema li jkunu tkeċċew mis-suq tax-xogħol minħabba l-kriżi jerġgħu jidħlu fih. Fl-UE, qabel l-2020 iridu jkunu nħolqu 17,6 miljun impjieg.

C.    ENFASI WISQ QAWWIJA FUQ IL-KONSOLIDAZZJONI FISKALI

25.   Il-Kumitat jaqbel kompletament li hemm bżonn ta’ konsolidazzjoni baġitarja biex jitranġaw żbilanċi fiskali qawwijin u terġa’ titrabba l-fiduċja. Madankollu, il-Kumitat jinsab imħasseb dwar il-piż tqil li ngħata lill-miżuri ta’ awsterità fil-patt fiskali. Għandha ssir valutazzjoni tal-impatt soċjali effettiva ta’ dawn il-miżuri u għandu jsir kull sforz biex jiġi żgurat li dawn ma jżidux ir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali. Il-Kumitat iqis li jeħtieġ li jintlaħaq bilanċ tajjeb bejn il-konsolidazzjoni fiskali u t-tkabbir. Id-dixxiplina fiskali waħidha u l-awsterità mhumiex biżżejjed biex l-UE titqiegħed f’direzzjoni sostenibbli. Jekk sa ċertu punt tinħtieġ l-awsterità, mela l-miżuri jeħtieġ li jkunu soċjalment ekwilibrati, u għandhom iqisu l-mod kif dawn jaffettwaw il-varji gruppi soċjali. Il-Kumitat jaqbel mad-Direttur Maniġerjali tal-Fond Monetarju Internazzjonali, Christine Lagarde, li wissiet li qtugħ baġitarju f’kull qasam u f’kull kontinent mhu ser jagħmlu xejn ħlief li jżidu l-pressjonijiet tar-riċessjoni.

26.   Il-Kumitat huwa mħasseb li t-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja maqbul minn 25 Stat Membru fit-30 ta’ Jannar mhuwiex ser iġib is-soluzzjoni għal din il-kriżi. Minkejja li jrid iwassal għal aktar konformità mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fil-ġejjieni, ma jikkonċentrax biżżejjed fuq il-bilanċ fiskali, u ma jagħmel l-ebda referenza għas-sistema ta’ twissija bikrija u t-tabella ta’ valutazzjoni mfassla biex tipprevjeni l-iżbilanċi li qed jinġemgħu naħat oħra fl-ekonomija, bħal fis-settur privat, it-telf tal-kompetittività jew il-bżieżaq tal-proprjetà, li kollha kienu fatturi sinifikanti f’din il-kriżi. It-tkabbir ekonomiku huwa parti mis-soluzzjoni u jeħtieġ miżuri stretti speċifiċi biex jitħeġġeġ it-tkabbir, speċjalment f’dawk l-Istati Membri fil-periklu li jaqgħu f’riċessjoni. L-isforzi għall-konsolidazzjoni u r-riformi jridu jimxu id f’id mal-miżuri biex jitħeġġeġ it-tkabbir.

27.   Il-Kumitat huwa mħasseb li s-SAT jitlob għal awsterità miżjuda sabiex jintlaħqu l-miri ta’ konsolidazzjoni baġitarja anki fl-eventwalità ta’ klima makroekonomika li qed tiddeterjora. Dan jisħaq biex l-Istati Membri li jibbenefikaw minn programmi ta’ assistenza finanzjarja “ikomplu jilħqu l-miri baġitarji miftiehma minkejja li jistgħu jinbidlu l-kundizzjonijiet makroekonomiċi”; dan jirrikjedi li l-Istati Membri b’differenza sinifikanti ta’ aġġustament taħt il-proċedura tad-defiċit eċċessiv “iżidu l-isforzi tal-konsolidazzjoni tagħhom u l-possibbiltà ta’ reviżjoni ’l isfel tax-xenarju makroekonomiku ewlieni m’għandhiex għax twassal għal dewmien fil-korrezzjoni tal-iżbilanċi eċċessivi.”

28.   Stabbilizzazzjoni permezz tal-Eurobonds

28.1   L-istituzzjonijiet finanzjarji jinvestu f’bonds tal-gvern li huma mistennija li jkunu mingħajr riskju għall-finijiet tal-karta tal-bilanċ tagħhom; din hija r-raġuni għalfejn attwalment l-istituzzjonijiet jippreferu li jħallu flushom mal-BĊE milli jixtru bonds aktar riskjużi ta’ wħud mill-Istati Membri, b’hekk iħallu s-sistema finanzjarja xotta mil-likwidità.

28.2   Biex dan jingħeleb hemm bżonn li tinbena fortifikazzjoni Ewropea akbar u aktar kredibbli għal kontra l-pressjonijiet tas-suq permezz ta’ rwol aktar sħiħ tal-Bank Ċentrali Ewropew, direttament jew indirettament taħt l-awspiċi tal-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja jew tas-Sistema Monetarja Ewropea.

28.3   Il-Kumitat jagħraf li l-implikazzjonijiet importanti għal periklu morali huma ġenwini u jeħtieġu soluzzjoni; din il-problema, madankollu, hija żgħira meta mqabbla mal-isfaxxar possibbli taż-żona euro. Minħabba li l-Istati Membri mhumiex lesti jkunu garanti għad-djun tal-Istati Membri l-oħra u d-diffikultajiet għall-BĊE biex jaqdi r-rwol tiegħu, il-Kumitat jappella biex b’mod urġenti titqies l-introduzzjoni ta’ bonds ta’ stabbiltà. Wara li l-Kummissjoni ppubblikat Green Paper dwar il-bonds ta’ stabbiltà, il-Kumitat qed jikkunsidra din il-kwistjoni f’opinjoni separata.

D.    ENFASI ĠUSTA FUQ L-IMPLIMENTAZZJONI

29.   L-Istrateġija Ewropa 2020 timmira li tiżgura li l-Unjoni Ewropea tkun tista’ tikkompeti f’kuntest ta’ kompetizzjoni globali li qed tiżdied. Għaldaqstant, il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ lill-Kummissjoni fir-rigward tal-enfasi kbira li qed tqiegħed tul is-SAT kollu fuq in-nuqqas ta’ implimentazzjoni adegwata ta’ riformi fil-livell nazzjonali.

30.   Il-Kumitat jinnota bi tħassib kbir li, minkejja l-urġenza tas-sitwazzjoni, il-progress mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-gwida tas-SAT 2011 huwa inqas milli dak mistenni. Id-deċiżjonijiet meħuda fil-livell tal-UE jieħdu wisq fit-tul biex jiġu inklużi fid-deċiżjonijiet ta’ politika nazzjonali.

31.   Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimplimentaw bis-sħiħ ir-riformi li ħadu impenn għalihom fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom. Dawn iridu jieħdu sjieda tal-bidliet meħtieġa f’termini ta’ governanza ekonomika futura. Dan jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ il-proċess tas-Semestru Ewropew permezz ta’ involviment akbar tal-parlamenti nazzjonali, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata fl-Istati Membri fid-dibattiti u l-monitoraġġ tal-progress ta’ implimentazzjoni tal-PNR.

32.   Il-Kumitat jiddeplora l-fatt li l-impenji stabbiliti fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma 2011 mhumiex biżżejjed biex tintlaħaq il-maġġoranza tal-miri fil-livell tal-UE; fid-dawl tat-tħassib li qed jikber li l-miri tal-Ewropa 2020 mhux ser jintlaħqu, il-Kumitat qed jitlob lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri biex, b’mod partikolari, jirduppjaw l-isforzi tagħhom u jirranġaw dan in-nuqqas li ġie identifikat minn fażi daqshekk bikrija tal-programm u biex jiżguraw li l-gvernijiet, il-partijiet interessati u ċ-ċittadini f’kull pajjiż iħossu li l-programm ta’ riforma huwa tagħhom u jimplimentawh.

33.   Il-KESE jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-Istati Membri kollha, inklużi dawk taħt l-assistenza finanzjarja tal-UE u l-FMI, jikkontribwixxu għall-miri ewlenin skont il-potenzjal tagħhom.

E.    L-IMPORTANZA TAL-ISTĦARRIĠ ANNWALI DWAR IT-TKABBIR U L-PARTEĊIPAZZJONI TAS-SOĊJETÀ ĊIVILI ORGANIZZATA U L-IMSIEĦBA SOĊJALI

34.   Is-SAT huwa l-bażi biex fuqu jinbena l-fehim komuni meħtieġ dwar il-prijoritajiet għal azzjoni fil-livell nazzjonali u tal-UE għall-2012, li mbagħad irid jiġi inkorporat fid-deċiżjonijiet ekonomiċi u baġitarji nazzjonali u fl-abbozzar tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (PNR) u tal-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza mill-Istati Membri.

35.   Għaldaqstant is-SAT għandu rwol politiku importanti u l-Kumitat huwa tal-fehma li m’għandux ikun limitat għal proċess teknokratiku iżda li għandu jqis il-fehmiet tal-Parlament Ewropew u l-partijiet interessati ewlenin bħalma huma s-soċjetà ċivili organizzata u l-imsieħba soċjali.

36.   Fil-kuntest attwali ta’ nuqqas totali ta’ fiduċja fil-mod kif ġiet ittrattata l-kriżi s’issa, u nuqqas totali ta’ fiduċja fl-Unjoni nnifisha, jeħtieġ li l-Ewropa tinvolvi l-popli tagħha. Jeħtieġ li jissaħħaħ id-djalogu soċjali u ċivili fil-livelli kollha sabiex jinbena kunsens vast dwar il-ħtieġa għar-riformi.

37.   Il-miżuri mmirati lejn it-titjib tal-governanza ekonomika Ewropea għandhom jiġu akkumpanjati minn passi li jtejbu l-leġittimità, ir-responsabbiltà u s-sjieda tagħha.

38.   Il-Kumitat jitlob għal involviment aħjar u effettiv tal-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili organizzata fis-Semestru Ewropew: fil-livell tal-UE, fir-rigward tas-SAT u l-abbozzar ta’ rakkomandazzjonijiet skont il-pajjiż, u fil-livell nazzjonali tul il-proċess tal-abbozzar, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-PNR futuri. Għandha tiġi pprovduta informazzjoni dettaljata fil-PNR dwar kemm kienu attivament involuti l-partijiet interessati fil-proċess, u kif ġie meqjus il-kontribut tagħhom.

39.   L-Istrateġija tat-Tkabbir Ewropa 2020 tista’ tinkiseb biss jekk is-soċjetà kollha tħossha impenjata u jekk kull wieħed mill-atturi jassumi r-responabbiltà tiegħu kollha. Fi żmien meta qed jittieħdu deċiżjonijiet importanti li għandhom impatt fuq il-ħajja tal-partijiet interessati kollha, hija iktar u iktar meħtieġa li dawn ikunu titulari konġunti tar-riforma.

40.   Il-Kumitat beħsiebu jibqa’ involut b’mod attiv fil-fażi ta’ implimentazzjoni tal-Istrateġija UE 2020 u s-segwitu tas-SAT 2012. Huwa ser ikompli l-ħidma konġunta man-netwerk tiegħu ta’ KES nazzjonali u organizzazzjonijiet simili sabiex jitjiebu l-konsultazzjoni, il-parteċipazzjoni u l-mobilizzazzjoni tas-soċjetà ċivili organizzata kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali.

IT-TIENI PARTI

IL-PROPOSTI TAL-KUMITAT DWAR IL-PRIJORITAJIET IMRESSQA MILL-KUMMISSJONI EWROPEA

i

Il-Kumitat jappoġġja l-ħames prijoritajiet li, skont il-Kummissjoni, għandhom jiffurmaw il-bażi tal-enfasi politika fl-2012: il-ħidma fuq konsolidazzjoni fiskali divrenzjata li tgħin it-tkabbir; li jerġa’ jibda jsir self normali lill-ekonomija; il-promozzjoni tat-tkabbir u l-kompetittività; l-indirizzar tal-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi; u l-immodernizzar tal-amministrazzjoni pubblika.

ii

Din it-tieni parti tippreżenta għadd ta’ kontributi speċifiċi relatati mal-prijoritajiet imsemmija hawn fuq. Dawn id-dikjarazzjonijiet prinċipalment huma kwotazzjonijiet minn diversi opinjonijiet tal-KESE li ġew adottati mill-Kumitat fl-2011 u jikkostitwixxu segwitu tal-pożizzjoni tal-KESE dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2011 (8) adottat f’Marzu 2011.

1.   Il-ħidma fuq konsolidazzjoni fiskali divrenzjata li tgħin it-tkabbir

1.1   Konsolidazzjoni fiskali

1.1.1

Il-KESE jtenni l-fehmiet tiegħu espressi fl-opinjoni tiegħu stess dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2011 taħt il-punt 1 “L-implimentazzjoni ta’ konsolidazzjoni fiskali rigoruża”, u l-punt 2 “Il-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi”.

1.1.2

Fir-rigward tal-konsolidazzjoni fiskali, kif indikat fil-punti 1.1 u 1.2 tal-opinjoni tiegħu dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2011 (9), il-KESE jemmen li l-kwistjoni tikkonsisti f’li jerġgħu jiġu bbilanċjati mill-ġdid il-finanzi pubbliċi filwaqt li jiġi evitat it-tnaqqis tad-domanda, li jwassal għal riċessjoni li tiġġenera aktar defiċits u jimbotta l-ekonomija Ewropea ’l isfel. Għandhom jiġu stabbiliti programmi għat-tnaqqis tad-dejn b’mod li jkun kompatibbli mal-irkupru ekonomiku u mal-għanijiet fil-qasam soċjali u tax-xogħol li huma stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020.

1.1.3

L-Ewropa teħtieġ issaħħaħ il-governanza ekonomika biex tiggarantixxi d-dixxiplina fiskali f’kull Stat Membru, speċjalment fiż-żona tal-euro. Il-pakkett ta’ riforma li kien hemm qbil dwaru, l-hekk imsejjaħ “six-pack”, flimkien mal-proposti regolatorji l-ġodda u s-semestru Ewropew li jakkumpanjahom għal koordinazzjoni aħjar tal-politiki ekonomiċi u baġitarji u għal sorveljanza mill-qrib min-naħa tal-UE, iridu jiġu implimentati malajr u korrettament.

1.1.4

Madankollu, id-dixxiplina fiskali fl-Istati Membri mhix biżżejjed bħala prerekwiżit għat-tkabbir, l-impjiegi u l-koeżjoni ekonomika u soċjali. Fil-fatt, il-Kumitat jinsab imħasseb li l-kundizzjonijiet attwali għall-ħruġ ta’ bonds ta’ dejn sovran wasslu għal sitwazzjoni fis-suq li tirriskja li ddgħajjef l-istabbiltà u t-tkabbir ġaladarba jerġgħu jissaħħu.

1.1.5

Huwa għal din ir-raġuni li l-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-Green Paper dwar il-vijabbiltà li jiġu introdotti l-Bonds ta’ Stabbiltà. Jemmen li taħt il-kundizzjonijiet ta’ regoli stretti u governanza korrespondenti fil-livell tal-UE sabiex jiġi eskluż ir-riskju morali u tiġi promossa imġiba responsabbli u li hija mistennija min-naħa tal-gvern fl-Istati Membri, il-ġestjoni tad-djun sovrani b’garanziji konġunti fiż-żona tal-euro ser tkun ta’ kontribut importanti sabiex jingħelbu l-problemi akuti kif ukoll is-sitwazzjoni paradossali ta’ awsterità u tkabbir.

1.1.6

Il-progress f’dan il-qasam ser jippermetti wkoll lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iwaqqaf progressivament il-programm tiegħu ta’ xiri ta’ bonds tal-gvern, li attwalment huwa meħtieġ biex l-Istati Membri individwali jkunu jistgħu jerġgħu jiffinanzjaw id-dejn pubbliku. Minflok, il-BĊE jista’ jiddeċiedi li jappoġġja l-bonds il-ġodda ta’ stabbiltà u b’hekk jagħti garanzija addizzjonali lill-aġenti tas-suq, għallinqas fil-fażi tranżitorja.

1.2   Tingħata prijorità lill-infiq li jiffavorixxi t-tkabbir

1.2.1

Il-Kumitat jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu sabiex tingħata prijorità lill-infiq li jiffavorixxi t-tkabbir. B’mod partikolari jrid jiġi żgurat li l-miżuri maħsuba biex jindirizzaw il-kriżi ekonomika u d-dejn sovran ma jikkompromettux l-investiment pubbliku fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Hemm bżonn li l-Istati Membri jiffokaw b’mod partikolari fuq l-investiment pubbliku fl-edukazzjoni, ir-riċerka u t-taħriġ vokazzjonali meta jkunu qed jikkunsidraw il-miri baġitarji tagħhom għal perjodu medju ta’ żmien.

1.2.2

Miżuri ta’ appoġġ pubbliku għar-riċerka u l-innovazzjoni, bi programmi speċifiċi u ddedikati, taw prova li huma ta’ importanza kbira għall-Industriji b’Użu Intensiv tal-Enerġija. Il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill u lill-Parlament biex isaħħu dawn il-programmi, iffokati fuq l-effiċjenza u d-diversifikazzjoni fl-użu tal-enerġija, u jagħmluhom parti permanenti tal-inizjattivi ta’ żvilupp.

1.2.3

Barra minn hekk, meta wieħed iqis il-klima ekonomika diffiċli attwali, il-KESE jirrakkomanda li jsir dejjem iżjed investiment fir-riċerka, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u t-taħriġ, u fl-attivitajiet xjentifiċi li huma applikati għall-industriji b’użu intensiv tal-enerġija. Dawn l-investimenti għandhom jingħataw biżżejjed appoġġ fil-programm qafas li jmiss u għandhom jagħmlu possibbli, mill-inqas, l-iskambju tal-esperjenza u tar-riżultati fil-livell Ewropew. Il-programmi Ewropej u nazzjonali għandhom jiffokaw iżjed fuq ir-riċerka dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-innovazzjonijiet.

1.3   Politiki relatati mas-swieq tax-xogħol u servizzi tal-impjieg attivi

1.3.1

Kif diġà indika l-Kumitat fl-opinjoni tiegħu dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2011 (10), l-“attivazzjoni” tan-nies sabiex ifittxu xogħol, l-ewwel u qabel kollox għandha ssir billi jiġu pprovduti servizzi effiċjenti miċ-ċentri tal-impjieg u mhux daqstant permezz tas-suppost “inċentivi” bil-benefiċċji għall-qgħad. (…) Fis-sitwazzjoni attwali ta’ livelli rekord ta’ persuni qiegħda, il-problema tas-suq tax-xogħol mhix in-nuqqas ta’ forza tax-xogħol b’mod ġenerali iżda n-nuqqas ta’ ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati f’xi Stati Membri, kif ukoll in-nuqqas kbir ta’ impjiegi disponibbli. Għandu jiġi kkunsidrat aktar l-iżvilupp ta’ politika tal-provvista intelliġenti, li tippromovi t-tkabbir u l-innovazzjoni u li tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ aktar impjiegi.

1.3.2

Il-Kumitat enfasizza li s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi għandhom d-dmir li jaqdu rwol aktar attiv fil-politiki tat-taħriġ għall-gruppi mmirati prijoritarji, bħall-persuni b’inqas ħiliet u kwalifiki jew dawk li għandhom impjieg prekarju, jew l-aktar gruppi vulnerabbli, bħall-persuni b’diżabbiltà, il-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien mingħajr impjieg u l-immigranti. Is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi għandhom jaqdu wkoll rwol aktar attiv biex jinsabu l-impjiegi għall-persuni qiegħda fit-tul u biex jiġu żviluppati politiki tal-impjieg attiv u tat-taħriġ vokazzjonali. Ħafna pajjiżi jeħtieġu jestendu b’mod sostanzjali l-appoġġ immirat offrut mill-aġenziji tal-gvern, fejn tingħata attenzjoni speċjali lil dawk li qegħdin ifittxu impjieg u li jinsabu f’pożizzjoni żvantaġġjata.

1.4   Ir-riforma u l-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-pensjonijiet

1.4.1

Filwaqt li jara l-bżonn li s-sistemi tal-pensjonijiet jiġu riformati u modernizzati, il-Kumitat iqis li l-pressjoni fuq l-iskemi tal-pensjoni iktar tinħoloq minħabba n-nuqqas ta’ impjiegi u investiment milli d-demografija. Li huwa meħtieġ huma inizjattivi li jippromovu l-estensjoni tal-ħajja tax-xogħol, li jkunu appoġġjati wkoll minn politiki effettivi tat-tkabbir u l-impjieg. Hija biss politika ġenwina ta’ “tixjiħ attiv”, maħsuba għal parteċipazzjoni miżjuda fit-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja, li tista’ tipproduċi żieda sostenibbli fir-rata tal-impjieg ta’ nies imdaħħla fiż-żmien li jieqfu mix-xogħol kmieni minħabba problemi ta’ saħħa, l-intensità tax-xogħol, it-tkeċċija mix-xogħol qabel iż-żmien, u n-nuqqas ta’ opportunitajiet għal taħriġ jew dħul mill-ġdid fis-suq tax-xogħol. Il-KESE huwa xettiku ħafna wkoll dwar is-siwi tal-posponiment tal-età legali tal-irtirar bħala risposta għall-isfidi demografiċi. Żieda fl-età legali tal-irtirar tista’ żżid pressjoni fuq il-pilastri l-oħra tas-sigurtà soċjali, bħalma huma l-pensjonijiet tal-invalidità jew id-dħul minimu, kif ġara f’xi wħud mill-Istati Membri, tant li l-progress li jkun sar lejn finanzi pubbliċi b’saħħithom ikun falz. Fil-fehma tal-KESE, jidher li hu ħafna iżjed adatt li l-età reali tal-irtirar titqarreb aktar lejn l-età legali attwali.

1.4.2

B’mod aktar speċifiku, il-KESE jemmen li hemm bżonn ta’ bidliet sistematiċi biex il-kundizzjonijiet ta’ xogħol isiru aktar favorevoli għall-persuni mdaħħla fiż-żmien, abbażi ta’ pakkett ta’ miżuri li b’mod partikolari jinkludi: inċentivi għall-kumpaniji biex jinħolqu impjiegi adatti għall-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien u biex tinżamm is-sitwazzjoni ta’ impjieg attwali tal-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien; politika proattiva tas-suq tax-xogħol favur ir-reintegrazzjoni fid-dinja tax-xogħol ta’ persuni qiegħda mdaħħla fiż-żmien li tipprovdi firxa wiesgħa ta’ servizzi ta’ konsulenza u appoġġ għal dawk li qegħdin ifittxu x-xogħol; miżuri li jassiguraw li l-persuni huma fiżikament u mentalment kapaċi li jibqgħu fix-xogħol għal aktar żmien; miżuri li jżidu l-inklużività tal-postijiet tax-xogħol għall-persuni mdaħħla fiż-żmien b’diżabbiltà; miżuri li jżidu r-rieda tal-persuni li jaħdmu għal żmien itwal li għandhom jinkludu attitudni pożittiva fir-rigward tat-tagħlim tul il-ħajja u l-kura preventiva; l-iżvilupp ta’ mudelli tax-xogħol tajbin għas-saħħa li jkunu nnegozjati bejn l-imsieħba soċjali u li jkopru l-karriera kollha tal-persuni; miżuri introdotti mill-intrapriżi, permezz tal-ftehimiet kollettivi jew tal-liġi, sabiex ikun hemm aktar parteċipazzjoni mill-persuni mdaħħla fiż-żmien sabiex ikomplu t-taħriġ; miżuri li jżidu l-kuxjenza dwar il-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien, inklużi kampanji vasti li jżidu l-kuxjenza soċjali sabiex jiġu miġġielda l-istereotipi u l-preġudizzji kontra l-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien u li jagħmlu mit-“tixjiħ” kunċett pożittiv; konsulenza u appoġġ għall-intrapriżi, speċjalment l-SMEs, fl-ippjanar bil-quddiem tal-persunal u l-iżvilupp ta’ organizzazzjoni tax-xogħol adattata għall-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien; il-ħolqien ta’ inċentivi adegwati biex jiġu rreklutati persuni mdaħħla fiż-żmien u biex dan jinżammu fl-impjieg, mingħajr ma jkun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni; il-ħolqien ta’ inċentivi soċjalment aċċettabbli biex il-persuni jżommu impjieg għal żmien itwal għal dawk kollha li jridu jsibu xogħol u huma f’kundizzjoni li jaħdmu, u fejn huwa possibbli jew mixtieq, l-iżvilupp ta’ mudelli innovattivi u attraenti għal tranżizzjoni flessibbli mill-ħajja tax-xogħol għall-irtirar fi ħdan is-sistemi pubbliċi tal-pensjonijiet.

1.4.3

Barra minn hekk, fir-rigward tad-Direttiva 2003/41/KE dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali, il-KESE jirrepeti l-punt 5.7 tal-opinjoni tiegħu dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2011 (11).

1.5   Politiki ta’ taxxa li jgħinu t-tkabbir

1.5.1

Il-KESE jirrepeti l-punt 1.4 tal-opinjoni tiegħu dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2011 (12) fejn jiddikjara li l-piż fiskali għandu jiġi trasferit lejn sorsi oħra ta’ dħul.

1.5.2

Il-KESE huwa tal-fehma li s-settur finanzjarju wkoll għandu jikkontribwixxi għall-isforzi ta’ konsolidazzjoni fiskali b’mod ġust u sostanzjali.

L-introduzzjoni ta’ Taxxa fuq it-Transazzjonijiet Finanzjarji (TTF) fil-livell globali hija preferuta minn TTF fil-livell tal-UE. Madankollu, jekk joħroġ fid-dieher li l-adozzjoni ta’ TTF fil-livell globali mhix vijabbli, imbagħad il-KESE jirrakkomanda l-adozzjoni ta’ TFF fil-livell tal-UE.

1.5.3

Fil-qasam tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT), il-Kumitat japprova mingħajr l-ebda riżerva l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tikkunsidra reviżjoni globali tas-sistema tal-VAT. Għandhom jitnaqqsu l-ispejjeż operazzjonali għall-utenti, il-piżijiet amministrattivi u t-tentattivi ta’ frodi. Problema partikolarment delikata hija t-trattament tat-transazzjonijiet transkonfinali.

1.5.4

Il-KESE jappoġġja u japprova l-Proposta għal Regolament ġdid dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa  (13), neċessarja u utli sabiex jiġi assigurat il-ġbir effettiv tat-taxxa u tiġi miġġielda l-frodi fiskali tas-sisa.

1.5.5

Sabiex titneħħa t-tassazzjoni doppja u tissaħħaħ is-semplifikazzjoni amministrattiva fis-sitwazzjonijiet transkonfinali, il-KESE jirrakkomanda li jitwaqqfu servizzi ta’ punt ta’ waqfa waħda minn fejn iċ-ċittadini jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni, iħallsu t-taxxa u jirċievu ċ-ċertifikati u d-dokumenti meħtieġa għall-użu fl-UE kollha, kif ukoll is-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi applikati għas-sitwazzjonijiet transkonfinali.

1.5.6

F’dan il-kuntest, il-KESE jappella għat-twaqqif ta’ Osservatorju tat-Tassazzjoni Transkonfinali taħt il-patroċinju tal-Kummissjoni Ewropea sabiex, fuq bażi kontinwa, jinkiseb fehim dettaljat u prattiku tal-ostakli fiskali eżistenti u l-iżvilupp tagħhom.

1.5.7

Il-KESE jappoġġja l-proposta għal Bażi għat-Taxxa Korporattiva Konsolidata Komuni (CCCTB) peress li toħloq kundizzjonijiet aħjar għall-intrapriżi li joperaw f’livell transkonfinali.

1.5.8

Il-KESE jistenna li s-CCCTB ser twassal għal tnaqqis konsiderevoli fl-ispejjeż tal-konformità fiskali u t-tneħħija tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fi ħdan l-UE li jiġu kkawżati mil-liġijiet fiskali. B’dan il-mod, is-CCCTB għandha tippromovi kompetizzjoni ġusta u sostenibbli li tħalli impatt pożittiv fuq it-tkabbir u l-impjiegi.

1.5.9

Il-Kumitat jappoġġja r-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija (DTE) li tippermetti lill-Istati Membri, li jixtiequ, ibiddlu parti mit-taxxa fuq ix-xogħol jew fuq il-kapital f’forma oħra ta’ taxxa li tħeġġeġ imġiba li tirrispetta l-ambjent u li twassal għal użu effiċjenti tal-enerġija, b’konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020.

1.5.10

Il-fattur “taxxa fuq is-CO2” jikkomplementa l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (EU ETS).

1.5.11

Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li r-riformulazzjoni tad-DTE mhijiex aktar ambizzjuża u koerenti. Il-Kummissjoni ħadet l-inizjattiva li tinkludi eċċezzjonijiet u derogi fit-test bil-għan li tikkuntenta lil ċerti Stati Membri u ma tiddispjaċix lil oħrajn.

1.5.12

Is-sinjal tal-prezz li jingħata permezz tat-tassazzjoni mhux qed jasal fir-rigward tal-karburant għat-tisħin u dan jista’ jibqa’ l-każ bir-riformulazzjoni tad-DTE.

1.5.13

Xi setturi (bħall-agrikoltura, il-kostruzzjoni, it-trasport pubbliku, eċċ.) jibqgħu totalment jew parzjalment eżentati. Huwa diffiċli li wieħed jara koerenza f’dawn l-eżenzjonijiet kollha, b’mod partikolari għax il-bżonn tagħhom jista’ ma jinftiehemx minn dawk li ma jibbenefikawx minnhom.

2.   Jerġa’ jibda jsir self normali lill-ekonomija

2.1   Sistema finanzjarja b’saħħitha

2.1.1

Huwa importanti li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet serji fir-Regolament u fis-superviżjoni tal-finanzi internazzjonali. L-iżbilanċ dejjem jikber li jeżisti bejn il-privatizzazzjoni tal-profitti u s-soċjalizzazzjoni tat-telf fis-settur finanzjarju jridu jiġu indirizzati kemm jista’ jkun malajr.Iridu jinħolqu kundizzjonijiet ta’ qafas regolatorju sabiex l-intermedjarji finanzjarji jaqdu r-rwol primarju tagħhom li jservu l-ekonomija reali, jipprovdu krediti għal proġetti konkreti u jinvestu fl-assi minflok jirriskjaw fuq l-obbligazzjonijiet. Kwalunkwe appoġġ pubbliku li jingħata lill-istituzzjonijiet finanzjarji jrid ikun akkumpanjat mit-titjib neċessarju fil-governanza korporattiva, bħala l-ewwel pass lejn ir-riforma fundamentali tal-industrija li tappoġġja l-aġenda għat-tkabbir u l-impjiegi.

2.1.2

Il-KESE jaqbel mat-tħassib tal-Kummissjoni fir-rigward tal-fatt li l-appoġġ għal istituzzjonijiet finanzjarji f’diffikultà għad-detriment tal-finanzi pubbliċi u tal-kundizzjonijiet ugwali fis-suq intern mhuwiex aktar aċċettabbli fil-futur. Il-KESE jittama li l-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt tal-ispejjeż, ir-riżorsi umani u r-riformi leġislattivi meħtieġa. Proposta realistika għandha tkun akkumpanjata minn qafas ta’ żmien biex jiġu impjegati r-riżorsi umani, bil-konsiderazzjoni tal-fatt li dawn jistgħu ma jkunux disponibbli minnufih fis-suq.

2.1.3

Il-KESE jirrikonoxxi li l-Kummissjoni Ewropea rreaġixxiet għall-kumplessità dejjem tikber u n-nuqqas ta’ trasparenza fis-sistema finanzjarja. Il-Kumitat għalhekk jappella lill-industrija finanzjarja tapplika l-leġislazzjoni l-ġdida b’mod tajjeb u tagħmel użu mill-awtoregolazzjoni sabiex tħeġġeġ prattiki adatti u onesti u tiffaċilita l-aċċess għal prodotti finanzjarji trasparenti.

2.1.4

Il-KESE jitlob li l-edukazzjoni finanzjarja ssir suġġett obbligatorju fil-kurrikulu tal-iskejjel, u għandha titkompla permezz ta’ programmi ta’ taħriġ u ta’ taħriġ mill-ġdid għall-ħaddiema. Bħala suġġett, l-edukazzjoni finanzjarja għandha tħeġġeġ tfaddil responsabbli u tippromovi prodotti finanzjarji soċjalment responsabbli. L-edukazzjoni finanzjarja li tkun aċċessibbli għal kulħadd tgawdi minnha s-soċjetà kollha.

2.1.5

Il-KESE jtenni l-punt 3.6 tal-opinjoni tiegħu dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2011 (14) u jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattivi dwar il-bejgħ bin-nieqes (short selling) u swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu (credit default swaps). Dan għandu jelimina skemi konfliġġenti u jġib ċarezza lill-qasam tas-swieq finanzarji u ser jagħti lill-awtoritajiet kompetenti s-setgħat li jirrikjedu trasparenza addizzjonali għall-istrumenti koperti mir-Regolament.

2.1.6

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir id-dispożizzjonijiet għal trasparenza fis-suq li minnhom jistenna benefiċċji kbar. Jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rwol regolatorju tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq iżda jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li intervent eċċessiv jista’ jiddestabbilizza s-swieq.

2.1.7

Il-KESE huwa tal-parir li sabiex tiġi stabbilita skema ta’ fondi ta’ riżoluzzjoni bankarja fattibbli, l-Istati Membri għandhom jaqblu minn qabel fuq l-adozzjoni ta’ metodi komuni u regoli uniformi sabiex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

2.1.8

Ix-xenarju makroekonomiku qed jikkawża tħassib kbir. Il-KESE huwa mħasseb li l-fondi ta’ riżoluzzjoni bankarja ser iħallu impatt fuq il-potenzjal ta’ self tas-settur bankarju billi jiddawru r-riżorsi.

2.1.9

Il-KESE jemmen li qabel ma jittieħdu l-passi biex jiddaħħlu l-imposti bankarji, il-Kummissjoni għandha twettaq analiżi bir-reqqa tal-effetti kumulattivi tad-dazji u l-fondi ta’ riżoluzzjoni bankarja. Biex tittieħed deċiżjoni dwar l-introduzzjoni tal-fondi ta’ riżoluzzjoni bankarja jeħtieġ stima ta’ kemm ser tiswa l-iskema kollha kemm hi, sa liema punt ser ikollha impatt fuq il-potenzjal għas-self tal-settur bankarju, u kemm ser jgħaddi żmien qabel ma tkun b’saħħitha biżżejjed qabel ma tilħaq id-daqs immirat. Il-KESE jirrakkomanda li dawn l-istimi jitfasslu fil-kuntest tal-agħar xenarju possibbli.

2.1.10

Il-KESE jilqa’ bis-sħiħ il-fatt li l-proposta għal Regolament tistipula li fil-ġejjieni l-ħlasijiet interbankarji multilaterali għad-debiti diretti ser ikunu pprojbiti għalkollox. B’hekk jinħolqu ċarezza u trasparenza fir-relazzjonijiet kuntrattwali kumplessi li hemm wara l-proċeduri ta’ pagament. Dan huwa fuq kollox ta’ benefiċċju għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju.

2.1.11

Mill-istudju ta’ impatt li sar mill-Kummissjoni ħareġ li l-SMEs ma jkunux partikolarment żvantaġġati mir-rekwiżiti ġodda ta’ kapital iżda l-Kumitat għad għandu d-dubji tiegħu u jitlob li l-Kummissjoni ssegwi mill-qrib l-iżvilupp tas-self tal-banek u t-tariffi tal-banek fir-rigward tal-SMEs. Barra minn hekk, il-KESE jappoġġja r-reviżjoni tal-klassifikazzjoni tar-riskju għas-self lill-SMEs li ser issir mill-Kummissjoni.

2.1.12

Ir-Regolament il-ġdid għandu jiġi bbilanċjat bl-implimentazzjoni ta’ reġimi ta’ rkupru u ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq strumenti bħalma huma t-testmenti waqt il-ħajja. Filwaqt li l-Istat ser ikompli jipprovdi garanziji għal depożiti żgħar, għandu jiġi eliminat ir-riskju morali rrappreżentat mill-appoġġ statali illimitat lill-banek li jkunu fallew. Jekk is-sitwazzjoni tkun ċara biżżejjed, l-investituri, il-kredituri u d-diretturi jkollhom jieħdu responsabbiltà diretta għas-saħħa futura ta’ kull istituzzjoni ta’ kreditu.

3.   It-tħeġġiġ tat-tkabbir u l-kompetittività għal lum u għal għada

3.1   Il-KESE jtenni l-fehmiet tiegħu espressi fl-opinjoni tal-KESE dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, fil-punt 8 “L-isfruttar tal-potenzjal tas-suq uniku”, fil-punt 9 “L-attrazzjoni ta’ kapital privat biex jiffinanzja t-tkabbir” u fil-punt 10 “Il-ħolqien ta’ aċċess kosteffikaċi għall-enerġija”.

3.2   Ir-riċerka u l-innovazzjoni

3.2.1

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa strateġija integrata għar-riċerka u l-innovazzjoni, u tieħu miżuri strutturali addizzjonali fi ħdan il-Kummissjoni u l-korpi konsultattivi li jappoġġjawha, kif ukoll li fl-aħħar iżżid il-baġit futur għar-riċerka u l-innovazzjoni.

3.2.2

Il-KESE jkompli jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħidma politika essenzjali li fl-Ewropa kollha jinħolqu kundizzjonijiet u oqfsa affidabbli li jiffavorixxu l-innovazzjoni u bi flessibbiltà suffiċjenti li jeħilsu lill-inventuri potenzjali u l-proċessi tal-innovazzjoni mill-piż tal-frammentazzjoni u l-ammont eċċessiv ta’ xogħol attwali marbut mal-oqfsa regolatorji u l-burokraziji differenti fis-27 Stat Membru u l-Kummissjoni.

3.2.3

Il-Kumitat jirrakkomanda li jiġu kkonċentrati aktar sforzi sabiex jitneħħa kwalunkwe ostaklu li jopponi jew ifixkel l-introduzzjoni immedjata tal-innovazzjonijiet u l-ħolqien ta’ Unjoni tal-Innovazzjoni. Sabiex jiġi appoġġjat iċ-ċiklu sħiħ tal-innovazzjoni b’mod iktar effettiv, il-Kumitat jappella biex ir-regoli dwar l-għajnuna mill-istat, il-baġits, l-akkwist u l-kompetizzjoni, li jistgħu jkunu ostaklu (15) għal dan il-għan, jiġu riveduti bis-sħiħ f’kooperazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti. Il-kawża ta’ dan hija l-bilanċ u/jew kunflitt possibbli bejn il-liġi tal-kompetizzjoni u l-promozzjoni tal-innovazzjoni. Għal din ir-raġuni, il-liġijiet tal-kompetizzjoni, tal-għajnuna mill-istat, u tal-akkwist pubbliku m’għandhomx jitfasslu u jiġu implimentati b’mod li jsiru ostaklu għall-innovazzjoni; jista’ jkun ukoll li hemm bżonn ta’ riformi. Xi kultant l-innovazzjonijiet jeħtieġu wkoll li jiġu mħarsa sabiex ma jiġux akkwistati minn kompetituri li jixtiequ jwaqqfu l-proċess tal-innovazzjoni.

3.2.4

Il-KESE jilqa’ b’mod partikolari l-fatt li l-innovazzjonijiet qed jinftiehmu u jiġu definiti skont ir-ramifikazzjonijiet vasti tagħhom.

3.2.5

Il-Kumitat jirrakkomanda li l-miżuri ta’ appoġġ, l-appoġġ finanzjarju u l-kriterji tal-prestazzjoni jiġu adattati – fuq naħa – għall-innovazzjonijiet l-aktar inkrimentali li jirrispondu għall-forzi prevalenti tas-suq u l-bżonnijiet soċjali, u – fuq in-naħa l-oħra – għall-innovazzjonijiet aktar radikali li jinfluwenzaw il-forzi tas-suq u joħolqu bżonnijiet soċjali ġodda, iżda li l-ewwel ikollhom jgħaddu minn perjodi partikolarment diffiċli.

3.2.6

Il-Kumitat jenfasizza r-rwol importanti li jaqdu l-SMEs u l-mikrointrapriżi fil-proċess tal-innovazzjoni u jirrakkomanda li dawn jingħataw appoġġ u jkollhom miżuri mfassla b’mod speċifiku sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet partikolari tagħhom. Barra minn hekk, huwa jissuġġerixxi li jiġi kkunsidrat jekk u kif il-kumpaniji li jkunu għadhom jibdew (start ups) jistgħux għal perjodu adatt ta’ żmien jiġu eżentati mill-biċċa l-kbira tal-kundizzjonijiet u l-obbligi tas-soltu u jekk jistgħux jinħolqu inċentivi addizzjonali speċjali għalihom. Dan jgħodd ukoll għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali.

3.3   Is-suq uniku

3.3.1

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-ambizzjoni tal-Kummissjoni biex iżżid it-tkabbir u ssaħħaħ il-fiduċja fis-suq uniku. Il-Kumitat ifakkar li s-suq uniku huwa fattur ċentrali tal-integrazzjoni Ewropea, bil-potenzjal li jwassal benefiċċji li jinħassu b’mod dirett għall-partijiet interessati Ewropej u li jiġġenera tkabbir sostenibbli għall-ekonomiji Ewropej. Fl-ambjent attwali, dan ifisser li suq uniku li jaħdem tajjeb u li huwa orjentat lejn il-ġejjieni mhuwiex biss mixtieq iżda saħansitra essenzjali għall-ġejjieni politiku u ekonomiku tal-Unjoni Ewropea. Sabiex jinkisbu dawn il-benefiċċji, huwa kruċjali li l-proposti tal-Kummissjoni jkunu ambizzjużi u jmorru lil hinn mill-indirizzar ta’ sfidi ta’ livell baxx u ddettaljati biss.

3.3.2

Il-KESE jixtieq itenni l-appell tiegħu għal approċċ olistiku. Filwaqt li jaħseb li l-promozzjoni tat-tkabbir u tal-potenzjal tan-negozju hija essenzjali, il-Kumitat madankollu jħoss li l-proposti għandhom jiffokaw iżjed fuq il-konsumaturi u ċ-ċittadini bħala atturi indipendenti fil-ħolqien tas-suq uniku.

3.3.3

Il-KESE jitlob għal politika ta’ tolleranza żero fejn jidħol in-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE mill-Istati Membri u jfakkar lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li implimentazzjoni inkonsistenti, mhux sħiħa u ttardjata tibqa’ ostaklu ewlieni għal suq uniku li jiffunzjona. Il-Kumitat ikun tabilħaqq sodisfatt li kieku jiġu ppubblikati t-tabelli ta’ korrelazzjoni mill-Istati Membri li jistgħu jikkontribwixxu għal promozzjoni u fehim aħjar tas-suq uniku.

3.4   Is-suq uniku diġitali tal-UE

3.4.1

Fir-rigward tas-suq uniku diġitali tal-UE, il-KESE jtenni l-punt 8.12 tal-opinjoni tiegħu dwar l-Istarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2011, u f’diversi opinjonijiet maħruġa matul l-2011 (16) ikkonferma l-appoġġ b’saħħtu tiegħu għall-implimentazzjoni tal-Aġenda Diġitali fl-Ewropa sabiex jinkisbu l-benefiċċji ekonomiċi u soċjali sostenibbli minn suq uniku diġitali bbażat fuq konnettività ta’ kwalità u veloċità għolja tal-internet, disponibbli bi prezzijiet affordabbli għaċ-ċittadini fl-UE kollha.

3.4.2

F’dan il-kuntest, il-Kumitat jinnota b’sodisfazzjon l-approċċ kreattiv tal-Kummissjoni għall-ftehimiet ta’ investiment konġunt għall-promozzjoni tal-implimentazzjoni tal-broadband veloċi u ultraveloċi, iżda jappella għal miri ta’ konnettività aktar ambizzjużi sabiex l-Ewropa tinżamm kompetittiva globalment. Il-Kumitat jenfasizza l-importanza kruċjali tal-prinċipji tan-“newtralità tan-net” bħala miri politiċi fundamentali fil-livell tal-UE u jappella għal approċċ urġenti u proattiv sabiex dawn il-prinċipji jitnaqqxu fil-liġi tal-UE, u b’hekk jiġi assigurat li l-internet jinżamm miftuħ fl-Ewropa kollha.

3.4.3

Fir-rigward tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-gvern elettroniku u l-qafas tal-interoperabbiltà, il-KESE jappoġġja l-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni għal forma sostenibbli u innovattiva ta’ gvern elettroniku, u jfakkar li għandhom jinżammu l-impenji li ttieħdu matul il-Konferenza Ministerjali ta’ Malmö fl-2009. Il-Kumitat jesprimi ruħu favur ukoll pjattaforma għall-iskambju ta’ informazzjoni, esperjenzi u kodiċijiet ibbażati fuq softwer ta’ sors liberu kif deskritt fil-Qafas Ewropew ta’ Interoperabbiltà, u jenfasizza li ħafna mill-ostakli attwalment huma riżultat ta’ nuqqas ta’ bażi legali transkonfinali, ta’ differenzi fil-leġislazzjoni nazzjonali u ta’ Stati Membri li jadottaw soluzzjonijiet li huma inkompatibbli ma’ xulxin.

3.4.4

Fir-rigward tat-“tisħiħ tal-kultura diġitali, il-kompetenzi diġitali u l-inklużjoni diġitali”, il-KESE jqis li aċċess inugwali għat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni primarjament huwa estensjoni tal-inugwaljanzi finanzjarji u soċjali u enfasizza li ċ-ċittadini KOLLHA huma intitolati li jifhmu b’mod kritiku l-kontenuti tal-għodod kollha tal-midja. Il-Kumitat huwa tal-fehma wkoll li l-UE u l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-aċċessibbiltà diġitali permezz ta’ taħriġ kontinwu fil-kompetenzi diġitali għal skopijiet ta’ impjieg u/jew personali, kif ukoll għaċ-ċittadinanza, filwaqt li l-aċċess għall-infrastruttura u l-għodod għandu jitqies bħala dritt fundamentali.

3.5   Is-soċjetà tal-informazzjoni

3.5.1

Fir-rigward ir-Regolament il-ġdid dwar ir-roaming, il-KESE qies li t-tnaqqis propost fil-limiti għat-tariffi huwa proporzjonat u adatt sabiex jiġu garantiti d-disponibbiltà u l-aċċess ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali bi prezzijiet li jintlaħqu, filwaqt li jikkostitwixxi pass fid-direzzjoni t-tajba, fi kliem ieħor it-tneħħija, fuq perjodu medju, ta’ kwalunkwe forma speċifika ta’ prezz għar-roaming. Madankollu, il-Kumitat jiddispjaċih li l-proposta tal-Kummissjoni ma kinitx akkumpanjata minn studju tal-impatt tal-miżuri l-ġodda fuq l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet taċ-ċellulari.

3.6   L-enerġija

3.6.1

Il-KESE jħoss li l-effiċjenza tas-swieq transkonfinali tal-enerġija ssaħħaħ is-sigurtà tal-provvista, il-ġestjoni bl-aħjar mod possibbli tal-kriżijiet u t-tnaqqis fir-riskju ta’ żidiet fl-ispejjeż, li dejjem jaqgħu fuq l-utent aħħari. It-titjib gradwali tas-suq intern tal-enerġija jippermetti li jinkiseb tfaddil sinifikanti għall-benefiċċju tan-negozji u l-utenti privati.

3.6.2

Il-KESE jinnota li fis-swieq bl-ingrossa tal-enerġija tal-Unjoni għad hemm kundizzjonijiet mhux uniformi u diskriminazzjonijiet; l-integrazzjoni tas-swieq hija totalment inadegwata, parzjalment minħabba l-iżbilanċ strutturali fin-netwerk iżda b’mod partikolari minħabba l-interkonnessjoni transkonfinali. Għad hemm ostakli kbar li jxekklu l-possibilità ta’ aċċess mhux diskriminatorju għan-netwerk u għall-bejgħ tal-enerġija elettrika.

3.6.3

Il-Kumitat jemmen li huwa essenzjali li jkomplu l-isforzi favur il-bini ta’ Ewropa tal-enerġija, li fiha jitħarsu l-interessi ġenerali tal-Unjoni u tal-konsumaturi, tiġi garantita l-provvista tal-enerġija u jiġu protetti, permezz ta’ politiki mfassla tajjeb li jqassmu l-benefiċċji b’mod ekwu u jiżguraw l-adegwatezza tal-ispejjeż, is-sostenibbiltà soċjali, ambjentali u ekonomika kif ukoll l-integrità tas-suq bħala fattur essenzjali għall-iżvilupp tal-ekonomija soċjali tas-suq.

3.6.4

Il-KESE jappella li jiġi adottat approċċ integrat bejn il-politiki interni u esterni u l-politiki relatati bħal dik tal-viċinat jew dawk marbutin mal-ħarsien tal-ambjent. Għandu jintemm l-unilateraliżmu fl-enerġija permezz ta’ politika komuni b’saħħitha dwar is-solidarjetà tal-enerġija, ibbażata fuq id-diversifikazzjoni, fuq taħlita ta’ tipi ta’ enerġija adattata għall-kundizzjonijiet u l-karatteristiċi ta’ kull Stat Membru, iżda l-aktar fuq is-sostenibbiltà ambjentali.

3.6.5

Fir-rigward tal-kontribut tal-enerġija għat-tkabbir, il-KESE:

josserva li l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-iffrankar tal-enerġija jiddependu l-iżjed minn azzjoni min-naħa taċ-ċittadini, in-negozji u l-ħaddiema u t-tibdil fl-imġiba tagħhom,

jenfasizza li l-iffrankar tal-enerġija għandu jippromovi l-iżvilupp ekonomiku, il-benesseri soċjali u l-kwalità tal-għajxien,

jenfasizza l-importanza li jintgħażlu l-istrumenti adatti u huwa tal-fehma li l-ftehimiet volontarji huma utli, filwaqt li hemm bżonn ta’ miżuri obbligatorji f’każ li l-inċentivi pożittivi ma jaħdmux,

jenfasizza l-importanza tal-koġenerazzjoni bħala produzzjoni tal-enerġija b’effiċjenza għolja ħafna,

ma jaqbilx li għandha tiġi stabbilita mira globali nazzjonali vinkolanti fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, iżda jirrakkomanda li l-ħidma kollha tiffoka fuq il-ksib ta’ riżultati konkreti,

jenfasizza l-bżonn li jiġu żgurati l-appoġġ finanzjarju u l-investiment biex isir l-aħjar użu mill-potenzjal kbir li għandhom l-Istati Membri l-ġodda.

3.6.6

B’rabta mal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Enerġija, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni:

tagħmel u tippubblika studju dettaljat taċ-ċertifikati bojod,

tuża miżuri mmirati biex tindirizza każijiet individwali ta’ livell għoli ta’ potenzjal mhux sfruttat fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, u tiżgura wkoll li l-għajnuna mill-Istat, f’każijiet speċifiċi, tista’ tiġi pprovduta,

titlob aċċess żgur għan-netwerk tal-elettriku mill-koġenerazzjoni bil-għan li żżid is-sehem tal-koġenerazzjoni fil-produzzjoni tas-sħana u l-enerġija.

3.6.7

B’rabta mal-miżuri li jsaħħu t-tibdil fl-imġiba, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni:

tpoġġi l-utent tal-enerġija fiċ-ċentru,

issaħħaħ ir-rwol tas-settur pubbliku bħala eżempju li għandu jiġi segwit mill-intrapriżi u l-familji fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija,

tistudja l-imġiba tal-persuni u tadatta l-informazzjoni u l-miżuri għas-sensibilizzazzjoni tagħhom dwar din il-kwistjoni għall-ħtiġijiet tal-gruppi differenti tal-utenti,

tiżgura li l-utenti jibbenefikaw mill-azzjoni,

tipprovdi inċentivi effettivi, fejn meħtieġ, li jitfasslu bir-reqqa; anke inċentivi modesti jistgħu jagħtu riżultati,

il-bennejja kif ukoll il-gvernijiet jiżguraw li l-investimenti addizzjonali fil-bini jiġu riflessi fil-valur,

iżżid u ssaħħaħ l-edukazzjoni u t-taħriġ fis-settur tal-bini,

tippromovi t-taħriġ fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fi ħdan l-amministrazzjonijiet pubbliċi, inkluż l-akkwist pubbliku ekoloġiku,

tistudja l-problemi u, jekk meħtieġ, tirrevedi d-dispożizzjonijiet rigward iċ-ċertifikati dwar il-prestazzjoni tal-enerġija għall-bini u s-sistema l-ġdida tal-ekotikkettar tal-apparat domestiku,

tivvaluta l-effetti tal-utenti tal-enerġija tal-introduzzjoni ta’ arloġġi intelliġenti (smart metering) u tipproponi miżuri oħra għall-ksib ta’ benefiċċji konkreti,

tkompli u tiżviluppa skemi ta’ ftehimiet volontarji fit-tul fil-livell nazzjonali li jaħdmu kif suppost u jiġu applikati wkoll għas-settur pubbliku,

tinvolvi tassew il-partijiet interessati kollha – iċ-ċittadini, l-intrapriżi u l-ħaddiema.

3.6.8

Fil-fehma tal-KESE, hemm bżonn ta’ azzjoni msaħħa fil-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku, li qed jissogra li jeskludi gruppi dejjem akbar ta’ ċittadini (l-ispejjeż relatati mal-għażliet ekoloġiċi jistgħu jkunu kbar, f’termini ta’ tariffi u/jew taxxi ogħla, b’mod partikolari għall-gruppi l-aktar vulnerabbli tal-popolazzjoni), u jeħtieġ li tinġabar l-esperjenza Ewropea sabiex jinħolqu postijiet tax-xogħol “ekoloġiċi” ġodda – effettivi, dejjiema u kompetittivi – u jitnaqqsu l-inugwaljanzi (17), filwaqt li ċ-ċittadini jingħataw “aċċess għas-servizzi tal-enerġija u l-impjiegi li jinħolqu mill-ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju” (18).

3.7   It-trasport

3.7.1

Fir-rigward tal-kontribut tat-trasport għat-tkabbir, il-KESE jaqbel li l-għan li l-emissjonijiet tas-CO2 jitnaqqsu b’60 % sal-2050 indikat fil-White Paper dwar it-Trasport huwa konformi mal-pożizzjoni globali tal-UE dwar il-ħarsien tal-klima u li permezz tiegħu hemm bilanċ bejn il-bżonn li jitnaqqsu malajr l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fis-soċjetà u l-possibbiltà li jintużaw karburanti alternattivi mill-iżjed fis fil-ħidma importanti tas-settur tat-trasport fl-ekonomija tal-Unjoni. Il-Kumitat jissuġġerixxi li din il-mira għat-tul proposta fil-Pjan Direzzjonali tkun komplementata b’miri speċifiċi u li jistgħu jitkejlu tul perjodu ta’ żmien medju għat-tnaqqis tad-dipendenza miż-żejt, it-tnaqqis tal-istorbju u tat-tniġġis tal-arja.

3.7.2

Il-Kummissjoni iqis il-bżonn li ssaħħaħ il-kompetittività ta’ modi alternattivi tat-trasport bit-triq. Il-Kumitat jappoġġja dan il-għan, bil-kundizzjoni li jitwettaq permezz tal-promozzjoni ta’ kapaċità u kwalità ogħla tal-ferroviji, tal-passaġġi fuq l-ilmijiet interni u tat-trasport marittimu fuq distanzi qosra kif ukoll servizzi intermodali effiċjenti, u mhux billi jixxekkel l-iżvilupp ta’ servizzi sostenibbli marbuta mat-toroq fi ħdan l-UE.

3.7.3

Fir-rigward tat-trasport fis-suq intern, il-KESE jirrikonoxxi r-rwol kruċjali li jaqdi s-settur tat-trasport bħala fattur għall-kompetittività u l-prosperità, il-bżonn li tinħoloq sistema integrata tat-trasport Ewropew, kif ukoll il-bżonn li tittejjeb is-sostenibbiltà u jiġu promossi modi tat-trasport b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u r-riżorsi, is-sigurtà u l-indipendenza tal-provvista u t-tnaqqis tal-konġestjoni tat-traffiku. Għalhekk, il-KESE jista’ japprova l-enfasi fuq il-ktajjen loġistiċi multimodali u użu aktar effikaċi tal-infrastruttura tat-trasport. Jappoġġja wkoll l-istrateġija tal-Pjan Direzzjonali li jsir rikors għal sehem akbar ta’ miżuri xprunati mis-suq meta mqabbel mal-verżjonijiet preċedenti tal-White Paper.

3.8   L-industrija

3.8.1

Fir-rigward tal-industrija, il-KESE japprova bis-sħiħ l-approċċ olistiku u l-konnessjoni msaħħa bejn il-politiki tal-UE kif ukoll koordinazzjoni profonda fir-rigward tal-industrija bejn l-UE u l-Istati Membri. L-għan huwa settur industrijali Ewropew kompetittiv u sostenibbli fl-ekonomija globali.

3.8.2

Fil-fehma tal-KESE, il-konnessjoni mtejba għandha twassal għal approċċi integrati f’suq intern kompletament żviluppat fi ħdan ekonomija tas-suq soċjali permezz ta’ leġislazzjoni intelliġenti, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, aċċess għall-finanzi, ekonomija li tuża l-enerġija b’effiċjenza u ma tiddependix wisq fuq il-karbonju, politiki fil-qasam tal-ambjent, it-trasport, il-kompetizzjoni u l-impjieg, it-titjib fil-ħiliet u l-kompetenzi, il-kummerċ u kwistjonijiet relatati, u aċċess għall-materji primi.

3.8.3

Minkejja l-progress ċar, il-frammentazzjoni tas-suq intern u n-nuqqas ta’ punt fokali ppersistew parzjalment minħabba d-differenzi fl-approċċi għan-negozju. Wisq drabi tiġi injorata r-rabta bejn it-tkomplija tas-suq intern u l-politiki industrijali. Il-KESE enfasizza b’mod repetut il-ħtieġa li jinħolqu l-kundizzjonijiet it-tajba filwaqt li titqies il-ħtieġa għal oqfsa leġislattivi speċifiċi għas-setturi u l-kwistjonijiet tematiċi, u li jikkunsidraw in-netwerks ta’ valur li għandhom fergħat madwar id-dinja kollha.

3.8.4

Il-politika industrijali tikkonċerna kull xorta ta’ manifattura u servizzi marbutin flimkien. Id-distinzjonijiet bejn is-setturi qed jiċċajpru. L-SMEs qed isiru dejjem aktar importanti kemm f’termini ta’ valur miżjud kif ukoll għall-ħolqien tal-impjiegi. Dawn il-fatturi jirrikjedu leġislazzjoni u/jew regolamentazzjoni orizzontali u settorjali intelliġenti, u miżuri li jakkumpanjawhom. Għandhom jitqiesu l-komplessità tan-netwerks internazzjonali u tal-proċessi ta’ manifattura integrata.

3.9   Is-servizzi

3.9.1

Il-KESE huwa tal-fehma li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-impatt tad-Direttiva tas-Servizzi u dwar il-funzjonament tas-settur tas-servizzi huma prematuri. Id-Direttiva ilha fis-seħħ ftit snin biss. Mhux l-Istati Membri kollha huma sodisfatti bl-istess mod bid-Direttiva u jeħtieġu jimplimentawha fil-leġislazzjoni tagħhom bil-mod tagħhom.

3.9.2

Id-Direttiva tas-Servizzi nibtet mill-kuntest tat-Trattat l-antik li kien għadu jikkunsidra l-interess ekonomiku bħala l-prijorità ewlenija fis-suq intern. Fil-kuntest tat-Trattat ta’ Lisbona, interessi oħra m’għadhomx aktar soġġetti għal-lat ekonomiku, iżda jitqiesu fl-istess livell. Ikun interessanti li tiġi studjata n-natura tar-rabtiet bejn, minn naħa, il-leġislazzjoni adottata u l-ġurisprudenza li żviluppat fl-ambitu tat-Trattat l-antik u, min-naħa l-oħra, it-Trattat il-ġdid.

3.10   Id-dimensjoni tat-tkabbir estern

3.10.1

Fir-rigward tad-dimensjoni tat-tkabbir estern u s-sigurtà tal-materja prima, il-KESE jħeġġeġ politika barranija iktar attiva fir-rigward tas-sigurtà tal-materja prima għall-industrija tal-UE. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu u jilħqu ftehim dwar linji gwida ewlenin dwar id-diplomazija fil-qasam tal-materja prima. Il-ftehimiet ta’ kummerċ bilaterali u d-diplomazija huma verament importanti biex tiġi żgurata l-materja prima kritika għall-industrija bbażata fl-UE. Dawn jirrappreżentaw sfida immedjata u diffiċli għas-servizz diplomatiku tal-UE stabbilit reċentement. Jeħtieġ li jkun hemm mhux biss enfasi diretta fuq l-iżgurar tal-materja prima essenzjali iżda wkoll li jinħoloq ambjent pożittiv għall-interessi tal-UE fil-pajjiżi kkonċernati. Għandu jittieħed vantaġġ mill-fatt li l-UE tinsab fost l-iktar swieq popolari u importanti tad-dinja.

3.10.2

Fir-rigward tas-swieq pubbliċi tal-pajjiżi terzi, il-KESE jemmen li l-UE għandha tkabbar is-setgħa ta’ negozjar biex – fuq il-bażi tal-leġislazzjoni primarja u sekondarja tagħha – ittejjeb l-aċċess għal dawn is-swieq, peress li l-UE fetħet aktar minn 80 % tas-swieq pubbliċi tagħha u l-ekonomiji kbar żviluppati l-oħra fetħu 20 % biss mis-swieq tagħhom.

3.10.3

Il-KESE jappella bil-qawwa lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżguraw, kemm fil-livell intern kif ukoll f’dak internazzjonali, ħarsien aktar effettiv u aktar strateġiku tal-interessi tal-UE fir-rigward tal-aċċess għas-swieq pubbliċi, biex tissaħħaħ il-kredibbiltà dinjija tagħha u l-ħajja fit-tul u l-iżvilupp tal-mudell ekonomiku u soċjali Ewropew.

3.10.4

Bħala komponent estern tal-Istrateġija UE 2020, politika tal-kummerċ tal-UE għandha tiżgura li l-kummerċ jikkontribwixxi tajjeb għal tkabbir sostenibbli - li bħalissa huwa element nieqes biex noħorġu mill-kriżi - filwaqt li tiġi ggarantita s-sostenibbiltà tal-ekonomija soċjali tas-suq u billi jingħata appoġġ lil tranżizzjoni lejn ekonomija li ftit tuża karbonju. Dwar ċerti suġġetti, il-Kumitat iqis li hemm bżonn tiġi ċċarata l-leġislazzjoni attwali, b’mod partikolari fil-qasam tas-sussidji u tal-għajnuna mill-Istat, u li jiġu promossi r-regoli u l-valuri tal-UE billi f’każ ta’ ħtieġa jiġu applikati l-mekkaniżmi tal-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO sabiex isir kontribut għat-tisħiħ tal-ġurisprudenza li tirrifletti aħjar il-kunċett ta’ kompetizzjoni ġusta, l-aktar fil-kuntest tal-pajjiżi emerġenti.

3.10.5

Fir-rigward tal-kummerċ u l-investiment, il-KESE jqis essenzjali li tinżamm is-sigurtà tal-investitur tal-UE, kemm fl-interess tan-negozji tal-UE u kemm f’dawk tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-kompetenza l-ġdida tal-Kummissjoni Ewropea fl-Investiment Barrani Dirett (IBD), li għandha ssaħħaħ is-setgħa tan-negozjar tal-UE u għandha tirriżulta f’li l-UE ssir attur aktar importanti, u tippermetti aċċess aħjar għas-swieq prinċipali tal-pajjiżi terzi filwaqt li tħares l-investituri u b’hekk ittejjeb il-kompetittività internazzjonali tagħna. Fl-istess ħin, il-KESE jinsisti li l-politika tal-kummerċ u l-investiment tal-UE għandha tkun konsistenti mal-politika ekonomika u politiki oħrajn tal-Unjoni, inkluż il-ħarsien tal-ambjent, ix-xogħol deċenti, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u l-iżvilupp. Il-ftehimiet ta’ investiment tal-UE għandhom jirriżultaw f’li jgħaqqdu ambjent ta’ investiment miftuħ ma’ ħarsien effettiv tal-investituri tal-UE u f’li jiżguraw li dawn ikollhom flessibbiltà operattiva fil-pajjiżi li fihom qed jinvestu. Għal dan il-għan, il-Kumitat iħeġġeġ lill-UE sabiex tieħu din l-opportunità biex ittejjeb u taġġorna l-ftehimiet ta’ investiment li qed tinnegozja, filwaqt li tibni fuq il-vantaġġi tagħha iktar milli timita dawk ta’ ħaddieħor. L-UE għandha bżonn tħares lejn l-iżviluppi reċenti fil-leġislazzjoni internazzjonali tal-investiment, kif ukoll fil-politika u l-prattika tal-investiment (fosthom l-arbitraġġ investitur-stat) b’għajn kritika, biex tiżgura li l-mod kif qed taħseb u l-approċċ tagħha dwar it-trattati ta’ investiment futuri u l-kapitli ta’ investiment fil-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles ikunu kemm fl-avangwardja kif ukoll sostenibbli.

3.10.6

Fil-fehma tal-KESE, għandu jitħaffef il-proċess tal-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs bil-għan li jiżdied l-aċċess tagħhom għas-swieq ġodda u, għalhekk, il-kapaċità tagħhom għall-ħolqien tal-impjiegi.

3.10.7

Ftehimiet kummerċjali bilaterali, bħall-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles reċenti mal-Kolombja, il-Perù u l-Korea ta’ Isfel, joffru bosta benefiċċji potenzjali li jistgħu jiġu mill-użu tal-opportunitajiet il-ġodda li dawn joffru, u n-negozji għandhom jingħataw tagħrif adegwat dwarhom. Il-Kumitat jemmen li l-ftehimiet bilaterali għandhom jitqiesu bħala fatturi li huma kompatibbli mal-multilateraliżmu u li eventwalment ser issaħħuh. Kif tistqarr sewwa l-KE, ir-riżq jiddependi mill-kummerċ. Madanakollu l-Kumitat jisħaq fuq il-bżonn ta’ bidla kwalitattiva fl-approċċ lejn din is-sensiela ġdida ta’ negozjati: l-approċċ bilaterali jista’ jippermetti aktar rispett lejn id-differenzi reġjonali u nazzjonali milli jippermettu l-ftehimiet multilaterali li bilfors ikollhom isegwu approċċ aktar ġenerali. Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ dawn il-ftehimiet biex jiġu promossi u mħeġġa l-aċċettazzjoni u l-iżvilupp tal-aħjar prattiki fil-qasam tat-titjib tal-ambjent, il-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli kif ukoll l-iżvilupp ta’ standards soċjali u tal-impjieg ogħla. In-negozjati bilaterali għandhom juru biċ-ċar li l-Ewropa ser tibqa’ tħaddan il-preferenzi kollettivi tagħha fejn jidħlu kwistjonijiet soċjali u fl-oqsma tas-sigurtà tal-ikel u tal-ambjent. Il-kummerċ internazzjonali huwa parti mill-problema u parti mis-soluzzjoni għall-kwistjonijiet tas-sigurtà tal-provvista tal-ikel fil-livell dinji. Ir-regoli tal-kummerċ internazzjonali għandhom jaħdmu favur is-sigurtà tal-ikel, b’mod partikolari fil-pajjiżi l-inqas avvanzati, u jiżguraw li dawn ikollhom aċċess bla dazji għas-swieq tal-pajjiżi żviluppati iżda wkoll tal-pajjiżi emerġenti, b’konformità mal-prinċipju tat-trattament speċjali u differenzjat.

3.10.8

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, is-Sur Antonio Tajani, li jiġi introdott “test tal-kompetittività” qabel ma jiġi ffirmat ftehim ta’ sħubija kummerċjali bejn l-UE u pajjiżi terzi oħra. Barra minn hekk, jaqbel li hemm bżonn li jiġu vvalutati l-effetti tal-inizjattivi ta’ politika l-oħra kollha (bħall-politiki tal-enerġija, il-kummerċ, l-ambjent u dawk soċjali u relatati mal-protezzjoni tal-konsumatur) fuq il-kompetittività industrijali qabel ma jiġu implimentati.

3.10.9

Sabiex tiżviluppa ekonomija ekoloġika f’ambjent kompetittiv globalizzat u żżomm ir-rwol ta’ tmexxija tagħha fil-qasam, fl-interess tagħha stess u tal-klima, l-Ewropa għandha tibqa’ ambizzjuża ħafna fil-qasam tat-tnaqqis progressiv tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Il-Kumitat jipproponi li jiġu żviluppati valutazzjonijiet tal-impatt (fuq il-kompetittività, l-impjieg u l-ambjent) u li jiġu organizzati dibattiti pubbliċi sabiex jiġu antiċipati t-tranżizzjonijiet bejn l-2020 u l-2050 u biex il-proġettazzjonijiet tal-atturi ekonomiċi u dawk taċ-ċittadini jiġu stabbilizzati.

3.11   Il-mobilizzazzjoni tal-baġit tal-UE għat-tkabbir u l-kompetittività

3.11.1

Il-KESE jemmen li minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja u s-sensiela ta’ defiċits li qegħdin dejjem jikbru fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, l-Unjoni Ewropea bħalissa m’għandhiex il-mezzi baġitarji biex timplimenta l-istrateġija politika tagħha jew l-impenji li għandha b’rabta mat-Trattat ta’ Lisbona.

3.11.2

Il-KESE jħoss li l-baġit Ewropew għandu jissaħħaħ u jkollu effett ta’ lieva. Il-baġits nazzjonali u Ewropej għandhom jikkomplementaw lil xulxin biex jiksbu ekonomiji ta’ skala li jkunu kapaċi jilħqu l-għanijiet politiċi ewlenin tal-UE.

3.11.3

Il-KESE jitlob li l-baġit tal-UE għandu jkun eżemplari mil-lat tal-governanza, l-effikaċja, it-trasparenza u l-kontroll tal-infiq amministrattiv.

3.11.4

Il-KESE huwa tal-fehma li l-kunċett tal-“juste retour” għandu jitwarrab għax imur kontra l-valuri tas-solidarjetà u l-benefiċċju reċiproku tal-integrazzjoni Ewropea. Minflok, għandu jiġi applikat il-prinċipju tas-sussidjarjetà bi trasferiment lejn il-livell Ewropew ta’ dak kollu li jkun tilef is-sens u l-effikaċja fil-livell nazzjonali. Il-KESE jifraħ lill-Kummissjoni Ewropea li pproponiet li jerġa’ jibda jintuża l-prinċipju tar-riżorsi proprji li jistgħu jinħolqu mill-ġdid u li jistgħu jissostitwixxu t-taxxi nazzjonali.

3.11.5

Il-KESE jinsisti dwar livell adegwat ta’ riżorsi finanzjarji privati u pubbliċi għall-kompetittività u l-innovazzjoni sabiex ipattu għat-tnaqqis fil-baġits. Il-KESE jilqa’ bi pjaċir kbir it-tħabbira dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet transkonfinali għall-kapital ta’ riskju, kif ukoll tal-proposti għall-bonds għall-proġetti pubbliċi u privati tal-UE għall-investimenti fl-enerġija, it-trasport u l-ICT. Għandhom jiġu eżaminati bonds għall-proġetti għal oqsma oħra, eż. proġetti ta’ riċerka u ta’ turija. Il-fondi strutturali u ta’ koeżjoni għandhom jiffukaw ukoll fuq miri tal-politika industrijali. Għandhom jiġu żviluppati ideat innovattivi ġodda sabiex il-kapital privat jiġi attirat lejn is-settur industrijali.

3.11.6

Huwa ta’ importanza kbira li jinżammu, u anki jiġu estiżi, ir-riżorsi finanzjarji tal-UE fir-riċerka u l-iżvilupp. Proġetti Ewropej kbar, bħalma huma dawk fil-qasam tal-enerġija u t-twettiq ta’ infrastruttura pan-Ewropea, iffinanzjati b’mod konġunt minn Stat Membru jew aktar, għandhom iwasslu għal effetti ta’ lieva.

3.11.7

F’Ottubru 2010, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar “Politika reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020” (19), li tenfasizza b’mod ċar kemm hu importanti li l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp jiġu żviluppati fl-Unjoni kollha u tisħaq fuq ir-rwol li l-politika reġjonali tista’ taqdi f’dan ir-rigward. Dik il-Komunikazzjoni tenfasizza wkoll l-użu relattivament skars tal-fondi disponibbli għall-innovazzjoni. Għalhekk, il-KESE jara opportunità mitlufa fil-fatt li l-proposta li għamlet il-Kummissjoni fl-2011 li temenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 dwar ċerti dispożizzjonijiet marbuta mal-ġestjoni finanzjarja, għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew huma mhedda b’diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabilità finanzjarja tagħhom (COM(2011) 482 final) ma tipprovdix għal finanzjament ta’ 100 % mill-Unjoni għall-proġetti relatati mal-innovazzjoni, ħaġa li kienet tkun partikolarment vantaġġjuża għall-SMEs.

3.11.8

Il-KESE minn dejjem appoġġja l-programm tan-netwerks tat-trasport trans-Ewropej u jtenni mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għal dan il-programm. Madankollu jinnota li l-ħtiġijiet tal-Ewropa estiża fil-qasam tal-infrastruttura tat-trasport kibru u trid issir riflessjoni dwar kif il-politika u l-istrumenti ta’ implimentazzjoni attwali jridu jiġu adattati għall-isfidi futuri.

3.11.9

Biex il-modi ta’ trasport alternattivi jaslu jokkupaw proporzjon ikbar mis-suq, hemm bżonn ta’ investimenti kbar fl-infrastruttura, inkluż investiment fl-infrastruttura tat-trasport bit-triq. Il-fatt li nirrikorru b’mod ġenerali għal investimenti privati u nollijiet relatati mal-infrastruttura ma jistax jitqies bħala soluzzjoni għal kollox. Kif stqarr f’għadd ta’ opinjonijiet preċedenti, il-Kumitat jaqbel mal-internalizzazzjoni fis-settur tat-trasport. Il-Kumitat jaqbel li b’koerenza mal-prinċipju “min iniġġes iħallas”, l-istrumenti ekonomiċi għandhom jirriflettu l-ispiża vera tat-trasport għas-soċjetajiet tagħna, biex jinfluwenzaw l-imġiba tas-suq f’direzzjoni sostenibbli. F’dan ir-rigward, id-dħul minn dawn it-tariffi addizzjonali għandu jiġi riżervat għall-iżvilupp ta’ transport sostenibbli u biex is-sistema tat-trasport kollha titpoġġa fl-aħjar kundizzjoni biex tinkiseb politika ta’ mobbiltà sostenibbli ġenwina. Id-dħul għandu jinżamm separat ukoll mit-tariffi li ġew stabbiliti għal skopijiet ta’ finanzjar, li huma skont il-prinċipju “min juża’ jħallas”.

3.11.10

Il-KESE jqis li huwa essenzjali li jiġu adottati taħlitiet ta’ politika li jinkludu:

miżuri ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija;

sistemi siguri għall-ġbir u l-ħżin tas-CO2 (CCS);

żvilupp kompetittiv tal-enerġiji rinnovabbli;

bdil tal-impjanti tal-enerġija għall-produzzjoni ta’ enerġija b’livell baxx ta’ karbonju;

miżuri diretti għall-iżvilupp tal-koġenerazzjoni effiċjenti tas-sħana u l-elettriku (combined heat and power production, CHP).

3.11.11

Fir-rigward tat-“tagħmir” tas-suq enerġetiku Ewropew integrat, il-KESE jqis li huwa essenzjali li jiġi stabbilit mingħajr dewmien u b’mod kunsenswali, il-programm għall-investiment fl-oqsma li ġejjin:

in-netwerks intelliġenti u t-titjib tan-netwerks għat-trasmissjoni tal-enerġija;

ir-riċerka u l-iżvilupp ta’ programmi konġunti fl-oqsma tas-sostenibbiltà tal-enerġija, in-nanoxjenzi u n-nanoteknoloġiji, applikazzjonijiet tal-IT għal makrosistemi tan-netwerks, u mikrosistemi għall-użu tal-IT fid-djar;

il-kapaċità li jiġu rregolati sistemi kumplessi u li jiġi pprovdut qafas ta’ referenza stabbli għall-industrija u l-operaturi pubbliċi u privati;

it-tisħiħ ta’ djalogu strutturat u interattiv mal-imsieħba soċjali, il-konsumaturi u l-pubbliku inġenerali.

3.11.12

Il-KESE jappella biex tingħata prijorità lill-proġetti ta’ diversifikazzjoni enerġetika mwettqa fil-pajjiżi Ewropej ġirien, bħall-kuritur enerġetiku tal-UE li jmur mill-Baħar Kaspju sal-Baħar l-Iswed, u b’mod partikolari l-pajp tal-gass Nabucco, l-infrastruttura tal-gass naturali f’forma likwida (LNG), l-interkonnessjoni tan-netwerks tal-elettriku u lit-tlestija tal-konnessjonijiet Ewro-Mediterranji tal-infrastruttura elettrika (Med-ring) u tal-gass, kif ukoll it-twettiq ta’ proġetti ġodda ta’ infrastruttura taż-żejt ta’ interess Ewropew, bħall-proġetti Odessa-Gdańsk, Costanza-Trieste u n-‘Nord Stream’;

4.   L-indirizzar tal-qgħad u tal-konsegwenzi soċjali tal-kriżi

4.1.1

Il-KESE jemmen li l-iktar prerekwiżit importanti biex jinħolqu impjiegi ġodda huwa t-tkabbir ekonomiku stabbli u sostenibbli. Il-KESE bi pjaċir jilqa’ l-fatt li għadd ta’ istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet ressqu proposti għall-ħruġ mill-kriżi li jikkunsidraw id-dimensjoni soċjali tal-irkupru.

4.1.2

Il-Kumitat jemmen li huwa importanti li jiġu żviluppati inizjattivi li jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ setturi bl-għola potenzjal ta’ impjiegi, inkluż fl-ekonomija bl-użu baxx ta’ karbonju li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti (“impjiegi ekoloġiċi”), fis-settur tas-saħħa u dak soċjali (“impjiegi tal-fidda”) u fl-ekonomija diġitali.

4.1.3

Fost l-azzjonijiet prijoritarji, il-KESE jidentifika: l-iżvilupp tal-potenzjal tal-intraprenditorija l-ġdida, b’mod partikolari fost in-nisa, l-impjieg taż-żgħażagħ u l-appoġġ lill-inizjattiva ewlenija “Żgħażagħ attivi”.

4.1.4

Fil-fehma tal-KESE, it-tixrid ta’ kultura intraprenditorjali u tas-sens tal-inizjattiva f’ambjent li jappoġġja lill-intraprendituri, jifhem ir-riskji tas-suq u jagħti importanza lill-kapital uman huwa fundamentali, filwaqt li jiġu rispettati l-ftehimiet kollettivi u l-prattiki nazzjonali.

4.1.5

B’mod partikolari, il-KESE jitlob għat-tnedija ta’ pjan direzzjonali mill-iżjed fis possibbli bil-għan li jiġu żgurati l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-iżvilupp ta’ intrapriżi innovattivi ġodda u għall-appoġġ tal-SMEs attwali biex jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda, li huma meħtieġa biex noħorġu mill-kriżi, u bil-għan li nerġgħu lura għat-tkabbir sostenibbli. Il-miżuri adottati għandhom ikunu programmati fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali, u għandhom jinkludu kemm l-intrapriżi kummerċjali u mhux kummerċjali, kif ukoll dawk tal-ekonomija soċjali. Flimkien ma’ dan il-pjan direzzjonali għandu jiġi previst taħriġ għall-persuni qiegħda u għaż-żgħażagħ biex ikunu jistgħu jsibu impjiegi ġodda.

4.1.6

Il-promozzjoni ta’ impjiegi ekoloġiċi għandha tuża taħlita ta’ miżuri ta’ inċentivi u sanzjonijiet, biex jiġu pprovduti r-riżorsi meħtieġa mingħajr piż żejjed fuq il-finanzi pubbliċi li diġà jinsabu f’qagħda imwiegħra. Il-kwistjoni tar-riżorsi ta’ finanzjament ser tkun kruċjali u jeħtieġ li l-partijiet kollha jkunu involuti, peress li l-Istrateġija UE 2020 u l-programmi ta’ għajnuna ma jistgħux jiffunzjonaw jekk l-Istati Membri ma jkollhomx marġni ta’ flessibbiltà baġitarja. L-intrapriżi li ser jimpenjaw ruħhom biex isaħħu l-kwalità tal-impjiegi u jipproduċu b’mod aktar sostenibbli għandhom jitħeġġu u jiġu sostnuti. Dawn jeħtieġu qafas regolatorju ċar, stabbli u idealment b’regoli li jsir ftehim fuqhom fil-livell globali. Soluzzjoni kondiviża u rapida tal-problema tal-brevett Ewropew bla dubju ser tkun pass fid-direzzjoni t-tajba.

4.1.7

Kif diġà nnota fl-opinjoni tiegħu dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2011, il-Kumitat jemmen li politiki tal-pagi adegwati għandhom rwol ċentrali x’jaqdu fil-ġestjoni tal-kriżi. Li l-pagi jiżdiedu bl-istess ritmu tat-tkabbir tal-produttività u b’mod immirat lejn l-ekonomija nazzjonali kollha ser jiżgura, mil-lat makroekonomiku, li jinsab bilanċ adatt bejn tkabbir suffiċjenti fid-domanda u l-kompetittività tal-prezzijiet. L-imsieħba soċjali, għalhekk, għandhom jaħdmu biex jevitaw it-tnaqqis fil-pagi b’politika tat-tip “beggar-thy-neighbour” u biex il-politika tal-pagi tkun immirata lejn il-produttività. Għal dan il-għan, il-KESE jiċħad b’mod kategoriku s-suġġeriment li jinsab ukoll fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-SAT 2012, li hemm bżonn ta’ intervent fl-iskemi nazzjonali tal-iffissar tal-pagi billi jintalbu, fost affarijiet oħrajn, “miżuri ta’ riforma” għad-deċentralizzazzjoni tan-negozjar kollettiv. Fl-ebda ċirkostanza m’għandu jkompli jkun hemm dubju dwar l-awtonomija tal-imsieħba soċjali u l-libertà tagħhom li jikkonkludu ftehimiet kollettivi, kif ġie spjegat b’mod ċar ħafna fir-Regolament Sixpack Nru 1176/2011 (pakkett ta’ sitt miżuri).

4.1.8

Il-KESE jirrikonoxxi li l-intrapriżi jistgħu jeħtieġu diversi tipi ta’ kuntratti ta’ xogħol. Dan iwassal għal opportunitajiet ġodda tax-xogħol. Iżda b’hekk jinħoloq l-impjieg prekarju b’persuni fuq kuntratti temporanji, b’paga baxxa, ħarsien soċjali ta’ livell baxx u mingħajr protezzjoni tad-drittijiet. Madankollu, mhux kull impjieg temporanju huwa prekarju; il-ħaddiema indipendenti kkwalifikati sew jistgħu jagħmlu qligħ eċċellenti fis-suq tax-xogħol b’dan it-tip ta’ kuntratt. Iżda x-xogħol temporanju fih innifsu huwa prekarju meta jkun fil-qasam ta’ impjieg b’paga baxxa jew li ma jeħtieġx kwalifiki fis-setturi tal-produzzjoni u s-servizzi. Il-flessigurtà tista’ toffri soluzzjoni għall-ħtiġijiet tal-intraprendituri għal xogħol flessibbli, iżda bil-kundizzjoni li din toffri l-vantaġġi tas-sigurtà ta’ livell kumparabbli mas-sigurtà offruta minn impjieg fiss.

4.2   Diskrepanza strutturali bejn il-provvista u d-domanda għax-xogħol

4.2.1

Element essenzjali biex jiġu solvuti l-problemi huwa l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni, in-negozji, l-imsieħba soċjali u l-awtoritajiet pubbliċi, b’mod partikolari fir-rigward tal-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet futuri għall-ħiliet u billi jittieħdu l-inizjattivi rilevanti fir-rigward tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-edukazzjoni vokazzjonali. Il-Kumitat jappella biex jittejbu l-kwalità u l-effiċjenza tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ETV) sabiex isiru iktar attraenti u rilevanti. Li jiġi stabbilit l-għadd ta’ żgħażagħ li jidħlu l-università bħala l-uniku indikatur jagħti impressjoni żbaljata meta tkun qed titfassal il-politika tal-edukazzjoni għax dan huwa biss parzjalment rilevanti għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol f’termini ta’ ħiliet. Is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ iridu jkunu bilanċjati.

4.2.2

B’riżultat tal-iżviluppi demografiċi – it-tixjiħ tal-popolazzjoni u għadd dejjem iżgħar ta’ żgħażagħ deħlin fis-suq tax-xogħol – u l-bidliet teknoloġiċi rapidi fil-proċessi tal-produzzjoni, l-Ewropa qed tiġi mhedda b’nuqqas kbir ta’ persunal kwalifikat. Għalhekk, huwa tal-ikbar importanza li kulħadd ikollu aċċess fit-tul għas-suq tax-xogħol u li ħadd ma jiġi eskluż. Il-KESE jenfasizza li l-ħaddiema jrid ikollhom il-possibbiltà li jżommu l-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom aġġornati u li jiżviluppaw kompetenzi ġodda matul il-ħajja professjonali. B’hekk, il-ħaddiema jkunu kapaċi jadattaw għat-tibdiliet fil-kuntest ta’ xogħlhom u barra minn hekk tkun tista’ tiġi indirizzata d-domanda għal ħaddiema kwalifikati fis-suq tax-xogħol. L-organizzazzjoni ta’ dan il-proċess b’mod tajjeb u effiċjenti hija waħda mill-iktar kompiti importanti li għandha l-UE biex tibqa’ kompetittiva ma’ reġjuni oħra fid-dinja.

4.2.3

Il-KESE jisħaq li l-ħaddiema għandu jkollhom aċċess għall-programmi ta’ taħriġ professjonali. Minħabba li mir-riċerka jidher li l-ħaddiema li għandhom bżonn it-taħriġ l-iktar huma l-inqas li jagħmlu użu minnu, hemm bżonn miżuri differenti għal gruppi ta’ ħaddiema differenti.

4.2.4

Biċċa kbira mill-baġit għandha tkun dedikata għall-ħaddiema bl-inqas kwalifiki għax dawn huma l-iktar li għandhom bżonn it-taħriġ. Dan jista’ jsir bl-għoti ta’ baġits għat-taħriġ lill-ħaddiema individwali fejn l-ammont ikun proporzjonali b’mod invers għal-livell tat-taħriġ b’tali mod li l-ħaddiema bl-inqas kwalifiki jingħataw l-iktar fondi.

4.2.5

Għall-ħaddiema mdaħħla fl-età hemm bżonn politika tal-persunal iktar sensittiva għall-età. F’perjodu fejn f’ħafna Stati Membri tal-UE l-età tal-pensjoni għoliet, ħafna persuni mdaħħla fl-età qed jitilfu xogħlhom fis-suq tax-xogħol qabel ma jilħqu l-età attwali tal-pensjoni, pereżempju għax ma jistgħux ilaħħqu mal-bidliet. It-taħriġ immirat u speċifiku jista’ jikkontribwixxi għas-soluzzjoni ta’ din il-problema.

4.2.6

Huwa ferm importanti li l-edukazzjoni u t-taħriġ ikunu effettivi. Diversi Stati Membri ppruvaw metodi ta’ taħriġ ġodda u iktar effettivi u qed jerġgħu jiskopru l-importanza tal-apprendistat fuq il-post tax-xogħol. Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati iktar dawn it-toroq u jappella lill-Kummissjoni tistimula dan l-iżvilupp billi tieħu ħsieb li jsir skambju tal-prattiki tajbin f’dan il-qasam.

4.3   Nappoġġjaw l-impjieg, speċjalment taż-żgħażagħ u tal-persuni qiegħda fit-tul

4.3.1

Il-KESE jtenni t-talba tiegħu għal għanijiet Ewropej kwantifikabbli għall-impjieg taż-żgħażagħ: b’mod partikolari: 1) għan għal tnaqqis sinifikanti tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, kif ukoll 2) perjodu massimu ta’ erba’ xhur stennija għaż-żgħażagħ li qegħdin ifittxu x-xogħol jew tagħlim. Il-fatt li għanijiet speċifiċi relatati mal-impjieg taż-żgħażagħ tħallew f’idejn l-Istati Membri ma tantx ħalla frott, billi ftit pajjiżi individwali biss fasslu għanijiet rilevanti fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom.

4.3.2

Il-KESE, li kien talab li l-Istati Membri jiggarantixxu li fi żmien erba’ xhur wara li jkunu temmu l-istudji tagħhom iż-żgħażagħ kollha jkollhom impjieg, ikomplu jsegwu xi taħriġ jew inkella jkunu involuti f’miżuri ta’ attivazzjoni, jinsab sodisfatt li t-talba tiegħu ġiet ikkunsidrata fl-inizjattiva ewlenija “Żgħażagħ Attivi”, li tipproponi “Garanzija għaż-Żgħażagħ”.

4.3.3

L-Istati Membri fejn is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol hi partikolarment imwiegħra għaż-żgħażagħ, li fl-istess ħin iridu jiksbu għanijiet baġitarji restrittivi, għandu jkollhom aċċess aktar faċli għall-fondi tal-UE mmirati lejn il-miżuri tal-“Garanzija għaż-Żgħażagħ”. Hemm bżonn li fl-amministrazzjoni jiġu introdotti proċeduri u semplifikazzjonijiet prammatiċi u flessibbli fir-rigward tal-użu tal-fondi, li jinkludu s-sospensjoni temporanja tal-arranġamenti ta’ kofinanzjament nazzjonali għall-interventi tal-FSE u ta’ fondi oħra Ewropej.

4.3.4

Il-KESE diġà enfasizza kemm hu importanti li, minkejja l-valutazzjoni mill-ġdid tal-prijoritajiet baġitarji li l-kriżi ekonomika qed timponi fuq l-Istati Membri kollha tal-UE, ir-riżorsi nazzjonali u Ewropej għall-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali u l-impjiegi taż-żgħażagħ jibqgħu disponibbli u fejn meħtieġ jiżdiedu. Għaldaqstant, il-KESE jitlob li għandu jiġi ggarantit finanzjament suffiċjenti għal inizjattivi speċifiċi għaż-żgħażagħ fil-pjan finanzjarju l-ġdid mill-2014 ’il quddiem.

4.3.5

Taħt ċerti kundizzjonijiet, ċerti pajjiżi tejbu l-aċċess għall-pagamenti f’każ ta’ qgħad għall-gruppi żvantaġġati – inklużi ż-żgħażagħ – waqt il-kriżi. Madankollu, dawn il-miżuri kienu limitati fiż-żmien jew inkella jinsabu fil-periklu li jiġu rtirati fil-kuntest tal-pakketti ta’ awsterità ppjanati. Il-KESE jappella biex b’mod ġenerali jiġu eżaminati mill-ġdid ir-rekwiżiti għall-benefiċċji tal-qgħad li għalihom ikunu intitolati ż-żgħażagħ qiegħda, u li jittejbu l-prospetti ta’ dawk li jkunu qed ifittxu impjieg, imma li qatt ma jkunu ħadu l-benefiċċji. Il-KESE jħeġġeġ ukoll li dawn l-għanijiet jitniżżlu fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma. Dan ikun kontribut sinifikanti għall-ġlieda kontra s-sitwazzjoni prekarja ta’ ħafna żgħażagħ fit-transizzjoni lejn is-suq tax-xogħol.

4.3.6

Mhux biss ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ bejn 15 u 24 sena hija d-doppju ta’ dik fost l-adulti, iżda wkoll il-proporzjon ta’ impjiegi prekarji (li f’xi pajjiżi hu ta’ aktar minn 60 %), iż-żieda ta’ taħriġ vokazzjonali u ta’ apprendistati mhux regolamentati (l-aktar fil-pajjiżi tan-Nofsinhar) kif ukoll l-impjiegi taħt il-livell ta’ kwalifikazzjoni. Il-KESE jwissi kontra soluzzjonijiet instabbli u mingħajr prospetti għall-integrazzjoni fid-dinja tax-xogħol fuq żmien twil: minflok impjiegi prekarji u kuntratti tax-xogħol inċerti, għandhom jiġu implimentati miżuri li jiżguraw li l-impjiegi temporanji u pożizzjonijiet b’pagi baxxi u b’livell baxx ta’ sigurtà soċjali ma jsirux in-norma għaż-żgħażagħ. Fir-rigward tal-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar l-apprendistati, il-KESE jappoġġja qafas Ewropew ta’ kwalità korrispondenti, li għandu jiġi promoss ukoll fl-intrapriżi, sabiex dawn jipproponu impjiegi li jiffavorixxu t-tagħlim u li joffru kuntratti vinkolanti, inkluż liż-żgħażagħ żvantaġġati mil-lat edukattiv. Is-sistema doppja tal-apprendistati b’edukazzjoni u taħriġ ġenerali tat riżultati tajbin f’diversi pajjiżi u ta’ min jeżamina l-possibbiltà li wħud mill-karatteristiċi tagħha jiġu applikati bnadi oħra.

4.3.7

L-istaġnar kontinwu tad-domanda għax-xogħol b’relazzjoni mal-kriżi qed iwassal għal żieda fil-qgħad fit-tul u dan qed iġib miegħu diffikultajiet serji fl-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u b’hekk anke żieda fil-faqar, li titkejjel permezz tal-proporzjon tal-persuni fl-età tax-xogħol jew iżgħar li jgħixu fi djar li m’għandhom l-ebda kuntatt mas-suq tax-xogħol. Il-KESE jirrakkomanda lill-Istati Membri sabiex joqogħdu partikolarment attenti biex joħolqu suq tax-xogħol intermedju fejn ir-riżorsi pubbliċi jintużaw għall-ħolqien ta’ numru adatt ta’ impjiegi adegwati, u b’hekk il-qiegħda fit-tul ikunu jistgħu jżommu l-kuntatt tagħhom mad-dinja tax-xogħol u jtejbu l-ħiliet tagħhom. Permezz ta’ dan, il-faqar fost il-ħaddiema jkun jista’ jiġi evitat u l-ħaddiema jkollhom tranżizzjoni aktar faċli lejn l-ewwel suq tax-xogħol miftuħ fil-perjodu ta’ wara l-kriżi.

4.4   L-intraprenditorija soċjali

4.4.1

L-intrapriżi soċjali huma element ewlieni tal-mudell soċjali Ewropew. Huma jagħtu kontribut importanti lis-soċjetà u jikkontribwixxu għall-miri tal-Istrateġija UE2020 billi joħolqu l-impjiegi, jiżviluppaw soluzzjonijiet innovattivi biex jissodisfaw il-bżonnijiet tal-pubbliku u jsaħħu l-koeżjoni u l-inklużjoni soċjali u ċ-ċittadinanza attiva.

4.4.2

Il-Kumitat jemmen li l-promozzjoni tal-intraprenditorija soċjali, speċjalment fil-klima ekonomika ħarxa attwali, ser tisfrutta l-potenzjal ta’ tkabbir u l-valur soċjali miżjud tagħhom. Sabiex jiġi rilaxxat dan il-potenzjal għandu jiġi żviluppat qafas politiku ambizzjuż b’implimentazzjoni li tinvolvi firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati mis-setturi kollha tas-soċjetà (is-soċjetà ċivili, is-settur privat, is-settur pubbliku) fil-livelli kollha (lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew).

4.4.3

L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jiżguraw li l-intrapriżi soċjali jiġu inklużi u kkunsidrati fl-inizjattivi u l-programmi tal-politika pubblika immirati lejn l-intrapriżi b’termini ugwali għall-forom l-oħra ta’ intrapriżi.

4.4.4

Aċċess aħjar għall-kapital u strumenti finanzjarji adattati huma prijoritajiet għall-intrapriżi soċjali. Il-Kummissjoni għandha tiġbor u taqsam mal-oħrajn il-prattiki tajbin u l-inizjattivi tal-innovazzjoni li diġà jeżistu fl-Istati Membri, bħall-kapital ibridu u l-forom ta’ kooperazzjoni bejn l-investimenti pubbliċi u privati, u tiżgura li l-oqfsa regolatorji attwali tal-UE ma jxekklux l-iżvilupp ta’ strumenti ġodda.

4.4.5

Huwa kruċjali li l-perjodu ta’ programmazzjoni tal-fond strutturali li jmiss jinkludi b’mod espliċitu programmi biex jinbdew u jiġu żviluppati intrapriżi soċjali.

4.4.6

Il-Kummissjoni għandha tniedi eżerċizzju pan-Ewropew biex tqabbel l-approċċi tal-finanzjament pubbliku li huma partikolarment favorevoli għall-intraprenditorija soċjali. Il-Kummissjoni għandha wkoll tħeġġeġ u tivvaluta l-prevalenza ta’ sejħiet għall-offerti b’kunsiderazzjonijiet soċjali u tindirizza l-kwistjoni tal-“gold-plating” fl-akkwist pubbliku. Hija u tivvaluta l-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-eżenzjoni sħiħa tas-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali, jew tipprovdi notifika ta’ eżenzjoni għas-servizzi pubbliċi ż-żgħar u ċerti servizzi soċjali sabiex tħeġġeġ iktar start-ups ta’ intrapriżi soċjali.

4.4.7

Minħabba l-forom legali varjati u l-missjonijiet soċjali speċifiċi tagħhom, f’ċerti Stati Membri jeżistu vantaġġi fiskali. Dawn għandhom jiġu analizzati mill-ġdid u kondiviżi biex jitħeġġeġ l-iżvilupp ta’ regoli adatti.

4.5   Protezzjoni ta’ persuni vulnerabbli

4.5.1

Kif il-Kumitat diġà nnota fl-opinjoni tiegħu dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2011, u kif il-Kummissjoni tirrikonoxxi wkoll b’mod impliċitu, il-benefiċċji soċjali għandhom jitqiesu bħala investiment produttiv li hu ta’ benefiċċju għal kulħadd. Il-benefiċċji tal-qgħad marbuta ma’ politiki dinamiċi tas-suq tax-xogħol jistgħu jistabbilizzaw l-ekonomija u jippromovu l-adattament attiv għat-tibdil permezz tat-titjib tal-kompetenzi u ta’ inizjattivi effikaċi fil-qasam tat-tfittxija tal-impjiegi u tat-taħriġ mill-ġdid. Huwa rakkomandat li tibqa’ tingħata attenzjoni lill-miżuri maħsuba biex il-kriterji tal-eliġibbiltà jsiru aktar stretti. Hemm riskju li l-persuni esklużi jiġu marġinalizzati aktar u dan huwa ostaklu kbir f’termini ta’ integrazzjoni (mill-ġdid) fil-qasam tax-xogħol. Dawn il-politiki ta’ eliminazzjoni jista’ jkollhom effett negattiv peress li jistgħu jipprovokaw ċaqliq lejn setturi oħra tal-protezzjoni soċjali, bħal pereżempju l-għajnuna soċjali jew l-inkapaċità għax-xogħol, u dan mhuwiex mixtieq.

4.5.2

Il-KESE jenfasizza li l-ħaddiema għandhom bżonn ukoll is-sigurtà tad-dħul u l-ħarsien soċjali biex ikunu jistgħu jiffunzjonaw sew mingħajr ansjetà dwar il-futur f’soċjetà li qed tinbidel malajr.

4.5.3

Il-KESE jappella lill-istituzzjonijiet Ewropej biex iżommu l-istandards soċjali Ewropew b’iktar konvinzjoni. In-nuqqas ta’ ħeġġa f’dan il-qasam fost affarijiet oħra qed iwassal għal għadd ikbar ta’ ħaddiema fqar, inugwaljanza dejjem tiżdied, ansjetà dejjem ikbar dwar il-futur u fl-istess ħin dejjem inqas fiduċja min-naħa taċ-ċittadini f’xulxin, fl-istituzzjonijiet soċjali u fil-gvern – mhux biss fir-rigward tal-gvern nazzjonali iżda wkoll fir-rigward tal-istituzzjonijiet Ewropej, kif qed jurina l-Ewroxettiċiżmu dejjem jiżdied f’għadd ta’ Stati Membri.

4.5.4

Fil-fehma tal-KESE, il-miżuri ta’ awsterità ma jistgħux jitħallew iżidu r-riskju tal-faqar u jaggravaw l-inugwaljanzi, li diġà kibru dawn l-aħħar snin. Għandha tingħata attenzjoni sabiex ikun żgurat li l-miżuri li jittieħdu bħala reazzjoni għall-kriżi ma jmorrux kontra l-istimolar tad-domanda u l-impjieg u kontra l-mitigazzjoni tal-impatti soċjali. L-Istati Membri għandhom joqogħdu attenti wkoll li l-miżuri maħsuba biex jegħlbu l-kriżi u d-dejn żejjed tal-gvernijiet ma jipperikolawx l-investiment pubbliku fil-politika dwar is-suq tax-xogħol kif ukoll l-edukazzjoni ġenerali u t-taħriġ vokazzjonali. Il-KESE jitlob valutazzjonijiet effikaċi tal-konsegwenzi soċjali sabiex jiġi analizzat kif jista’ jintlaħaq l-għan tal-UE li mill-anqas 20 miljun persuna joħorġu mill-faqar u mill-esklużjoni soċjali sal-2020.

4.5.5

Il-miżuri ta’ awsterità jolqtu l-aktar lil dawk li jiddependu mit-trasferimenti soċjali tal-Istat, fosthom ukoll dawk li għandhom impjieg prekarju u gruppi żvantaġġati oħrajn fis-suq tax-xogħol. B’mod ġenerali, dawk li huma l-aktar milquta mill-qgħad huma wkoll dawk li għandhom aċċess diffiċli u limitat għas-servizzi ta’ appoġġ. Għaldaqstant, hemm bżonn netwerks ta’ sigurtà soċjali effettivi, sostenibbli u suffiċjenti, li għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-aktar gruppi milquta u soċjalment żvantaġġati fis-suq tax-xogħol.

5.   L-immodernizzar tal-amministrazzjoni pubblika

5.1.1

Dwar l-immodernizzar tal-amministrazzjoni pubblika, fil-fehma tal-KESE, il-governanza tajba tfisser governanza f’bosta livelli u sħubijiet mas-soċjetà ċivili organizzata rappreżentattiva fil-livell reġjonali.

5.1.2

Il-“governanza f’bosta livelli” hija struttura flessibbli ta’ relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni, il-gvernijiet u l-awtoritajiet reġjonali u lokali, adattata skont is-sitwazzjonijiet speċifiċi u l-konsiderazzjonijiet tematiċi aktar milli qafas ġerarkiku ta’ kompetenzi bejn livelli governattivi. Il-governanza tajba hija kkaratterizzata minn relazzjonijiet b’moħħ miftuħ u applikazzjoni inqas stretta tal-prinċipji tas-“sussidjarjetà”.

5.1.3

Is-sħubija hija strument ċentrali ta’ impenn kollettiv u tikkontribwixxi għal effiċjenza aħjar tal-infiq pubbliku u tal-politiki pubbliċi. Forom ġodda ta’ sħubija effettiva jistgħu jkunu strumentali għal dan il-għan. Dawn il-pjattaformi jistgħu jakkumpanjaw l-istrateġija tal-innovazzjoni, bil-parteċipazzjoni u l-għajnuna tal-partijiet interessati kollha, pubbliċi u privati, inklużi l-banek, u b’regoli sempliċi, ċari u effikaċi, li jirregolaw il-proġetti tul iż-żmien kollu tagħhom, u jistabbilixxu l-iskadenzi, ir-responsabbiltajiet u s-sanzjonijiet eventwali.

5.1.4

Il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex iqiegħdu l-prinċipju fundamentali “L-ewwel aħseb fiż-żgħir” tas-Small Business Act (SBA) fil-qalba tad-deċiżjonijiet Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali. Jirrakkomanda wkoll lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex jadottawh bħala l-bażi tal-politiki tagħhom favur l-SMEs kif ukoll tal-politiki ekonomiċi u industrijali tagħhom. Fl-aħħar nett, iqis li l-SBA għandu jieħu forma aktar vinkolanti, b’mod speċjali għall-istituzzjonijiet tal-UE. F’dan il-kuntest, il-KESE huwa kontra l-proposta attwali tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-eżenzjoni tal-SMEs u l-mikrointrapriżi mil-leġislazzjoni tal-UE.

5.1.5

Il-KESE jqis li l-ħatra ta’ Rappreżentanti nazzjonali tal-SMEs (SME Envoys) għandha tgħin lill-Istati Membri japplikaw l-SBA. Il-KESE jirrakkomanda wkoll il-ħatra ta’ Rappreżentanti tal-SMEs fil-livell reġjonali.

5.1.6

L-istadju li jmiss imbagħad ikun “Aġixxi l-ewwel għaż-żgħir”. L-SBA ma jistax ikollu s-suċċess mixtieq mingħajr ma tiġi stabbilita “governanza bi sħubija ġenwina b’diversi atturi u f’diversi livelli”. L-imsieħba ekonomiċi u soċjali kif ukoll l-atturi pubbliċi u privati rappreżentattivi kollha għandhom jiġu involuti fid-diskussjonijiet politiċi u fil-proċess leġislattiv sa mill-bidu nett. Għaldaqstant, il-KESE jitlob li l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-kategoriji differenti ta’ SMEs jieħdu sehem b’mod effettiv fil-proċess leġislattiv u deċiżjonali fil-livelli kollha.

5.1.7

Il-KESE jaqbel mal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar kemm hija rakkomandabbli l-governanza f’diversi livelli u l-governanza aħjar meta jiġu implimentati l-fondi u l-politiki tal-UE. Il-mistoqsija għandha tkun “kif?” mhux “jekk”. L-inizjattivi minn isfel għal fuq (bottom-up) u l-kundizzjonijiet qafas minn fuq għal isfel (top-down) għandhom jiġu rfinati.

5.1.8

Il-Kumitat jinsab partikolarment sodisfatt bil-proposta biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ikbar mill-pubbliku u minn partijiet interessati oħra fl-abbozzar, it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni Komunitarja, b’mod speċifiku billi l-perjodi ta’ konsultazzjoni pubblika jiġu estiżi u billi l-proċedimenti ta’ ksur isiru iktar sempliċi u effettivi.

5.1.9

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-immodernizzar tal-politika tal-UE dwar l-akkwist pubbliku b’livell ogħla ta’ effiċjenza fil-kuntest ta’ suq uniku li jaħdem aħjar u li jkun aktar innovattiv, aktar ekoloġiku, u aktar soċjali. Il-KESE jenfasizza l-impatt u l-importanza li għandhom l-aspetti innovattivi, ambjentali u soċjali tal-Istrateġija Ewropa 2020 anki għall-akkwist pubbliku.

5.1.10

Il-KESE jenfasizza li l-prinċipji tal-ftuħ u t-trasparenza kif ukoll l-effiċjenza, iċ-ċertezza legali, il-valur għall-flus, il-kompetizzjoni, l-aċċessibbiltà għas-suq għall-SMEs u l-professjonijiet liberali, il-proporzjonalità, iż-żieda tal-kuntratti transkonfinali, l-evitar tad-diskriminazzjoni u l-korruzzjoni, u l-ħtieġa ta’ professjonaliżmu jibqgħu validi daqs qabel.

5.1.11

Biex ikun hemm l-aħjar riżultati għal kulħadd, għandha titnaqqas il-burokrazija żejda. Għandha tiġi evitata l-leġislazzjoni kkumplikata u ta’ spiss eċċessiva (l’hekk imsejħa Gold-plating) fl-Istati Membri.

5.1.12

Il-KESE jirrakkomanda analiżi tal-aqwa prattiki u eżempji fl-Istati Membri, segwita minn miżuri għall-ftuħ tas-swieq.

5.1.13

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-interess li wriet il-Kummissjoni fit-tisħiħ tal-proċeduri politiċi, leġislattivi u amministrattivi biex jiġi żgurat li l-liġi Komunitarja tinħoloq u tiġi applikata b’mod iktar razzjonali u adegwat fiċ-ċiklu kollu tal-politika.

5.1.14

Il-KESE jikkunsidra li aspetti bħalma huma l-mod kif jitwettqu l-valutazzjonijiet tal-impatt ex-ante mill-istituzzjonijiet kollha tal-Komunità li huma responsabbli għall-implimentazzjoni tagħhom, in-natura u s-sħubija tal-korp responsabbli għall-monitoraġġ tal-valutazzjoni tal-impatt, il-parametri użati, u l-mezzi u l-modi li bihom tiġi żgurata iktar trasparenza, għandhom jiġu definiti b’mod iktar ċar.

5.1.15

Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva biex jiġu modernizzati l-amministrazzjonijiet pubbliċi billi jitwaqqfu “punti uniċi ta’ kuntatt”, u ma jistax ma jfaħħarx l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni amministrattiva fi kwistjonijiet transkonfinali. Din il-kooperazzjoni trid tiġi estiża wkoll għall-oqsma ta’ politika fejn hemm fin-nofs il-konformità mal-obbligi.

5.1.16

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ttejjeb il-governanza tas-suq uniku permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva akbar, li tiżviluppa s-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI).

5.1.17

Is-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern hija l-għodda teknika prinċipali għall-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali u għandha potenzjal addizzjonali bħala interfaċċja għall-utenti tas-suq uniku.

5.1.18

Il-KESE jemmen li l-IMI jista’ jkollha rwol deċiżiv biex il-kooperazzjoni amministrattiva fis-suq intern tinbidel radikalment u biex tiżgura li din tissodisfa l-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-individwi, in-negozji u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li fil-ġejjieni jista’ jkollhom sehem fl-iżvilupp u t-tħaddim tas-sistema.

Brussell, 22 ta’ Frar 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir: l-avvanz tar-rispons komprensiv tal-UE għall-kriżi COM(2011) 11 finali, ĠU C 132, 3.5.2011, p. 26-38.

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-konklużjoni tal-ewwel semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Gwida għall-politiki nazzjonali fl-2011 u l-2012”, ĠU C 43, 15.2.2012, p. 8-12.

(3)  Ir-Renju Unit u r-Repubblika Ċeka.

(4)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir: l-avvanz tar-rispons komprensiv tal-UE għall-kriżi COM(2011) 11 finali, ĠU C 132, 3.5.2011, p. 26-38.

(5)  Il-Greċja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Portugall u r-Rumanija.

(6)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Pilota għall-Inizjattiva Bonds Ewropa 2020 għall-Proġetti - COM(2011) 660 finali.

(7)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-13 ta’ Diċembru 2011 bil-għan li jiġi adottat ir-Regolament (UE) Nru …/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet marbutin mal-ġestjoni finanzjarja għal ċerti Stati Membri li għaddejin minn diffikultajiet serji marbutin mal-istabbiltà finanzjarja tagħhom jew li jinsabu mhedda mit-tali diffikultajiet – P7_TC1-COD(2011)0209.

(8)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir: l-avvanz tar-rispons komprensiv tal-UE għall-kriżi” COM(2011) 11 final, ĠU C 132, 3.5.2011, p. 26-38.

(9)  ibid.

(10)  ibid.

(11)  ibid.

(12)  ibid.

(13)  Ara COM(2011) 730.

(14)  Ibid.

(15)  ĠU C 218, 11.9.2009, p. 8, punt 4.8.

(16)  Pereżempju l-opinjonijiet ĠU C 107, 6.4.2011, p. 53; ĠU C 376, 22.12.2011, p. 92; ĠU C 318, 29.10.2011, p. 9; ĠU C 24, 28.1.2012, p. 131; ĠU C 24, 28.1.2012, p. 139.

(17)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 65.

(18)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 81.

(19)  Ara d-dokument COM(2010) 553.


Top